|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/3939 |
1.9.2026 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-10 ta’ Lulju 2026
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Finlandja
(C/2026/3939)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2024/1263 jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta' governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, kif ukoll li jevita defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f'konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stipulati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Is-Semestru Ewropew jinkludi, b'mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. |
|
(2) |
Fil-25 ta' Novembru 2025, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-2026 tal-Finlandja. Fl-istess data, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2026, li fih ma identifikatx lill-Finlandja bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni Ewropea, u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2026, li tanalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (2) fil-21 ta' April 2026 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, u r-Rakkomandazzjoni dwar il-kapital uman fid-9 ta' Marzu 2026. |
|
(3) |
Fid-29 ta' Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-ħames snin li ġejjin. Din tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi tal-innovazzjoni, id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività, u s-sigurtà bħala pilastri kritiċi għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli. Minn mindu ġiet ippubblikata, il-Boxxla għall-Kompetittività informat il-ħidma tas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-UE, u li jinħoloq approċċ unifikat għall-governanza ekonomika li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni. |
|
(4) |
Fl-2026, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika jkompli jiżviluppa flimkien mal-istadju finali tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) (3). Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs), flimkien mal-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni, kienu essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, peress li l-pjanijiet kienu meħtieġa biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti ta' sfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti maħruġa f'ċikli reċenti, u l-programmi ffinanzjati mill-politika ta' koeżjoni Ewropea kienu meħtieġa jqisu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Hekk kif l-RRF toqrob lejn tmiem il-ħajja tagħha, għadu essenzjali li jiġu sostnuti u żviluppati r-riformi u l-investimenti appoġġati u implimentati taħt l-RRF, b'mod partikolari dawk li jikkontribwixxu biex jindirizzaw l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. |
|
(5) |
Fit-3 ta' Ġunju 2026, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2026 għall-Finlandja. Dan evalwa l-progress li għamlet il-Finlandja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-RRP mill-Finlandja. Abbażi ta' din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċa l-Finlandja. Il-Kummissjoni evalwat ukoll il-progress li għamlet il-Finlandja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
(6) |
Fl-20 ta' Jannar 2026, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 126(7) TFUE bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fil-Finlandja (4). Il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta' tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta: 1,3 % fl-2026, 1,5 % fl-2027, u 1,8 % fl-2028, li jikkorrispondu mar-rati ta' tkabbir kumulattivi massimi kkalkulati b'referenza għas-sena bażi tal-2024 ta' 2,5 % fl-2026, 4,1 % fl-2027, u 5,9 % fl-2028. Il-perkors tan-nefqa netta korrettiv stabbilit f'dik ir-Rakkomandazzjoni jieħu post ir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta għall-2026 'il quddiem stabbiliti mir-Rakkomandazzjoni tal-21 ta' Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Finlandja (5) (6). Madankollu, ir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta stabbiliti fih għas-sena 2025, li kienu jikkorrispondu għal 1,6 % kull sena u 5,3 % b'mod kumulattiv b'referenza għas-sena bażi 2023, għadhom rilevanti għall-valutazzjoni tal-konformità sal-2025, b'dik is-sena inkluża. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar azzjoni effettiva tat-3 ta' Ġunju 2026 (7), il-proċedura ta' defiċit eċċessiv għall-Finlandja qed tinżamm sospiża. |
