25.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 47/3


RIŻOLUZZJONI (UE) 2022/295 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tad-19 ta’ Ottubru 2021

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima II — Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0276/2021),

A.

billi, skont l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha fit-Trattati, u f'konformità mal-proċeduri, il-kundizzjonijiet u l-objettivi stabbiliti fihom, u billi l-istituzzjonijiet għandhom jipprattikaw kooperazzjoni reċiproka sinċiera;

B.

billi l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni għandhom ikunu trasparenti u jagħtu rendikont sħiħ liċ-ċittadini tal-Unjoni fir-rigward tal-fondi fdati lilhom bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni;

C.

billi t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont huma elementi ewlenin fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza sabiex tiġi garantita l-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-konfront taċ-ċittadini tal-Unjoni;

D.

billi l-proċedura trasparenti ta' kwittanza tirrikjedi amministrazzjoni trasparenti tal-Unjoni, u billi l-ħtieġa li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni tirrikjedi li kull istituzzjoni tal-Unjoni tkun responsabbli għall-baġit li teżegwixxi;

E.

billi l-awtorità ta' kwittanza tqis li l-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni, għandhom ikunu soġġetti għar-responsabbiltà demokratika fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni bħala l-benefiċjarji tal-baġit ġenerali tal-Unjoni;

1.

Ifakkar fir-rwol tal-Parlament fir-rigward tal-kwittanza baġitarja, kif speċifikat fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u fir-Regolament Finanzjarju;

2.

Jirrimarka li, skont l-Artikolu 335 tat-TFUE, “l-Unjoni għandha tkun rappreżentata minn kull waħda mill-istituzzjonijiet, bis-saħħa tal-awtonomija amministrattiva tagħhom, fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-operat rispettiv tagħhom”, u li, għaldaqstant, filwaqt li jitqies ukoll l-Artikolu 59 tar-Regolament Finanzjarju, l-istituzzjonijiet għandhom is-setgħa meħtieġa u huma responsabbli b'mod individwali għall-implimentazzjoni tat-taqsimiet tal-baġits li jikkonċernawhom;

3.

Jinnota r-rwol tal-Parlament u ta' istituzzjonijiet oħra fil-proċedura ta' kwittanza, kif previst mit-TFUE, b'mod partikolari fl-Artikolu 319 tiegħu, u mir-Regolament Finanzjarju, b'mod partikolari fl-Artikoli 260 sa 263 tiegħu; jissottolinja li r-rwol tal-Parlament huwa msaħħaħ minn prattika stabbilita sew u rispettata;

4.

Jinnota li, skont l-Artikolu 100 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, “id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta' għoti ta' kwittanza lill-Kummissjoni [...] dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għandhom japplikaw bl-istess mod għall-proċedura ta' għoti ta' kwittanza [...] lill-persuni responsabbli mill-implimentazzjoni tal-baġits ta' istituzzjonijiet u organi oħra tal-Unjoni Ewropea bħal ma huma l-Kunsill”;

5.

Jiddispjaċih li għal aktar minn għaxar snin il-Kunsill irrifjuta li jikkoopera mal-Parlament fil-qafas tal-proċedura ta' kwittanza, u ġiegħel lill-Parlament jiċħad il-kwittanza;

6.

Jiddispjaċih li l-Kunsill għadu sieket fir-rigward tal-kummenti magħmula mill-Parlament fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tiegħu tat-29 ta' April 2021 (1), bi qbil max-xejra mis-snin sa mill-2009;

7.

Jiddispjaċih li l-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill ma nqasamx f'żewġ baġits separati, kif irrakkomandat mill-Parlament f'riżoluzzjonijiet ta' kwittanza reċenti għal raġunijiet ta' trasparenza u biex jittejbu kemm l-effiċjenza tan-nefqa kif ukoll ir-responsabbiltà ta' kull waħda miż-żewġ istituzzjonijiet;

8.

Jiddispjaċih li, minkejja l-impenn inizjali tiegħu, il-Kunsill, s'issa, ma wettaq ebda valutazzjoni tal-impatt adegwata tal-emendi sustanzjali tiegħu għall-proposti mill-Kummissjoni; itenni li t-twettiq ta' tali valutazzjonijiet huwa wieħed mill-fatturi ewlenin biex tittejjeb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kif stabbilit fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (2);

9.

