|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2417 |
1.12.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2417
tas-27 ta’ Ottubru 2025
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, dwar ir-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq u l-modalitajiet tal-iskambju ta’ informazzjoni li tinsab f’dawk ir-reġistri
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021. |
|
(2) |
Skont l-Artikoli 13(2) u 14(5) tat-Taqsima 1, il-Parti A tal-Anness 31 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq, stabbilit skont l-Artikolu 8(1), il-punt (o), ta’ dak il-Ftehim (il-“Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq”), għandu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet rigward id-data li għandha tkun inkluża fir-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq, kif ukoll il-modalitajiet tal-iskambju ta’ informazzjoni li tinsab f’dawk ir-reġistri. |
|
(3) |
L-Artikolu 6 tat Taqsima 1, il-Parti A tal-Anness 31 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jistabbilixxi kundizzjonijiet dettaljati relatati mar-rekwiżit ta’ reputazzjoni tajba għal operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. B’mod partikolari, il-paragrafi 2 u 3 ta’ dak l-Artikolu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom il-ksur elenkat fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu mġarrab minn operatur jista’ jwassal għal proċedura amministrattiva mill-awtoritajiet kompetenti fil-Parti tal-istabbiliment, u jista’ jwassal għat-telf ta’ reputazzjoni tajba. L-Appendiċi 31-A-1-1 tal-Anness 31 jistabbilixxi wkoll lista tal-aktar seba’ ksur serju. Meta operatur ikun ġarrab penali għal wieħed minn dawn il-każijiet ta’ ksur, l-awtorità kompetenti fil-Parti tal-istabbiliment għandha twettaq u tlesti proċedura amministrattiva. Il-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq għandu jadotta deċiżjoni separata, mehmuża mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2416 (2), dwar lista tal-kategoriji, it-tipi u l-gradi ta’ serjetà ta’ ksur serju li jista’ jwassal għat-telf ta’ reputazzjoni tajba. |
|
(4) |
L-Artikoli 13 u 14 tat-Taqsima 1, il-Parti A tal-Anness 31 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprovdu li kull Parti għandha tistabbilixxi reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq li jkunu ġew awtorizzati jinvolvu ruħhom fil-professjoni ta’ operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, kif ukoll twettaq kontrolli individwali fuq l-impriżi u tiskambja informazzjoni dwar ksur serju mwettaq mill-operaturi fil-Parti l-oħra. Id-data li għandha tkun inkluża fir-reġistru elettroniku nazzjonali, kif ukoll il-modalitajiet tal-iskambju ta’ informazzjoni, għandhom jiġu stabbiliti b’Deċiżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq. |
|
(5) |
L-Unjoni stabbiliet ir-Reġistri Ewropej tal-Impriżi tat-Trasport bit-Triq (ERRU) biex tiffaċilita l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/480 (3). Minħabba li l-Unjoni u r-Renju Unit qablu mal-istess prinċipji bażiċi ta’ aċċess għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq kif ukoll ma’ lista komuni ta’ ksur serju li jista’ jwassal għat-telf ta’ reputazzjoni tajba, huwa xieraq u effiċjenti biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni li tiġi prevista l-konnessjoni teknika tar-Renju Unit mal-ERRU. |
|
(6) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq, peress li l-att previst se jkun vinkolanti għall-Unjoni. |
|
(7) |
Deċiżjoni separata tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq, mehmuża mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2418 (4), se tistabbilixxi l-modalitajiet finanzjarji tal-kontribuzzjoni tar-Renju Unit għall-kostijiet tal-ERRU. |
|
(8) |
Sabiex iż-żewġ Partijiet jitħallew jiżviluppaw l-infrastruttura tal-informazzjoni u tat-teknoloġija tagħhom li tippermetti l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq, huwa xieraq li tiġi stabbilita data ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni. Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ dak il-Kumitat jenħtieġ li tapplika mill-1 ta’ Jannar 2026. |
|
(9) |
Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni ta’ dak il-Kumitat mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’iseml-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq, stabbilit mill-Artikolu 8(1), il-punt (o), tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (il-“Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq”), dwar ir-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq u l-modalitajiet tal-iskambju tal-informazzjoni li tinsab f’dawk ir-reġistri, hija stabbilita fl-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-27 ta’ Ottubru 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
J. JENSEN
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/689/oj).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2416 tas-27 ta’ Ottubru 2025 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, dwar lista tal-kategoriji, it-tipi u l-gradi ta’ serjetà ta’ ksur serju li jista’ jwassal għat-telf ta’ reputazzjoni tajba għal operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (ĠU L, 2025/2416, 1.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2416/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/480 tal-1 ta’ April 2016 li jistabbilixxi regoli komuni li jikkonċernaw l-interkonnessjoni tar-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1213/2010, (ĠU L 87 2.4.2016, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/480/oj).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2418 tas-27 ta’ Ottubru 2025 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, dwar l-ammont u l-modalitajiet tal-kontribuzzjoni finanzjarja tar-Renju Unit għal ċerti sistemi ta’ informazzjoni dwar it-trasport bit-triq ġestiti mill-Unjoni u l-emendar tad-Deċiżjoni Nru 1/2022 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq (ĠU L, 2025/2418, 1.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2418/oj).