|
(7) |
Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jitolbu l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir b'mod koordinat biex jappoġġaw l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq fid-difiża (8) u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025. Wara t-talba tal-Finlandja, fit-8 ta' Lulju 2025 il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni li tippermetti lill-Finlandja tiddevja mir-rati massimi ta' tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta (9). Il-perjodu meta tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (2025-2028) jippermetti lill-Finlandja tipprijoritizza mill-ġdid in-nefqa tal-gvern jew iżżid id-dħul tal-gvern sabiex in-nefqa fid-difiża, li tkun ogħla b'mod dejjiemi, ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju. |
|
(8) |
Fit-30 ta' April 2026, il-Finlandja ppreżentat ir-Rapport ta' Progress Annwali tal-2026 (10) tagħha dwar l-aderenza mar-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta rakkomandati, l-implimentazzjoni tas-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament u l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti li jwieġbu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-rapport dwar l-azzjoni meħuda skont il-proċedura ta' defiċit eċċessiv huwa integrat fir-Rapport ta' Progress Annwali. |
|
(9) |
It-tkabbir tal-PDG reali fl-2025 kien ta' 0,2 % u l-inflazzjoni tal-HICP kienet ta' 1,8 %. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber bi 0,8 % fl-2026 u 1,4 % fl-2027, u l-inflazzjoni tal-HICP ser tkun ta' 2,4 % fl-2026 u 1,9 % fl-2027. |
|
(10) |
Abbażi tad-data pprovduta mill-Eurostat (11), id-defiċit tal-gvern estiż tal-Finlandja naqas minn 4,4 % tal-PDG fl-2024 għal 3,4 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis fid-defiċit fl-2025 jirrifletti prinċipalment l-impatt tal-miżuri li jżidu d-dħul bħaż-żieda fir-rata tal-VAT implimentata lejn l-aħħar tal-2024 u t-tkabbir modest fin-nefqa. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa sad-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit ta' 4,5 % tal-PDG fl-2026 u 4,6 % fl-2027. Iż-żieda fl-2026 tirrifletti prinċipalment investiment ogħla tal-gvern relatat mal-konsenja ta' inġenji tal-ajru tal-ġlied F-35, parzjalment posposti mill-2025, u pagamenti tal-imgħax ogħla. |
|
(11) |
Abbażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (12), li tinkludi n-nefqa ffinanzjata kemm nazzjonalment kif ukoll mill-UE, kienet restrittiva, b'1,5 % tal-PDG fl-2025. Hija pprojettata li tkun espansjonarja, b' 0,7 % tal-PDG, fl-2026, u ġeneralment newtrali fl-2027. |
|
(12) |
Abbażi tad-data pprovduta mill-Eurostat (13), id-dejn tal-gvern estiż tal-Finlandja żdied minn 82,4 % tal-PDG fi tmiem l-2024 għal 88,5 % tal-PDG fi tmiem l-2025. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn fl-2025 tirrifletti prinċipalment defiċit persistenti tal-gvern u aġġustament pożittiv kbir bejn il-fondi u l-flussi, u tkabbir modest fil-PDG nominali. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG jiżdied għal 91,2 % sa tmiem l-2026 u li jkompli jiżdied għal 93,1 % sa tmiem l-2027. Iż-żieda fl-2026 tirrifletti prinċipalment defiċit ogħla tal-gvern, li huwa biss parzjalment ikkumpensat minn tkabbir tal-PDG nominali aktar mgħaġġel, filwaqt li l-aġġustament bejn l-istokk u l-flussi għandu rwol marġinali. |
|
(13) |
Abbażi tad-data tal-Eurostat (14), in-nefqa totali fid-difiża tal-gvern estiż fil-Finlandja ammontat għal 1,7 % tal-PDG fl-2025, li tikkorrispondi għal żieda ta' 0,5 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbla mas-sena ta' referenza 2021. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, hija pprojettata għal 2,6 % tal-PDG fl-2026, li tikkorrispondi għal żieda ta' 1,4 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbla mal-2021 (15). |
|
(14) |
