|
2.7.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 177/82 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1127
tal-4 ta' Ottubru 2018
dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.45359 — 2017/C (ex 2016/N) li s-Slovakkja qiegħda tippjana li timplimenta għal Jaguar Land Rover Slovakia s.r.o.
(notifikata bid-dokument C(2018) 6545)
(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni ċċitata (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Permezz ta' ittra datata t-12 ta' Mejju 2016, is-Slovakkja nnotifikat lill-Kummissjoni għajnuna għall-investiment reġjonali ta' EUR 125 046 543 fil-forma ta' għotja diretta favur Jaguar Land Rover Slovakia s.r.o. (“il-benefiċjarju”) soġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Jaguar Land Rover Slovakia s.r.o. hija parti mill-Grupp Jaguar Land Rover (2) (“JLR”). |
|
(2) |
Permezz ta' ittra datata l-24 ta' Mejju 2017 (id-“Deċiżjoni tal-ftuħ”) il-Kummissjoni infurmat lis-Slovakkja li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat notifikata u fir-rigward ta' għajnuna addizzjonali possibbli mill-Istat mhux notifikata, u stiednet lis-Slovakkja tissottometti l-kummenti tagħha fi żmien xahar. |
|
(3) |
Permezz ta' ittra tal-20 ta' Lulju 2017 l-awtoritajiet Slovakki ppreżentaw il-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE. |
|
(4) |
Id-Deċiżjoni tal-ftuħ ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3) fit-8 ta' Diċembru 2017. Il-Kummissjoni stiednet lil partijiet interessati oħra jressqu l-kummenti tagħhom fi żmien xahar. |
|
(5) |
L-uniku kumment li l-Kummissjoni rċeviet mingħand partijiet interessati oħra ġie ppreżentat mingħand JLR fid-19 ta' Diċembru 2017. Il-Kummissjoni għaddiet il-kumment lis-Slovakkja fis-17 ta' Jannar 2018. Il-kummenti tas-Slovakkja dwar is-sottomissjoni ta' JLR ġew reġistrati fil-5 ta' Frar 2018. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni fid-9 u fit-23 ta' Frar 2018 li għalihom is-Slovakkja wieġbet fid-9 ta' Marzu u fit-12 u fit-18 ta' April 2018. Il-Kummissjoni bagħtet talba oħra għall-informazzjoni lis-Slovakkja fil-11 ta' Ġunju 2018 li għaliha s-Slovakkja wieġbet fit-3 ta' Lulju 2018. |
|
(7) |
Il-laqgħat bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Slovakki saru fl-10 ta' Ottubru 2017, fis-27 ta' Novembru 2017 u fl-1 ta' Marzu 2018. |
|
(8) |
Il-Kummissjoni rċeviet ittra mingħand JLR datata l-14 ta' Mejju 2018 li għaliha wieġbet permezz ta' ittra tat-22 ta' Mejju 2018. Il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni addizzjonali mingħand JLR fit-2 ta' Lulju 2018. |
|
(9) |
Permezz ta' ittra tat-3 ta' Lulju 2018, is-Slovakkja qablet li din id-Deċiżjoni tiġi adottata u notifikata lis-Slovakkja bl-Ingliż. |
|
(10) |
Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji kemm dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna notifikata u dwar għajnuna addizzjonali possibbli mhux notifikata. Fid-dawl tal-fatt li l-għajnuna addizzjonali possibbli mhux notifikata seta' kellha impatt fuq il-kompatibbiltà tal-għajnuna notifikata, u b'mod partikolari fuq il-proporzjonalità u fir-rigward ta' effett manifestament negattiv, f'din id-Deċiżjoni l-Kummissjoni l-ewwel tivvaluta jekk kienx hemm għajnuna addizzjonali mhux notifikata. Dik il-valutazzjoni hija kruċjali għad-definizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-valutazzjoni tal-kompatibilità. |
2. DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-GĦAJNUNA
2.1. Objettiv tal-għajnuna
|
(11) |
L-awtoritajiet Slovakki biħsiebhom jippromwovu l-iżvilupp reġjonali billi jipprovdu għajnuna reġjonali għal investiment mill-impriża l-kbira JLR għall-bini u għall-attrezzar ta' faċilità għall-manifattura ta' vetturi tal-aluminju tal-ogħla livell f'Nitra, li tinsab fir-reġjun ta' Nitra tas-Slovakkja, żona eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skont Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE, b'limitu massimu standard ta' għajnuna reġjonali ta' 25 % skont il-mappa tal-għajnuna reġjonali Slovakka għall-perjodu ta' żmien mill-1 ta' Lulju 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020 (4). |
2.2. Il-proġett notifikat
|
(12) |
L-għan tal-proġett ta' investiment b'kostijiet ta' investiment eliġibbli proposti ta' EUR 1 406 621 000 f'valur nominali (EUR 1 369 295 298 f'valur kurrenti (5)) huwa li jitwaqqaf impjant ġdid tal-manifattura tal-karozzi b'kapaċità annwali ta' 150 000 vettura fis-“Segment D SUV Premium” (6). L-investiment beda f'Diċembru 2015 u għandu jitlesta fl-2020. L-investiment qiegħed isir f'park industrijali li għadu qed jinbena, il-Park Strateġiku ta' Nitra (“NSP”), fuq art li, fiż-żmien tal-ħolqien tal-NSP fit-8 ta' Lulju 2015, kienet għadha art agrikola fil-biċċa l-kbira tagħha proprjetà privata. Il-proġett huwa mistenni joħloq 2 834 impjieg dirett ġdid. |
|
(13) |
Il-kamp ta' applikazzjoni tal-proġett ta' investiment notifikat, kif propost lill-awtoritajiet Slovakki fl-applikazzjoni formali għall-għajnuna tal-24 ta' Novembru 2015, jirreferi għal kapaċità ta' produzzjoni ta' 150 000 vettura fis-sena. Il-kamp ta' applikazzjoni tal-proġett ta' investiment, kif oriġinarjament propost fl-abbozz tal-applikazzjoni għall-għajnuna ta' JLR li ġie ppreżentat lill-awtoritajiet Slovakki fil-25 ta' Ġunju 2015, kien jirreferi għal investiment b'kapaċità ta' produzzjoni annwali ta' 300 000 vettura li kellu jiġi implimentat f'żewġ fażijiet u jinkludi l-produzzjoni ta' żewġ mudelli addizzjonali li kienu għadhom iridu jiġu deċiżi. Is-Slovakkja spjegat li fil-ħarifa tal-2015 JLR iddeċidiet li tnaqqas il-kamp ta' applikazzjoni inizjali tal-proġett għal impjant b'kapaċità tal-produzzjoni notifikata ta' 150 000 vettura fis-sena. Il-prodott li kellu jiġi manifatturat fil-Fażi 2 fis-sit kien għadu mhux magħruf dak iż-żmien, u kien għad ma hemmx impenn dwar l-espansjoni prevista tal-investiment fil-Fażi 2. |
2.3. Il-benefiċjarju
|
(14) |
Il-benefiċjarju tal-għajnuna mill-Istat huwa Jaguar Land Rover Slovakia s.r.o. Kif deskritt fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, Jaguar Land Rover Slovakia s.r.o. hija 85 % proprjetà ta' Jaguar Land Rover Limited u 15 % proprjetà ta' Jaguar Land Rover Holdings Limited. Jaguar Land Rover Limited hija posseduta kollha minn Jaguar Land Rover Holdings Limited li min-naħa tagħha hija posseduta kollha minn Jaguar Land Rover Automotive plc. L-impriża omm immedjata ta' Jaguar Land Rover Automotive plc hija Tata Motors Limited India (“Tata Motors”). L-attivitajiet kummerċjali ewlenin ta' Tata Motors huma l-manifattura u l-bejgħ ta' vetturi tal-passiġġieri, vetturi kummerċjali, xarabankijiet u kowċis. F'din id-Deċiżjoni t-terminu JLR ma jinkludix lil Tata Motors. |
|
(15) |
L-awtoritajiet Slovakki kkonfermaw u pprovdew informazzjoni li abbażi tagħha l-Kummissjoni vverifikat li JLR u l-kumpanija omm tagħha Tata Motors mhumiex kumpaniji f'diffikultà fis-sens tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' impriżi mhux finanzjarji f'diffikultà (7). |
2.4. Ammont tal-għajnuna u intensità tal-għajnuna
2.4.1. L-għajnuna notifikata
|
(16) |
L-għotja diretta notifikata ta' EUR 129 812 750 f'valur nominali jew ta' EUR 125 046 543 f'valur kurrenti (8) tirreferi għan-nefqa eliġibbli ta' EUR 1 369 295 298 f'valur kurrenti kif imsemmi fil-premessa 12, u b'hekk tikkorrispondi għal intensità ta' għajnuna ta' 9,13 %. L-għajnuna għall-investiment reġjonali notifikata se tingħata mill-baġit nazzjonali tal-Istat. |
2.4.2. L-għajnuna addizzjonali possibbli mhux notifikata
|
(17) |
Fit-taqsima 3.1.2 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qieset li, minbarra l-għajnuna notifikata, is-Slovakkja setgħet tat għajnuna illegali fil-forma ta' żvilupp infrastrutturali, inkluż il-bejgħ ta' art taħt il-prezz tas-suq, fl-NSP u eżenzjoni mill-obbligu tal-ħlas ta' tariffa għat-Trasformazzjoni ta' Art Agrikola (it-“tariffa ALF”). L-entità mqabbda mill-awtoritajiet Slovakki għall-implimentazzjoni tal-NSP hija MH Invest (“MHI”), intrpriża għalkollox tal-Istat li hija kkontrollata, irregolata u ffinanzjata mill-Ministeru għat-Trasport, il-Kostruzzjoni u l-Iżvilupp Reġjonali tas-Slovakkja. L-MHI hija s-sid inizjali tas-siti tal-NSP. L-awtoritajiet Slovakki, permezz tal-ikkummissjonar ta' partijiet terzi min-naħa tal-MHI, qed iwettqu xogħlijiet fuq l-NSP, prinċipalment xogħlijiet preparatorji ta' rimedjazzjoni tal-art, xogħlijiet relatati mal-utilitajiet, konnessjonijiet ferrovjarji u stradali, xogħlijiet ta' difiża kontra l-għargħar u ta' mmaniġġjar tal-ilma ta' taħt l-art. Železnice sloveskej republiky (“Kumpanija Ferrovjarja tas-Slovakkja”), li wkoll hija intrapriża tal-Istat, qiegħda tibni terminal tat-trasport multimodali fl-NSP. Il-kost totali ta' dawk ix-xogħlijiet u ta' dak it-terminal huwa stmat li jlaħħaq madwar EUR 500 miljun. |
|
(18) |
Kif intqal fit-taqsima 3.1.3 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, waħda mill-bidliet għar-Regolament 58 tal-Gvern tar-Repubblika Slovakka tat-13 ta' Marzu 2013 dwar it-tariffi għad-diżapproprjazzjoni u għall-użu mhux awtorizzat ta' art agrikola (9) introduċiet l-hekk imsejħa Eżenzjoni H mit-tariffa ALF li tapplika għall-art mixtrija minn intrapriżi għalkollox tal-Istat li jibnu parks industrijali strateġiċi li huma rikonoxxuti bħala “investimenti sinifikanti” fis-sens tal-Att Nru 175/1999 (10) dwar investimenti sinifikanti (“l-Att dwar Investimenti Sinifikanti”). L-Eżenzjoni H daħlet fis-seħħ fil-31 ta' Ottubru 2015. L-NSP ġie rikonoxxut bħala “investiment sinifikanti” fit-8 ta' Lulju 2015. |
|
(19) |
Il-miżuri ta' għajnuna addizzjonali possibbli mhux notifikati se jingħataw mill-baġit nazzjonali tal-Istat. |
2.5. Tul ta' żmien
|
(20) |
Il-miżura notifikata għandha titħallas bejn l-2017 u l-2021. Il-benefiċjarju huwa mistenni jibbenefika mill-miżuri l-oħra li jistgħu jikkwalifikaw bħala għajnuna mhux notifikata mill-mument tal-ftehim ta' xiri f'dak li għandu x'jaqsam mal-art mixtrija minn JLR u l-eżenzjoni possibbli mit-tariffa ALF u mill-mument tal-iżvilupp infrastrutturali għal infrastruttura barra mill-konfini tal-185 ettaru li JLR xtrat mingħand l-awtoritajiet Slovakki (is-“Sit tal-JLR”). |
3. RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA
|
(21) |
Il-Kummissjoni fetħet l-investigazzjoni formali fl-24 ta' Mejju 2017. Hija ma setgħetx teskludi li JLR, minbarra l-għajnuna notifikata, kienet qed tirċievi għajnuna mhux notifikata fil-forma ta' żvilupp infrastrutturali, inkluż il-bejgħ ta' art taħt il-prezz tas-suq, fl-NSP u eżenzjoni mill-obbligu li tħallas it-tariffa ALF. Il-valutazzjoni sottostanti ikkunsidrat kemm il-miżura ta' għajnuna notifikata u dik addizzjonali possibbli mhux notifikata. |
3.1. L-għajnuna addizzjonali possibbli mhux notifikata
3.1.1. Għajnuna possibbli fil-forma ta' żvilupp infrastrutturali, inkluż it-trasferiment ta' art tal-NSP taħt il-valur tas-suq
|
(22) |
Il-Kummissjoni qieset li kien hemm il-possibbiltà li l-bejgħ ta' art fl-NSP lil JLR seta' kien jinvolvi ċerti vantaġġi li jistgħu jikkwalifikaw bħala għajnuna addizzjonali mill-Istat. |
|
(23) |
L-MHI, li kienet saret il-propjetarja inizjali tas-sit futur tal-NSP, sal-31 ta' Diċembru 2016, kienet diġà ġarrbet nefqa ta' EUR 75 miljun għall-akkwist ta' art tal-NSP li fuqha kien se jsir il-proġett notifikat ta' JLR. Barra minn hekk hija kienet qiegħda ġġarrab spejjeż addizzjonali sinifikanti għall-iżvilupp tas-sit innifsu. Fl-istess ħin, il-kontribuzzjoni ta' JLR fir-rigward tax-xiri tas-sit tal-JLR dehret li kienet parti żgħira biss tal-kostijiet korrispondenti għall-akkwist u għall-iżvilupp. Id-differenza bejn il-kost imġarrab mis-Slovakkja biex takkwista l-art u tiżviluppa l-NSP fuqha, u l-prezz li JLR kellha tħallas għall-art tal-NSP qajmet il-kwistjoni dwar jekk il-bejgħ tal-art tal-NSP lil JLR kienx jinvolvi għajnuna mill-Istat. |
|
(24) |
Is-Slovakkja argumentat li l-iżvilupp tal-NSP ma jistax jinvolvi għajnuna mill-Istat peress li jaqa' taħt il-kompetenza pubblika għar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 17 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE (11). Għalhekk is-Slovakkja argumentat li l-iżvilupp tal-NSP mhuwiex attività ekonomika, u l-finanzjament pubbliku tiegħu ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, skont is-Slovakkja, JLR kienet se tħallas il-prezz tas-suq għall-art li tixtri fl-NSP li ġie stabbilit abbażi ta' valwazzjonijiet li saru minn esperti indipendenti. |
|
(25) |
Il-Kummissjoni, madankollu, kellha dubji dwar jekk l-iżvilupp tal-NSP kienx analogu għas-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 17 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE, li hija applikabbli biss għall-miżuri li ma jinvolvux infrastruttura dedikata. |
|
(26) |
Il-Kummissjoni fehmet li l-ftehimiet kuntrattwali bejn is-Slovakkja u l-benefiċjarju kienu li l-JLR tingħata sjieda totali, jew drittijiet ta' opzjoni ta' xiri aktar 'il quddiem, ta' kważi l-art kollha kummerċjalment sfruttabbli tal-NSP. |
|
(27) |
Il-Kummissjoni tqis infrastruttura bħala dedikata jekk tkun inbniet għal impriża identifikata minn qabel u tkun ġiet adattata apposta għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' din l-impriża (12). Fil-fehma preliminari tagħha, il-Kummissjoni qieset li l-NSP jista' jitqies bħala infrastruttura dedikata għall-JLR għar-raġunijiet li ġejjin: (a) erja kbira kienet ġiet riżervata għall-kumpanija taħt termini kuntrattwali; (b) il-benefiċjarju seta' kien impriża identifikata minn qabel; u (c) l-NSP deher li ġie mfassal apposta għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-benefiċjarju. |
|
(28) |
Il-Kummissjoni għalhekk qieset li jekk l-NSP jikkostitwixxi infrastruttura dedikata għall-JLR, taħt kundizzjonijiet normali tas-suq il-kumpanija kien ikollha tħallas il-kostijiet għall-iżvilupp tas-sit, bl-eċċezzjoni ta' kostijiet relatati ma' elementi tal-infrastruttura verament ġenerali u li għandhom jiġu identifikati f'din id-Deċiżjoni. |
|
(29) |
Anki kieku wieħed kellu jassumi li l-NSP ma kienx infrastruttura dedikata, il-metodu li ntuża biex jiġi stabbilit il-prezz tas-suq li kellu jitħallas minn JLR qajjem dubji. B'mod partikolari, il-Kummissjoni kellha dubji jekk il-valur tax-xogħlijiet speċifiċi għall-iżvilupp imwettqa u ffinanzjati mis-Slovakkja u li bbenefikaw direttament lill-JLR humiex riflessi b'mod xieraq fil-valwazzjonijiet imħejjija mill-esperti indipendenti, u jekk JLR kinitx sejra tħallas sehem proporzjonat tal-kost għall-iżvilupp tal-NSP li huwa proporzjonat mal-interess propjetarju fil-park. |
3.1.2. Għajnuna possibbli fil-forma tal-eżenzjoni minn tariffa, it-tariffa ALF, li trid titħallas meta art agrikola tiġi trasformata f'art industrijali
|
(30) |
Il-Kummissjoni qieset li JLR setgħet ibbenefikat minn vantaġġ fil-forma ta' eżenzjoni (“eżenzjoni H”) minn tariffa li, skont il-liġi Slovakka, trid titħallas meta art agrikola tiġi konvertita f'art industrijali. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi li minkejja l-interjezzjoni ta' intrapriżi tal-Istat fit-tranżazzjoni li l-għan tagħha huwa li tixtri l-art agrikola minn partijiet terzi, tħejjiha għall-użu industrijali, inkluż, fost oħrajn, ir-rimedjazzjoni tal-art u l-aċċess għall-utilitajiet pubbliċi, u tbigħha lill-investitur, seta' kien hemm imputabbiltà tal-għajnuna lill-Istat Slovakk u vantaġġ selettiv għall-benefiċjarju. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-eżenzjoni mit-tariffa setgħet kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE favur JLR. |
3.2. Kompatibbiltà tal-għajnuna notifikata
3.2.1. Introduzzjoni
|
(31) |
Il-Kummissjoni ma setgħetx, abbażi tal-investigazzjoni preliminari, tistabbilixxi l-konformità tal-għajnuna reġjonali notifikata mad-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali mill-Istat għall-2014–2020 (13) (“RAG”). |
|
(32) |
B'mod partikolari, hija ma setgħetx tikkonkludi li l-miżura ta' għajnuna reġjonali notifikata tissodisfa r-rekwiżiti minimi tar-RAG, u għalhekk esprimiet dubji dwar (a) l-eliġibbiltà ta' ċerti elementi li apparentement jagħmlu parti mill-kostijiet eliġibbli tal-investiment; (b) l-effett ta' inċentiv tal-għajnuna; (c) il-proporzjonalità tal-għajnuna; (d) l-okkorrenza ta' effett manifestament negattiv fuq il-koeżjoni tal-Unjoni; u (e) l-okkorrenza ta' effett manifestament negattiv fuq il-kummerċ fis-sens tal-paragrafu 119 tar-RAG minħabba li l-livell massimu tal-intensità tal-għajnuna seta' nqabeż. Barra minn hekk qieset li l-elementi addizzjonali possibbli ta' għajnuna fl-iżvilupp infrastrutturali u l-eżenzjoni mit-tariffa ALF jistgħu b'mod partikolari jaffettwaw il-proporzjonalità tal-għajnuna notifikata u l-konformità mal-limitu massimu tal-intensità tal-għajnuna. |
3.2.2. L-eliġibbiltà ta' “kostijiet tal-forniment” bħala kost tal-investiment
|
(33) |