ABBOZZ
DEĊIŻJONI NRU …/2025 TAL-KUMITAT SPEĊJALIZZAT GĦAT-TRASPORT BIT-TRIQ STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA, MINN NAĦA WAĦDA, U R-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ, MIN-NAĦA L-OĦRA
ta’ …
dwar ir-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq u l-modalitajiet tal-iskambju tal-informazzjoni li tinsab f’dawk ir-reġistri
IL-KUMITAT SPEĊJALIZZAT GĦAT-TRASPORT BIT-TRIQ,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), u b’mod partikolari l-Artikolu 468(5) u l-Artikoli 13(2) u 14(5) tat-Taqsima 1 tal-Parti A tal-Anness 31 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 463(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi li l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq li jwettqu vjaġġi msemmija fl-Artikolu 462 ta’ dak il-Ftehim jeħtieġ li jkollhom liċenzja valida f’konformità mal-Artikolu 463(2) ta’ dak il-Ftehim. L-Anness 31, il-Parti A, it-Taqsima 1, l-Artikolu 3, il-punt (b) ta’ dak il-Ftehim jipprevedi li operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq irid ikun ta’ reputazzjoni tajba, f’konformità mal-Artikolu 6 tat-Taqsima 1 tal-Parti A tal-Anness 31 ta’ dak il-Ftehim. |
|
(2) |
L-Artikolu 6 tat-Taqsima 1 tal-Parti A tal-Anness 31 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jistabbilixxi kundizzjonijiet dettaljati relatati mar-rekwiżit ta’ reputazzjoni tajba għal operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. B’mod partikolari, il-paragrafi 2 u 3 jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li skonthom il-ksur magħmul minn operatur jista’ jwassal għal proċedura amministrattiva mill-awtoritajiet kompetenti fil-Parti tal-istabbiliment, u jista’ jwassal għat-telf ta’ reputazzjoni tajba. L-Appendiċi 31-A-1-1 jistabbilixxi wkoll lista tal-aktar seba’ ksur serju li jrid iwassal għal proċedura amministrattiva mill-awtorità kompetenti fil-Parti tal-istabbiliment. Id-Deċiżjoni Nru …/2025 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (2) lestiet il-lista ta’ ksur serju li jista’ jwassal għat-telf ta’ reputazzjoni tajba. |
|
(3) |
L-Anness 31, il-Parti A, it-Taqsima 1, l-Artikoli 13 u 14 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedu wkoll li l-Partijiet għandhom jistabbilixxu reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq li jkunu ġew awtorizzati jinvolvu ruħhom fil-professjoni ta’ operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, kif ukoll iwettqu kontrolli individwali fuq l-impriżi u jiskambjaw informazzjoni dwar ksur serju mwettaq mill-operaturi fil-Parti l-oħra. Id-data li għandha tkun inkluża fir-reġistru elettroniku nazzjonali, kif ukoll il-modalitajiet għall-iskambju ta’ informazzjoni, għandhom jiġu stabbiliti b’deċiżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq. |
|
(4) |
L-Unjoni stabbiliet ir-Reġistri Ewropej tal-Impriżi tat-Trasport bit-Triq (ERRU, European Registers of Road Transport Undertakings) biex tiffaċilita l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/480 (3). Minħabba li l-Unjoni u r-Renju Unit qablu mal-istess prinċipji bażiċi ta’ aċċess għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq kif ukoll ma’ lista komuni ta’ ksur, huwa xieraq u effiċjenti biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni li tiġi prevista l-konnessjoni teknika tar-Renju Unit mal-ERRU. |
|
(5) |
Ir-Renju Unit ikkontribwixxa għall-kostijiet tal-iżvilupp tal-ERRU bħala Stat Membru tal-Unjoni. Ir-Renju Unit jenħtieġ li jikkontribwixxi annwalment għall-kostijiet operazzjonali u tal-manutenzjoni tal-ERRU. |
|
(6) |
Sabiex iż-żewġ Partijiet ikunu jistgħu jiżviluppaw l-infrastruttura tal-informazzjoni u t-teknoloġija tagħhom li tippermetti l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, huwa xieraq li tiġi stabbilita data ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta’ Jannar 2026, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Objettiv
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi d-data minima li għandha tkun inkluża fir-reġistru elettroniku nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq u l-kundizzjonijiet għall-iskambju ta’ informazzjoni ta’ din id-data bejn il-Partijiet.