L-Unjoni tkompli tiffaċċa riskji ta' interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija u volatilità għolja tal-prezzijiet, aggravati minn tensjonijiet ġeopolitiċi li jaffettwaw is-swieq globali taż-żejt u tal-gass. L-esperjenza mill-kriżi tal-enerġija tal-2022–2023 uriet li miżuri wiesgħa u mhux immirati jinvolvu kostijiet fiskali kbar u huma soċjalment u ekonomikament ineffiċjenti. Minn mindu faqqgħet il-gwerra fil-Lvant Nofsani fi Frar 2026, il-Finlandja ma adottatx miżuri ġodda ta' politika fiskali biex ittaffi l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq l-unitajiet domestiċi u d-ditti (16). |
|
(15) |
Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fil-Finlandja naqset b'0,7 % fl-2025 u żdiedet bi 2,6 % b'mod kumulattiv tul l-2024 u l-2025. It-tkabbir fin-nefqa netta fl-2025 huwa taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata mill-Kunsill f'Jannar 2025. Meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, ir-rata kumulattiva ta' tkabbir tan-nefqa netta hija wkoll taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. |
|
(16) |
Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fil-Finlandja hija pprojettata li tikber b'4,1 % fl-2026, u b'3,3 % b'mod kumulattiv matul l-2025 u l-2026. It-tkabbir fin-nefqa netta pprojettat fl-2026 huwa ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata mill-Kunsill f'Jannar 2026, u jikkorrispondi għal devjazzjoni ta' 1,5 % tal-PDG f'termini annwali. Meta jitqiesu l-2025 u l-2026 flimkien, ir-rata ta' tkabbir kumulattiva tan-nefqa netta pprojettata hija wkoll ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata, u tikkorrispondi għal devjazzjoni ta' 0,5 % tal-PDG f'termini kumulattivi. Madankollu, id-devjazzjoni pprojettata hija fi ħdan il-flessibbiltà tal-klawżola liberatorja nazzjonali bbażata fuq il-projezzjonijiet attwali għall-infiq fid-difiża. |
|
(17) |
Ir-Rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan ta' terminu medju tal-Finlandja tispeċifika s-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament, flimkien ma' skeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tagħhom. Meta tqis l-informazzjoni pprovduta mill-Finlandja fir-Rapport ta' Progress Annwali tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-implimentazzjoni tal-passi ewlenin ta' dawn ir-riformi u investimenti li kienu dovuti sat-30 ta' April 2026 jidher li huma fil-biċċa l-kbira mexjin sew. Fir-rigward tal-korrezzjoni tad-defiċits tal-kontej tas-servizzi tal-benesseri, għalkemm it-tkabbir fin-nefqa ġie mmoderat, id-defiċits akkumulati ta' xi kontej huma meqjusa kbar wisq biex jiġu kkoreġuti sa tmiem l-2026 mingħajr ma jiġi pperikolat il-forniment tas-servizzi. Il-gvern għalhekk ippreżenta proposta biex jestendi l-iskadenza sa tmiem l-2029 għal dawk ir-reġjuni bi pjanijiet kredibbli biex jindirizzaw id-defiċit. Il-Kummissjoni tqis li, b'mod ġenerali, il-Finlandja kkonformat mal-impenji tagħha b'mod sodisfaċenti (17). Il-Finlandja qed tiffaċċa sfidi persistenti ta' sostenibbiltà fiskali. Fl-2025, id-defiċit tal-gvern estiż laħaq it-3,4 % tal-PDG u d-dejn tal-gvern żdied għal 88,5 % tal-PDG. Għalkemm il-gvern adotta miżuri ta' konsolidazzjoni mdaqqsa fl-2023 u l-2024 u miżuri ulterjuri ġew inklużi fil-baġit tal-2026, id-dejn pubbliku mhuwiex mistenni jistabbilizza ruħu mingħajr interventi addizzjonali. In-nefqa pubblika, ta' 57,7 % tal-PDG, għadha l-ogħla fl-Unjoni fl-2024. Titjib fl-effiċjenza tal-infiq pubbliku huwa kruċjali biex jerġa' jinkiseb spazju fiskali, jiġi ppreservat l-ispazju għall-investiment pubbliku meħtieġ u jiġu indirizzati l-pressjonijiet fuq l-infiq relatat mat-tixjiħ tal-popolazzjoni. Ir-rieżamijiet tal-infiq jistgħu jgħinu biex jiġu identifikati perkorsi biex tiżdied l-effettività tan-nefqa pubblika. Ir-rieżamijiet annwali mmirati tal-infiq mistennija jiġu kkompletati għall-ewwel darba fl-2026, u huwa ppjanat rieżami komprensiv ġdid qabel l-elezzjonijiet tal-2027. Il-Finlandja tibbenefika jekk iżżomm il-prattika tal-produzzjoni ta' rieżamijiet regolari u dettaljati tal-infiq b'rakkomandazzjonijiet ċari u azzjonabbli, u jekk tieħu inkunsiderazzjoni r-riżultati tagħhom b'mod sistematiku fil-proċess baġitarju. Dan huwa partikolarment rilevanti għas-sistema tal-protezzjoni soċjali, fejn in-nefqa ammontat