Il-Kummissjoni nnotat li l-kostijiet eliġibbli notifikati jinkludu l-entrata “forniment” (deskritta bħala “nefqa żejda mhux mistennija”) li tammonta mill-inqas għal GBP [60–85] miljun (EUR [72–102] miljun (14)). Hija esprimiet dubji dwar jekk il-“kostijiet tal-forniment” humiex eliġibbli għall-fini ta' għajnuna għall-investiment reġjonali. |
3.2.3. Nuqqas ta' effett ta' inċentiv tal-għotja ta' għajnuna reġjonali notifikata
|
(34) |
Il-Kummissjoni kellha dubji jekk l-għajnuna reġjonali notifikata kellhiex effett ta' inċentiv, jiġifieri jekk kienx hemm il-ħtieġa li jiġi attirat l-investiment ta' JLR f'Nitra. Hija ma kinitx konvinta li d-dokumentazzjoni ppreżentata dwar il-proċess tat-tħejjija tad-deċiżjoni dwar il-post tal-JLR uriet li l-Messiku kien xenarju alternattiv kredibbli meta ttieħdet dik id-deċiżjoni. B'mod partikolari, f'dokumenti relatati mal-laqgħa barra mis-sit li l-membri tal-Bord Eżekuttiv kellhom f'Jannar 2015, il-Kummissjoni nnotat referenzi għal pjanijiet minn JLR biex tibni żewġ impjanti f'postijiet differenti, u differenzi fil-livell ta' valutazzjoni dettaljata għas-siti Ewropej, meta mqabbel mal-Messiku. L-alternattiva tal-Messiku dehret ukoll li kienet tinvolvi dewmien sinifikanti. Il-Kummissjoni qieset li l-post kontrofattwali reali li kontrih Nitra kienet qed tikkompeti għall-post tal-impjant il-ġdid ta' JLR seta' kien Jawor, il-Polonja, u mhux il-post fil-Messiku. L-eżistenza ta' differenza kbira fil-Valur Preżenti Nett (“VPN”) bejn il-Messiku u Nitra, li hija biss parzjalment ikkumpensata mill-għajnuna reġjonali notifikata, kienet element ieħor li qajjem dubju dwar l-effett ta' inċentiv tal-għajnuna. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi li l-kunsiderazzjonijiet strateġiċi ta' JLR għall-għażla ta' Nitra fuq il-Messiku kienu deċiżivi għall-għażla ta' Nitra, jiġifieri l-investiment kien ser isir f'Nitra anke mingħajr il-EUR 125 miljun, f'valur kurrenti, tal-għajnuna notifikata, jew tal-anqas b'ammont aktar baxx. Il-kunsiderazzjonijiet strateġiċi ta' JLR kienu (a) id-distanza mill-kwartieri ġenerali ta' JLR; (b) id-dewmien fiż-żmien; (c) ir-riskji ta' diżastri naturali fil-Messiku minħabba attività vulkanika; (d) l-instabilità politika, l-effikaċja tal-gvern u r-riskji ta' korruzzjoni; (e) kunsiderazzjonijiet relatati mal-ekwità tal-marka kummerċjali; u (f) investiment fl-Unjoni bħala ħeġġ kontra l-possibbiltà tal-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni. |
3.2.4. Nuqqas ta' proporzjonalità
|
(35) |
Peress li l-għajnuna notifikata hija eżatt taħt l-ammont massimu ta' għajnuna li jista' jingħata għal investiment tad-daqs li ngħata f'Nitra, skont il-mappa attwali tal-għajnuna reġjonali tas-Slovakkja (“ammont aġġustat tal-għajnuna”), il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk l-ammont totali tal-għajnuna xorta jkunx għadu proporzjonat jekk JLR effettivament ibbenefikat mill-elementi ta' għajnuna addizzjonali possibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk il-livell limitu tal-proporzjonalità ta' EUR 413-il miljun, jiġifieri d-differenza fil-vijabilità bejn il-Messiku u s-Slovakkja kkalkulata minn JLR u li laħqet wieħed miż-żewġ limiti massimi tal-proporzjonalità stabbiliti fir-RAG (15), setax “saħansitra jintlaħaq f'livell ħafna aktar baxx.” |
3.2.5. Effetti manifestament negattivi — effett ta' antikoeżjoni
|
(36) |
F'dan l-istadju, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk l-alternattiva tal-Messiku kinitx kredibbli u jekk fir-realtà l-post alternattiv kienx Jawor fil-Polonja. Il-kalkoli interni tal-kumpanija wrew li l-investiment kien ikun aktar profitabbli f'Jawor, li tinsab f'reġjun bl-istess livell massimu ta' intensità ta' għajnuna reġjonali mill-Istat bħal Nitra, jiġifieri ta' 25 %. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li, jekk l-alternattiva tal-Messiku tirriżulta li mhijiex kredibbli, u jekk ix-xenarju kontrofattwali veru għal Nitra kienet Jawor, allura ma jistax jiġi eskluż li l-pakkett ta' għajnuna pprovdut lill-JLR mis-Slovakkja għandu effett manifestament negattiv skont il-paragrafu 121 tar-RAG. |
3.2.6. Effett manifestament negattiv fuq il-kummerċ — il-limitu massimu tal-intensità tal-għajnuna nqabeż
|
(37) |
L-għotja tal-għajnuna reġjonali notifikata fil-valur kurrenti tirriżulta f'intensità tal-għajnuna prima facie inqas mill-intensità massima tal-għajnuna permessa għal investiment ta' dan id-daqs fir-reġjun ta' Nitra. Madankollu, kwalunkwe element ta' għajnuna addizzjonali fil-forma ta' żvilupp infrastrutturali, inkluż it-trasferiment ta' art taħt il-valur tas-suq jew l-eżenzjoni mit-tariffa ALF, jew it-tnejn, iżid l-ammont totali tal-għajnuna b'tali mod li jaqbeż dak il-livell ta' intensità ta' għajnuna permissibbli, u b'hekk jikkostitwixxi effett manifestament negattiv fuq il-kummerċ skont il-paragrafu 119 tar-RAG. Peress li l-Kummissjoni ma setgħetx teskludi elementi addizzjonali ta' għajnuna, hija esprimiet dubji dwar jekk il-miżura ta' għajnuna globali wasslitx għal effett manifestament negattiv fuq il-kummerċ. |
4. KUMMENTI MIS-SLOVAKKJA
4.1. Kummenti mis-Slovakkja dwar l-għajnuna addizzjonali possibbli mhux notifikata
4.1.1. Għajnuna possibbli fil-forma ta' żvilupp infrastrutturali, inkluż it-trasferiment ta' art tal-NSP taħt il-valur tas-suq
|
(38) |
L-awtoritajiet Slovakki jqisu li l-NSP ma jikkostitwixxix infrastruttura dedikata għall-JLR għal diversi raġunijiet. Huma jargumentaw li l-art li tikkostitwixxi l-NSP kienet ġiet identifikata għall-użu industrijali ħafna qabel ma JLR bdiet it-tfittxija tagħha għal post u li preċedentement l-awtoritajiet Slovakki kienu offrew l-art f'maħdar tal-NSP lil investituri oħra. Barra minn hekk l-awtoritajiet Slovakki jargumentaw li JLR la hija l-propjetarja tal-NSP u lanqas ma għandha liċenzja esklussiva jew konċessjoni fuq l-NSP u li JLR ma għandhiex kontroll esklussiv de facto fuq l-NSP. Dawn jargumentaw ukoll li l-eżistenza tal-NSP bħala żona allokata għal skopijiet industrijali bi żvilupp industrijali eżistenti kienet fil-fatt fattur fl-għażla ta' JLR li timxi lejn Nitra, u mhux bil-kontra, u li l-approċċ tal-awtoritajiet Slovakki lejn l-iżvilupp tal-NSP huwa prattika standard użata mis-Slovakkja u minn Stati Membri oħra sabiex tiġi evitata nefqa pubblika bla bżonn filwaqt li jiġi massimizzat l-iżvilupp reġjonali. |
|
(39) |
L-awtoritajiet Slovakki ċċaraw l-evoluzzjoni storika li wasslet għall-NSP. It-terminu “park strateġiku”, u konsegwentement il-“Park Strateġiku ta' Nitr”', huwa terminu li ġie introdott għall-ewwel darba fl-Att dwar Investimenti Sinifikanti fl-1999. L-NSP jikkonsisti f'żona ta' 704 ettari li fuqha l-awtoritajiet Slovakki għandhom kapaċitajiet tal-akkwist obbligatorju sabiex jimplimentaw il-park strateġiku li jinsab biswit il-park industrijali eżistenti ta' Nitra North (16). Iż-żewġ parks flimkien jiffurmaw iż-żona industrijali integrata magħrufa bħala Nitra North. L-NSP huwa mifrux fuq ħames muniċipalitajiet, jiġifieri Nitra u Luzianky b'partijiet żgħar minnu fit-territorju ta' Cakajovce, Zbehy u Jelsovce. |
|
(40) |
Il-ħtieġa għall-iżvilupp ta' art industrijali fir-reġjun ta' Nitra kienet ġiet identifikata l-ewwel fil-Pjan ta' Tqassim f'Żoni tar-reġjun ta' Nitra tal-1998 (17). Il-muniċipalitajiet ta' Nitra u ta' Luzianky kienu identifikati bħala ċentri industrijali prospettivi. |
|
(41) |
Sabiex irawwem l-iżvilupp industrijali, il-gvern Slovakk irrikonoxxa li kellu bżonn isib mod kif jindirizza l-kwistjoni tas-sjieda frammentata tal-art li kienet ostaklu biex jiġu attirati proġetti ta' investiment kbar. L-art fis-Slovakkja hija frammentata ħafna minħabba l-liġijiet tas-suċċessjoni storiċi fejn l-aħwa jirtu sehem indaqs mill-art tal-ġenituri tagħhom. Dan wassal għal għadd kbir ta' koproprjetarji ta' plottijiet żgħar u frammentati ta' art. Għalhekk fl-1999, is-Slovakkja ppromulgat l-Att dwar Investimenti Sinifikanti biex tirregola l-proċedura tal-ħruġ ta' ċertifikati ta' investimenti sinifikanti sabiex tiffaċilita l-akkwist ta' art għall-implimentazzjoni ta' proġetti ta' investiment kbar. |
|
(42) |
Il-ħtieġa għall-iżvilupp ta' art industrijali ġiet ikkonfermata ulterjorment fl-2003 meta l-muniċipalità ta' Nitra dehret fuq lista ta' siti rakkomandati mill-“Istudju għal-Lokalizzazzjoni ta' Parks Industrijali f'Żoni Magħżula tar-Repubblika Slovakka”, li ġiet rikonoxxuta bir-riżoluzzjoni tal-Gvern Nru 690 tas-16 ta' Lulju 2003. Din kienet tittratta żona ta' 231 ettaru. Fl-2004, ir-reġjun ta' Nitra identifika ż-żona li fiha kien ippjana li jirriloka art agrikola għal skopijiet ta' użu industrijali. Ġeografikament, dik iż-żona kienet tinkludi l-park industrijali ta' Nitra North fin-Nofsinhar u kienet testendi fuq l-Art tan-Nofsinhar u fuq il-biċċa l-kbira tas-sit tal-JLR. Barra minn hekk fl-2004, ir-Riżoluzzjoni tal-Gvern 88/2004 implimentat miżuri finanzjarji għall-iżvilupp reġjonali ta' Nitra u ta' diversi bliet oħra madwar is-Slovakkja sabiex ikun jista' jsir il-bini tal-infrastruttura teknika neċessarja meħtieġa biex tattira l-investiment. Fl-2006, il-muniċipalità ta' Luzianky waqqfet il-Pjan ta' Tqassim f'Żoni tal-2006 tagħha li fih territorju ta' 106 ettari ġie riżervat biex jiġi inkluż fiż-żona industrijali ta' Nitra North. |
|
(43) |
Fl-2007, stabbilixxew ruħhom l-ewwel kumpaniji fil-park industrijali ta' Nitra North. Sony, li aktar tard saret magħrufa bħala Foxconn, saret waħda mill-investituri fundamentali tiegħu. Fl-2011, ħarġet deċiżjoni ta' tqassim f'żoni sabiex l-awtostrada R1 tiġi konnessa maż-żona industrijali. |
|
(44) |
Il-Pjan ta' Tqassim f'Żoni tar-reġjun ta' Nitra tal-2012 ikkonferma li ż-żona industrijali ta' Nitra North hija “deżinjata bħala żona xierqa għal-lokalizzazzjoni ta' park industrijali, jew ta' unitajiet ta' produzzjoni industrijali. Din iż-żona [ma] kinitx mibnija għalkollox u [kellha] potenzjal li tiġi żviluppata”. Il-gvern Slovakk irrikonoxxa li kien hemm aktar xi jsir biex jiġi indirizzat l-ostaklu għall-investiment li nħoloq bis-sjieda frammentata tal-art. Għalhekk, fl-2013, l-Att dwar Investimenti Sinifikanti ġie emendat b'dispożizzjonijiet li jippermettu t-tħaffif tal-proċess tal-eżekuzzjoni ta' investiment sinifikanti permezz tat-twaqqif ta' proċess aktar flessibbli għall-ħruġ ta' ċertifikat ta' investiment sinifikanti u t-tnaqqis fil-burokrazija tal-proċess. |
|
(45) |
Fl-2014, il-muniċipalità ta' Luzianky emendat il-Pjan ta' Tqassim f'Żoni tal-2006 tagħha sabiex jiġi faċilitat żvilupp ippjanat dettaljat tal-parti tagħha taż-żona industrijali, ta' 158 ettaru, bħala riżultat ta' interess potenzjali minn investitur industrijali li eventwalment iddeċieda li jinvesti xi mkien ieħor. Il-Pjan ta' Tqassim f'Żoni ta' Luzianky tal-2014 stabbilixxa l-pjanijiet dettaljati għall-iżviluppi infrastrutturali biex iż-żona titħejja għall-użu industrijali. Wieħed mill-prinċipji bażiċi tal-kunċett ta' żvilupp urban propost tas-sit kien il-konnessjoni funzjonali u spazjali taż-żoni ta' żvilupp proposti mat-territorju tal-park industrijali ta' Nitra North. Il-Pjan ta' Tqassim f'Żoni identifika b'mod espliċitu l-limiti tal-iżvilupp tas-sit kif ukoll ħtiġijiet bħall-ħtieġa għal konnessjonijiet tat-trasport, żona ta' protezzjoni għal-linji ferrovjarji, il-kuritur bijoloġiku tax-xmara Nitra, soluzzjoni għal-livell għoli ta' ilma ta' taħt l-art, il-ħtieġa għall-bini ta' riżervi u stazzjonijiet tal-ippumpjar, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-provvista tal-ilma tax-xorb, sistema ta' drenaġġ pubblika, il-protezzjoni mill-ilma tax-xita, il-preżenza ta' pipeline ta' pressjoni għolja, il-konnessjoni ma' netwerk tat-telekomunikazzjoni. |
|
(46) |
Fis-27 ta' Mejju 2015, il-gvern Slovakk nieda inizjattiva leġiżlattiva ġdida biex jiġu rranġati l-prerekwiżiti għall-ħolqien tal-hekk imsejħa parks strateġiċi industrijali u teknoloġiċi minn intrapriża li tkun kollha tal-Istat u responsabbli għat-tħejjija tas-sit, inkluż il-bini tal-infrastruttura meħtieġa. Dik l-inizjattiva wasslet għall-Emenda 154/2015 tat-30 ta' Ġunju 2015 għall-Att dwar Investimenti Sinifikanti. Fl-istess ħin ġiet propost tibdil għar-Regolament 58 (18) kif imsemmi fil-paragrafu 10 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ. Fit-8 ta' Lulju 2015 (19), il-gvern Slovakk ħareġ ċertifikat ta' investiment sinifikanti għall-bini tal-NSP. |
|
(47) |
Peress li l-awtoritajiet Slovakki kienu stabbilew arranġamenti ta' tqassim f'żoni industrijali, kellhom strateġija ta' żvilupp industrijali li kienet diġà ġiet parzjalment implimentata permezz tal-park industrijali ta' Nitra North, kienu żviluppaw pjanijiet fiżiċi dettaljati għall-iżvilupp tal-bqija taż-żona u kienu offrew opportunitajiet ta' siti fi mħadar lil investituri oħra, huma jqisu li ma jistax jiġi argumentat li l-NSP ġie żviluppat għall-JLR bħala impriża identifikata ex ante. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Slovakki saħqu li kull pass tal-evoluzzjoni storika li wassal għall-iżvilupp tal-NSP kien ittieħed qabel ma JLR iddeċidiet li tillokalizza l-impjant tagħha, u ħafna qabel ma JLR intrabtet kuntrattwalment biex tillokalizza f'Nitra. |
|
(48) |
L-awtoritajiet Slovakki għamlu referenza għal diversi dokumenti ta' JLR li juru li l-pjanijiet li kienu diġà jeżistu għall-iżvilupp tal-NSP flimkien mal-fatt li park industrijali li kien diġà jeżisti b'żona maġenbu allokata għal skopijiet ta' espansjoni industrijali tqiesu b'mod pożittiv fil-valutazzjoni tal-lokalizzazzjoni ta' JLR. Pereżempju fis-27 ta' April 2015, Nitra kienet fit-tielet post iżda wieħed mill-fatturi pożittivi kien li din kienet tinvolvi “[s]it fuq proprjetà industrijali stabbilita.” |
|
(49) |
Barra minn hekk, l-awtoritajiet Slovakki spjegaw li s-sit tal-JLR u x-xogħlijiet relatati ma ġewx imfassla apposta għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' JLR. |
|
(50) |
Ir-referenza għad-drittijiet ta' superviżjoni fil-Ftehim ta' Investiment iffirmat bejn is-Slovakkja u JLR fil-11 ta' Diċembru 2015 (il-“Ftehim ta' Investiment”) tirreferi biss għat-tlestija tax-xogħlijiet ta' rimedjazzjoni tal-art. L-MHI għandha tlesti ċerti xogħlijiet sabiex jiġi żgurat li l-art tissodisfa l-istandard miftiehem bejn MHI u JLR u li fuqhom kien ibbażat il-prezz tal-bejgħ. Skont l-awtoritajiet Slovakki, dawk id-drittijiet ta' superviżjoni kienu xprunati minn tħassib standard dwar il-ġestjoni tal-proġetti pjuttost milli minn speċifikazzjonijiet ta' żvilupp speċifiċi għan-negozju. L-MHI mhijiex marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni l-feedback possibbli ta' JLR. L-MHI hija meħtieġa biss titlob feedback dwar il-pjanti tad-disinn u l-ispeċifikazzjonijiet li jikkonċernaw ix-xogħlijiet ta' rimedjazzjoni għas-Sit tal-JLR. Dan ma jinkludix kontroll ex post fuq l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet. |
|
(51) |
L-awtoritajiet Slovakki ċċaraw ukoll in-natura tax-xogħlijiet infrastrutturali relatati mal-NSP. Bħal fi proġetti preċedenti li kienu jinvolvu l-iżvilupp pubbliku ta' parks industrijali, dawk ix-xogħlijiet kienu maħsuba biex jipprovdu servizzi infrastrutturali lill-kumpaniji kollha li jinsabu fil-park, inkluż l-aċċess għall-utilitajiet pubbliċi u konnessjonijiet stradali/ferrovjarji. Ix-xogħlijiet infrastrutturali jinkludu l-elementi li ġejjin:
|
|
(52) |
L-awtoritajiet Slovakki ċċaraw ukoll il-proporzjon tal-NSP li ser jintuża minn JLR:
|
|
(53) |
L-awtoritajiet Slovakki jqisu li ebda wieħed mid-drittijiet maħluqa mill-Ftehim ta' Investiment dwar l-Art tan-Nofsinhar, l-Art tat-Tramuntana jew l-Art ta' Espansjoni ma jagħti lil JLR xi kontroll fuq l-art. Għalhekk, is-Sit tal-JLR għandu biss superfiċe ta' 185 ettaru, li jikkostitwixxi 26 % tas-superfiċe totali tal-NSP, jew 55 % tas-superfiċe kummerċjalment sfruttabbli, fid-dawl tal-fatt li 366 ettaru tal-NSP huma art teknika. |
|
(54) |
Kif spjegat mill-awtoritajiet Slovakki, il-prezz li JLR għandha tħallas għall-akkwist tas-Sit tal-JLR ġie stabbilit fuq il-bażi ta' valwazzjonijiet indipendenti li saru minn tliet esperti, jiġifieri […], […], u CB Richard Ellis. Dawk l-esperti stmaw il-prezz tas-suq skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar elementi ta' għajnuna Statali dwar bejgħ ta' artijiet u bini ta' awtoritajiet pubbliċi (21), li kienet tikkostitwixxi l-gwida rilevanti tal-Kummissjoni applikabbli fil-ħin tal-valwazzjonijiet. L-awtoritajiet Slovakki komplew jiċċaraw li r-rapport ta' CB Richard Ellis li ġie ppreżentat lill-Kummissjoni matul il-proċedura ta' notifika kien ġie ppreżentat bi żball minħabba li mhuwiex rapport ta' valwazzjoni ta' sit, iżda rapport separat ta' informazzjoni dwar is-suq. |
|
(55) |