Artikolu 2
Data li tinsab fir-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq u l-kundizzjonijiet tal-aċċess għal din id-data
1. Ir-reġistri elettroniċi nazzjonali msemmija fl-Anness 31, il-Parti A, it-Taqsima 1, l-Artikolu 13(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għandu jkun fihom mill-anqas id-data li ġejja:
|
(a) |
l-isem u l-forma legali tal-impriża tat-trasport bit-triq; |
|
(b) |
l-indirizz tal-istabbiliment tagħha; |
|
(c) |
l-ismijiet tal-maniġers tat-trasport iddeżinjati bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness 31, il-Parti A, it-Taqsima 1, l-Artikolu 3 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni relatati ma’ reputazzjoni tajba u kompetenza professjonali jew, kif xieraq, l-isem ta’ rappreżentant legali; |
|
(d) |
it-tip ta’ awtorizzazzjoni, l-għadd ta’ vetturi li tkopri u, fejn xieraq, in-numru tas-serje tal-liċenzja msemmija fl-Artikolu 463(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u tal-kopji veri ċċertifikati; |
|
(e) |
l-għadd, il-kategorija u t-tip ta’ ksur serju, kif imsemmi fl-Anness 31, il-Parti A, it-Taqsima 1, l-Artikolu 6(2) tal-FKK, li rriżulta f’kundanna jew piena matul l-aħħar sentejn; |
|
(f) |
l-isem ta’ kwalunkwe persuna ddikjarata inkompetenti biex tmexxi l-attivitajiet ta’ trasport ta’ impriża, sakemm ma tkunx ġiet stabbilita mill-ġdid ir-reputazzjoni tajba ta’ dik il-persuna skont l-Anness 31, il-Parti A, it-Taqsima 1, l-Artikolu 6(4) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, u l-miżuri ta’ riabilitazzjoni applikabbli; |
|
(g) |
in-numri ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi għad-dispożizzjoni tal-impriżi skont l-Anness 31, il-Parti A, it-Taqsima 1, l-Artikolu 5(f) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; u |
|
(h) |
il-medda tal-klassifikazzjoni tar-riskju tal-impriża skont il-liġi u/jew il-proċeduri applikabbli f’kull Parti. |
2. Id-data msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 1 għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data personali applikabbli f’kull Parti.
L-awtoritajiet kompetenti f’kull Parti jistgħu jagħżlu li jżommu d-data msemmija fil-punti (e) sa (h) tal-paragrafu 1 f’reġistri separati. F’każijiet bħal dawn, id-data imsemmija fil-punti (e) u (f) tal-paragrafu 1 għandha ssir disponibbli fuq talba jew għandha tkun direttament aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Partit ikkonċernat. L-informazzjoni mitluba għandha tkun ipprovduta fi żmien 5 ijiem ta’ xogħol minn meta tasal it-talba.
Id-data msemmija fil-punti (g) u (h) tal-paragrafu 1 għandha ssir disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti matul il-kontrolli f’ġenb it-triq.
Id-data msemmija fil-punti (e) sa (h) tal-paragrafu 1 għandha tkun aċċessibbli biss għall-awtoritajiet għajr l-awtoritajiet kompetenti meta dawk l-awtoritajiet ikunu debitament ingħataw is-setgħat relatati mas-superviżjoni u mal-impożizzjoni ta’ pieni fis-settur tat-trasport bit-triq u l-uffiċjali tagħhom ikunu ħadu ġurament ta’ segretezza jew ikunu b’xi mod ieħor taħt obbligu formali ta’ segretezza.