għal 26 % tal-PDG fl-2024, ferm ogħla mill-medja tal-Unjoni ta' 19 % tal-PDG. Is-sistema ta' protezzjoni soċjali tal-Finlandja hija komprensiva iżda kumplessa u tista' potenzjalment tiddiżinċentiva x-xogħol. Mill-2023 'il quddiem, ġew adottati bosta riformi biex jissimplifikaw u jtejbu l-effiċjenza tas-sistema u jsaħħu l-inċentivi għax-xogħol, inkluża t-tnedija tal-benefiċċju ġenerali tas-sigurtà soċjali u r-riforma komprensiva tal-assistenza soċjali, li t-tnejn li huma daħlu fis-seħħ fl-2026. Filwaqt li dawn iż-żewġ riformi mistennija jtejbu l-effiċjenza u l-inċentivi għax-xogħol, l-impatt tagħhom fuq is-sostenibbiltà fiskali għadu inċert. Fl-istess ħin, ir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali żdied, u l-valutazzjonijiet tal-impatt juru li r-riformi reċenti jidhru li laqtu lill-gruppi vulnerabbli aktar milli mistenni. Tajjeb li tingħata attenzjoni partikolari għall-indirizzar tal-ħtiġijiet tal-gruppi vulnerabbli filwaqt li tittejjeb l-effiċjenza tal-infiq. |
|
(18) |
L-involviment sistematiku, sinifikattiv u f'waqtu tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-istrumenti ta' finanzjament tal-Unjoni, kif ukoll fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. |
|
(19) |
L-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) u mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), fil-Finlandja hija 'l fuq mill-medja tal-UE f'termini ta' pagamenti, għalkemm ir-rata tas-selezzjoni tal-proġett għadha taħt il-medja tal-UE. Huwa importanti li jinżamm il-momentum attwali u li jiġi żgurat li l-investimenti jiġu implimentati malajr, filwaqt li jiġi mmassimizzat l-impatt tal-investimenti fil-prattika. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-investimenti l-ġodda identifikati mill-Finlandja fir-rieżami ta' nofs it-terminu tagħha tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni, b'mod partikolari dawk marbuta mal-ħames prijoritajiet identifikati fir-Regolament dwar ir-Rieżami ta' Nofs it-Terminu (18), jintużaw malajr u b'mod effettiv. |
|
(20) |
Bħala Stat Membru fil-fruntiera esterna tal-Lvant tal-UE, il-Finlandja qed tiffaċċa pressjonijiet ta' nfiq relatati mad-difiża u r-reżiljenza kontra theddid ibridu kif ukoll sfidi speċifiċi li qed ikollhom impatt fuq id-dinamika tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali. |
|
(21) |
Il-Finlandja qed tħabbat wiċċha ma' diversi sfidi relatati mal-kompetittività, id-dekarbonizzazzjoni, l-impjiegi, u l-implimentazzjoni tar-riforma tas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa. |
|
(22) |
Il-Finlandja hija fost dawk bl-aqwa prestazzjoni fl-innovazzjoni fl-Unjoni, sostnuta minn popolazzjoni b'ħiliet kbar, grupp kbir ta' speċjalisti tal-ICT, użu mifrux tat-teknoloġiji diġitali mill-kumpaniji, kollaborazzjoni internazzjonali b'saħħitha fir-riċerka, attività ta' kapital ta' riskju u ekosistema dinamika ta' start-ups, b'mod partikolari fit-teknoloġija profonda. In-nefqa fir-riċerka u l-iżvilupp kompliet tiżdied lejn il-mira nazzjonali ta' 4 % tal-PDG sal-2030. Madankollu, din il-prestazzjoni b'saħħitha fl-innovazzjoni ma ssarrfitx fi tkabbir aktar b'saħħtu fil-produttività, li baqa' dgħajjef mit-tnaqqis tas-settur tal-elettronika fil-bidu tas-snin 2010. Sabiex l-innovazzjoni tikkontribwixxi b'mod aktar effettiv għat-tkabbir, ir-riżultati tar-riċerka jeħtieġ li jiġu kkummerċjalizzati u mxerrdin b'mod aktar wiesa' fl-ekonomija kollha. Il-kooperazzjoni bejn in-negozji u d-dinja akkademika hija mezz importanti għall-kummerċjalizzazzjoni tal-innovazzjoni. Fil-Finlandja, il-kollaborazzjoni bejn il-kumpaniji attivi fl-innovazzjoni u l-universitajiet u l-istituzzjonijiet tar-riċerka naqset maż-żmien, filwaqt li l-finanzjament tan-negozju għar-riċerka u l-iżvilupp tal-edukazzjoni għolja staġna. L-SMEs b'mod partikolari jiffaċċaw diffikultajiet biex jikkooperaw mal-universitajiet u mal-organizzazzjonijiet tar-riċerka u biex jaċċessaw strumenti ta' finanzjament rilevanti. L-appoġġ għall-attivitajiet ta' innovazzjoni minbarra r-riċerka u l-iżvilupp iddgħajjef ukoll, u dan jista' jxekkel l-adozzjoni tal-innovazzjoni mis-suq. Filwaqt li żdied il-finanzjament addizzjonali għall-kollaborazzjoni bejn