Il-valwazzjonijiet kollha twettqu fuq il-bażi li l-art ser tinbiegħ “lesta biex tinbena”, jiġifieri rimedjata u mqassma f'żoni għall-użu industrijali. L-awtoritajiet Slovakki għalhekk jikkonkludu li l-istimi tal-prezz tas-suq jinkludu l-valur tax-xogħlijiet ta' rimedjazzjoni. Il-prezz tax-xiri finali ta' EUR 15,83 għal kull metru kwadru kien stabbilit bħala l-medja tat-tliet valwazzjonijiet indipendenti ta' EUR 15, ta' EUR 15,5 u ta' EUR 17 għal kull metru kwadru rispettivament. Il-Ftehim ta' Investiment jitlob li JLR tħallas separatament għal kull xogħol li jsir apposta għaliha li jmur lil hinn mill-ispeċifikazzjonijiet standard għal art “lesta biex tinbena”. |
4.1.2. Għajnuna possibbli fil-forma tal-eżenzjoni minn tariffa, it-tariffa ALF, li trid titħallas meta art agrikola tiġi trasformata f'art industrijali
|
(56) |
L-awtoritajiet Slovakki spjegaw li l-Eżenzjoni H hija eżenzjoni mit-tariffa ALF li tapplika għal art li tinxtara minn intrapriżi għalkollox tal-Istat, f'dan il-każ l-MHI, bil-għan li jiġi żviluppat park industrijali li jkun rikonoxxut bħala “investiment sinifikanti”. Għalhekk l-Eżenzjoni H tapplika esklussivament għall-iżvilupp ta' art pubblika minn awtoritajiet pubbliċi. L-għan tagħha huwa li tneħħi l-piż amministrattiv ta' trasferimenti finanzjarji intrastatali. Mingħajr l-eżenzjoni, l-MHI bħala s-sid u l-iżviluppatur tal-art fl-NSP kien ikollha tħallas it-tariffa ALF malli s-sit jiġi trasformat f'art industrijali. Bħala s-sid u l-iżviluppatur tas-sit, il-funzjoni tal-MHI kienet li tinstalla infrastruttura u terġa' tqassam l-art f'żoni sabiex tkun “lesta biex tinbena”, u mbagħad tbigħha lill-investituri, inkluż lill-JLR. JLR ma kellha tħallas l-ebda tariffa li, kif miftiehem skont il-Ftehim ta' Investiment, kienet ser takkwista l-art biss wara li din tiġi konvertita f'art industrijali. L-awtoritajiet Slovakki spjegaw li r-referenza f'dokument intern ta' JLR li tissuġġerixxi li JLR kienet sejra tibbenefika minn eżenzjoni tal-ħlas tat-tariffa ALF kienet ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-awtur ta' dak id-dokument li t-tariffa kellha titħallas minn JLR. Huma infurmaw ukoll lill-Kummissjoni li l-ammont totali tat-tariffi għall-konverżjoni tal-art agrikola kollha li tinsab fiż-żona tal-NSP futur f'art għall-użu industrijali li kien ikollu jitħallas fin-nuqqas tal-eżenzjoni H, kien ikun ta' madwar EUR 30 miljun li minnhom EUR 8 miljuni biss jirrigwardaw is-Sit tal-JLR. |
4.2. Kummenti mis-Slovakkja dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna notifikata
4.2.1. L-eliġibbiltà ta' “kostijiet tal-forniment” bħala kost ta' investiment
|
(57) |
L-awtoritajiet Slovakki kkonfermaw l-elementi ta' kost eliġibbli kif elenkati fit-Tabella 1 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ. Il-kostijiet tal-investiment eliġibbli proposti indikati kienu jammontaw għal EUR 1 406 620 591 f'valur nominali, ekwivalenti għal EUR 1 369 295 298 f'valur kurrenti. Il-preżentazzjoni fid-dokumentazzjoni ta' JLR datata t-18 ta' Novembru 2015 li kienet tirreferi għal kostijiet tal-fornitura kienet saret għal skopijiet ta' analiżi finanzjarja, u ma kinitx tinkludi kostijiet tal-forniment apparti l-elementi ta' kost eliġibbli kif elenkati fit-Tabella 1 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ. Dawk l-elementi ta' kost eliġibbli jirriflettu l-kostijiet antiċipati fiż-żmien tal-applikazzjoni għall-għajnuna u jinkludu ammont għall-proviżjonament għal kull element ta' kost eliġibbli, bħala parti minn approċċ prudenti għall-istima tal-kostijiet. L-awtoritajiet Slovakki għalhekk iqisu l-ammont sħiħ ta' EUR 1 406 620 591 f'valur nominali bħala eliġibbli. |
4.2.2. Nuqqas ta' effett ta' inċentiv tal-għotja ta' għajnuna reġjonali notifikata
|
(58) |
Is-Slovakkja tqis li wettqet verifika xierqa tal-kredibilità tax-xenarju kontrofattwali u li d-dubji tal-Kummissjoni huma infondati, peress li l-Messiku kien post alternattiv kredibbli għall-impjant fl-Unjoni. Skont is-Slovakkja, fir-rebbiegħa tal-2015 il-Messiku kien għadu post possibbli għall-investiment ippjanat u ma kienx meqjus bħala sit għal investiment parallel addizzjonali. Għalhekk, l-għajnuna mill-Istat offruta mis-Slovakkja kienet neċessarja biex iġġib l-investiment tal-JLR fis-Slovakkja. |
|
(59) |
Is-Slovakkja tenfasizza li l-Messiku kien post alternattiv kredibbli għal tliet raġunijiet:
|
|
(60) |
Is-Slovakkja pprovdiet evidenza addizzjonali bħall-preżentazzjonijiet lill-Bord, l-istudju ta' fattibilità li sar għall-Messiku, l-informazzjoni skambjata mal-awtoritajiet Messikani, is-sejbiet taż-żjara tal-maniġment superjuri fuq il-post ta' Ġunju 2015 fis-siti magħżula fi Puebla, li matulhom ġew esplorati aktar il-fatturi strateġiċi kwalitattivi u d-Differenzjali fil-kost tax-xenarju kontrofattwali għas-CEE, datat l-10 ta' Ġunju 2015. |
|
(61) |
L-awtoritajiet Slovakki jissuġġerixxu li d-dubji tal-Kummissjoni huma bbażati fuq rapporti żbaljati fl-istampa li jiġu kontradetti b'mod ċar minn dokumenti interni riċenti ta' JLR datati bejn Marzu u Lulju 2015. L-awtoritajiet Slovakki ppreżentaw ammont kbir ta' evidenza li turi li fir-rebbiegħa tal-2015 il-Messiku kien għadu taħt kunsiderazzjoni u ma kienx ġie abbandunat favur post fl-Unjoni. Dik l-evidenza ġejja minn varjetà ta' sorsi u minn livelli differenti tal-organizzazzjoni ta' JLR, jiġifieri l-maniġment superjuri ta' JLR, it-timijiet tax-xogħol ta' JLR, konsulenti esterni u uffiċjali tal-gvern Messikan. Id-dokumenti elaborati bi tħejjija u wara ż-żjara fi Puebla f'Ġunju 2015 minn delegazzjoni ta' livell eżekuttiv superjuri ta' JLR, huma ta' rilevanza partikolari. Il-Messiku ġie sospiż biss meta JLR iddeċidiet li tkompli b'Nitra fis-sajf tal-2015. |
|
(62) |
L-istudju ta' Ernst & Young intitolat “Project Oak — Golden Site Report Out” huwa datat l-20 ta' Marzu 2015. Dan intuża minn JLR fir-reviżjoni tal-vijabbiltà tas-siti selezzjonati fil-Messiku. Il-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill Internazzjonali għall-Iżvilupp tat-30 ta' Marzu 2015 jgħidu li “[ġ]ie miftiehem li l-ħidma attwali biex jiġu vvalutati għażliet alternattivi fit-Turkija u fil-Messiku għandha tkompli”. Ir-reġistru ta' azzjonijiet u l-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill għall-Istrateġija tas-27 ta' April 2015 jinnotaw li “Puebla, fil-Messiku, ġiet approvata bħala l-alternattiva mhux fl-UE”. Il-ħarsa ġenerali tal-proċess ta' filtrazzjoni tal-Messiku, kif ippreżentata lill-Forum dwar il-Globalizzazzjoni tal-10 ta' Lulju 2015, tikkonferma din id-deċiżjoni bl-istatus li ġejja rrapporta fil-11 ta' Mejju 2015: “[l-istati Messikani ta'] H[…] u ta' G[…] sospiżi; Puebla titmexxa 'l quddiem għal investigazzjonijiet ulterjuri (abbażi tas-siti ta' H[…], A[…] u S[…])”. H[…] sar “l-għażla ppreferuta minħabba l-prossimità tiegħu għall-port, bażi ta' fornituri stabbilita u s-suq tax-xogħol.” Waqt il-Forum dwar l-Istrateġija għall-Globalizzazzjoni tal-15 ta' Mejju 2015, is-Slovakkja u l-Polonja ntgħażlu taħt il-Proġett Darwin flimkien mal-Messiku taħt il-Proġett Oak. Fit-22 ta' Mejju 2015, JLR irċeviet it-tweġiba formali mill-Istat ta' Puebla dwar l-inċentivi disponibbli, ir-riskju sismiku, il-patti restrittivi ta' VW u l-iskeda taż-żmien. Fit-taqsima dwar l-aġġornament għal Darwinil-minuti u r-reġistru ta' azzjonijiet tal-Kunsill għall-Iżvilupp Internazzjonali tal-1 ta' Ġunju 2015 jinnotaw li “il-punti ewlenin tad-diskussjoni kienu: […] Ġew spjegati l-progress li sar fid-diskussjonijiet dwar il-Messiku u l-pjanijiet għal vjaġġ ieħor fuq il-post biex issir evalwazzjoni ulterjuri ta' Puebla”. Il-valutazzjoni tal-fluss tal-flus inkluża fil-preżentazzjoni tal-10 ta' Ġunju 2015 intitolata “Project Darwin — counter-factual cost differential to CEE” (Proġett Darwin — differenzjali tal-kost kontrofattwali għas-CEE), turi li l-analiżi tal-JLR saret biex tistabbilixxi parametru referenzjarju ta' “MX kontra PL” u “MX kontra SK”. Il-laqgħa tal-Kunsill għall-Istrateġija tal-15 ta' Ġunju 2015 li ffokat fuq il-proġett Darwin xorta kienet tinkludi punt ta' azzjoni “L-organizzazzjoni ta' vjaġġ fuq il-post fil-Messiku biex tiġi diskussa l-RFP fis-sit ta' Puebla.” Fil-ġimgħa tal-15 ta' Ġunju 2015, tim immexxi mid-Direttur tal-Espansjoni Globali tan-Negozju ta' JLR għamel vjaġġ fuq il-post fl-Istat ta' Puebla, fejn żar is-siti ta' H[…] u ta' A[…]. Fil-25 ta' Ġunju 2015, JLR bagħtet konferma bil-miktub lill-Gvernatur tal-Istat ta' Puebla li H[…] kien fost il-lista ta' postijiet magħżula. In-noti mħejjija għal-laqgħa tal-Forum dwar il-Globalizzazzjoni tal-10 ta' Lulju 2015 jipprovdu sommarju tas-sejbiet li ħarġu miż-żjara fis-siti ta' H[…] u ta' A[…]. Kif joħroġ mill-minuti ta' din il-laqgħa tal-Forum dwar il-Globalizzazzjoni, l-objettiv tagħha “kien li tittieħed deċiżjoni dwar sit ippreferut mill-proġetti Darwin u Oak u biex il-proċess jiġi konkluż permezz ta' Ftehim ta' Investiment kuntrattwalment vinkolanti mmirat għat-30 ta' Settembru. Is-siti taħt kunsiderazzjoni kienu Nitra (is-Slovakkja), Jawor (il-Polonja) u Puebla (il-Messiku).” Il-minuti tagħha jinnotaw ukoll li: “Nitra (is-sit ippreferut mill-proċess Darwin) meta mqabbla ma' Puebla (is-sit ippreferut mill-proċess Oak) intweriet li kienet fi żvantaġġ sinifikanti fir-rigward tal-kost”. Il-preżentazzjoni mħejjija għal dik il-laqgħa tgħid: “Wara li tqiesu l-fatturi ta' riskju mhux kwantifikabbli u l-kunsiderazzjonijiet kwantifikabbli l-oħra, jekk wieħed jassumi li jingħata l-livell ta' għajnuna mill-Istat tal-UE taħt kunsiderazzjoni, aħna nemmnu li dan huwa biżżejjed biex jikkumpensa għall-vantaġġ fil-kost tal-Messiku u nirrakkomandaw li Puebla (MX) tiġi sospiża”. Il-minuti tal-laqgħa tal-Bord ta' JLR tat-3 ta' Awwissu 2015 jgħidu li “[w]ara proċess rigoruż ta' evalwazzjoni tas-sit, waqt il-laqgħa tal-Forum dwar il-Globalizzazzjoni tal-10 ta' Lulju, ġie miftiehem li Nitra fis-Slovakkja għandha titmexxa 'l quddiem bħala s-sit rakkomandat, soġġett għall-approvazzjoni tal-Bord.” Il-preżentazzjoni sottostanti waqt il-laqgħa tal-Bord ta' JLR iddeskriviet il-“[p]roċess għall-għażla ta' sit wieħed mill-proġetti Darwin u Oak”. |
|
(63) |
L-awtoritajiet Slovakki spjegaw li JLR ma ppreżentatx applikazzjoni uffiċjali għall-għajnuna lill-awtoritajiet Messikani minħabba li ma hemm l-ebda sistema ta' għajnuna mill-Istat fil-Messiku. Madankollu, JLR irċeviet informazzjoni dettaljata mingħand il-gvern ta' Puebla dwar x'jista' jiġi offrut f'każ li JLR tiddeċiedi li tinvesti hemmhekk. |
|
(64) |
L-awtoritajiet Slovakki jaffermaw li l-investiment fil-Messiku ma kienx ikkunsidrat bħala t-tieni investiment b'żieda mal-impjant fl-Unjoni. Huma jissuġġerixxu li d-dubji tal-Kummissjoni huma bbażati fuq dokument uniku li fil-verità huwa kemxejn qarrieqi u jargumentaw li dak id-dokument jirrappreżenta ħażin id-diskussjonijiet li saru waqt il-laqgħa li l-Membri tal-Kumitat Eżekuttiv kellhom barra mis-sit fil-21 ta' Jannar 2015, jiġifieri sitt xhur qabel ittieħdet id-deċiżjoni dwar il-post. Fi kwalunkwe każ dak id-dokument tal-JLR ġie sostitwit b'ammont konsiderevoli ta' evidenza, li ġiet prodotta fi stadju aktar tard, fejn iż-żewġ postijiet ġew diskussi bħala alternattivi. Dawn ikomplu jispjegaw ukoll li l-kapaċità addizzjonali bħala riżultat tal-impjant il-ġdid (300 000 vettura fis-sena) diġà tirrapreżenta 50 % tal-kapaċità ta' JLR. Ma jkunx realistiku li wieħed jassumi li JLR kienet ser tikkunsidra tinvesti fit-tieni proġett tal-istess skala fl-istess ħin, jew saħansitra fuq terminu qasir/medju. |
|
(65) |
L-awtoritajiet Slovakki spjegaw ir-raġuni għaliex ir-rapport u l-preżentazzjoni tal-laqgħa tal-21 ta' Jannar 2015 li l-Membri tal-Kumitat Eżekuttiv kellhom barra mis-sit jirreferu għall-bini ta' żewġ impjanti. Skont is-Slovakkja, JLR dejjem kienet ippjanat li inizjalment tibda l-operazzjonijiet fl-impjant il-ġdid b'150 000 vettura fis-sena, jiġifieri l-fażi 1 tal-impjant 1, u żżid l-operazzjoni għal 300 000 vettura f'[2020–2025] jiġifieri l-fażi 2 tal-impjant 1. Madankollu fiż-żmien li fih saret il-laqgħa ta' Jannar 2015, id-domanda għall-vetturi tal-JLR tant kienet qed tikber b'mod qawwi li l-Membri tal-Kumitat Eżekuttiv għal ftit ikkunsidraw ukoll il-possibilità tal-bini tat-tieni impjant f'post ieħor fi żmien ħames sa għaxar snin wara t-tlestija tax-xogħlijiet fuq l-ewwel sit, f'każ li jkun hemm biżżejjed domanda. Dak is-sit futur ma ġiex diskuss fid-dettall waqt il-laqgħa peress li dik id-deċiżjoni kienet għadha 'l bogħod. L-awtoritajiet Slovakki nnotaw li d-dikjarazzjoni fil-minuti tal-laqgħa barra mis-sit li tissuġġerixxi li JLR se jkollha bżonn żewġ impjanti biex tissodisfa d-domanda proġettata kienet jew minħabba l-konfużjoni taż-żewġ fażijiet tal-Impjant 1 jew minħabba li dawk il-minuti enfasizzaw iżżejjed id-diskussjoni limitata dwar il-possibilità tat-tieni impjant f'xi punt fil-futur aktar imbiegħed. |
|
(66) |
L-awtoritajiet Slovakki jenfasizzaw li d-dokumenti interni ta' JLR juru b'mod konsistenti l-intenzjoni tagħha li tinvesti f'post wieħed. Il-minuti tal-Forum dwar il-Globalizzazzjoni tal-10 ta' Lulju 2015 jiddokumentaw li s-sit ta' Nitra kien intgħażel fuq il-Messiku bħala l-post preferut, u li ż-żewġ siti tqabblu ma' xulxin bħala alternattivi. JLR ikkunsidrat biss li timmanifattura f'sit wieħed: “[a]ħna lesti nagħżlu pajjiż wieħed mil-lista tal-proġetti Darwin u Oak”. |
|
(67) |
Raġunijiet strateġiċi kellhom rwol importanti fid-deċiżjoni iżda xorta kien hemm bżonn l-għajnuna biex id-deċiżjoni dwar il-post ixxaqleb favur is-Slovakkja. L-awtoritajiet Slovakki jargumentaw li huwa żbaljat li jiġi sostnut li l-għajnuna mill-Istat offruta tkopri biss proporzjon “insinifikanti” tad-differenza fil-VPN wara l-opinjoni tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-ftuħ li tgħid li l-għajnuna nominali ammontat għal 47 % tad-differenza fil-VPN (22). Id-dokumenti interni ta' JLR isemmu b'mod espliċitu li d-deċiżjoni dwar il-post kienet ittieħdet wara kunsiderazzjoni bbilanċjata ferm tal-vantaġġi u tal-iżvantaġġi u kienet tiddependi b'mod kritiku fuq l-għoti tal-għajnuna mill-Istat. F'dan ir-rigward, il-minuti tal-laqgħa tal-Bord ta' Tata tat-18 ta' Settembru 2015 jgħidu li “wara kunsiderazzjoni tal-elementi kwalitattivi u ta' riskju, it-total rivedut ta' għajnuna mill-Istat ta' GBP [150–200] miljun (23) fi flus kien biżżejjed biex Nitra titkompla titmexxa 'l quddiem minflok il-Messiku.” Bl-istess mod, id-deċiżjoni ta' JLR ta' Novembru 2015 li tikkonferma lil Nitra bħala l-post tal-impjant kienet ibbażata fuq il-“kundizzjoni li jingħata l-ammont sħiħ ta' għajnuna mill-Istat”. Bħala konsegwenza, JLR insistiet li fil-Ftehim ta' Investiment tiddokumenta li l-obbligi ta' investiment tagħha kienu soġġetti għall-kundizzjoni li tingħata 100 % tal-għotja ta' għajnuna reġjonali. |
|
(68) |
Barra minn hekk, is-Slovakkja nnotat li fir-rigward tar-riskju ta' dewmien fl-implimentazzjoni fil-Messiku, dak l-element kien tqies b'mod espliċitu fit-tqabbil finanzjarju u għalhekk kien ingħata kunsiderazzjoni xierqa. Is-Slovakkja rreferiet għall-preżentazzjoni lill-Forum dwar il-Globalizzazzjoni tal-10 ta' Lulju 2015 li ddikjarat “il-Kompitu #1 fil-Messiku […] huwa antiċipat li jieħu aktar fit-tul b'bejn 6–9 xhur kif muri hawn fuq”. |
4.2.3. Nuqqas ta' proporzjonalità
|
(69) |
L-awtoritajiet Slovakki jargumentaw li JLR ma ngħatat ebda element addizzjonali ta' għajnuna, u għalhekk iqisu li l-għajnuna hija proporzjonata. |
4.2.4. Effetti manifestament negattivi — effett ta' antikoeżjoni
|
(70) |
L-awtoritajiet Slovakki enfasizzaw li l-għajnuna mis-Slovakkja ma għandha l-ebda effett ta' antikoeżjoni għad-detriment tal-Polonja u fakkret li “[f]l-10 ta' Lulju l-Forum dwar il-Globalizzazzjoni stabbilixxa li Jawor (il-Polonja) ma kienx post vijabbli minħabba tħassib serju fir-rigward tal-pedamenti tas-sit u l-kapaċità li jintlaħqu r-riżultati meħtieġa. Il-kumpanija għalhekk kellha tagħżel bejn Nitra (is-Slovakkja) u Puebla (il-Messiku). Il-kumpanija għażlet lis-Slovakkja bħala l-post preferut u awtorizzat studju ta' fattibilità fil-fond. Il-Messiku ġie sospiż.” Meta fl-10 ta' Lulju 2015 ittieħdet deċiżjoni dwar ir-rakkomandazzjoni finali dwar il-post biex tiġi ratifikata mill-Bord fil-bidu ta' Awwissu 2015, Jawor ġie eliminat bħala alternattiva għal Nitra. Waqt il-laqgħat rispettivi tagħhom tat-3 u tas-7 ta' Awwissu 2015, il-Bordijiet ta' JLR u ta' Tata Motors ma qisux lil Jawor bħala alternattiva għal Nitra. |
4.2.5. Effett manifestament negattiv fuq il-kummerċ — il-limitu massimu tal-intensità tal-għajnuna nqabeż
|
(71) |
Peress li l-awtoritajiet Slovakki jqisu li ma ngħatat ebda għajnuna b'żieda mal-għajnuna notifikata, huma jiċħdu d-dubju li tqajjem mill-Kummissjoni li l-limitu massimu tal-intensità tal-għajnuna permissibbli nqabeż u li għalhekk l-għajnuna jista' jkollha effett manifestament negattiv fuq il-kummerċ. |
5. KUMMENTI MINN JLR
5.1. Introduzzjoni
|
(72) |
JLR tappoġġja l-kummenti tal-awtoritajiet Slovakki tal-20 ta' Lulju 2017 u elaborat fuq xi elementi partikolari. |
5.2. Kummenti minn JLR dwar l-għajnuna addizzjonali possibbli mhux notifikata
