30.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 110/134


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/662

tas-27 ta' April 2018

li taħtar il-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-influwenza avjarja u għall-marda ta' Newcastle u li temenda l-Anness VII tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE

(notifikata bid-dokument C(2018) 2459)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/66/KEE tal-14 ta' Lulju 1992 li tintroduċi miżuri tal-Komunità għall-kontroll tal-marda Newcastle (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 63(2) tagħha;

Billi:

(1)

Id-Direttiva 92/66/KEE (*1) tistipula l-miżuri minimi ta' kontroll li għandhom jittieħdu fil-każ ta' tifqigħa tal-marda ta' Newcastle fil-pollam, fil-ħamiem tat-tlielaq u f'għasafar oħra miżmuma fil-magħluq. L-Artikolu 15 ta' dik id-Direttiva jipprevedi għall-għażla ta' laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-marda ta' Newcastle sabiex iwettaq il-funzjonijiet u d-dmirijiet stipulati f'dak l-Artikolu.

(2)

Id-Direttiva 2005/94/KE tistipula ċerti miżuri preventivi marbuta mas-sorveljanza u d-detezzjoni minn kmieni tal-influwenza avjarja u l-miżuri minimi ta' kontroll li għandhom jiġu applikati fil-każ ta' tifqigħa tal-influwenza avjarja fil-pollam jew f'għasafar oħra miżmuma fil-magħluq. L-Artikolu 51(1) ta' dik id-Direttiva jipprevedi li l-laboratorju msemmi fl-Anness VII(1) tagħha għandu jkun il-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-influwenza avjarja u għandu jwettaq il-funzjonijiet u d-dmirijiet elenkati fl-Anness VII(2) tagħha.

(3)

B'konsegwenza tan-notifika tar-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-influwenza avjarja u għall-marda ta' Newcastle, li bħalissa huma maħtura skont id-Direttivi 92/66/KEE u 2005/94/KE, se jkollhom iwaqqfu l-funzjonijiet u d-dmirijiet tagħhom bħala laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għal dawk iż-żewġ mardiet.

(4)

Fid-dawl tal-espressjoni tal-mardiet, tat-tekniki dijanjostiċi u tal-ħila esperta u t-tagħmir meħtieġ li kollha huma simili ħafna għall-influwenza avjarja u għall-marda ta' Newcastle, jixraq li jiġi maħtur laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għaż-żewġ mardiet.

(5)

Sabiex jiġi evitat kull xkiel fl-attivitajiet tal-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-influwenza avjarja u għall-marda ta' Newcastle, u biex jingħata biżżejjed żmien lil-laboratorju li jkun għadu kif ġie magħżul biex ikun jista' jwettaq bis-sħiħ il-funzjonijiet u d-dmirijiet il-ġodda tiegħu, jixraq li l-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni japplikaw mill-1 ta' Jannar 2019.

(6)

Il-Kummissjoni, b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, ħarġet sejħa għall-għażla u l-ħatra tal-Laboratorju ta' Referenza tal-Unjoni Ewropea għall-influwenza ajvarja u għall-marda ta' Newcastle, filwaqt li qieset il-kriterji tal-kompetenza teknika u xjentifika tal-laboratorju u l-għarfien espert tal-persunal tiegħu.

(7)

Wara t-tlestija tal-proċedura tal-għażla, il-laboratorju magħżul, l-Istituto Zooprofilattico Sperimentale delle Venezie (IZSVe), Legnaro, l-Italja, jenħtieġ li jiġi maħtur bħala l-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-influwenza avjarja u għall-marda ta' Newcastle għal perjodu indeterminat li jibda mill-1 ta' Jannar 2019.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Istituto Zooprofilattico Sperimentale delle Venezie (IZSVe), Legnaro, l-Italja, huwa b'dan maħtur bħala l-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-influwenza avjarja u għall-marda ta' Newcastle.

Artikolu 2

Fl-Anness VII tad-Direttiva 2005/94/KE, il-punt 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.

Il-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni Ewropea għall-influwenza avjarja huwa:

Istituto Zooprofilattico Sperimentale delle Venezie (IZSVe), Legnaro, l-Italja.”

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2019.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' April 2018.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 260, 5.9.1992, p. 1.

(2)   ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(*1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/66/KEE bħalissa qiegħda tiġi allinjata mat-TFUE u mar-Regolament (UE) 2017/625 dwar il-kontrolli uffiċjali.