il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, it-tisħiħ ulterjuri tal-proġetti konġunti bejn l-industrija u l-universitajiet jgħin biex jissaħħaħ it-trasferiment tal-għarfien. It-titjib tal-kummerċjalizzazzjoni tal-innovazzjoni jeħtieġ ukoll ħiliet intraprenditorjali aktar b'saħħithom u appoġġ għar-riċerkaturi. Għalkemm il-Finlandja introduċiet l-edukazzjoni intraprenditorjali f'livelli differenti, għad ma hemm l-ebda strateġija komprensiva biex jissaħħu l-kapaċitajiet intraprenditorjali tar-riċerkaturi. B'mod ġenerali, filwaqt li tirrispetta l-ispazju fiskali limitat, il-Finlandja tibbenefika miż-żamma ta' kundizzjonijiet favorevoli biex l-ekosistemi tar-riċerka u l-iżvilupp jirnexxu, anke billi tiżgura l-użu strateġiku tal-istrateġiji ta' innovazzjoni reġjonali u lokali. |
|
(23) |
Il-Finlandja għandha ekosistema dinamika għall-istart-ups. Filwaqt li l-investiment tal-kapital ta' riskju mqabbel mal-PDG huwa ogħla mill-medja tal-UE, l-espansjoni għadha sfida persistenti peress li l-fondi domestiċi spiss ikunu żgħar wisq biex imexxu jew jikkoinvestu f'ċikli ta' finanzjament fi stadju aktar tardiv. Is-self mill-banek huwa ġeneralment disponibbli, iżda mhuwiex l-istrument it-tajjeb biex jiffinanzja l-espansjoni tal-istart-ups. B'riżultat ta' hekk, kumpaniji innovattivi — speċjalment dawk f'setturi intensivi fil-kapital — jistgħu jsibuha diffiċli biex jiżguraw finanzjament għat-tkabbir u jistgħu jirrilokaw barra mill-pajjiż jew ifittxu finanzjament fi swieq barranin. Għalkemm l-aċċess għall-finanzjament huwa ġeneralment adegwat u, fost miżuri oħrajn, ir-rieżami reċenti tal-istrateġija tal-kumpanija ta' investiment tal-istat TESI għen biex jiġu indirizzati l-lakuni fil-finanzjament fuq skala kbira, hemm bżonn ta' azzjoni ulterjuri biex jiġu żgurati flussi ta' kapital suffiċjenti għall-kumpaniji b'rata għolja ta' innovazzjoni. It-twessigħ tal-aċċess għall-finanzjament ta' espansjoni jappoġġa t-tkabbir tal-kumpaniji, id-diffużjoni tal-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi kif ukoll jagħti spinta lit-tkabbir aggregat tal-produttività. Dawn il-politiki jistgħu jinkludu b'mod utli: i) l-espansjoni tal-parteċipazzjoni tal-investituri individwali fis-swieq tat-tkabbir, bħal billi jissaħħu l-attraenza u l-flessibbiltà tal-kontijiet tat-tfaddil tal-ekwità tal-OST biex it-tfaddil tal-unitajiet domestiċi jiġi dirett lejn kumpaniji b'rata għolja ta' tkabbir; ii) is-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta' investiment transfruntier għall-investituri; iii) l-introduzzjoni ta' inċentivi fiskali mmirati lejn l-investiment f'negozji li qed jespandu u f'kumpaniji b'rata għolja ta' tkabbir billi jiġi riformat it-trattament fiskali tal-kapital ta' riskju; u iv) ir-riforma tat-tassazzjoni tad-dividendi minn kumpaniji mhux ikkwotati. |
|
(24) |
Il-Finlandja hija ekonomija żgħira u miftuħa li qed tiffaċċa sfidi ta' sigurtà ekonomika speċjalment minħabba d-dipendenza tagħha fuq il-ktajjen tal-valur globali. F'termini tal-iżgurar tal-flussi ekonomiċi kritiċi tagħha, huwa importanti li l-Finlandja tkompli tiżviluppa l-kapaċitajiet tagħha biex tipprevjeni, tirreaġixxi u taġġusta għal tfixkil possibbli, inkluż fid-dimensjonijiet ċibernetiċi u ibridi u fl-infrastruttura kritika li huma vitali għall-ekonomija. Sehem kbir mill-intrapriżi fil-Finlandja rrapportaw inċidenti ta' sigurtà tal-ICT b'konsegwenzi. Barra minn hekk, is-sensiela ta' inċidenti li jaffettwaw l-infrastruttura kritika taħt il-baħar fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku juru l-vulnerabbiltà tal-infrastruttura kritika għall-ġarr tad-data, tal-gass u tal-elettriku. Il-Finlandja tibbenefika minn appoġġ għall-ktajjen tal-valur strateġiċi u l-flussi ekonomiċi permezz ta' miżuri bħall-protezzjoni tal-infrastruttura kritika u l-iżgurar ta' ċibersigurtà mill-aktar avvanzata. |
|
(25) |
Il-Finlandja lleġiżlat il-mira tagħha għall-2035 għan-newtralità karbonika f'liġi. L-ilħuq tal-mira jirrikjedi li jitħaffef il-progress għat-tnaqqis tal-emissjonijiet netti tal-karbonju. Il-Finlandja aġixxiet b'mod deċiżiv biex tnaqqas l-emissjonijiet mill-produzzjoni tal-enerġija, filwaqt li sar investiment kbir biex titħaffef id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija. |