|
(73) |
JLR tqis li l-isforz tas-Slovakkja biex tiżviluppa l-NSP kien meħtieġ sabiex tagħmel is-sit vijabbli u attraenti għall-investiment. JLR kienet konxja sew tal-fatt li ma għandhiex tibbenefika esklussivament mill-infrastruttura, li għandha tħallas it-tariffi normali ta' aċċess jew it-taxxi li normalment ikunu dovuti, tħallas prezz tas-suq għall-art li ser takkwista u tħallas il-kostijiet għal kwalunkwe karatteristika tas-sit li ma tkunx standard u tkun tfasslet apposta għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-kumpanija. |
|
(74) |
JLR tinsisti li l-NSP u l-iżvilupp tal-infrastruttura mhumiex dedikati għall-JLR. Il-fatt li l-pjanijiet ta' tqassim f'żoni u l-atti leġiżlattivi jmorru lura għad-disgħinijiet huwa xhieda li l-pjanijiet ma ġewx żviluppati biss bi tweġiba għall-interess ta' JLR. Għall-kuntrarju, l-eżistenza taż-żona tal-park industrijali ta' Nitra North u d-disponibbiltà ta' pjanijiet li kienu ilhom stabbiliti biex tkompli tiġi żviluppata ż-żona industrijali kienu fatturi li influwenzaw il-proċess deċiżjonali ta' JLR favur Nitra. Dik l-influwenza hija dokumentata f'dokumenti interni dwar id-deċiżjonijiet ta' JLR li jinkludu referenzi bħal “tinsab fuq park industrijali żviluppat professjonalment” (24), “l-aqwa polza tal-assigurazzjoni minħabba l-infrastruttura tas-sit u l-fatt li s-sit huwa lest għall-iżvilupp” (25) u “[s]it f'park industrijali stabbilit b'fabbriki biswit” (26). |
|
(75) |
Barra minn hekk, JLR tirrimarka li hija akkwistat 55 % biss, jiġifieri 185 ettaru minn 338 ettaru, tas-superfiċe tal-NSP li tista' tiġi sfruttata kummerċjalment, u li d-drittijiet tal-ewwel rifjut jew l-għażliet ta' xiri ma jagħtux lill-JLR il-kapaċità li tokkupa jew li tikkontrolla l-art. JLR tfakkar ukoll li hija kienet irrinunzjat parzjalment għad-dritt tagħha tal-ewwel rifjut għall-Art tat-Tramuntana fil-25 ta' Awwissu 2017. Żammet dan id-dritt għal erja ta' 28,5 ettaru. |
|
(76) |
JLR issostni li hija ħallset il-prezz sħiħ tas-suq għall-art li hija xtrat “lesta biex tinbena” minħabba li l-prezz tagħha kien ġie ddeterminat b'mod indipendenti minn tliet valwazzjonijiet esperti, u dawk il-valwazzjonijiet jirreferu b'mod espliċitu għal art li hija “lesta biex tinbena”, jiġifieri li l-art ibbenefikat mix-xogħlijiet ġenerali korrispondenti tat-tħejjija tal-art meħtieġa biex jintlaħaq dak l-istandard. JLR tissottolinja wkoll li hija ħallset l-ispejjeż kollha tax-xogħlijiet kollha li saru skont l-ispeċifikazzjoni tagħha biex jintlaħaq standard ogħla. Il-kost ta' dawn ix-xogħlijiet huwa kważi d-doppju tal-ammont ta' EUR 16,9 miljun inizjalment stabbilit fil-Ftehim ta' Investiment għal dak il-għan. |
|
(77) |
JLR tiċċara wkoll li l-ammont ta' EUR 75 miljun, imsemmi fil-paragrafu 16 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, mhuwiex il-prezz li bih l-MHI xtrat l-art tas-sit tal-JLR mingħand partijiet terzi, iżda n-nefqa totali tal-MHI għax-xiri tal-art fl-NSP kollu. |
|
(78) |
JLR issostni wkoll li hija ma bbenefikat minn ebda eżenzjoni mit-tariffa ALF. JLR ma xtratx art agrikola, iżda art industrijali, u t-tliet valwazzjonijiet tal-art li ntużaw biex jiġi determinat il-prezz tas-suq kollha kienu jirreferu b'mod espliċitu għal art bil-karatteristiċi ta' art lesta biex tinbena f'żoni industrijali. JLR tammetti li wieħed mid-dokumenti interni tagħha tabilħaqq indika eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffa ALF sa massimu ta' EUR [50–110] miljun iżda tispjega li dan kien fehim inkorrett min-naħa ta' konsulent u ma kienx ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Slovakki. |
5.3. Kummenti dwar il-kompatibilità tal-għajnuna notifikata
|
(79) |
JLR tinsisti li l-għajnuna reġjonali mill-Istat kienet komponent neċessarju biex l-investiment isir f'Nitra. JLR tafferma li hija kienet qieset “kunsiderazzjonijiet strateġiċi” flimkien mal-possibbiltà li tirċievi għajnuna mill-Istat biex tikkumpensa għall-kostijiet addizzjonali, iżda tenfasizza li dawn il-kunsiderazzjonijiet strateġiċi waħedhom, jew b'ammont aktar baxx ta' għajnuna, ma kinux ikunu biżżejjed biex jaffettwaw id-deċiżjoni dwar il-post favur Nitra. |
|
(80) |
JLR tissottolinja li l-manifatturi tal-vetturi l-oħra kienu ddeċidew li jinvestu fil-Messiku, kemm qabel kif ukoll wara li ħadet id-deċiżjoni tagħha dwar il-post. L-investimenti mill-manifatturi tal-vetturi l-oħra fil-Messiku jikkonfermaw il-kredibilità tal-Messiku bħala post potenzjali għall-proġett ta' investiment ta' JLR. Fil-fatt, JLR damet aktar minn 18-il xahar tivvaluta l-għażla Messikana. Dik il-valutazzjoni kienet tinkludi t-twaqqif ta' tim dwar il-proġett, l-ingaġġ ta' konsulenti esterni, diskussjonijiet ma' uffiċjali tal-gvern Messikan, kif ukoll it-twettiq ta' żjarat fuq il-post, anki mill-aktar eżekuttiv għoli fit-tim tal-Espansjoni Globali tan-Negozju ta' JLR. |
|
(81) |
JLR tisħaq li tul il-proċess deċiżjonali hija dejjem kienet ikkunsidrat lill-Messiku bħala alternattiva fattibbli, kif muri mid-diversi dokumenti interni kontemporanji ppreżentati lill-Kummissjoni. JLR tqis li l-opinjonijiet kuntrarji ppreżentati f'ċerti rapporti tal-istampa msemmija fid-Deċiżjoni tal-ftuħ huma purament spekulattivi, u ma jirriflettux il-proċess deċiżjonali ta' JLR. |
|
(82) |
Barra minn hekk, JLR tgħid li l-intenzjoni kienet li tinvesti f'post wieħed. Qatt ma kkunsidrat il-possibilità li tinvesti fl-istess ħin, jew fil-futur qarib, fit-tieni impjant f'post differenti. JLR tammetti li l-minuti tal-laqgħa tal-21 ta' Jannar 2015 li l-Membri tal-Kumitat Eżekuttiv kellhom barra mis-sit tabilħaqq jirreferu għal Impjant 2 peress f'dik il-laqgħa kien ġie spekulat, u għalhekk imniżżel fil-minuti, li jekk ikun hemm biżżejjed domanda, JLR tista' tikkunsidra tibni impjant ieħor f'post ieħor fi żmien ħames sa għaxar snin wara t-tlestija tal-investiment inizjali. Madankollu JLR tinsisti li din il-possibbiltà fit-tul ma ġietx diskussa fid-dettall la fil-materjali tal-laqgħa, u lanqas waqt il-laqgħa nnifisha. Il-materjali tal-laqgħa pjuttost jirreferu għall-Fażi 1 u għall-Fażi 2 tal-proġett ta' investiment fl-istess post, jiġifieri għall-istrateġija ta' JLR biex tibda l-operazzjonijiet b'150 000 vettura fis-sena fl-2018 għall-ewwel fażi (Fażi 1 għall-Impjant 1) u żżid il-kapaċità għal 300 000 vettura fis-sena bejn l-[2020–2025] (Fażi 2 għall-Impjant 1). Barra minn hekk JLR tissuġġerixxi li l-bini ta' żewġ impjanti addizzjonali b'mod parallel, wieħed fl-Unjoni u wieħed fl-Amerika ta' Fuq, kull wieħed b'kapaċità ta' 300 000 vettura fis-sena, huwa inkonċepibbli, peress li fis-sena finanzjarja 2014/2015 JLR kienet biegħet biss 462 209 vettura. Fid-dawl ta' dawk iċ-ċifri, ma hemmx bażi kummerċjalment razzjonali biex wieħed jemmen li JLR setgħet kellha l-intenzjoni li tespandi l-kapaċità annwali tagħha fuq terminu qasir sa medju b'600 000 vettura. |
|
(83) |
JLR tenfasizza li s-sit ta' Jawor fil-Polonja ma kienx alternattiva fattibbli għal Nitra jew għall-Messiku peress li kellu problemi fundamentali, b'mod partikolari triq li taqsam is-sit. Għal dik ir-raġuni l-Bord ma qiesx lill-Jawor bħala alternattiva potenzjali għal Nitra, kif ġie ddokumentat mill-preżentazzjoni tal-laqgħa tal-Bord tat-18 ta' Novembru 2015. |
6. VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA
6.1. Introduzzjoni
|
(84) |
F'din it-taqsima, il-Kummissjoni l-ewwel ser tiffoka fuq il-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna totali lill-JLR hijiex limitata għall-għajnuna notifikata, jew jekk il-JLR ibbenefikatx minn elementi ta' għajnuna addizzjonali, b'mod partikolari l-konformità tal-prezz tal-bejgħ mas-suq, ix-xogħlijiet ta' infrastruttura dedikati/magħmula apposta ffinanzjati minn fondi pubbliċi u l-eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffa ALF. Wara li tqis il-legalità tal-għajnuna, il-Kummissjoni ser telabora opinjoni definittiva dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mogħtija. |
6.2. Eżistenza ta' għajnuna
6.2.1. L-għotja diretta notifikata
|
(85) |
Għar-raġunijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni tqis li l-għotja diretta notifikata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE u dan fid-dawl tal-fatt li l-għotja ngħatat permezz ta' riżorsi tal-Istat, hija selettiva, tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku lill-JLR, tista' taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u toħloq distorsjoni jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni. |
6.2.2. L-għajnuna mhux notifikata addizzjonali possibbli
|
(86) |
Kif issemma fit-taqsima 3.1, fid-Deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni qieset li kien hemm il-possibbiltà li l-JLR setgħet ibbenefikat minn ċertu ammont ta' għajnuna addizzjonali mill-Istat fil-kuntest tal-iżvilupp tal-NSP u x-xiri tas-sit tal-JLR. Hija qieset tliet modi li bihom it-tranżazzjoni setgħet wasslet għal għajnuna addizzjonali mill-Istat lill-JLR:
|
6.2.2.1.
|
(87) |
Biex jiġi konkluż li JLR għandha tħallas il-kostijiet tal-iżvilupp infrastrutturali kollha mġarrba mill-Istat Slovakk, iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin iridu jiġu sodisfatti simultanjament: (a) l-NSP jikkostitwixxi infrastruttura dedikata jiġifieri, JLR tikkwalifika bħala impriża identifikata minn qabel u l-NSP ġie adattat għall-ħtiġijiet tal-JLR; u (b) il-kostijiet jeskludu l-kostijiet ta' natura verament ġenerali. |
|
(88) |
Il-Kummissjoni tqis li ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-premessa 87 ma ġewx sodisfatti simultanjament u għalhekk is-704 ettari tal-NSP ma jikkwalifikawx bħala infrastruttura li hija dedikata għall-JLR. L-evoluzzjoni storika tal-ħolqien tiegħu, kif deskritta mill-awtoritajiet Slovakki u ppreżentata fil-qosor fit-taqsima 4.1.1 ta' din id-Deċiżjoni, tiċċara li l-NSP kien ġie legalment stabbilit fit-8 ta' Lulju 2015 permezz taċ-Ċertifikat ta' Investiment Sinifikanti sottostanti li kkonferixxa setgħat ta' esproprjazzjoni obbligatorja lill-awtoritajiet Slovakki. Madankollu t-tqassim f'żoni industrijali tal-NSP beda ferm qabel ma JLR wriet interess fiż-żona, u dak iż-żmien kien hemm diġà pjanijiet konkreti biex tkompli tiġi żviluppata ż-żona industrijali ta' Nitra North. Pereżempju, fl-2014, kien hemm diġà pjanijiet infrastrutturali dettaljati disponibbli bħala parti mill-Pjan ta' Tqassim f'Żoni ta' Luzianky. Barra minn hekk, parti miż-żona industrijali kienet diġà ġiet implimentata, fost l-oħrajn permezz tal-park industrijali ta' Nitra North. Essenzjalment, l-NSP jikkostitwixxi estensjoni tal-park industrijali ta' Nitra North. Il-Kummissjoni għalhekk tiddeċiedi li bħala tali JLR ma tikkwalifikax bħala impriża identifikata minn qabel għall-iżvilupp tal-NSP. |
|
(89) |
Barra minn hekk, JLR xtrat biss parti mill-NSP. L-NSP jikkonsisti f'art kummerċjalment sfruttabbli biex tinbiegħ lill-investituri bħall-JLR u fl-hekk imsejħa “art teknika”. L-art teknika tkopri aktar minn nofs l-NSP u hija meħtieġa għal miżuri infrastrutturali li jaqdu ż-żona industrijali kollha ta' Nitra North, inkluż il-park industrijali ta' Nitra North, u sa ċertu punt anke żoni barra mil-limiti tiegħu. L-art teknika takkomoda pereżempju l-bypass tal-awtostrada jew it-triq prinċipali li tagħti għal Drazovce, kif ukoll diversi żoni ta' protezzjoni meħtieġa mill-karatteristiċi ġeografiċi li jinkludu pereżempju difiżi kontra l-għargħar, fejn l-attivitajiet ta' kostruzzjoni huma limitati. Barra minn hekk, is-Slovakkja pprovdiet informazzjoni li tikkonferma li l-art mixtrija minn JLR tirrappreżenta 26 % biss tal-NSP totali, 55 % tal-NSP jekk tiġi eskluża l-art teknika, u li diġà hemm għadd ta' kumpaniji oħra stabbiliti fl-NSP. |
|
(90) |
Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li s-704 ettari tal-NSP fihom infushom ma jistgħux jitqiesu bħala infrastruttura dedikata għall-JLR. |
6.2.2.2.
|
(91) |
Kif intqal fil-paragrafu 119 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, anke jekk is-704 ettari kollha tal-NSP ma jistgħux jitqiesu bħala infrastruttura dedikata għall-JLR, it-tranżazzjoni xorta tista' tinvolvi għajnuna mill-Istat favur JLR, jew minħabba ċerti miżuri ta' żvilupp infrastrutturali li setgħu ġew iddisinjati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-JLR jew minħabba li l-art setgħet inbiegħet taħt il-prezz tas-suq. Il-Kummissjoni għalhekk teħtieġ tevalwa l-miżuri infrastrutturali u t-tranżazzjoni tal-bejgħ tal-art b'mod individwali. |
Miżuri infrastrutturali
|
(92) |
Il-kostijiet infrastrutturali mħallsa mill-Istat Slovakk imsemmija fil-premessa 51 jittrattaw ir-rimedjazzjoni tal-art, l-infrastruttura tat-toroq, l-utilitajiet, id-difiża kontra l-għargħar u l-immaniġġjar tal-ilma u t-Terminal tat-Trasport Multimodali ta' Luzianky. |
|
(93) |
Fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.36346 — Il-Ġermanja — GRW Skema ta' żvilupp tal-art għall-użu industrijali u kummerċjali (27), il-Kummissjoni analizzat jekk il-finanzjament pubbliku ta' xogħlijiet ta' żvilupp tal-art għall-bejgħ futur lil impriżi industrijali skont kundizzjonijiet tas-suq kienx jikkostitwixxi għajnuna għall-proprjetarju inizjali jew għall-investitur għall-iżvilupp tal-art. Il-Kummissjoni sabet li t-tħejjija ta' art pubblika sabiex tkun tista' tinbena u l-iżgurar li din tkun konnessa mal-utilitajiet, bħall-ilma, il-gass, is-sistema tad-drenaġġ u l-elettriku u ma' netwerks tat-trasport bħall-ferroviji u t-toroq, ma tikkostitwixxix attività ekonomika, iżda kienet parti mill-kompiti pubbliċi tal-Istat, jiġifieri l-provvista u s-superviżjoni tal-art skont il-pjanijiet ta' żvilupp urban u territorjali lokali. L-iżvilupp li jsir apposta għal xerrejja tal-art identifikati minn qabel kien eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni tal-miżura, u x-xerrejja kellhom jakkwistaw l-art skont il-kundizzjonijiet tas-suq. |
|
(94) |
Il-Kummissjoni tqis li l-kostijiet imġarrba mis-Slovakkja għax-xogħlijiet preparatorji ta' rimedjazzjoni tal-art fuq il-parti kummerċjalment sfruttabbli tal-NSP ma jmorrux lil hinn mill-kostijiet standard tal-iżvilupp biex art pubblika titħejja biex tkun tista' tinbena u dawk ix-xogħlijiet jagħmlu parti mill-kompitu pubbliku tal-Istat Slovakk, jiġifieri l-provvista u s-superviżjoni tal-art skont il-pjanijiet ta' żvilupp urban u territorjali lokali. Peress li dawk ix-xogħlijiet jaqgħu taħt il-kompetenza pubblika, il-finanzjament pubbliku tagħhom ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat għas-sid tal-art jew għall-investitur għat-twettiq tax-xogħlijiet ta' żvilupp. F'dan il-każ is-sid jew l-investitur huwa MHI. Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk ix-xerrej aħħari tal-art, f'dan il-każ JLR, ibbenefikax minn vantaġġi li jikkwalifikaw bħala għajnuna mill-Istat hija separata mill-kwistjoni dwar jekk kienx hemm għajnuna mill-Istat favur is-sid jew l-iżviluppatur tal-art. Peress li l-MHI taġixxi f'isem l-Istat, u hija ffinanzjata mill-Istat, l-azzjonijiet tagħha huma imputabbli lill-Istat. L-għajnuna mill-Istat lil JLR permezz tax-xogħlijiet ta' rimedjazzjoni tal-art u l-prezz tal-bejgħ jistgħu jiġu esklużi jekk l-MHI ma twettaqx, mingħajr remunerazzjoni adatta, ix-xogħlijiet ta' rimedjazzjoni tal-art fuq is-sit tal-JLR li jmorru lil hinn mix-xogħlijiet meħtieġa biex l-art tkun “lesta biex tinbena” u jekk it-trasferiment tal-art isir skont il-kundizzjonijiet tas-suq. |
|
(95) |
Il-Ftehim ta' Investiment jinkludi lista eżawrjenti tal-kamp ta' applikazzjoni tax-xogħlijiet ta' rimedjazzjoni tas-sit u jirreferi għattħejjija għall-użu normali tal-manifattura. Ix-xogħlijiet addizzjonali kollha ta' rimedjazzjoni tal-art li huma meħtieġa skont il-ħtiġijiet speċifiċi ta' JLR huma identifikati fil-Ftehim ta' Investiment taħt l-intestatura “Xogħlijiet Preparatorji Speċifiċi għall-Investitur” (28), u JLR tħallas għalihom separatament. Il-Kummissjoni tieħu nota wkoll tal-konferma mill-awtoritajiet Slovakki li d-drittijiet ta' superviżjoni tal-JLR fil-fażi ta' kostruzzjoni kienu limitati għall-verifika li l-art tilħaq l-istandard ta' “art industrijali lesta biex tinbena”, standard li dwaru kien hemm qbil fil-kuntest tax-xiri minn JLR mingħand l-MHI u li ddetermina l-prezz tal-bejgħ. Il-Kummissjoni tikkonkludi li x-xogħlijiet ta' rimedjazzjoni tas-sit biex l-art tkun lesta biex tinbena, u x-xogħlijiet addizzjonali skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-JLR, ma jinvolvux għajnuna mill-Istat lill-JLR, sakemm dawn ikunu koperti minn ftehim ta' xiri tal-art li huwa konformi mal-istandards tas-suq, jew li jkunu koperti minn remunerazzjoni xierqa li tikkorrispondi għat-termini tas-suq maqbula fil-Ftehim ta' Investiment u pagamenti addizzjonali. Il-valutazzjoni dwar jekk dik il-kundizzjoni hijiex sodisfatta hija stabbilita fil-premessi 105 sa 108 ta' din id-Deċiżjoni. |
|
(96) |