Jinnota l-ġestjoni finanzjarja u s-sistema ta' prestazzjoni mtejba tal-Kunsill; jiddispjaċih madankollu li bħalissa l-ebda rapport ma jipprovdi sommarju komprensiv tar-riżultati u l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, u b'hekk dan jipprevjeni kwalunkwe kejl tal-kisbiet milħuqa meta mqabbla mal-objettivi stabbiliti;

10.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u dwar il-miżuri meħuda biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għall-persuni b'diżabilità fil-Kunsill (bħala post tax-xogħol); jistieden lill-Kunsill jipprovdi lill-Parlament b'informazzjoni dettaljata dwar il-proporzjon ta' persuni li jaħdmu b'diżabilità u dwar id-distribuzzjoni ġeografika u tal-ġeneru, b'mod partikolari fil-livell tal-maniġment superjuri; jistieden lill-Kunsill jirrapporta dwar il-miżuri meħuda sabiex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs, bilanċ ġeografiku u ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-Kunsill;

11.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' informazzjoni mill-Kunsill dwar azzjonijiet effettivi meħuda biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi bejn il-ġeneri u dawk ġeografiċi, inkluż fil-livell maniġerjali; ifakkar fil-ħtieġa ta' armonizzazzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa u integrazzjoni u koordinazzjoni aktar b'saħħithom tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki kollha tal-Unjoni permezz ta' approċċ intersezzjonali; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar il-ħtieġa ta' konfigurazzjoni dedikata tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri (3);

12.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' informazzjoni dwar l-azzjonijiet tal-Kunsill immirati lejn it-tisħiħ tal-kultura etika u jirrimarka li ma ġiet irrappurtata l-ebda inizjattiva f'din id-direzzjoni lill-Parlament; jissottolinja l-importanza li jittieħdu passi konkreti biex jiġu implimentati prattiki tajbin bħal taħriġ speċifiku, dispożizzjonijiet dwar il-kodiċi ta' kondotta jew gwida interna dwar l-integrità u l-valuri etiċi, sit web iddedikat jew lista ta’ mistoqsijiet frekwenti (FAQs) dwar kwistjonijiet etiċi, jew proċeduri għall-protezzjoni tal-informaturi; ifakkar fid-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 13/2019 tad-19 ta' Lulju 2019 bit-titolu “L-oqfsa etiċi tal-istituzzjonijiet tal-UE li ġew awditjati: hemm lok għal titjib” li l-imġiba etika “tikkontribwixxi għat-titjib ulterjuri tal-ġestjoni finanzjarja u għaż-żieda fil-fiduċja tal-pubbliku, li hija indispensabbli għas-suċċess tal-politiki pubbliċi” u, b'mod partikolari, li “kull imġiba mhux etika min-naħa tal-persunal u tal-Membri tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea (UE) tattira livelli għoljin ta' interess pubbliku u tnaqqas il-fiduċja fl-UE”;