|
(26) |
L-isforzi kontinwi għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija mhumiex biss importanti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, iżda wkoll bħala sors ta' kompetittività. L-iżvilupp industrijali nadif huwa fil-qalba tal-mudell kummerċjali futur tal-Finlandja. Il-Finlandja għandha l-aktar prezzijiet tal-elettriku baxxi fl-UE, li jipprovdi vantaġġ sinifikanti lill-industriji li diġà ssostitwew l-użu tal-fjuwils fossili. Dan jimxi id f'id ma' żieda fl-investiment fit-teknoloġiji nodfa u fl-ekonomija ċirkolari. Filwaqt li l-Finlandja hija minn ta' quddiem fl-iżvilupp ta' teknoloġiji nodfa bħall-enerġija mir-riħ fuq l-art, is-sistemi tal-enerġija sostenibbli, l-infrastruttura tal-batteriji u l-idroġenu ekoloġiku, hemm bżonn ta' investiment ulterjuri biex dawn it-teknoloġiji jiġu żviluppati f'setturi kummerċjabbli li jappoġġaw l-ekonomija futura tal-Finlandja. Biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet ta' materjali ewlenin u inputs industrijali, jeħtieġ li l-Finlandja ttejjeb ir-rata tal-użu tal-materjal ċirkolari u l-produttività tar-riżorsi tagħha, li għadhom fost l-aktar baxxi fl-UE. L-iżgurar tad-disponibbiltà ta' ħiliet ekoloġiċi se jkun kruċjali biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika fl-industrija. |
|
(27) |
Ir-rwol tas-settur tat-trasport fl-ilħuq tal-miri klimatiċi tal-Finlandja huwa kruċjali, minħabba l-potenzjal sinifikanti tiegħu għal aktar tnaqqis fl-emissjonijiet. Biex jintlaħqu l-miri tal-Finlandja għall-2030 għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport hemm bżonn ta' aċċellerazzjoni fl-investiment f'oqsma li jinkludu l-elettrifikazzjoni tal-vetturi privati u l-mobbiltà b'emissjonijiet żero, il-konnessjonijiet tat-trasport pubbliku biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-karozzi, u d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport fuq distanzi twal, kif ukoll riformi biex tiġi inċentivata aktar din it-tranżizzjoni. Miżuri ta' dan it-tip jistgħu jagħtu vantaġġ kompetittiv lill-Finlandja filwaqt li jappoġġaw id-dekarbonizzazzjoni tas-settur b'mod soċjalment ġust u inklużiv. |
|
(28) |
Iż-żieda fil-pressjonijiet fuq il-foresti u l-emissjonijiet mit-torbieri skulati tikkontribwixxi għall-erożjoni tal-bir tal-karbonju. Il-foresti tal-Finlandja tradizzjonalment aġixxew bħala bir tal-karbonju maġġuri iżda żviluppi reċenti naqqsu l-bjar b'mod sinifikanti. Ġew proposti miżuri biex jiżdied it-tkabbir tal-foresti u biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-foresti. Madankollu, dawn il-miżuri huma limitati fil-kamp ta' applikazzjoni u mistennija jieħdu żmien twil biex iħallu impatt. It-tkabbir u r-reżiljenza tal-foresti huma meħtieġa biex jiġi żgurat li l-bjar naturali jissaħħu fuq terminu medju u twil sabiex ikunu kompatibbli mal-kisba tal-mira tan-newtralità karbonika tal-Finlandja. Minbarra l-ħsad, ir-rati ta' tkabbir tal-foresti naqsu wkoll b'riżultat tal-età tal-foresti u raġunijiet relatati mat-tibdil fil-klima inklużi n-nixfiet u t-temperaturi storikament għoljin. Barra minn hekk, id-distakk bejn l-assorbimenti netti ppjanati u l-mira tal-LULUCF tal-Finlandja għall-2030 huwa t-tieni l-akbar nuqqas ipprojettat fost l-Istati Membri tal-UE, madankollu l-projezzjonijiet jinkludu inċertezza kbira. It-titjib tal-bir tal-karbonju jeħtieġ prattiki msaħħa ta' ġestjoni sostenibbli tal-art u investimenti mqawwija fir-reżiljenza għall-klima. Hemm bżonn ta' azzjoni ulterjuri deċiżiva biex jissaħħaħ il-bir tal-karbonju u biex il-mira tan-newtralità karbonika tal-Finlandja tibqa' tista' tintlaħaq. |
|
(29) |