Id-Deċiżjoni tal-ftuħ tinnota li l-iżvilupp tal-NSP ma kienx jinvolvi biss l-investiment pubbliku f'xogħlijiet ta' rimedjazzjoni tas-sit biex l-art tkun lesta biex tinbena, iżda anke l-iżvilupp ta' firxa wiesgħa ta' infrastrutturi. Dawk ix-xogħlijiet infrastrutturali li kienu mmirati biex jagħmlu l-utilitajiet pubbliċi u l-aċċess stradali u ferrovjarju disponibbli għal JLR jinsabu barra mis-Sit tal-JLR u barra mis-siti ta' impriżi oħra u ma sarux apposta għal utent identifikat minn qabel kif stabbilit fil-premessi 97 sa 104. |
|
(97) |
L-awtoritajiet Slovakki kkonfermaw li x-xogħlijiet infrastrutturali kollha marbuta mal-utilitajiet fil-fruntieri tas-Sit tal-JLR tħallsu minn JLR, u li JLR se tħallas prezz tas-suq għall-aċċess u għall-użu ta' servizzi ta' utilitajiet pubbliċi. L-awtoritajiet Slovakki pprovdew ħarsa ġenerali tal-leġiżlazzjoni li tapplika għall-kalkolu tat-tariffi għall-utenti għall-utilitajiet pubbliċi. Ir-regoli applikabbli huma stabbiliti fil-livell tal-Istat Membru u s-Slovakkja kkonfermat li ma hemm l-ebda regola speċifika li tapplika għall-utenti fl-NSP li hija differenti minn dawk li japplikaw fuq livell nazzjonali. It-tariffi ta' konnessjoni u ta' distribuzzjoni mħallsa mill-JLR huma bbażati fuq listi standard ta' prezzijiet applikabbli f'sitwazzjonijiet simili. Għalhekk JLR se tħallas it-tariffi kollha ta' konnessjoni u ta' distribuzzjoni, f'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli li japplikaw fuq livell nazzjonali u li huma regolati mill-Uffiċċju Regolatorju għall-Industriji li jużaw Netwerk. Jiġifieri JLR mhi se tibbenefika minn ebda eżenzjoni. Il-Kummissjoni tqis li x-xogħlijiet fuq l-infrastruttura tal-utilitajiet jaqgħu kollha taħt il-kompetenza pubblika tal-istat Slovakk u tikkonkludi li x-xogħlijiet fuq l-infrastruttura tal-utilitajiet mhumiex dedikati għall-JLR. |
|
(98) |
L-investiment fl-infrastruttura tat-toroq imsemmi fil-premessa 51 jaqdi l-impriżi kollha fiż-żona industrijali li tikkonsisti fl-NSP u l-park industrijali ta' Nitra North kif ukoll ir-reġjun usa'. L-ebda triq ma hija għall-użu esklussiv tal-JLR jew inbniet għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħha. It-toroq huma disponibbli għall-użu pubbliku mingħajr ħlas. L-awtoritajiet Slovakki kkonfermaw li x-xogħlijiet tat-toroq ma jmorrux lil hinn mill-iżvilupp standard tat-toroq u pprovdew evidenza li r-regoli applikabbli għall-proġett ikkonċernat kienu l-istess bħal dawk għal proġetti oħra. It-toroq interni fil-konfini tas-Sit tal-JLR tħallsu minn JLR. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li x-xogħlijiet fuq l-infrastruttura tat-toroq jaqgħu kompletament taħt il-kompetenza pubblika tal-Istat Slovakk u tikkonkludi li x-xogħlijiet fuq l-infrastruttura tat-toroq mhumiex dedikati għall-JLR. |
|
(99) |
Fil-passat il-Kummissjoni kkunsidrat (29) li meta parkeġġ ma jkunx inbena speċifikament għal impriża waħda iżda jagħmel parti mill-pjan ta' żvilupp ekonomiku għall-park industrijali, jista' jitqies li mhuwiex iddedikat u ma jinvolvix għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni tinnota li l-bini ta' faċilitajiet ta' parkeġġ aċċessibbli għall-pubbliku diġà kien deher fil-pjan ta' tqassim f'żoni tal-muniċipalità ta' Luzianky tal-2014. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-iżvilupp tal-parkeġġ jaqa' taħt il-kompetenza pubblika tal-Istat Slovakk u x-xogħlijiet mhumiex dedikati għall-JLR. |
|
(100) |
Il-Kummissjoni tqis li l-investimenti relatati mal-istazzjon tat-tifi tan-nar, l-għassa tal-pulizija, il-faċilità ta' manutenzjoni tat-toroq, is-sistema ta' difiża mill-għargħar u l-immaniġġjar tal-ilma ta' taħt l-art huma kompiti pubbliċi tipiċi li jaqgħu taħt il-kompetenza pubblika tal-Istat u għalhekk ma jikkostitwixxux attività ekonomika. Il-finanzjament pubbliku tagħhom ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. |
|
(101) |
Fid-dawl tal-fatt li t-Terminal tat-Trasport Multimodali ta' Luzianky huwa ffinanzjat mill-Kumpanija Ferrovjarja Slovakka, li hija intrapriża tal-Istat responsabbli għall-infrastruttura ferrovjarja, l-investiment jista' potenzjalment ikun imputabbli lill-Istat Slovakk. Il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk jistax ikun hemm vantaġġ għal JLR. |
|
(102) |
L-awtoritajiet Slovakki spjegaw li t-Terminal tat-Trasport Multimodali ta' Luzianky huwa ffinanzjat mill-Kumpanija Ferrovjarja Slovakka minn riżorsi ġġenerati mill-attivitajiet kummerċjali propji li huma kontabilizzati separatament mill-attivitajiet mhux ekonomiċi ffinanzjati minn fondi pubbliċi. Għall-parti tal-infrastruttura li tirrigwarda ż-żona lesta għall-ħżin tal-vetturi, JLR qed tfittex esklussività kuntrattwali. Iż-żewġ partijiet funzjonali l-oħra tat-Terminal tat-Trasport Multimodali se jkunu miftuħa għal kwalunkwe utent skont kundizzjonijiet tas-suq. Għalhekk, jidher li tal-anqas parti mill-infrastruttura nbniet skont il-ħtiġijiet speċifiċi tal-JLR bħala impriża identifikata minn qabel. |
|
(103) |
L-awtoritajiet Slovakki kkonfermaw ukoll li t-tariffi għall-utenti għall-partijiet kollha tat-Terminal se jiġu kkalkulati fuq bażi kummerċjali u se jkopru l-kostijiet kollha relatati ta' investiment, il-kostijiet operatorji u l-kostijiet ta' investimenti għal tiġdid jew sostituzzjoni. It-tariffi se jkunu orjentati lejn is-suq u jimmiraw lejn Rata ta' Redditu Interna għall-proġett ta' […]. It-tariffi għall-utenti fuq perijodu ta' 30 sena għandhom jiżguraw redditu fuq l-investiment għall-proġett, kif evalwat minn kalkolu ex ante tal-VPN ta' EUR […] miljun. |
|
(104) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-Kumpanija Ferrovjarja Slovakka taġixxi l-istess kif operatur f'ekonomija tas-suq jagħmel f'sitwazzjoni simili. Meta tranżazzjonijiet ekonomiċi mwettqa minn korpi pubbliċi jsiru f'konformità mal-kundizzjonijiet normali tas-suq, dawn ma jagħtux vantaġġ lill-kontroparti tagħhom (30). Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li JLR ma tirċievi l-ebda għajnuna mill-Istat għall-użu tat-Terminal tat-Trasport Multimodali ta' Luzianky. |
It-tranżazzjoni tal-art
|
(105) |
Is-Slovakkja, permezz tal-MHI, biegħet 185 ettaru ta' art kummerċjalment sfruttabbli lesta biex tinbena, imsejħa s-Sit tal-JLR, lill-JLR bi prezz ta' EUR 15,83 għal kull metru kwadru jew għal kważi total ta' EUR 30 miljun. Il-premessi 40 u 41 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.36346 jistabbilixxu li x-xerrej aħħari ta' art żviluppata mill-ġdid ma għandux jitqies bħala benefiċjarju fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE għall-miżura ta' żvilupp tal-art jekk dak ix-xerrej aħħari jħallas prezz tas-suq għall-art żviluppata mill-ġdid. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-prezz tax-xiri finali għas-Sit tal-JLR kien ġie stabbilit bħala medja ta' tliet rapporti ta' valwazzjoni indipendenti stabbiliti minn esperti rikonoxxuti internazzjonalment, li japplikaw l-istandards ta' valwazzjoni professjonali u l-metodi tar-Royal Institution of Chartered Surveyors. It-tliet rapporti ta' evalwazzjoni kollha jinkludu dikjarazzjoni ta' indipendenza, tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, u japplikaw għal sit li huwa allokat għall-użu industrijali, b'punti ta' konnessjoni mal-utilitajiet disponibbli fil-fruntiera tas-sit, li ġie rimedjat u livellat, u li fir-rigward tiegħu ma hemm l-ebda kostijiet ulterjuri dovuti bħala riżultat tal-konverżjoni tal-art mill-użu agrikolu għal dak industrijali. Ir-rapporti jassumu wkoll ir-rilokazzjoni tal-utilitajiet kollha eżistenti u tal-linja ferrovjarja li taqsam is-sit industrijali, kif ukoll l-iżvilupp tas-sistemi stradali u tal-parkeġġ pubbliku fil-park. It-tliet rapporti jużaw metodoloġija komparabbli għall-evalwazzjoni tal-prezz, fejn iqabblu l-art ma' plottijiet oħra li nbiegħu jew għall-bejgħ fis-Slovakkja (31) u jaġġustaw dawk il-prezzijiet tal-bejgħ jew il-prezzijiet mitluba abbażi ta' fatturi bħad-daqs tal-plott, il-post, l-infrastruttura disponibbli, id-data, il-forma, il-viżibilità. Barra minn hekk, ir-rapport ta' […] juża metodu tal-fluss tal-flus skontat (32). It-tliet rapporti stmaw li l-valur għal kull metru kwadru tas-Sit tal-JLR huwa ta' EUR 15,5, ta' EUR 15,0 u ta' EUR 17,0 rispettivament. |
|
(106) |
Is-suppożizzjonijiet dwar il-karatteristiċi tal-art huma identiċi fit-tliet rapporti u jikkorrispondu għas-sitwazzjoni tas-Sit tal-JLR wara l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet infrastrutturali pubbliċi. |
|
(107) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li r-rapport ta' CB Richard Ellis li ġie ppreżentat bi żball mill-awtoritajiet Slovakki kien rapport ġenerali ta' informazzjoni dwar is-suq ta' CB Richard Ellis. Kien fih biss deskrizzjoni ġenerali tas-suq tal-proprjetà immobbli Slovakk b'indikazzjoni tal-prezz medju ta' plottijiet oħra li nbiegħu jew għall-bejgħ fis-Slovakkja, li huwa konsistenti mal-prezzijiet tas-siti ta' riferiment użati bħala bażi fir-rapporti ta' valwazzjoni tas-sit tal-JLR. Ir-rapport tal-informazzjoni dwar is-suq ma kien fih ebda aġġustament speċifiku biex jiġi vvalutat il-prezz tas-suq tas-Sit tal-JLR. |
|
(108) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-prezz tax-xiri ta' EUR 15,83 għal kull metru kwadru huwa konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq u li l-bejgħ tal-art fl-istat deskritt mir-rapporti ta' valwazzjoni tas-suq sar skont il-kundizzjonijiet tas-suq. |
Konklużjoni
|
(109) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li JLR ma rċeviet ebda vantaġġ selettiv relatat mal-bejgħ tas-Sit tal-JLR jew relatat max-xogħlijiet ta' infrastruttura marbuta mal-NSP u ffinanzjati mill-Istat Slovakk. |
6.2.2.3.
|
(110) |
Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni qajmet dubji dwar jekk l-eżenzjoni mit-tariffa ALF tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat lill-JLR. |
|
(111) |
Kif intqal fil-premessa 105, it-tliet rapporti ta' valwazzjoni indipendenti kollha intrinsikament assumew li s-sit ġie riallokat għall-użu industrijali u ma kienx hemm kostijiet addizzjonali bħala riżultat tal-konverżjoni tiegħu mill-użu agrikolu. Il-prezz tax-xiri ta' EUR 15,83 għal kull metru kwadru għandu jitqies bħala l-prezz tas-suq meta x-xerrej ma jkunx iffaċċjat b'kostijiet addizzjonali relatati mal-konverżjoni tal-art. Peress li l-konformità mas-suq tal-bejgħ tas-Sit tal-JLR lill-JLR seta' jiġi stabbilit abbażi tar-rapporti tal-esperti indipendenti, l-eżenzjoni għall-MHI mill-ħlas tat-tariffa ALF tnaqqas il-kostijiet li din l-entità bi skop speċjali ġġarrab fit-twettiq tal-kompitu pubbliku tagħha, iżda ma ġietx mgħoddija bħala vantaġġ selettiv lill-JLR. |
|
(112) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżenzjoni mit-tariffa ALF ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. |
6.2.2.4.
|
(113) |
Il-Kummissjoni sabet li l-kundizzjonijiet tal-bejgħ tas-Sit tal-JLR lill-JLR u l-kundizzjonijiet li taħthom saru x-xogħlijiet ta' rimedjazzjoni tal-art, ix-xogħlijiet marbuta mal-utilitajiet pubbliċi u xogħlijiet infrastrutturali oħra, ma jagħtux vantaġġi selettivi lill-JLR. Għalhekk ma hemmx bżonn li jkomplu jiġu vvalutati l-kundizzjonijiet kumulattivi l-oħra għall-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE għall-valutazzjoni tal-għajnuna fir-rigward tal-bejgħ tal-art tal-NSP lill-JLR. Għalhekk l-għajnuna mill-Istat lill-JLR hija limitata għall-għotja diretta notifikata. |
6.3. Legalità tal-għajnuna mill-Istat
|
(114) |
Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni stabbiliet li minħabba li l-awtoritajiet Slovakki nnotifikaw l-għotja diretta ppjanata ta' EUR 129 812 750 f'valur nominali, soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, huma rrispettaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE fir-rigward ta' dik il-parti tal-għajnuna. |
6.4. Kompatibbiltà tal-għajnuna
6.4.1. Bażi ġuridika għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna
|
(115) |
Il-miżura notifikata fit-12 ta' Mejju 2016 għandha l-għan li trawwem l-iżvilupp reġjonali fir-reġjun ta' Nitra tas-Slovakkja. Għalhekk għandha tiġi vvalutata fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-għajnuna reġjonali stabbiliti fl-Artikoli 107(3)(a) u (c) tat-TFUE, kif interpretat mir-RAG għall-2014–2020, u l-mappa tal-għajnuna reġjonali għall-2014–2020 għas-Slovakkja. Il-valutazzjoni bbażata fuq il-prinċipji ta' valutazzjoni komuni tar-RAG isseħħ fi tliet stadji, jiġifieri l-valutazzjoni tar-rekwiżiti minimi, l-effetti manifestament negattivi u t-twettiq ta' test tal-bilanċ. Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni kkonkludiet li, abbażi tal-prinċipji komuni tal-valutazzjoni, parti mill-kriterji ġenerali tal-kompatibbiltà kienet sodisfatta u l-investigazzjoni formali ma wriet l-ebda element li jpoġġi f'dubju l-valutazzjoni preliminari sottostanti dwar dawk il-kriterji tal-kompatibilità. |
|
(116) |
Madankollu, fid-Deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni qajmet dubji dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa u dwar l-effett ta' inċentiv u l-proporzjonalità tal-għajnuna. Għalhekk, il-Kummissjoni lanqas biss setgħet tifforma opinjoni definittiva dwar jekk il-proġett jissodisfax ir-rekwiżiti minimi kollha tar-RAG. Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni lanqas ma setgħet teskludi l-preżenza ta' effetti manifestament negattivi fuq il-kummerċ u fuq il-koeżjoni bejn l-Istati Membri. Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi jekk l-effetti pożittivi tal-għajnuna, jekk ikun hemm, fin-nuqqas possibbli ta' effett ta' inċentiv, jistgħux jegħlbu l-effetti negattivi tagħhom. |
6.4.2. Eliġibbiltà tal-proġett ta' investiment
|
(117) |
Kif stabbilit fit-taqsima 3.3.2 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni tqis li l-proġett ta' investiment huwa eliġibbli għal għajnuna reġjonali u l-għajnuna mill-Istat tista' tinstab kompatibbli mas-suq intern sakemm ikunu sodisfatti l-kriterji kollha dwar il-kompatibilità tar-RAG. |
6.4.3. Eliġibbiltà tan-nefqa
|
(118) |
Id-Deċiżjoni tal-ftuħ qajmet dubji relatati mal-eliġibbiltà tal-“kostijiet tal-fornitura”. Skont il-paragrafu 20(e) tar-RAG, “ “kostijiet eliġibbli” tfisser, għall-finijiet tal-għajnuna għall-investiment, assi tanġibbli u intanġibbli relatati ma' investiment inizjali jew kostijiet tal-pagi”. L-awtoritajiet Slovakki pprovdew analiżi dettaljata tal-elementi ta' kost eliġibbli. Dawk l-elementi ta' kost eliġibbli jirriflettu l-kostijiet antiċipati fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna u jinkludu ammont għall-provvediment għal kull element ta' kost eliġibbli, bħala parti minn approċċ prudenti għall-istima tal-kostijiet. Fil-Ftehim ta' Investiment, l-ammont nominali sħiħ ta' EUR 1 406 620 590 huwa kkunsidrat bħala “Investiment għal Proġett Ippjanat” li għalih il-JLR għamlet impenn ta' nfiq (33). |
|
(119) |
Abbażi tal-ispjegazzjonijiet tal-awtoritajiet Slovakki, il-Kummissjoni tinnota li r-referenza għall-“kostijiet tal-forniment” fil-preżentazzjoni interna tal-JLR tat-18 ta' Novembru 2015 saret għall-finijiet ta' preżentazzjoni finanzjarja interna tal-impenn ta' investiment li l-JLR kienet se tidħol fih mas-Slovakkja. Dawk il-kostijiet tal-forniment ma kinux jirreferu għal element ta' kost addizzjonali fuq l-istima tal-kost prudenti tal-elementi ta' kost eliġibbli. Peress li fil-Ftehim ta' Investiment JLR intrabtet li tonfoq l-ammont nominali sħiħ tal-investiment ta' EUR 1 406 620 590, u l-ħlas tal-għajnuna għall-investiment reġjonali se jittratta biss il-kostijiet eliġibbli effettivament imġarrba, il-Kummissjoni taċċetta EUR 1 406 620 590 bħala l-ammont nominali massimu tal-kostijiet eliġibbli li għalihom tista' tingħata għajnuna. Il-Kummissjoni tinnota f'dan il-kuntest li s-Slovakkja ntrabtet li ma taqbiżx l-ammont massimu ta' għajnuna notifikat, u lanqas il-limitu massimu tal-intensità tal-għajnuna notifikat. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kostijiet eliġibbli huma konformi mal-paragrafu 20(e) tar-RAG. |
6.4.4. Rekwiżiti minimi
6.4.4.1.
|
(120) |
Kif stabbilit fit-taqsima 3.3.4.1(a) tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, l-għajnuna tikkontribwixxi għall-objettiv ta' żvilupp reġjonali u hija meqjusa ġustifikata peress li Nitra hija inkluża fil-mappa ta' għajnuna reġjonali bħala reġjun eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE, b'limitu massimu standard ta' intensità ta' għajnuna għal għajnuna għall-investiment lil impriżi kbar ta' 25 %. |
6.4.4.2.
|
(121) |
Fit-taqsima 3.3.4.1(b) tad-Deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni diġà kkonkludiet li bħala prinċipju l-għotja diretta notifikata tikkostitwixxi strument xieraq ta' għajnuna biex jitnaqqsu l-lakuni fil-vijabilità permezz ta' tnaqqis fil-kostijiet tal-investiment. L-inċentivi fiskali ma kinux preferuti minħabba l-kumplessità amministrattiva tagħhom. |
6.4.4.3.