13.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' attenzjoni mogħtija lill-ħtieġa ta' qafas etiku, lit-trasparenza u lill-prevenzjoni, identifikazzjoni u evitar tal-kunflitti ta' interess; itenni t-tħassib kbir tiegħu dwar il-kunflitti ta' interessi ta' għadd ta' rappreżentanti ta' Stati Membri involuti fi proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u baġitarji; jissottolinja f'dan ir-rigward il-konklużjonijiet tal-awditu tal-Kummissjoni dwar il-Prim Ministru Ċek Andrej Babiš u Agrofert li jikkonfermaw l-eżistenza ta' kunflitt ta' interess; itenni li kwalunkwe kunflitt ta' interess reali jew perċepit jipperikola r-reputazzjoni tal-Kunsill u tal-Unjoni kollha kemm hi; jirrepeti l-appell qawwi tal-Parlament lill-Kunsill biex jiżgura li r-rappreżentanti tal-Istati Membri li jibbenefikaw direttament minn sussidji tal-Unjoni permezz tan-negozji li huma proprjetarji (diretti jew indiretti) tagħhom ma jipparteċipawx f'diskussjonijiet u f'votazzjonijiet politiċi jew baġitarji relatati; jitlob lill-Kunsill jipprovdi lill-Parlament informazzjoni dwar il-miżuri meħtieġa stabbiliti biex jiġi evitat kull kunflitt ta' interess; jiddeplora l-fatt li l-Kunsill jirrifjuta b'mod kategoriku l-proposti tal-Parlament biex tiżdied id-diġitalizzazzjoni fil-qasam tal-awditjar u l-kontroll u jirrifjuta li jikkoopera biex tiżdied l-interoperabbiltà tal-bażijiet tad-data eżistenti tal-Unjoni u nazzjonali u s-sistemi ta' rappurtar u monitoraġġ; jinsab imħasseb ħafna dwar il-konklużjonijiet uffiċjali u mhux uffiċjali tal-Kunsill Ewropew li, minkejja l-kunflitti ta' interess eżistenti, jħallu impatt fuq il-politika agrikola komuni u man-negozjati ta' koeżjoni dwar limitu massimu għall-finanzjament għal kull persuna fiżika u ġuridika;

14.

Jiddispjaċih li xi Stati Membri jirrikorru għal sponsorizzazzjoni korporattiva biex jiffinanzjaw parti mill-attivitajiet tal-presidenzi tal-Kunsill tagħhom li mhumiex koperti mill-baġit tal-Kunsill; itenni t-tħassib serju tiegħu dwar il-ħsara possibbli għar-reputazzjoni li din il-prattika jaf tikkawża lill-Kunsill u lill-Unjoni; jinnota t-test finali tat-30 ta' Ġunju 2021 li għandu jiddaħħal fil-Manwal tal-Presidenza tal-Kunsill bħala gwida għall-presidenzi tal-Kunsill rigward l-użu tal-isponsorizzazzjoni; jilqa' dan il-pass pożittiv iżda jiddispjaċih għan-nuqqas ta' sett komuni ta' regoli ċari, trasparenti u konkreti; jistieden lill-Kunsill jelabora ulterjorment dik il-gwida u jagħmilha obbligatorja għall-Istati Membri;

15.

Jiddispjaċih li r-rappurtar mill-Kunsill dwar il-miżuri meħuda biex titjieb it-trasparenza leġiżlattiva għadu mhuwiex kompletament sodisfaċenti u jtenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex iżid l-isforzi tiegħu favur it-trasparenza billi, fost l-oħrajn, jippubblika d-dokumenti ta' ħidma tal-Kunsill, jirreġistra u jippubblika l-pożizzjonijiet tal-Istati Membri u jagħmel disponibbli aktar dokumenti tat-trilogu; jilqa' l-fatt li l-Kunsill Ewropew iffirma l-Ftehim Interistituzzjonali dwar reġistru ta' trasparenza obbligatorju (4); jinsisti dwar estensjoni tal-użu tiegħu biex ikopri attivitajiet tar-Rappreżentanzi Permanenti u uffiċjali li mhumiex koperti minħabba l-limitazzjonijiet attwali;

16.

Jiddispjaċih dwar il-fatt li ma tingħatax informazzjoni sħiħa dwar ir-rekords tal-laqgħat li saru bejn il-lobbisti u l-President tal-Kunsill Ewropew jew il-membri tal-kabinett tiegħu, kif issuġġerit mill-Ombudsman Ewropew fid-deċiżjoni tagħha fil-każ 1946/2018/KR, bid-data tat-18 ta’ Ġunju 2019, dwar kif is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jinforma lill-pubbliku dwar il-laqgħat li l-President tal-Kunsill Ewropew u l-membri tal-uffiċċju privat tiegħu għandhom ma' rappreżentanti ta' interessi;

17.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' azzjoni u ta' inizjattivi min-naħa tal-Kunsill biex jiżgura proċess sod, trasparenti u effiċjenti għall-ħatra tal-Prosekuturi Ewropej u fir-rigward tal-proposta għal Prosekuturi Delegati Ewropej magħmula mill-Istati Membri;

18.