3. Data li tikkonċerna impriża li l-awtorizzazzjoni tagħha kienet sospiża jew irtirata għandha tibqa’ fir-reġistru elettroniku nazzjonali għal sentejn mill-iskadenza tas-sospensjoni jew l-irtirar tal-liċenza, u mbagħad għandha titneħħa minnufih.
Data li tikkonċerna kwalunkwe persuna ddikjarata inkompetenti għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq għandha tibqa’ fir-reġistru elettroniku nazzjonali sakemm ir-reputazzjoni tajba ta’ dik il-persuna ma tkunx ġiet stabbilita mill-ġdid skont l-Anness 31, il-Parti A, it-Taqsima 1, l-Artikolu 6(4) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Meta tittieħed tali miżura ta’ riabilitazzjoni jew kwalunkwe miżura li jkollha effett ekwivalenti, id-data għandha titneħħa immedjatament.
Id-data li hemm referenza għaliha fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi għandha tispeċifika r-raġunijiet għas-sospensjoni jew l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet jew id-dikjarazzjoni ta’ inkompetenza, skont il-każ, u t-tul ta’ żmien korrispondenti.
4. Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li d-data kollha li tinsab fir-reġistru elettroniku nazzjonali tinżamm aġġornata u tkun akkurata.
Artikolu 3
Rekwiżiti minimi għad-data li trid tiddaħħal fir-reġistru elettroniku nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq
1. Ir-rekwiżiti minimi għad-data li għandha tiddaħħal fir-reġistri elettroniċi nazzjonali stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti f’kull Parti f’konformità mal-Artikolu 13 tat-Taqsima 1 tal-Parti A tal-Anness 31 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/992/UE (4) u fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2164 (5), kif adattat mill-paragrafi li ġejjin.
2. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw l-adattamenti li ġejjin għall-Anness tad-Deċiżjoni 2009/992/UE:
|
(a) |
Ir-referenza għal “Stat Membru” hija sostitwita b’“Pajjiż” (6). |
|
(b) |
Ir-referenzi għal “liċenzja Komunitarja”, kull fejn iseħħu, huma sostitwiti b’“liċenzja msemmija fl-Artikolu 463(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra”. |
|
(c) |
Fil-każ tar-Renju Unit, l-oqsma li ġejjin ma humiex meħtieġa: “Għadd ta’ persuni impjegati”, u “Klassifikazzjoni tar-riskju”. |
|
(d) |
“L-Artikolu 16(2), il-punt (c), tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009” huwa sostitwit b’ “il-punt (c) tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Nru …/2025 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (*).
|
3. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-oġġett tad-data“Pajjiż tar-Reġistrazzjoni tal-Vettura” msemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2164 għandu, fil-każ tar-Renju Unit, jiġi stabbilit awtomatikament għal “Renju Unit”.
Artikolu 4
Modalitajiet tal-iskambju tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14(3) u (4) tat-Taqsima 1 tal-Parti A tal-Anness 31 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni
1. Ir-Renju Unit u l-Istati Membri tal-Unjoni għandhom jużaw ir-Reġistri Ewropej tal-Impriżi tat-Trasport bit-Triq (ERRU), stabbiliti bir-Regolament (UE) 2016/480 għall-iskambju ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 14 tat-Taqsima 1 tal-Parti A tal-Anness 31 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
2. Ir-Renju Unit għandu jwettaq l-interkonnessjoni tar-reġistru elettroniku nazzjonali tiegħu mal-ERRU f’konformità mal-proċeduri u r-rekwiżiti tekniċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/480 kif adattat mill-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni.
3. Kull Parti għandha tiżgura li l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ din id-Deċiżjoni jitwettaq biss għall-fini tal-verifika tal-konformità mat-Titolu I tal-Intestatura Tlieta tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u mal-Anness 31 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
4. Ir-Renju Unit u kull Stat Membru tal-Unjoni għandhom jaħtru punt ta’ kuntatt tal-ERRU responsabbli għall-iskambju ta’ informazzjoni tal-Parti l-oħra fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 5
Adattamenti għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ERRU
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw l-adattamenti li ġejjin għar-Regolament (UE) 2016/480:
|
1. |
Ir-referenzi għal “Stat Membru”, kull fejn iseħħu, għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal “Pajjiż” (7) u r-referenzi għal “Stati Membri”, kull fejn iseħħu, għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal “Pajjiżi (8)”. |
|
2. |
Referenzi għal “dan ir-Regolament”, kull fejn iseħħu, “Annessi I sa VII ta’ dan ir-Regolament” u “Anness VIII ta’ dan ir-Regolament” għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal “Deċiżjoni Nru …/2025 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (*).