|
(122) |
Skont it-taqsima 3.5 tar-RAG, għajnuna reġjonali tista' tinstab kompatibbli mas-suq intern biss jekk ikollha effett ta' inċentiv. Effett ta' inċentiv jeżisti meta l-għajnuna tibdel l-imġiba ta' impriża b'tali mod li din tinvolvi ruħha f'attività addizzjonali li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' żona li mingħajr l-għajnuna, ma kinitx tinvolvi ruħha fiha jew kienet tinvolvi ruħha f'tali attività biss b'mod ristrett jew differenti jew f'post ieħor. L-għajnuna ma għandhiex tissussidja l-kostijiet ta' attività li kieku impriża kienet xorta ġġarrab u ma għandhiex tikkumpensa għar-riskju kummerċjali normali ta' attività ekonomika. |
|
(123) |
Il-paragrafi 64 u 65 tar-RAG jistabbilixxu r-rekwiżiti formali għal effett ta' inċentiv, li jistabbilixxu li x-xogħlijiet fuq investiment individwali jistgħu jibdew biss wara li l-formola ta' applikazzjoni għall-għajnuna tkun ġiet sottomessa formalment. Fil-paragrafu 166 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni diġà stabbiliet li r-rekwiżit formali għall-effett ta' inċentiv tal-għotja ġie rispettat, peress li l-applikazzjoni għall-għajnuna kienet saret formalment qabel bdew ix-xogħlijiet fuq il-proġett ta' investiment. Il-Kummissjoni tikkonferma dik l-opinjoni għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni. |
|
(124) |
Minbarra r-rekwiżit formali ta' effett ta' inċentiv, il-paragrafu 61 tar-RAG jeħtieġ il-preżenza ta' effett ta' inċentiv sostanzjali li jista' jiġi ppruvat f'żewġ manjieri possibbli, jiġifieri li mingħajr l-għajnuna l-investiment ma kienx ikun profitabbli biżżejjed (xenarju 1) jew l-investiment kien iseħħ f'post ieħor (xenarju 2). |
|
(125) |
F'sitwazzjoni tax-xenarju 2, l-Istat Membru għandu juri li l-għajnuna tagħti inċentiv lill-benefiċjarju tal-għajnuna biex jagħmel l-investiment ippjanat fir-reġjun magħżul minflok f'reġjun ieħor fejn l-investiment kien ikun aktar profitabbli u seta' ġie implimentat fin-nuqqas ta' għajnuna, minħabba li l-għajnuna notifikata tikkumpensa lill-benefiċjarju għall-iżvantaġġi netti tal-implimentazzjoni tal-proġett fir-reġjun li se jiġi megħjun mill-għajnuna, meta mqabbel mar-reġjun “kontrofattwali”, aktar vijabbli alternattiv. |
|
(126) |
Kif stabbilit fit-Taqsima 3.5.2 tar-RAG, l-Istat Membru għandu jipprovdi evidenza ċara li l-għajnuna għandha impatt reali fuq l-għażla tal-investiment jew dwar l-għażla tal-post. Għal dak il-għan, l-Istat Membru għandu jipprovdi deskrizzjoni komprensiva tax-xenarju kontrofattwali li fih ma tingħata l-ebda għajnuna lill-benefiċjarju. |
|
(127) |
Bħala x-xenarju kontrofattwali s-Slovakkja ppreżentat sitwazzjoni tax-xenarju 2, li fiha l-alternattiva għal-lokalizzazzjoni tal-investiment f'Nitra, fis-Slovakkja, kienet tkun li jiġi lokalizzat fi H[…] fl-Istat ta' Puebla, il-Messiku. Skont in-notifika, il-VPN li seta' jinkiseb kieku l-proġett ta' investiment approvat b'kapaċità ta' 150 000 vettura fis-sena ġie lokalizzat fi H[…] kien jaqbeż il-VPN ikkalkulat għal Nitra b'EUR 413-il miljun, fin-nuqqas ta' għajnuna u tul l-20 sena ta' ħajja ppjanata tal-proġett. |
|
(128) |
Il-paragrafu 71 tar-RAG jindika li fil-każ tax-xenarju 2, l-Istat Membru seta' jipprovdi l-evidenza meħtieġa tal-effett ta' inċentiv tal-għajnuna billi jipprovdi dokumenti kontemporanji tal-kumpanija li juru li sar tqabbil bejn il-kostijiet u l-benefiċċji tal-lokalizzazzjoni tal-investiment fir-reġjun megħjun magħżul meta mqabbel ma' postijiet alternattivi. Għal dak il-għan, skont il-paragrafu 72 tar-RAG, l-Istat Membru huwa mistieden jistrieħ fuq dokumenti uffiċjali tal-bord, valutazzjonijiet tar-riskju, rapporti finanzjarji, pjanijiet interni ta' direzzjoni tan-negozju, opinjonijiet tal-esperti, studji u dokumenti oħra li jelaboraw dwar diversi xenarji ta' investiment. |
|
(129) |
Kif diġà intqal fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, l-awtoritajiet Slovakki ppreżentaw din l-informazzjoni fil-forma ta' spjegazzjoni tal-proċess tal-għażla tal-post abbażi ta' dokumenti kontemporanji li ġew ippreżentati wkoll mill-awtoritajiet Slovakki. Dawk id-dokumenti jiddeskrivu l-proċess deċiżjonali tal-benefiċjarju fir-rigward tad-deċiżjoni dwar l-investiment u l-post. Matul il-proċedura ta' investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Slovakki pprovdew aktar spjegazzjonijiet u dokumenti kontemporanji supplimentari. |
|
(130) |
Waqt il-laqgħa tal-Forum dwar il-Globalizzazzjoni tal-10 ta' Lulju 2015, ġie miftiehem li Nitra kellha tiġi promossa bħala s-sit rakkomandat, soġġett għall-approvazzjoni tal-Bord. Il-Bord ta' JLR tat-3 ta' Awwissu 2015 approva lil Nitra bħala s-sit rakkomandat, approva l-iffirmar ta' ittra ta' intenzjoni mhux vinkolanti biex tikkonferma l-progressjoni ta' diskussjonijiet esklussivi mas-Slovakkja u approva t-twaqqif ta' entità ġdida tal-JLR fis-Slovakkja, soġġett għall-approvazzjoni tal-Business Approval gateway (34) u reviżjoni dettaljata tal-pjan ta' direzzjoni tan-negozju ta' JLR fit-tielet ġimgħa ta' Settembru 2015. Il-minuti tal-Bord ta' Tata Motors Limited tas-7 ta' Awwissu 2015 jirreferu wkoll għal preżentazzjoni dettaljata li s-CFO ta' JLR kien sejjer jagħmel dwar l-aspetti finanzjarji prinċipali tal-proġett fil-laqgħa li jmiss. F'Lulju/Awwissu 2015, il-kamp ta' applikazzjoni tal-proġett kien għadu jirreferi għal impjant b'kapaċità ta' 300 000 vettura fis-sena. Il-proġett ġie approvat mill-Business Approval gateway waqt il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv ta' JLR tat-3 ta' Settembru 2015. Waqt il-laqgħa tal-Bord ta' Tata Motors tat-18 ta' Settembru 2015, JLR aġġornat lill-Bord dwar il-Proġett Darwin inklużi l-aspetti finanzjarji prinċipali u l-argument għall-vijabbiltà. It-total rivedut ta' Għajnuna mill-Istat ta' GBP [150–200] miljun (35) kien biżżejjed biex Nitra tkompli titmexxa 'l quddiem minflok il-Messiku u l-proġett kellu jkun maqsum fuq żewġ fażijiet. Waqt il-Forum dwar il-Globalizzazzjoni tal-21 ta' Ottubru 2015, intlaħaq qbil sabiex għall-fini tal-applikazzjoni għall-għajnuna, il-proġett ta' investiment inizjali jiġi ridefinit għall-fażi 1 biss minħabba li ma kienx hemm biżżejjed dettalji disponibbli dwar it-taħlita eżatta tal-prodott tal-fażi 2, u għalhekk ma kienx hemm pjan ta' direzzjoni tan-negozju sod u impenjat, biex jidħlu f'impenn mal-awtoritajiet Slovakki għall-investiment kollu. Fil-laqgħa tal-Bord ta' JLR tat-18 ta' Novembru 2015 ġie approvat il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju aġġornat u s-Slovakkja ġiet ikkonfermata bħala l-post preferut bil-kundizzjoni li jingħata l-ammont sħiħ ta' għajnuna mill-Istat għall-proġett ridefinit. Il-VPN kemm għas-Slovakkja u għall-Messiku kienu bbażati fuq l-aħħar strateġija għall-prodott u saru kalkoli ġodda dwar is-suppożizzjonijiet, bit-tneħħija tal-fażi 2. Id-differenza fil-VPN kienet tlaħħaq l-EUR 413-il miljun u l-għajnuna mill-Istat reġgħet ġiet ikkalkulata għall-ammont nominali ta' EUR 129 812 750. |
|
(131) |
Biex ikollha effett ta' inċentiv, l-għajnuna għandha tikkostitwixxi fattur deċiżiv fid-deċiżjoni biex l-investiment isir f'Nitra minflok fi H[…]. Peress li d-deċiżjoni finali dwar l-investiment ittieħdet biss f'Ottubru/Novembru 2015, meta l-proġett ta' investiment inizjali kien ġie ridefinit mill-ġdid u tnaqqas għall-fażi 1 biss, u meta s-Slovakkja reġgħet ġiet espliċitament ikkonfermata bħala l-post preferut mill-Bord ta' JLR, il-Kummissjoni tqis li Ottubru/Novembru 2015 huwa l-punt fiż-żmien rilevanti biex tittestja għall-preżenza ta' effett ta' inċentiv. Madankollu, peress li r-rakkomandazzjoni dwar il-post tal-10 ta' Lulju 2015 kienet diġà ġiet ratifikata mill-Bord ta' JLR u mill-Bord ta' Tata Motors kmieni f'Awwissu 2015, ġiet iffirmata Ittra ta' Intenzjoni mhux vinkolanti mas-Slovakkja fl-10 ta' Awwissu 2015 u fil-11 ta' Awwissu 2015 ħareġ avviż pubbliku, il-Kummissjoni tqis ukoll li l-perjodu ta' bejn Lulju/Awissu 2015 huwa ta' rilevanza partikolari biex tivvaluta għall-preżenza ta' effett ta' inċentiv. |
Kredibilità tal-alternattiva tal-Messiku
|
(132) |
Bħala rimarka preliminari l-Kummissjoni tinnota li l-argument tas-Slovakkja li l-Messiku kien jikkostitwixxi alternattiva kredibbli għal JLR peress li kien post ta' investiment realistiku għal manifatturi oħra tal-karozzi ma jistax jitqies bħala suffiċjenti, peress li ma joffrix prova awtentika li mingħajr l-għajnuna, JLR kienet twettaq l-investiment fil-Messiku. Skont il-paragrafu 68 tar-RAG, xenarju kontrofattwali jitqies kredibbli jekk ikun ġenwin u jekk ikun jirrigwarda l-fatturi prevalenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet fiż-żmien li fih il-benefiċjarju ħa d-deċiżjoni dwar l-investiment. |
|
(133) |
Waqt il-proċedura ta' investigazzjoni formali l-awtoritajiet Slovakki pprovdew aktar dokumenti tal-kumpanija li juru li kien sar tqabbil bejn il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-lokalizzazzjoni f'Nitra u dawk tal-lokalizzazzjoni fi H[…], fil-Messiku. Il-paragrafu 71 tar-RAG jitlob li l-Kummissjoni tivverifika jekk tali tqabbil għandux bażi realistika. |
|
(134) |
Fil-paragrafu 181 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni ppreżentat tliet raġunijiet ewlenin biex tesprimi dubji dwar il-kredibilità tal-alternattiva tal-Messiku. |
|
(135) |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi li l-informazzjoni sottomessa kienet tirrigwarda żewġ proġetti separati. Il-Kummissjoni tqis li l-argumentazzjoni tal-awtoritajiet Slovakki kif deskritt fil-premessa 61 sa 66 ta' din id-Deċiżjoni bħala suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-Proġett Oak u l-Proġett Darwin kienu intiżi bħala studji ta' fattibilità għal proġett uniku, kif issemma wkoll b'mod espliċitu fil-preżentazzjoni lill-Bord ta' Tata Motors tas-7 ta' Awwissu 2015, u li l-alternattiva Messikana ma ġietx abbandunata sakemm ittieħdet id-deċiżjoni finali mill-Bord ta' JLR fit-18 ta' Novembru 2015 biex jiġi ffirmat Ftehim ta' Investiment mas-Slovakkja. |
|
(136) |
Anki qabel it-tnedija formali tal-Proġett Darwin, kien hemm indikazzjonijiet li kien sejjer issir tqabbil bejn l-Ewropa tal-Lvant u n-NAFTA. Wieħed mill-punti ta' azzjoni fil-minuti tal-Kunsill għall-Istrateġija tal-10 ta' Novembru 2014 pereżempju kien li “[i]sir studju dwar il-kompetittività tal-manifattura globali desktop inkluż tqabbil bejn l-Ewropa tal-Lvant u n-NAFTA”. |
|
(137) |
Kemm il-Proġett Oak u l-Proġett Darwin studjaw il-fattibbiltà ta' impjant tal-manifattura ta' 300 000 vettura bid-data tal-bidu tal-produzzjoni ppjanata għal Ġunju 2018 u biċċa art ta' bejn 400 u 600 ettaru. Iċ-ċifri dwar il-kapaċità addizzjonali meħtieġa jikkonfermaw id-dikjarazzjonijiet tas-Slovakkja u ta' JLR fit-tweġiba tagħhom għad-Deċiżjoni tal-ftuħ li ma kienx hemm bżonn li jinbnew żewġ impjanti separati b'kapaċità ta' 300 000 vettura kull wieħed. Dan intwera wkoll pereżempju fid-dokument “Espansjoni tal-Impronta tal-Manifattura Globali” tal-15 ta' Diċembru 2014. |
|
(138) |
Waqt il-laqgħa tal-Membri tal-Kumitat Eżekuttiv tal-21 ta' Jannar 2015, kien hemm referenza għat-tieni impjant. L-awtoritajiet Slovakki spjegaw li l-Membri tal-Kumitat Eżekuttiv għal ftit ikkunsidraw li wara l-bini tal-ewwel sit, b'kapaċità ta' 300 000 vettura, jikkunsidraw il-possibilità tal-bini ta' sit futur bejn ħames u għaxar snin wara t-tlestija tax-xogħlijiet fuq l-ewwel investiment, jekk ikun hemm biżżejjed domanda. Għat-tieni impjant, kienu se jiġu kkunsidrati l-Istati Uniti u l-Messiku li dan jista' jispjega għaliex, f'Diċembru 2015, JLR ikkonfermat mal-gvernatur tal-istat Messikan ta' Puebla li kienet ħerqana tkompli tiżviluppa aktar ir-relazzjoni tagħha fir-realizzazzjoni tal-pjanijiet ta' espansjoni globali tagħha u li Puebla u l-Messiku għadhom ferm f'moħħ il-JLR. |
|
(139) |
Evidenza ppreżentata mis-Slovakkja tissuġġerixxi li ż-żewġ studji ta' fattibilità l-Proġett Oak u l-Proġett Darwin kienu saru b'impjant uniku f'moħħhom. Il-Kunsill Strateġiku tas-27 ta' April approva lil Puebla bħala l-alternattiva mhux fl-Unjoni fit-tema tal-aġenda tal-Proġett Darwin, u ddeċieda li titwaqqaf il-valutazzjoni tat-Turkija u tal-pajjiżi l-oħra li ma ntgħażlux. L-ittra lill-gvernatur tal-Istat ta' Puebla tal-25 ta' Ġunju 2015 li ntbagħtet wara ż-żjara tat-Tim ta' Espansjoni Globali tan-Negozju ta' JLR li saret dak l-istess xahar fis-siti ta' Puebla, ħabbret li H[…] kien “ġie magħżul flimkien ma' lista qasira ta' siti li għadhom qed jiġu kkunsidrati għall-investiment, inklużi postijiet fl-Ewropa tal-Lvant u dik Ċentrali”. Il-minuti tal-laqgħa tal-Forum dwar il-Globalizzazzjoni tal-10 ta' Lulju 2015 iddokumentaw li “[l]-objettiv tal-laqgħa kien li tittieħed deċiżjoni dwar sit ippreferut mill-proġett Darwin u mill-proġett Oak […]”. Huma ddikjaraw ukoll li “Nitra (is-sit preferut mill-proċess Darwin) meta mqabbla ma' Puebla (is-sit preferut mill-proċess Oak) intweriet li kienet fi żvantaġġ sinifikanti f'dak li għandu x'jaqsam mal-kost”. Il-minuti tal-laqgħa tal-Bord ta' JLR tat-18 ta' Novembru 2015 jiddokumentaw li “[a]bbażi tal-aħħar strateġija dwar il-prodott u suppożizzjonijiet aġġornati, il-VPN kemm għas-Slovakkja u għall-Messiku reġa' ġie kkalkulat mill-ġdid, u tneħħiet il-Fażi 2”. |
|
(140) |
Il-Kummissjoni għalhekk tqis kredibbli li l-informazzjoni kollha li l-awtoritajiet Slovakki ppreżentaw dwar il-Proġett Oak u l-Proġett Darwin tirrigwarda proġett uniku. |
|
(141) |
It-tieni nett, fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni ġġustifikat id-dubji tagħha dwar il-kredibilità tax-xenarju kontrofattwali tal-Messiku, billi enfasizzat il-livelli differenti ta' valutazzjoni dettaljata għall-Messiku u għall-postijiet Ewropej. Biex tikkontrobatti dak l-argument, is-Slovakkja ppreżentat provi u spjegazzjonijiet addizzjonali li huma miġbura fil-qosor fil-premessa 59(b) ta' din id-Deċiżjoni. L-awtoritajiet Slovakki ddokumentaw ukoll l-opinjoni tagħhom billi ppreżentaw aktar korrispondenza bejn l-awtoritajiet ta' Puebla u JLR, il-pakkett ta' tagħrif għaż-żjarat fis-siti u l-minuti taż-żjarat fis-siti. Abbażi ta' dik l-informazzjoni addizzjonali l-Kummissjoni taċċetta li l-analiżi fil-Proġett Oak u fil-Proġett Darwin saru b'livell paragunabbli ta' skrutinju. Għat-tqabbil finali tal-alternattiva preferuta tal-Proġett Oak (H[…]) mal-alternattiva preferuta tal-Proġett Darwin (Nitra), kien hemm l-istess livell ta' dettall disponibbli għaż-żewġ għażliet u ż-żewġ siti kienu inklużi fl-eżerċizzju tal-immudellar finanzjarju fuq bażi identika. |
|
(142) |
F'dak il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li fl-aħħar tal-2014, Ernst & Young ġew imqabbda biex isostnu lill-JLR biex tavvanza l-Proġett Oak. F'kollaborazzjoni ma' Ernst & Young JLR żviluppat sett dettaljat ta' kriterji għas-sit ideali li aktar tard intużaw fil-proċess tal-għażla tas-sit ta' kemm il-Proġett Oak u l-Proġett Darwin. Hekk kif JLR kompliet bil-valutazzjoni tagħha tas-siti tal-Ewropa tal-Lvant, fis-16 ta' Frar 2015 qabbdet lill-PriceWaterhouseCoopers (“PwC”) biex tgħin, fost oħrajn, biex tirfina l-kriterji tas-sit ideali. Il-mudell riżultanti kien ibbażat fuq l-esperjenza tal-JLR kif ukoll l-esperjenza tal-PwC fil-filtrazzjoni u fl-għażla tas-sit fl-Ewropa tal-Lvant ma' OEMs oħra. L-awtoritajiet Slovakki indikaw dan l-irfinar tal-kriterji bħala r-raġuni għad-differenza fl-analiżi u fil-kriterji tas-sit ideali fil-Proġett Oak u fil-Proġett Darwin. Madankollu, fiż-żmien meta sar it-tqabbil finali bejn l-alternattiva preferuta tal-Proġett Oak u l-alternattiva preferuta tal-Proġett Darwin, l-informazzjoni disponibbli dwar iż-żewġ siti kienet f'livell komparabbli ta' dettall. |
|
(143) |
Għalkemm l-awtoritajiet Slovakki kkonfermaw li fiż-żmien li fih saret ir-rakkomandazzjoni dwar il-lokazzjoni fl-10 ta' Lulju 2015 kien hemm l-istess livell ta' dettall disponibbli għall-alternattiva ta' Oak u dik ta' Darwin, il-preżentazzjoni lill-Forum dwar il-Globalizzazzjoni fiha inqas dettalji dwar l-alternattiva Oak milli dwar l-alternattiva Darwin, kif stabbilit fil-paragrafu 181 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ. L-awtoritajiet Slovakki spjegaw li l-Forum dwar il-Globalizzazzjoni kien diġà ra l-informazzjoni dwar il-Messiku u Puebla. L-għażla tal-Messiku bħala l-aktar Stat promettenti fl-Amerika ta' Fuq u ta' Puebla bħala l-aktar stat Messikan promettenti kienet diġà ġiet finalizzata fi stadju aktar bikri. Għall-għażla tas-siti Ewropej, l-analiżi twettqet fuq perjodu iqsar ta' żmien peress li bdiet biss fi Frar 2015. Għalhekk, il-proċessi għall-għażla tal-pajjiż u tas-sit ma kinux sekwenzjali. Waqt il-Forum dwar il-Globalizzazzjoni tal-10 ta' Lulju 2015, kien għad hemm żewġ pajjiżi identifikati minn Darwin, il-Polonja u s-Slovakkja, li kellhom jiġu ppreżentati, iżda nżammet biss Nitra fis-Slovakkja. |
|
(144) |
It-tielet nett, kif imsemmi mill-Kummissjoni fil-Paragrafu 181 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ il-fatt li l-alternattiva tal-Messiku dehret li kellha dewmien sinifikanti kkontribwixxa għad-dubji dwar il-kredibilità tal-Messiku bħala alternattiva ġenwina. Il-Kummissjoni taċċetta l-fehma tal-awtoritajiet Slovakki, kif stabbilit fil-premessa 68 ta' din id-Deċiżjoni, li l-iskeda ta' żmien itwal biex tinbeda l-produzzjoni kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni meta sar it-tqabbil kwalitattiv u kwantitattiv bejn Puebla u s-Slovakkja fil-Forum dwar il-Globalizzazzjoni tal-10 ta' Lulju. L-iskeda ta' żmien itwal ġiet kwantifikata separatament b'impatt fuq il-VPN ta' bejn GBP [80–130] miljun jew EUR [96–156] miljun u dewmien ta' sitt xhur u ta' GBP [110–180] miljun jew EUR [132–216] miljun u dewmien ta' disa' xhur. Dak ir-riskju u l-impatt finanzjarju relatat tqiesu wkoll b'mod espliċitu fil-pjan aġġornat ta' direzzjoni tan-negozju f'Ottubru/Novembru 2015. |
|
(145) |
Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li meta saret il-konferma finali tad-deċiżjoni dwar il-lokazzjoni, H[…] kien alternattiva ġenwina u kredibbli għal Nitra u għalhekk jista' jitqies bħala xenarju kontrofattwali kredibbli fis-sens tal-paragrafu 68 tar-RAG. |
Kunsiderazzjonijiet strateġiċi
|
(146) |
