8.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 235/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 858/2014

tal-4 ta' Awwissu 2014

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ma' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi, fuqha jew li żżid kull sottodiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

B'segwitu għal dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati skont il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' din it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jkun stipulat li l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista', għal ċertu perjodu, tibqa' tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dan il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness tiġi kklassifikata fin-Nomenklatura Magħquda skont il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Awwissu 2014.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Martine REICHERTS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Artikolu (l-hekk imsejħa senniena tas-skieken manwali) b'kejl ta' madwar 27 x 14 x 19 cm, li jikkonsisti f'manku u sapport li fih sistema ta' tisnin b'żewġ stadji (tisnin u illostrar) b'abrassivi ta' djamanti ta' daqs mikron.

Ara l-istampa (*1)

8205 51 00

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u d-diċitura tal-kodiċijiet NM 8205 u 8205 51 00 .

Minħabba l-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, l-artikolu huwa maħsub għal użu domestiku għat-tisnin manwali ta' skieken u xfafar oħrajn. Anki jekk l-artikolu huwa mfassal biex jitqiegħed fuq wiċċ ċatt biex jaħdem, madankollu, jista' jaħdem kompletament jekk jinżamm fl-idejn. Konsegwentement, il-klassifikazzjoni taħt għodod tal-idejn tal-intestatura 8205 hija ġġustifikata.

Għalhekk l-artikolu għandu jiġi kklassifikat skont il-kodiċi NM 8205 51 00 bħala għodda tad-dar.

Image 1

(*1)  L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta' informazzjoni.