|
|
3. |
Ir-referenzi għal “liċenzja Komunitarja”, kull fejn iseħħu, għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal “liċenzja msemmija fl-Artikolu 463(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra”. |
|
4. |
Fl-Artikoli 1 sa 3 “l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009” u “l-Artikolu 16(5) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009”, huma sostitwiti b’“id-Deċiżjoni Nru …/2025 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (*).
|
|
5. |
Fl-Artikolu 2, “l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009” hija sostitwita b’“l-Anness 31, il-Parti A, it-Taqsima 1, l-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra”. |
|
6. |
Fl-Artikolu 2, il-punt (e), “l-Artikolu 8(8) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009” hija sostitwita b’“l-Artikolu 465(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra”. |
|
7. |
L-Artikoli 6 u 7 ma għandhomx ikunu applikabbli għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
8. |
Fil-punt 1.3 tal-Anness II,
|
|
9. |
Fl-Appendiċi tal-Anness III,
|
|
10. |
Fl-Anness VIII, it-Taqsima 1, “l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009” hija sostitwita b’“l-Anness 31, il-Parti A, it-Taqsima 1, l-Artikolu 12(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra”. |
|
11. |
Fl-Anness VIII, it-Taqsima 2.1, “id-Direttiva 2006/22/KE jew fir-Regolament (KE) Nru 1071/2009” hija sostitwita b’“l-Appendiċi 31-A-1-1 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra u l-Anness tad-Deċiżjoni Nru …/2025 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (*).
|
Artikolu 6
Ammont u modalitajiet tal-kontribuzzjoni finanzjarja tar-Renju Unit
Ir-Renju Unit għandu jikkontribwixxi annwalment għall-kostijiet operazzjonali u tal-manutenzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (ERRU, Internal Market Information System) fil-qafas stabbilit fid-Deċiżjoni Nru …/2025 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq (9).
Artikolu 7
Sospensjoni tal-konnessjoni tar-Renju Unit mal-ERRU
L-Unjoni tista’ tissospendi l-aċċess tar-Renju Unit għall-ERRU jekk ir-Renju Unit ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 6 ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-adozzjoni tagħha.
Din għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2026.
Magħmul fi …, …
Għall-Kumitat Speċjalizzat
għat-Trasport bit-Triq
Il-Kopresidenti
(1) ĠU UE L 149, 30.04.2021, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2021/689(1)/oj.
(2) Id-Deċiżjoni Nru …/2025 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, ta’ …dwar lista tal-kategoriji, it-tipi u l-gradi ta’ serjetà ta’ ksur serju li jista’ jwassal għat-telf ta’ reputazzjoni tajba għal operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (ĠU UE L, …, ELI: …).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/480 tal-1 ta’ April 2016 li jistabbilixxi regoli komuni li jikkonċernaw l-interkonnessjoni tar-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1213/2010, (ĠU UE L 87, 2.4.2016, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/480/oj).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Diċembru 2009 dwar ir-rekwiżiti minimi għad-data li trid tiddaħħal fir-reġistru elettroniku nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq (notifikata bid-dokument numru C(2009) 9959), (ĠU UE L 339, 22.12.2009, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/992/oj).
(5) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2164 tal-11 ta’ Lulju 2024 dwar ir-rekwiżiti minimi li jikkonċernaw id-data li għandha tiddaħħal fir-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq (notifikata bid-dokument C(2024) 4665) (ĠU UE L, 2024/2164, 20.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2164/oj).
(6) Pajjiż jirreferi għal Stat Membru tal-Unjoni Ewropea għall-Unjoni Ewropea, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.
(7) Pajjiż tirreferi għal Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.
(8) Pajjiżi tirreferi kemm għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.
(9) Id-Deċiżjoni Nru …/2025 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, ta’ … dwar l-ammont u l-modalitajiet tal-kontribuzzjoni finanzjarja tar-Renju Unit għal ċerti sistemi ta’ informazzjoni dwar it-trasport bit-triq ġestiti mill-Unjoni u l-emendar tad-Deċiżjoni Nru 1/2022 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq (ĠU UE L, …, ELI: …).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2417/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)