Brussell, 4.8.2020

COM(2020) 354 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2016/792 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tad-djar


1.Sfond

Ir-Regolament (UE) 2016/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tad-djar ġie adottat f’Mejju 2016 1 .

L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 2016/792 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati. Skont l-Artikolu 4(3), din is-setgħa tista’ tintuża biex tiġi emendata l-klassifikazzjoni Ewropea COICOP 2 stabbilita fl-Anness I. L-Artikolu 4(5) jipprevedi s-setgħa li l-atti delegati jiġu adottati biex jiġi emendat l-Artikolu 4(4) u, skont l-Artikolu 5(8), is-setgħa tista’ tintuża biex tiġi emendata l-lista tas-subindiċijiet esklużi.

Skont l-Artikolu 10(3), is-setgħa li tadotta atti delegati tingħata għal perjodu ta’ ħames snin mit-13 ta’ Ġunju 2016. Din is-setgħa jeħtieġ tiġi estiża taċitament għal perjodi ta’ ħames snin, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx.

Il-Kummissjoni hija obbligata li tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Dan ir-rapport jissodisfa dan l-obbligu.

2.L-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat delegati skont ir-Regolament (UE) 2016/792

Il-Kummissjoni għadha ma eżerċitatx is-setgħa tagħha li tadotta atti delegati li ngħatatilha permezz tar-Regolament (UE) 2016/792.

Minn meta r-Regolament (UE) 2016/792 daħal fis-seħħ, il-Kummissjoni ma ħassitx il-bżonn li taġġorna l-Artikolu 4(4), l-Artikolu 5(8) jew l-Anness I. Madankollu, mistenni li l-Anness I se jkollu bżonn jiġi aġġornat fil-ħames snin li ġejjin biex jitqiesu l-bidliet tal-COICOP tan-Nazzjonijiet Uniti. L-aġġornament se jagħmel l-indiċijiet tal-prezzijiet għall-konsumatur iktar rilevanti għall-istrutturi ekonomiċi attwali.

3.Konklużjonijiet

Il-Kummissjoni għadha ma eżerċitatx is-setgħa tagħha li tadotta atti delegati li ngħatatilha permezz tar-Regolament (UE) 2016/792.

Il-Kummissjoni tqis li għandu jkompli jkollha dawn is-setgħat delegati, minħabba li fil-futur tista’ tkun meħtieġa tadotta att delegat biex timmodifika l-Artikolu 4(4), l-Artikolu 5(8) jew l-Anness I sabiex jittejbu l-indiċi armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u l-indiċi tal-prezzijiet tad-djar.

(1)

     ĠU L 135, 24.5.2016, p. 11.

(2)

     Klassifikazzjoni tal-Konsum Individwali skont l-Għan. Il-klassifikazzjoni Ewropea COICOP hija verżjoni tal-klassifikazzjoni COICOP kif miżmuma min-Nazzjonijiet Uniti.