Jiddispjaċih dwar id-diffikultajiet li nqalgħu ripetutament s’issa fil-proċeduri ta' kwittanza għall-Kunsill li kienu kkawżati minn nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa tal-Kunsill; jirrimarka li l-Parlament irrifjuta li jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għas-snin finanzjarji 2009 sal-2018 u ppospona d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti ta' kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2019 għar-raġunijiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tiegħu tad-29 ta' April 2021;

19.

Jiddispjaċih li l-Parlament ma jistax jieħu deċiżjoni infurmata dwar l-għoti tal-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill minħabba li l-eżerċizzju effettiv ta' kontroll baġitarju jirrikjedi l-kooperazzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill, li bħalissa mhuwiex il-każ; jinsisti li n-nefqa tal-Kunsill trid tgħaddi minn skrutinju bl-istess mod bħal dik tal-istituzzjonijiet l-oħra u jirrimarka li l-elementi fundamentali ta' skrutinju bħal dan huma stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet ta' kwittanza tal-Parlament tas-snin reċenti;

20.

Ifakkar li, bħala istituzzjoni li tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar il-proċedura ta' kwittanza, il-Kunsill għandu jagħmel dan b'mod aktar f'waqtu u b'rispett għall-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni;

21.

Jiddispjaċih li l-Kunsill għadu qed jonqos milli jipprovdi tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Parlament kif ukoll milli jattendi s-seduti ta' smigħ tas-segretarji ġenerali tal-istituzzjonijiet;

22.

Jirrimarka li l-Parlament huwa l-unika istituzzjoni eletta direttament miċ-ċittadini tal-Unjoni u li r-rwol tiegħu fil-proċedura ta' kwittanza għandha konnessjoni diretta mad-dritt taċ-ċittadini li jkunu infurmati dwar kif qed jintefqu l-flus pubbliċi;

23.

Jenfasizza l-prerogattiva tal-Parlament li jagħti l-kwittanza skont l-Artikoli 316, 317 u 319 tat-TFUE, f'konformità mal-interpretazzjoni u l-prattika attwali, speċifikament li jagħti l-kwittanza b'rabta ma' kull intestatura tal-baġit b'mod separat sabiex jinżammu t-trasparenza u r-responsabbiltà demokratika lill-kontribwenti tal-Unjoni; ifakkar li l-Parlament jeżerċita l-prerogattivi tiegħu fil-proċeduri ta' kwittanza b’rispett tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-Unjoni u jiddispjaċih li l-Kunsill huwa l-uniku wieħed li jirrifjuta li jimpenja ruħu f'kooperazzjoni leali fir-rigward tal-prerogattivi u r-rwoli rispettivi;

24.

Iqis li n-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-Kunsill Ewropew u l-Kunsill mal-awtorità ta' kwittanza mhux biss imur kontra l-prinċipju ta' kooperazzjoni leali fost l-istituzzjonijiet u jibgħat sinjal negattiv liċ-ċittadini tal-Unjoni, iżda jesprimi wkoll nuqqas ta' rispett għar-rwol tal-Parlament bħala garanti tat-trasparenza u r-responsabbiltà demokratika tal-baġit tal-Unjoni;

25.

Itenni l-ħtieġa li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet fil-qafas tal-proċedura ta' kwittanza permezz ta' memorandum ta' qbil bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill matul il-proċedura ta' kwittanza annwali; ifakkar li l-Parlament informa lill-Kunsill dwar il-kompożizzjoni tat-tim tan-negozjati tiegħu aktar minn sena ilu u li jinsab lest li jerġa' jibda d-djalogu fi kwalunkwe ħin, u jistenna biss ir-reazzjoni tal-Kunsill; jistieden lill-Kunsill, għal dak il-għan, biex jibda negozjati interistituzzjonali mingħajr aktar dewmien.

 


(1)  Testi adottati, P9_TA(2021)0166.

(2)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(3)  Testi adottati, P9_TA(2020)0379.

(4)  Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta' Mejju 2021 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar reġistru ta' trasparenza obbligatorju (ĠU L 207, 11.6.2021, p. 1).