Nitra, meta mqabbla ma' H[…] fil-mument tad-deċiżjoni finali f'Novembru 2015, kienet fi żvantaġġ sinifikanti fir-rigward tal-VPN. Id-differenza fil-VPN ġiet ikkalkulata minn JLR bħala ta' GBP 344 miljun jew ta' EUR 413-il miljun. Ir-riskju speċifiku li jirriżulta minn dewmien mistenni ta' bejn sitta u disa' xhur fl-implimentazzjoni tal-investiment fi Puebla ma kienx inkluż fl-analiżi tal-VPN; kien stmat li jvarja bejn GBP [80–130] miljun jew EUR [96–156] miljun u GBP [110–180] miljun jew EUR [132–216] miljun, espressi f'valur kurrenti. L-għajnuna mill-Istat notifikata tnaqqas biss parzjalment id-differenza li jifdal fil-VPN ta' bejn GBP [164–234] miljun jew EUR [197–281] miljun u ta' GBP [214–264] miljun jew EUR [257–317] miljun, b'bejn 33 % u 43 %. L-għajnuna notifikata mill-Istat ta' GBP 108 miljun jew ta' EUR 130 miljun ġiet skontata minn JLR bl-użu ta' rata ta' skont kapitali ta' […]%, li kienet ir-rata li JLR użat fl-ippjanar tan-negozju tagħha. Bi Proġett b'tul ta' ħajja ta' 20 sena, JLR għalhekk stmat li l-għajnuna mill-Istat kienet sejra tlaħħaq GBP 76 miljun jew EUR 91 miljun. Madankollu, kif jirriżulta mill-preżentazzjoni lill-Bord tat-18 ta' Novembru 2015, kien hemm diversi fatturi kwalitattivi oħra li kellhom rwol fil-proċess deċiżjonali. Il-preżenza u l-importanza ta' dawk il-fatturi, li kienu diġà ġew diskussi u analizzati waqt iż-żjara fis-sit ta' Puebla f'Ġunju 2015 u waqt il-laqgħa tal-Forum dwar il-Globalizzazzjoni tal-10 ta' Lulju 2015, kienu kkonfermati mill-ġdid. |
|
(147) |
Il-fatt li minkejja l-għajnuna, Nitra kienet għadha fi żvantaġġ sinifikanti fir-rigward tal-VPN meta mqabbla ma' H[…], qajjem diversi mistoqsijiet li huma rilevanti għall-valutazzjoni tal-effett ta' inċentiv u għall-proporzjonalità tal-għajnuna: (a) il-fatturi strateġiċi waħedhom setgħu għelbu l-bilanċ mill-Messiku għas-Slovakkja?; (b) għaliex l-għajnuna kienet biżżejjed biex tegħleb id-deċiżjoni dwar il-post mill-Messiku għas-Slovakkja?; u (c) kien hemm bżonn l-ammont sħiħ ta' għajnuna biex jegħleb il-bilanċ mill-Messiku għas-Slovakkja? Il-mistoqsijiet (a) u (b) huma parti mill-valutazzjoni tal-effett ta' inċentiv filwaqt li l-mistoqsija (c) ġiet vvalutata taħt l-analiżi tal-proporzjonalità ta' din id-Deċiżjoni. |
|
(148) |
Il-Kummissjoni l-ewwel tivvaluta jekk il-fatturi strateġiċi waħedhom setgħux għelbu l-bilanċ mill-Messiku għas-Slovakkja. Il-kunsiderazzjonijiet ewlenin tal-valutazzjoni, kif imsemmi fil-minuti tal-Forum dwar il-Globalizzazzjoni tal-10 ta' Lulju 2015 kienu jinkludu l-prossimità għal cluster awtomobilistiku, il-pedamenti tas-sit, id-disponibbiltà ta' ħaddiema, iż-żmien, il-kostijiet operatorji, ir-rekwiżit ta' flus bil-quddiem u l-kapaċità li jinkisbu r-riżultati meħtieġa. Il-Membri tal-Kumitat Eżekuttiv preżenti waqt il-laqgħa tal-Forum dwar il-Globalizzazzjoni taw importanza partikolari lill-impatti taż-żmien, id-distanza mill-kwartieri ġenerali ta' JLR u r-riskju relattivament ogħla ta' ħsara fir-reputazzjoni assoċjata mal-Messiku. Fatturi oħra kienu jinkludu r-riskju ta' diżastri naturali, l-istabbiltà politika, l-effikaċja tal-gvern u r-riskji ta' korruzzjoni tal-gvern u l-investiment fl-Unjoni bħala ħeġġ għal Brexit. L-impatt tad-dewmien fl-implimentazzjoni fil-Messiku ġie kwantifikat separatament. Bl-eċċezzjoni ta' xi effetti ta' ħħeġġjar tal-munita, il-fatturi kwalitattivi xaqilbu favur investiment fis-Slovakkja fuq il-Messiku. |
|
(149) |
L-awtoritajiet Slovakki pprovdew evidenza biex juru u argumentaw favur il-fatt li l-għajnuna mill-Istat Slovakk kienet meħtieġa biex ixxaqleb l-għażla tal-post mill-Messiku għas-Slovakkja u li l-vantaġġi kwalitattivi waħedhom ma kinux biżżejjed għall-għażla ta' Nitra fuq H[…]. |
|
(150) |
Iż-żjara fis-sit ta' Puebla tas-16 ta' Ġunju 2015 provdiet informazzjoni ulterjuri dwar għadd ta' fatturi strateġiċi li kellhom rwol importanti fir-rakkomandazzjoni dwar il-post li kienet sejra ssir mill-Forum dwar il-Globalizzazzjoni fl-10 ta' Lulju 2015. Il-pakkett ta' tagħrif għal dik iż-żjara fuq il-post juri l-implimentazzjoni f'waqtha kienet tirrappreżenta riskju kemm għall-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant kif ukoll għall-Messiku. Kien hemm fatturi u riskji strateġiċi addizzjonali marbuta mal-Messiku li kellhom jiġu esplorati aktar bħala parti miż-żjara fuq il-post. Il-minuti taż-żjara identifikaw lista ta' tħassib li kien għad fadal, relatati mas-saturazzjoni tal-OEM, jiġifieri jekk kienx hemm lok għat-tielet OEM u jekk iva, JLR kif kienet sejra tintegra f'pajjiż li kien ilu għal deċennji ddominat minn Volkswagen, il-prossimità għall-port, is-sikurezza, is-sigurtà, il-korruzzjoni, id-differenzi kulturali, id-distanza mill-bażi operattiva u r-riskju ta' diżastri naturali. Madankollu, il-minuti juru wkoll li ż-żjara fuq il-post tat assigurazzjoni dwar uħud mill-fatturi li inizjalment kienu meqjusa bħala ta' tħassib serju. Ingħatat assigurazzjoni li s-sit magħżul fi Puebla kien żona b'riskju baxx għal diżastri naturali. Barra minn hekk it-tim ta' Puebla ħalla impressjoni pożittiva fuq ir-rappreżentanti ta' JLR. |
|
(151) |
L-awtoritajiet Slovakki rreferew ukoll b'mod partikolari għall-minuti tal-laqgħa tal-Forum dwar il-Globalizzazzjoni li saret fl-10 ta' Lulju 2015. F'valutazzjoni “ibbilanċjata ferm” il-Forum dwar il-Globalizzazzjoni aċċetta d-differenza fil-VPN bejn is-Slovakkja u l-Messiku, li kellha tkun koperta mill-kwistjonijiet kwalitattivi, iżda biss wara li ttieħdet inkunsiderazzjoni l-għajnuna mill-Istat. Il-minuti jwissu b'mod espliċitu li “id-deċiżjoni kienet ibbilanċjata ferm bi tħassib partikolari li l-VPN tal-post Slovakk kien sostanzjalment inqas mill-post Messikan u barra minn hekk il-VPN tas-sit Slovakk kien jiddependi fuq għotja li kienet fil-livell massimu permess skont ir-regoli tal-UE”. Fl-istess ħin “[ġ]ie nnotat li d-deċiżjoni dwar il-proġett ittieħdet għaliex il-Gvern tas-Slovakkja għandu l-kapaċità u kien lest jiddefendi d-deċiżjoni tiegħu quddiem il-Kummissjoni Ewropea. Ġie nnotat ukoll li s-Slovakkja għandha argumenti koerenti għaliex ma għandux ikun hemm problemi biex tingħata l-approvazzjoni”. Fid-dawl tar-riskji identifikati relatati mal-post Messikan, u biss wara kunsiderazzjoni tal-għajnuna Slovakka, f'Lulju 2015 Nitra ġiet aċċettata bħala l-post rakkomandat. Il-Kummissjoni tinnota li l-ħtieġa għall-għajnuna mill-Istat kienet diġà ġiet identifikata qabel fil-proċess ta' analiżi tal-fattibbiltà. Pereżempju fil-preżentazzjoni tal-bord ta' JLR tal-21 ta' Mejju 2015 issemma li “[i]l-maniġment sejjer jesplora l-opportunitajiet kollha biex jiġu garantiti inċentivi mill-gvern fl-Ewropa tal-Lvant u dik Ċentrali biex jagħmlu tajjeb għall-vantaġġ finanzjarju fil-Messiku”. |
|
(152) |
Il-minuti tal-Bord ta' Tata Motors Limited tat-18 ta' Settembru 2015 irrapportaw li “[w]ara kunsiderazzjoni tal-elementi kwalitattivi u ta' riskju, it-total tal-għajnuna riveduta mill-Istat ta' GBP [150–200] miljun (36) fi flus kontanti kienet biżżejjed biex Nitra titmexxa 'l quddiem minflok il-Messiku. Abbażi tal-Għajnuna finanzjarja mill-Istat, qed jiġi negozjat il-Ftehim ta' Investiment mas-Slovakkja b'iffirmar fl-aħħar ta' Settembru 2015 u l-flotazzjoni ta' entità ġuridika ġdida”. |
|
(153) |
Il-preżentazzjoni tal-bord ta' JLR tat-18 ta' Novembru 2015 tirreferi b'mod espliċitu għall-preżenza tal-fatturi kwalitattivi diskussi waqt il-Forum dwar il-Globalizzazzjoni fl-10 ta' Lulju 2015 u kif ratifikata mill-Bord ta' JLR u ta' Tata Motors kmieni f'Awwissu 2015. Il-VPN delta li fadal, wara kunsiderazzjoni tal-impatt kwantifikat tad-dewmien għall-alternattiva Messikana u wara kunsiderazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, “[…] huwa kkumpensat minn fatturi oħra aktar kwalitattivi kif maqbul mill-Bord […]” |
|
(154) |
Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li fir-rigward tal-punt (a) fil-premessa 147 il-kunsiderazzjonijiet strateġiċi kienu suffiċjenti biss biex titnaqqas id-delta fil-fluss tal-flus li fadal bejn Nitra u H[…], wara li tqies il-VPN tal-għajnuna mill-Istat Slovakk u l-impatt fuq il-VPN tal-implimentazzjoni mdewma fil-Messiku. Il-Kummissjoni għalhekk teskludi li kunsiderazzjonijiet strateġiċi waħedhom setgħu naqqsu d-distakk sħiħ fil-VPN bejn Nitra u H[…]. |
|
(155) |
Fir-rigward tal-punt (b) fil-premessa 147, li ssemma wkoll fil-paragrafu 172 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni qieset iċ-ċifri tal-VPN kif approvati mill-Bord ta' JLR f'Novembru 2015. Jekk wieħed iqis il-kwantifikazzjoni tad-dewmien mistenni fil-Messiku, l-għajnuna mill-Istat, f'valur ta' GBP 76 miljun (EUR 91 miljun) imsemmija fil-premessa 146 setgħet tnaqqas id-differenza fil-NPV b'bejn 33 % u 43 %. Mid-dokumenti pprovduti dwar id-deċiżjoni huwa ċar li l-ammont sħiħ u massimu tal-għajnuna kien ġie kkunsidrat tul il-proċess deċiżjonali kollu. Wara kunsiderazzjoni tal-ammont massimu ta' għajnuna, dawk responsabbli għat-teħid tad-deċiżjoni kienu ffaċċjati b'delta pendenti fil-fluss tal-flus, u vvalutaw jekk dik id-delta fil-fluss tal-flus setgħetx tiġi aċċettata fid-dawl ta' kunsiderazzjonijiet oħra mhux kwantifikabbli. Wara diskussjoni twila waqt il-laqgħa tiegħu tal-10 ta' Lulju 2015, il-Forum dwar il-Globalizzazzjoni fl-aħħar qabel li jaċċetta d-distakk li kien għad fadal. Madankollu fil-minuti tal-laqgħa ġie ddokumentat li, anke jekk wieħed iqis l-ammont massimu ta' għajnuna mill-Istat disponibbli fis-Slovakkja, id-deċiżjoni favur Nitra fuq H[…] kienet ibbilanċjata ħafna. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li kien hemm fatturi kwalitattivi u ta' riskju oħra li kellhom rwol fil-proċess deċiżjonali, li dan jispjega għaliex id-delta li kien għad fadal fil-fluss tal-flus setgħet tiġi aċċettata. |
Konklużjoni dwar l-effett ta' inċentiv
|
(156) |
Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li huwa ċar li l-għajnuna pprovdiet inċentiv biex l-investiment ippjanat isir f'Nitra pjuttost milli fi H[…] għaliex, flimkien ma' kunsiderazzjonijiet strateġiċi, tikkumpensa għall-iżvantaġġi netti fil-kost marbuta mal-bini tal-impjant f'Nitra. Għalhekk, hemm l-effett ta' inċentiv meħtieġ fis-sens tat-taqsima 3.5 tar-RAG. |
6.4.4.4.
|
(157) |
Il-Kummissjoni trid tivvaluta l-proporzjonalità tal-pakkett ta' għajnuna. Skont l-Artikolu 3.6 tar-RAG, l-ammont tal-għajnuna għandu jgħaddi minn test tal-proporzjonalità li għandu żewġ skopijiet. L-ewwel nett għandha tkun limitata għall-minimu meħtieġ sabiex tinduċi l-investiment addizzjonali jew l-attività fiż-żona kkonċernata. It-tieni nett, peress li l-Kummissjoni tapplika intensitajiet massimi tal-għajnuna għall-għajnuna għall-investiment, dawk l-intensitajiet massimi tal-għajnuna jintużaw bħala limitu massimu għall-“approċċ tal-kostijiet żejda netti”. |
|
(158) |
Skont il-paragrafu 78 tar-RAG, bħala regola ġenerali, għajnuna individwali notifikata tiġi kkunsidrata li hija limitata għall-minimu meħtieġ, jekk l-ammont tal-għajnuna jikkorrispondi mal-kostijiet żejda netti marbuta mal-implimentazzjoni tal-investiment fiż-żona kkonċernata, meta mqabbel max-xenarju kontrofattwali fin-nuqqas tal-għajnuna. Skont il-paragrafu 80 tar-RAG, f'sitwazzjonijiet tax-xenarju 2, jiġifieri inċentivi marbuta mal-għażla tal-post, l-għajnuna ma għandhiex taqbeż id-differenza bejn il-VPN tal-investiment fiż-żona fil-mira u l-VPN tal-investiment fil-post alternattiv, filwaqt li jitqiesu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi kollha rilevanti. |
|
(159) |
Iċ-ċifra rilevanti tal-VPN li għandha titqies għall-valutazzjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna notifikata ta' EUR 129 812 750 f'valur nominali hija dik relatata mal-kamp ta' applikazzjoni mnaqqas tal-proġett, jiġifieri ta' 150 000 vettura. Il-Bord ta' JLR approva ċ-ċifri tal-VPN f'Ottubru/Novembru 2015. Id-delta fil-VPN qabel il-kunsiderazzjoni tad-dewmien fl-implimentazzjoni fil-Messiku kienet ta' GBP 344 miljun jew ta' EUR 413-il miljun. Kwalunkwe ammont ta' għajnuna li jaqbeż l-EUR 413-il miljun ikun sproporzjonat. Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni rreferiet b'mod partikolari għall-għajnuna infrastrutturali possibbli u l-eżenzjoni mit-tariffa ALF li, meta miżjuda mal-ammont tal-għajnuna notifikata, setgħu rriżultaw f'ammont globali ta' għajnuna ogħla minn dak il-limitu massimu. |
|
(160) |
Kif imsemmi fil-premessa 113 il-Kummissjoni ma tqisx il-bejgħ tal-art tal-NSP, il-provvista ta' xogħlijiet infrastrutturali relatati jew l-eżenzjoni mit-tariffa ALF bħala miżuri ta' għajnuna favur JLR. Il-valutazzjoni tal-proporzjonalità hija għalhekk limitata għall-ammont tal-għajnuna notifikat. |
|
(161) |
Is-Slovakkja ppreżentat id-dokumentazzjoni meħtieġa u abbażi ta' dik id-dokumentazzjoni wriet li l-ewwel parti tat-test tal-proporzjonalità hija sodisfatta minħabba li l-għajnuna notifikata ma taqbiżx id-differenza fil-VPN bejn Nitra u H[…] ta' GBP 344 miljun jew ta' EUR 413-il miljun. L-ammont nominali ta' għajnuna ta' GBP 108 miljuni jew ta' EUR 130 miljun jirrappreżentaw GBP 76 miljun jew EUR 91 miljun f'valur kurrenti bir-rata ta' skontar tal-JLR ta' […]%. |
|
(162) |
Il-Kummissjoni tinnota li anki jekk l-għajnuna tingħata, Nitra xorta tirreġistra żvantaġġ fil-VPN ta' GBP 268 miljun jew ta' EUR 322 miljun. L-analiżi tal-effett ta' inċentiv wriet li l-iżvantaġġ li kien għad fadal fil-VPN kien aċċettabbli għall-JLR minħabba d-dewmien mistenni fl-implimentazzjoni fil-Messiku u minħabba fatturi kwalitattivi u ta' riskju oħra. Dawk il-fatturi kienu ġew diskussi fit-tul waqt il-Laqgħa tal-forum dwar il-Globalizzazzjoni tal-10 ta' Lulju 2015 u l-konklużjonijiet tal-analiżi tar-riskju ġew ikkonfermati f'Novembru 2015 waqt il-preżentazzjoni lill-bord ta' JLR li speċifikament semmiet l-ambjent politiku/tan-negozju, fatturi ekonomiċi, id-distanza mill-kwartieri ġenerali ta' JLR, ir-riskju ta' diżastri naturali u l-probabbiltà ta' Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE/l-Istati Uniti. Abbażi ta' dik l-analiżi tar-riskju ttieħdet id-deċiżjoni biex Nitra tiġi kkonfermata bħala l-post preferut. |
|
(163) |
Peress li l-limitu mill-applikazzjoni tal-approċċ tal-kost żejjed nett ma nqabiżx, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna hija konformi mal-ewwel parti tat-test tal-proporzjonalità. |
|
(164) |
Fir-rigward tat-tieni parti tat-test tal-proporzjonalità, minbarra l-approċċ tal-kost żejjed nett, il-Kummissjoni tapplika intensitajiet massimi tal-għajnuna, mnaqqsa skont il-paragrafu 20(c) tar-RAG għal proġetti kbar ta' investiment. |
|
(165) |
Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni nnotat li l-ammont ta' għajnuna notifikat ta' EUR 129 812 750 f'valur nominali u ta' EUR 125 046 543 f'valur kurrenti, abbażi ta' investiment eliġibbli ta' EUR 1 369 295 298 f'valur kurrenti, jirriżulta f'intensità ta' għajnuna ta' 9,13 %, li mal-ewwel daqqa t'għajn jidher li huwa taħt il-massimu mnaqqas tal-intensità ta' għajnuna permissibbli ta' 9,24 % għal investiment fir-reġjun ta' Nitra, b'limitu massimu ta' għajnuna reġjonali applikabbli ta' 25 %. Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll li l-kost eliġibbli huwa konformi mal-kundizzjonijiet tat-taqsima 3.6.1.1 tar-RAG, li huwa rilevanti għall-valutazzjoni tal-bażi tal-kost eliġibbli. |
|
(166) |
It-Taqsimiet 3.6.1.1 u 3.6.1.2 tar-RAG jispjegaw liema kostijiet ta' investiment jistgħu jitqiesu bħala kostijiet eliġibbli. F'dan il-każ, tapplika t-taqsima 3.6.1.1 peress li l-kostijiet eliġibbli għall-għajnuna għall-investiment proposta jiġu kkalkulati fuq il-bażi tal-kostijiet tal-investiment. Il-Kummissjoni tinnota li l-kostijiet eliġibbli huma stabbiliti f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dawk it-taqsimiet peress li l-assi akkwistati se jkunu ġodda, l-investiment jittratta investiment inizjali fil-forma ta' stabbiliment ġdid, ma tqies l-ebda kost tal-lokazzjoni u l-assi intanġibbli jammontaw għal madwar […] % tal-kostijiet totali eliġibbli, li huwa taħt il-proporzjon massimu permess ta' 50 %. Is-Slovakkja kkonfermat li l-kundizzjonijiet l-oħra kollha li japplikaw għall-assi intanġibbli se jkunu rispettati. |
|
(167) |
Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ammont ta' għajnuna notifikat jiġi mnaqqas f'każ li n-“nefqa żejda” li tlaħħaq GBP [60–85] miljun jew EUR [72-102] miljun tirriżulta li ma tkunx eliġibbli. |
|
(168) |
Fil-premessa 119 ta' din id-Deċiżjoni l-Kummissjoni qieset li l-investiment eliġibbli jammonta għal EUR 1 460 620 591. L-ammont ta' għajnuna notifikat għalhekk għadu taħt il-massimu mnaqqas ta' intensità ta' għajnuna permissibbli ta' 9,24 %. Għalhekk, il-kundizzjoni tal-limitu massimu doppju, stabbilita fil-paragrafu 83 tar-RAG, li tirriżulta mill-kombinazzjoni tal-approċċ tal-kost żejjed nett, jiġifieri għajnuna limitata għall-minimu neċessarju bil-limiti massimi permissibbli hija rispettata. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li l-ammont ta' għajnuna notifikat huwa proporzjonat. |
6.4.4.5.
|
(169) |
Skont il-valutazzjoni msemmija fil-premessa 120 sa 168 ta' din id-Deċiżjoni jista' jiġi konkluż li r-rekwiżiti minimi kollha stabbiliti fit-taqsima 3.2 sa 3.6 tar-RAG huma sodisfatti. |
6.4.5. Evitar ta' effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ
|
(170) |
Fit-taqsima 3.3.4.2 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni semmiet li l-għajnuna notifikata ma għandhiex effett negattiv bla bżonn fuq il-kompetizzjoni permezz taż-żieda jew iż-żamma tas-saħħa fis-suq jew il-ħolqien ta' kapaċità eċċessiva f'suq li sejjer lura. Il-Kummissjoni tikkonferma l-konklużjoni tagħha għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni. |
|
(171) |
Madankollu, l-effetti tal-lokalizzazzjoni tal-għajnuna reġjonali xorta jistgħu jfixklu l-kummerċ. It-Taqsima 3.7.2 tar-RAG telenka għadd ta' sitwazzjonijiet fejn l-effetti negattivi fuq il-kummerċ jegħlbu manifestament kull effett pożittiv, u fejn l-għajnuna reġjonali hija projbita. |
6.4.5.1.
|
(172) |
Skont il-paragrafu 119 tar-RAG effett manifestament negattiv ikun jeżisti meta l-ammont ta' għajnuna propost jaqbeż, meta mqabbel man-nefqa standardizzata eliġibbli fuq l-investiment (37), il-limitu massimu aġġustat tal-intensità tal-għajnuna li japplika għal proġett ta' daqs partikolari, b'kont meħud tat-“tnaqqis progressiv” meħtieġ (38). |
|
(173) |
Peress li fil-premessa 113 din id-Deċiżjoni tistabbilixxi li JLR mhijiex qed tibbenefika minn għajnuna addizzjonali minbarra l-għajnuna notifikata u, fil-premessa 168, li l-limitu massimu aġġustat applikabbli tal-għajnuna reġjonali ma nqabiżx, ma hemm l-ebda effett manifestament negattiv fuq il-kummerċ fis-sens tal-paragrafu 119 tar-RAG. |
6.4.5.2.
|
(174) |
Il-paragrafu 121 tar-RAG jispeċifika li fejn, f'każ tax-xenarju 2, mingħajr l-għajnuna l-investiment kien isir f'reġjun b'intensità tal-għajnuna reġjonali li hija ogħla jew identika għal dik tar-reġjun fil-mira, dan ikun jikkostitwixxi effett negattiv li x'aktarx ma jiġix ikkumpensat b'xi effett pożittiv tal-għajnuna għaliex imur kontra l-loġika tal-koeżjoni tal-għajnuna reġjonali. |
|
(175) |
Il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjoni tapplika għal sitwazzjoni tax-xenarju 2 fejn iż-żewġ postijiet alternattivi jinsabu fiż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”). Is-sit Pollakk f'Jawor li sal-10 ta' Lulju 2015 kien għadu jiġi meqjus fil-proċess deċiżjonali dwar il-post, jinsab f'reġjun bl-istess limitu massimu ta' intensità ta' għajnuna bħal Nitra (39). |
|
(176) |
Kif deskritt fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, id-dokumenti interni tal-JLR indikaw li l-investiment, meta mqabbel mas-Slovakkja u fin-nuqqas tal-inċentivi offruti mis-Slovakkja, seta' kien aktar kosteffettiv f'Jawor. |
|
(177) |
Fil-Forum dwar il-Globalizzazzjoni tal-10 ta' Lulju 2015 ġiet ippreżentata analiżi f'żewġ stadji, fejn l-ewwel saret għażla tal-post bejn Jawor u Nitra u mbagħad fit-tieni pass għażla tal-post bejn Nitra u l-Messiku. Jawor kien ikun aktar kosteffettiv, iżda JLR identifikat għadd ta' żvantaġġi għal dak is-sit f'termini tal-pedamenti tas-sit, iż-żmien, il-ħlas bil-quddiem u l-kapaċità li jinkisbu r-riżultati meħtieġa. Is-sit Pollakk ġie indikat bħala problematiku fir-rigward tal-pedamenti tas-sit minħabba li jinsab fuq art agrikola li kienet teħtieġ tqassim f'żoni mill-ġdid u, kif spjegat minn JLR, minħabba triq li kienet taqsam is-sit f'Jawor, u dwar il-kapaċità li jinkisbu r-riżultati mixtieqa fejn b'mod espliċitu esprimew dubji dwar il-kapaċitajiet ta' […] li jagħti r-riżultati mixtieqa. Il-minuti tal-laqgħa ddokumentaw li l-Membri tal-Kumitat Eżekuttiv qablu mar-rakkomandazzjoni li s-sit Pollakk jiġi sospiż abbażi tar-raġunijiet preżentati. Minħabba dawk il-problemi identifikati, il-Bord ta' JLR ma qiesx li s-sit Pollakk kien alternattiva fattibbli. |
|
(178) |
Fuq bażi tar-raġunijiet identifikati minn JLR, il-Kummissjoni ma sabitx evidenza li tpoġġi f'dubju l-inadegwatezza ta' Jawor, u tinnota li l-ebda parti terza ma kkummentat dwar il-kwistjonijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, kif spjegat fit-taqsima 6.4.4.3 ta' din id-Deċiżjoni, is-sit fil-Messiku kien ġie stabbilit bħala l-post alternattiv tal-investiment fil-każ li ma tingħatax l-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-għajnuna ma għandha l-ebda effett kontra l-koeżjoni għad-detriment ta' Jawor fis-sens tal-paragrafu 121 tar-RAG. |
6.4.5.3.
|
(179) |
Skont il-paragrafu 122 tar-RAG, meta l-benefiċjarju jkollu pjanijiet konkreti biex jagħlaq jew fil-fatt jagħlaq l-istess attività jew attività simili f'żona oħra fiż-ŻEE u jirriloka dik l-attività fiż-żona fil-mira, jekk ikun hemm rabta kawżali bejn l-għajnuna u r-rilokazzjoni, dik tikkostitwixxi effett negattiv li mhuwiex probabbli li jkun ikkumpensat minn xi elementi pożittivi. |
|
(180) |
Fuq il-bażi ta' konferma mill-awtoritajiet Slovakki li JLR ma tterminatx l-istess attività jew attività simili fiż-ŻEE fis-sentejn qabel l-applikazzjoni għall-għajnuna u ma kellhiex pjanijiet konkreti biex tagħmel dan fi żmien sentejn wara t-tlestija tal-investiment, fid-Deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li l-għajnuna mill-Istat ma twassalx għall-għeluq ta' attivitajiet jew għar-rilokazzjoni ta' attivitajiet. |
|
(181) |
Madankollu, diversi artikli fl-istampa li jmorru lura għal April 2018 jirrapportaw eżerċizzju ta' tnaqqis ta' madwar 1 000 impjieg fl-istess attività jew f'attività simili fir-Renju Unit. |
|
(182) |
L-awtoritajiet Slovakki spjegaw li l-eżerċizzju ta' tnaqqis fl-għadd ta' impjiegi mhuwiex relatat mad-deċiżjoni ta' investiment f'Nitra. Huma kkonfermaw mill-ġdid, b'sostenn minn evidenza awtentika, li JLR ma kellha l-ebda pjan konkret biex tnaqqis l-impjiegi fl-impjant tar-Renju Unit jew f'impjanti oħra fiż-żmien li fih saret l-applikazzjoni għall-għajnuna fis-Slovakkja. Barra minn hekk l-awtoritajiet Slovakki pprovdew kopja ta' “Ftehim ta' Sigurtà” mat-trade unions li jirrappreżentaw lill-forza tax-xogħol ta' JLR fir-Renju Unit iffirmata mill-JLR fit-30 ta' April 2016. Il-Ftehim ta' Sigurtà ddeskriva l-pjan taċ-ċiklu, jiġifieri l-vetturi li kienu se jiġu prodotti fl-impjant tar-Renju Unit. L-awtoritajiet Slovakki spjegaw li fl-2016, JLR u t-trade unions tar-Renju Unit kienu qablu bil-miktub li l-investiment fis-Slovakkja, li kien sejjer jassumi l-produzzjoni tal-vetturi […] tal-impjant ta' Solihull, ma kienx sejjer jirrikjedi r-rilokazzjoni ta' xi impjiegi tar-Renju Unit u lanqas l-għeluq ta' xi kapaċità tar-Renju Unit. Il-Ftehim ta' Sigurtà jistabbilixxi wkoll liema ċirkostanzi jkunu jirrikjedu t-tnaqqis fl-impjiegi fir-Renju Unit u l-passi li kieku jittieħdu bħala riżultat ta' dan iżda dawk iċ-ċirkostanzi kienu deskritti bħala “tibdil ekonomiku maġġuri, bħal tnaqqis ieħor fir-ritmu ekonomiku globali, li jnaqqas id-domanda jew jaffettwa b'xi mod ieħor il-pjan taċ-ċiklu preċedentement miftiehem”. |
|
(183) |
Ir-riallokazzjoni tal-vettura […] minn Solihull għal Nitra kienet magħrufa fiż-żmien li fih saret l-applikazzjoni għall-għajnuna iżda JLR kienet ippjanat li tespandi l-ouput tal-produzzjoni globali u tippermetti lil Solihull tlaħħaq mad-domanda dejjem tikber għal vetturi oħra, b'mod partikolari […] u […], b'żieda riżultanti fil-produzzjoni. Il-pjanijiet indikaw li l-kapaċità produttiva ta' […] f'Castle Bromwich kienet ser tibqa' l-istess. |
|
(184) |
Kif ġie spjegat mill-awtoritajiet Slovakki, liema spjegazzjoni kienet sostnuta minn informazzjoni pubblikament disponibbli, it-tnaqqis fl-impjiegi mħabbar fl-2018 kien ir-riżultat ta' tnaqqis fid-domanda għal vetturi li jaħdmu bid-diżil, parzjalment minħabba l-politika tat-tassazzjoni tad-diżil tar-Renju Unit, u minħabba inċertezzi dwar Brexit. JLR iddeċidiet li […], b'impatt dirett fuq il-kapaċità ta' Solihull. Dawk il-fatturi mhumiex relatati mal-investiment ta' JLR fis-Slovakkja u seħħew snin wara d-deċiżjoni ta' investiment ta' JLR li tibni impjant f'Nitra. |
|
(185) |
Għalhekk il-Kummissjoni tikkonferma mill-ġdid il-konklużjoni tagħha li ma hemm l-ebda rabta kawżali bejn il-miżura ta' għajnuna Slovakka u l-għeluq ta' attivitajiet fir-Renju Unit. |
6.4.5.4.
|
(186) |
Permezz tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 170 sa 185 ta' din id-Deċiżjoni huwa possibbli li jiġi konkluż li l-għajnuna ma għandha l-ebda effett manifestament negattiv fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ fis-sens tat-taqsima 3.7.2 tar-RAG. |
6.4.6. Ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna
|
(187) |
Il-paragrafu 112 tar-RAG jistabbilixxi li sabiex l-għajnuna tkun kompatibbli, l-effetti negattivi tal-għajnuna f'termini ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri għandhom ikunu limitati u inferjuri għall-effetti pożittivi f'termini tal-kontribut għall-objettiv ta' interess komuni. Hemm ċerti sitwazzjonijiet fejn l-effetti negattivi manifestament jegħlbu kwalunkwe effett pożittiv, li jfisser li l-għajnuna ma tistax titqies kompatibbli mas-suq intern. |
|
(188) |
Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tar-rekwiżiti minimi wriet li l-għajnuna hija xierqa, li x-xenarju kontrofattwali ppreżentat huwa kredibbli u realistiku, li l-għajnuna għandha effett ta' inċentiv u hija limitata għall-ammont meħtieġ biex ibiddel id-deċiżjoni ta' JLR dwar il-post. Minħabba li kkontribwiet sabiex l-investiment isir fir-reġjun megħjun, l-għajnuna tikkontribwixxi għall-iżvilupp reġjonali taż-żona ta' Nitra. Il-valutazzjoni wriet ukoll li l-għajnuna ma għandha l-ebda effett manifestament negattiv fis-sens li din la twassal għall-ħolqien jew għaż-żamma ta' kapaċità żejda f'suq f'riċessjoni assoluta, u lanqas ma twassal għal effetti eċċessivi fuq il-kummerċ, tirrispetta l-limitu massimu applikabbli tal-għajnuna reġjonali, ma għandha l-ebda effett kontra l-koeżjoni, u mhijiex il-kawża tal-għeluq ta' attivitajiet f'postijiet oħra u r-rilokazzjoni tagħhom f'Nitra. Barra minn hekk, l-għajnuna ma tinvolvix ksur indissoċjabbli tad-dritt tal-Unjoni (40). |
|
(189) |
L-effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-ibbilanċjar li fadal huma identifikati fil-paragrafi 114, 115 u 132 tar-RAG u jittrattaw il-ħolqien jew it-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti fis-suq jew il-ħolqien jew it-tisħiħ ta' kapaċitajiet żejda f'suq bi prestazzjoni dgħajfa, anki fejn is-suq mhuwiex f'riċessjoni assoluta. |
|
(190) |
F'konformità mal-analiżi tagħha fid-Deċiżjoni tal-ftuħ li tikkonferma b'din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna la twassal u lanqas ma saħħaħ il-pożizzjoni dominanti fis-suq tal-benefiċjarju tal-għajnuna fir-rigward tal-prodott rilevanti u fis-suq ġeografiku, u lanqas ma twassal għall-ħolqien ta' kapaċità żejda f'suq f'riċessjoni. Għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-effetti negattivi tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni huma limitati. |
|
(191) |
L-effett tal-għajnuna fuq il-kummerċ huwa limitat minħabba li l-limitu massimu aġġustat tal-għajnuna reġjonali huwa rispettat, u l-miżura ma għandha l-ebda effett kontra l-koeżjoni jew effett ta' rilokazzjoni. |
|
(192) |
Peress li l-għajnuna tissodisfa r-rekwiżiti minimi kollha, ma għandhiex effett manifestament negattiv, u l-analiżi msemmija fil-premessi 190 u 191 ta' din id-Deċiżjoni turi li għandha effetti negattivi limitati fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-effetti pożittivi sostanzjali tal-għajnuna fuq l-iżvilupp reġjonali tar-reġjun ta' Nitra, u b'mod partikolari l-effetti tal-ġenerazzjoni tal-impjiegi u tad-dħul tal-investiment imsemmija fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, jegħlbu b'mod ċar l-effetti negattivi limitati. |
6.5. Trasparenza
|
(193) |
Fid-dawl tal-paragrafu II.2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Trasparenza (41), l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni fuq sit web komprensiv dwar l-għajnuna mill-Istat, fuq livell nazzjonali jew reġjonali, tat-test sħiħ tal-iskema ta' għajnuna approvata jew tad-deċiżjoni individwali dwar l-għoti ta' għajnuna u d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tagħha, jew link għalih, l-identità tal-awtorità jew tal-awtoritajiet tal-għotja, l-identità tal-benefiċjarji individwali, il-forma u l-ammont ta' għajnuna mogħtija lil kull benefiċjarju, id-data tal-għoti, it-tip ta' impriża, ir-reġjun li fih jinsab il-benefiċjarju f'termini tal-livelli NUTS u s-settur ekonomiku prinċipali tal-attivitajiet tal-benefiċjarju, fil-livell tal-grupp NACE. Din l-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-għajnuna, għandha tinżamm għal mill-inqas 10 snin u għandha tkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali mingħajr restrizzjonijiet. L-Istati Membri huma meħtieġa jippubblikaw l-informazzjoni msemmija f'din il-premessa mill-1 ta' Lulju 2016. |
|
(194) |
Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni nnotat li s-Slovakkja kkonfermat li sejra tirrispetta r-rekwiżiti kollha li jittrattaw it-trasparenza stabbiliti fil-paragrafu II.2 tal-Komunikazzjoni dwar it-Trasparenza. |
7. KONKLUŻJONI
|
(195) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna għall-investiment reġjonali notifikata favur Jaguar Land Rover Slovakia s.r.o. tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fir-RAG 2014–2020 u għalhekk tista' titqies bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE. |
|
(196) |
Fid-dawl tal-fatt li l-awtoritajiet Slovakki qablu b'mod eċċezzjonali li jirrinunzjaw għad-drittijiet li joħorġu mill-Artikolu 342 tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1 (42) u li d-deċiżjoni ppjanata tiġi adottata u notifikata skont l-Artikolu 297 tat-TFUE bl-Ingliż, din id-Deċiżjoni għandha tiġi adottata bl-Ingliż, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-għajnuna mill-Istat li s-Slovakkja qiegħda tippjana li timplimenta favur Jaguar Land Rover Slovakia s.r.o. li tammonta għal massimu ta' EUR 125 046 543 f'valur kurrenti u intensità massima tal-għajnuna ta' 9,13 % f'ekwivalenti tal-għotja gross hija kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
L-implimentazzjoni tal-għajnuna hija awtorizzata skont dan.
Artikolu 2
Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Slovakka.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Ottubru 2018.
Għall-Kummissjoni
Margrethe VESTAGER
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU C 422, 8.12.2017, p. 21.
(2) Kif definit aktar fit-Taqsima 2.3 ta' din id-Deċiżjoni.
(3) Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 1.
(4) SA.37447 (N/2013), ĠU C 210, 4.7.2014, p. 4.
(5) Il-valuri kurrenti f'din id-Deċiżjoni huma kkalkulati abbażi ta' rata ta' skont ta' 1.17 %, applikabbli fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna definittiva, jiġifieri fl-24 ta' Novembru 2015. Il-valuri kurrenti huma skontati skont is-sena finanzjarja tar-Renju Unit 2015/2016, li hija d-data ppjanata tal-għoti. JLR tuża s-sena finanzjarja tar-Renju Unit li tibda mill-1 ta' April sal-31 ta' Marzu.
(6) Produzzjoni ppjanata tal-All-new Land Rover Discovery, magħrufa bħala […] (*), u […], magħrufa bħala […].
|
(*) |
Sigriet kummerċjali |
(7) ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1.
(8) Abbażi ta' rata ta' skont ta' 1,17 %, kif imsemmi fin-nota f'qiegħ il-paġna 5.
(9) http://www.zakonypreludi.sk/zz/2013-58
(10) L-Att Nru 175/1999 tad-29 ta' Ġunju 1999 dwar Ċerti Miżuri Relatati mat-Tħejjija ta' Investimenti Sinifikanti u dwar l-Emenda ta' Ċerti Liġijiet.
(11) ĠU C 262, 19.7.2016, p. 1
(12) Dan il-fehim huwa skont l-Artikolu 2(33) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (GBER) (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).
(13) ĠU C 209, 23.7.2013, p. 1.
(14) F'din id-Deċiżjoni ġiet applikata rata tal-kambju ta' GBP:EUR ta' 1:1,2 peress li din kienet ir-rata li JLR użat għall-ippjanar fit-tul tan-negozju.
(15) Il-limitu l-ieħor huwa l-limitu massimu aġġustat tal-għajnuna reġjonali.
(16) Fil-paragrafu 13 id-Deċiżjoni tal-ftuħ issemmi li l-NSP jinsab ħdejn park industrijali diġà eżistenti ta' 29,7 ettari. Din l-informazzjoni ma tidhirx li hija korretta peress li l-park industrijali ta' Nitra North huwa konsiderevolment akbar. Fil-mappa annotata fl-Iskeda 7 tal-Ftehim ta' Investiment, żona ta' 27 ettaru ġewwa l-NSP hija mmarkata bħala “Park Industrijali”. Din ma tikkorrispondix mal-park industrijali ta' Nitra North.
(17) Pjan ta' Tqassim f'Żoni tar-Reġjun ta' Nitra tal-1998 Nru 188, tat-28 ta' April 1998.
(18) Ir-Regolament 58 tal-Gvern tar-Repubblika Slovakka tat-13 ta' Marzu 2013 dwar it-tariffi għad-diżapproprjazzjoni u għall-użu mhux awtorizzat ta' art agrikola.
(19) Ir-Riżoluzzjoni tal-Gvern 401/2015 tat-8 ta' Lulju 2015.
(20) Úrad pre reguláciu sieťových odvetví.
(21) ĠU C 209, 10.7.1997, p. 3.
(22) Bl-użu taċ-ċifri użati mill-Kummissjoni fin-nota f'qiegħ il-paġna 55 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ.
(23) Jikkorrispondu għal kost ta' investiment eliġibbli ta' GBP [1 700–2 100] miljun.
(24) Rapport tal-IDC, datat it-30 ta' Marzu 2015.
(25) Preżentazzjoni ta' IDC, datata l-1 ta' Ġunju 2015.
(26) Preżentazzjoni tal-Kunsill għall-Istrateġija, datata l-15 ta' Ġunju 2015.
(27) SA.36346 (2013/N), ĠU C 141, 9.5.2014, p. 1.
(28) L-awtoritajiet Slovakki nnotaw li filwaqt li d-Deċiżjoni tal-ftuħ issemmi ċerti Xogħlijiet Speċifiċi għall-Investitur li jlaħħqu EUR 16,9 miljun li għandhom jitħallsu minn JLR, il-kostijiet għal dawk ix-xogħlijiet kienu diġà telgħu għal EUR 30,1 miljun.
(29) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/508 tal-1 ta' Ottubru 2014 dwar l-allegata għajnuna infrastrutturali tal-Ġermanja lil Propapier PM2 GmbH — Għajnuna mill-istat SA.36147 (C 30/10) (ex NN 45/10; ex CP 327/08) (ĠU L 89, 1.4.2015, p. 72).
(30) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1996, SFEI et, C-39-94, ECLI:EU:C:1996:285, il-paragrafi 60–61.
(31) Ir-rapport […] beda minn plotts oħra bi prezzijiet fil-medda ta' bejn EUR 10 u 40 għal kull metru kwadru. Ir-rapport ta' […] beda minn plotts oħra bi prezzijiet fil-medda ta' bejn EUR 3 u 55 għal kull metru kwadru. Ir-rapport ta' CB Richard Ellis beda minn plotts oħra bi prezzijiet fil-medda ta' bejn EUR 14 u EUR 38 għal kull metru kwadru.
(32) Il-metodoloġija bdiet minn prezz tal-bejgħ ta' EUR 35 għal kull metru kwadru u bejgħ proporzjonat tal-art fi żmien l-20 sena segwenti.
(33) Il-ftehim ta' investiment jgħid li jekk il-kostijiet reali tal-investiment ikkalkulati għall-perjodu ta' investiment huma ta' inqas minn 85 % tal-Investiment għal Proġett Ippjanat, is-Slovakkja tkun intitolata ttemm il-ftehim u l-JLR ikollha l-obbligu li tħallas lura l-ammont kollu tal-għajnuna għall-investiment.
(34) Waqt il-Business Approval gateway jiġu maqbula l-istrateġiji tan-negozju, il-proġett jiġi miżjud mal-pjan ta' direzzjoni tan-negozju u mal-pjan taċ-ċiklu u jiġi approvat il-proġett ta' investiment kollu.
(35) Li jikkorrispondi għal kost eliġibbli ta' GBP [1 700–2 100] miljun, li kien aktar baxx mill-ammont ta' GBP [2 100–2 500] miljun kif imsemmi fl-abbozz tal-applikazzjoni għall-għajnuna tal-25 ta' Ġunju 2015.
(36) Valur nominali –- EUR [180–240] miljun.
(37) In-nefqa eliġibbli standardizzata għal proġetti ta' investiment minn ditti kbar hija deskritta fid-dettall fit-taqsima 3.6.1.1 u 3.6.1.2 tar-RAG.
(38) Ara l-paragrafu 86 u 20(c) tar-RAG.
(39) SA.37485 — Mappa tal-għajnuna reġjonali għall-Polonja, ĠU C 210, 4.7.2014, p. 1.
(40) Il-paragrafu 28 tar-RAG.
(41) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li temenda l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b'rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband, dwar Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014–2020, dwar għajnuna mill-Istat għal films u xogħlijiet awdjoviżivi oħra, dwar il-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni ta' investimenti u finanzjament ta' riskju u dwar il-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (ĠU C 198, 27.6.2014, p. 30).
(42) Ir-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58).