Ir-rata tal-qgħad żdiedet għal 9,7 % fl-2025, parzjalment minħabba żieda fil-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol, filwaqt li r-rata tal-impjiegi naqset għal 76,3 %. Ir-rata tal-qgħad fit-tul żdiedet għal 2,4 % fl-2025, u qabżet il-medja tal-UE. Ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ laħqet il-21,8 % fl-2025, konsiderevolment ogħla mill-medja tal-UE, bil-perċentwal ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ jiżdied għal 11,0 %. Il-Finlandja introduċiet bosta miżuri biex tattiva l-forza tax-xogħol, inklużi r-riforma tas-sistema tas-sigurtà soċjali u l-istabbiliment ta' żoni muniċipali tal-impjiegi. Madankollu, l-istatistika nazzjonali tindika li l-parteċipazzjoni fil-politiki attivi tas-suq tax-xogħol naqset mill-2022 'l hawn (19). Il-muniċipalitajiet qed iħabbtu wiċċhom ma' kostijiet għoljin mill-pagamenti tal-benefiċċji tal-qgħad kif ukoll mill-forniment ta' servizzi pubbliċi tal-impjiegi, u d-domanda għat-tnejn li huma hija eċċezzjonalment għolja matul it-tnaqqis ċikliku fir-ritmu ekonomiku. L-isforzi biex jittejjeb l-immirar tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol lejn gruppi bi ħtieġa akbar għas-servizzi, bħaż-żgħażagħ u l-persuni qiegħda fit-tul, jgħinu biex tittejjeb l-effiċjenza tal-infiq u jiġu appoġġati aħjar it-tranżizzjonijiet għax-xogħol fis-sitwazzjoni eċċezzjonali tas-suq tax-xogħol. |
|
(30) |
Fid-dawl tar-rwol kruċjali tal-kapital uman fit-tisħiħ tal-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, fl-2026 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jindirizzaw b'mod urġenti l-isfidi strutturali relatati mal-kapital uman fil-qasam tal-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ, li jfixklu l-kompetittività. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2026 indirizzati lill-Finlandja jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni. |
|
(31) |
It-tisħiħ tal-provvista ta' ħaddiema tas-sengħa, inkluż permezz tal-edukazzjoni formali u t-tiġdid u titjib tal-ħiliet tal-adulti, ikun ta' benefiċċju għall-produttività, il-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku tal-Finlandja. Fl-2025, ir-rata ta' kisba tal-edukazzjoni terzjarja fil-Finlandja naqset għal 38,2 %, taħt il-medja tal-UE ta' 44,8 % u sew taħt l-ambizzjoni Finlandiża li tilħaq 50 % sal-2030. Fl-istess ħin, ir-rata tal-qgħad għall-persuni b'edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell jew inqas laħqet it-22,9 %, u dan jenfasizza li n-nuqqas ta' ħiliet huwa ostaklu serju għall-impjieg. Minkejja rati għoljin ta' reġistrazzjoni fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, qed ikompli jfeġġ nuqqas ta' ħaddiema f'bosta professjonijiet b'livell għoli ta' ħiliet. L-espansjoni tal-offerta tal-edukazzjoni għolja allinjata mill-qrib mad-domanda tas-suq tax-xogħol u ż-żieda fl-għadd ta' gradwati terzjarji huma kruċjali biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' ħiliet fit-tul. |
|
(32) |
Ir-riforma tas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa, li introduċiet is-sistema l-ġdida tal-għoti tas-servizzi fil-bidu tal-2023, ikkalmat it-tkabbir fil-kostijiet u tejbet l-aċċess ekwu għas-servizzi tal-kura tas-saħħa primarja. Madankollu, għad hemm disparitajiet fis-sostenibbiltà finanzjarja u fl-għoti tas-servizzi bejn il-kontej tas-servizzi tal-benesseri. Il-ħtiġijiet mediċi mhux issodisfati awtodikjarati għadhom fost l-ogħla fl-Unjoni. Fl-istess ħin, it-tixjiħ tal-popolazzjoni hija sfida għar-reżiljenza u s-sostenibbiltà fiskali tas-settur soċjali u tal-kura tas-saħħa tal-Finlandja, inkluża s-sistema tal-kura tal-anzjani. It-tisħiħ tat-tmexxija tas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa u l-mudell ta' finanzjament għall-kontej tas-servizzi tal-benesseri, flimkien mal-integrazzjoni tad-diversi sistemi tal-IT u l-ingranaġġ tad-data u l-IA, jistgħu jappoġġaw l-isforzi li jindirizzaw il-ħtiġijiet mhux issodisfati, inaqqsu d-disparitajiet u jkomplu jnaqqsu l-ineffiċjenzi fis-sistema tal-għoti tas-servizzi. L-indirizzar ta' dawn l-isfidi jikkontribwixxi wkoll għall-appoġġ tal-konverġenza soċjali 'l fuq, f'konformità mal-analiżi tal-pajjiż tat-tieni stadju tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Qafas ta' Konverġenza Soċjali (20). |
|
(33) |
Fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2026 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, fosthom permezz tal-RRPs tagħhom, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2026 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għall-Finlandja, ir-rakkomandazzjoni (1) tgħin fl-implimentazzjoni tal-ewwel, tat-tieni, tat-tielet u tal-ħames rakkomandazzjonijiet dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (2) tgħin fl-implimentazzjoni tar-raba' rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (3) u (4) jgħinu fl-implimentazzjoni tas-seba' rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro u r-rakkomandazzjoni (5) tgħin fl-implimentazzjoni tal-ħames rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro. |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Finlandja tieħu azzjoni fl-2026 u l-2027 biex:
|
1. |
Tibqa' taderixxi mar-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta rrakkomandati mill-Kunsill fl-20 ta' Jannar 2026, bil-ħsieb li ttemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv filwaqt li tuża l-flessibbiltà tal-klawżola liberatorja nazzjonali attivata mill-Kunsill. Issaħħaħ l-infiq u l-prontezza ġenerali fid-difiża u s-sigurtà, filwaqt li tiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn u l-effiċjenza fl-infiq, kif ukoll l-adattament gradwali tal-baġit biex issostni nfiq strutturalment ogħla fid-difiża. Tiżgura li l-miżuri li jittieħdu biex jittaffa l-impatt taż-żieda sinifikanti fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu temporanji, immirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi vulnerabbli jew lejn l-indirizzar tal-ħtiġijiet tad-ditti intensivi fl-enerġija, jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija u jiżguraw li l-kost fiskali tagħhom ikun kompatibbli mal-impenji skont il-qafas fiskali tal-UE. Tkompli timplimenta s-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-perjodu ta' aġġustament estiż kif irrakkomandat mill-Kunsill fil-21 ta' Jannar 2025. Ittejjeb l-effiċjenza tal-infiq pubbliku billi twettaq rieżamijiet regolari u dettaljati tal-infiq li jidentifikaw miżuri konkreti li għandhom jiġu kkunsidrati fil-proċess tal-baġit, inklużi rieżamijiet tas-sistema tas-sigurtà soċjali biex tappoġġa s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, filwaqt li tindirizza l-ħtiġijiet tal-gruppi vulnerabbli. |
|
2. |
Tiżgura l-kontinwità tar-riformi u l-investimenti implimentati fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Issostni l-momentum tal-implimentazzjoni skont il-programmi tal-politika ta' koeżjoni, filwaqt li, meta jkun xieraq, tibni fuq ir-riallokazzjoni għall-prijoritajiet strateġiċi maqbula fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu u fuq il-flessibbiltajiet ipprovduti fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni. Tindirizza l-isfidi soċjoekonomiċi, tas-sigurtà u tal-preparatezza ċivili uniċi li jaffettwaw b'mod partikolari lir-reġjuni fil-fruntiera esterna tal-Lvant tal-UE, inkluż il-ħtieġa li jsir investiment f'infrastruttura b'użu doppju. |
|
3. |
Tappoġġa l-ekosistema tar-riċerka u l-iżvilupp u ttejjeb il-kummerċjalizzazzjoni tal-innovazzjoni billi i) iżżid il-kooperazzjoni bejn in-negozji u d-dinja akkademika permezz ta' proġetti konġunti bejn l-industrija u l-università, u ii) ittejjeb il-ħiliet intraprenditorjali u l-appoġġ għar-riċerkaturi. Twessa' l-aċċess għall-finanzjament tal-espansjoni għal start-ups innovattivi u kumpaniji b'rata għolja ta' tkabbir u ssaħħaħ l-ekosistema tal-finanzjament tal-ekwità. Issaħħaħ is-sigurtà ekonomika, inkluż fl-infrastruttura kritika u ċ-ċibersigurtà. |
|
4. |
Tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju billi tingħata spinta lill-investiment pubbliku u privat fid-dekarbonizzazzjoni tal-industrija u tat-trasport (inkluż permezz tal-elettrifikazzjoni), fit-teknoloġiji nodfa u fis-soluzzjonijiet tal-ekonomija ċirkolari u billi ssaħħaħ l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-art u tal-foresti. |
|
5. |
Ittejjeb l-immirar tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol. Tindirizza n-nuqqas ta' ħiliet u l-ispariġġ fil-ħiliet billi tħarreġ mill-ġdid u ttejjeb il-ħiliet tal-forza tax-xogħol u twessa' l-offerta tal-edukazzjoni għolja għall-ħiliet l-aktar mitluba fis-suq tax-xogħol. Tkompli ttejjeb l-effiċjenza tas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa filwaqt li tkompli bl-isforzi biex ittejjeb l-aċċess għas-servizzi, inkluża l-kura tal-anzjani. |
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
S. HARRIS
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).
(2) ĠU C, C/2026/2434, 28.4.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2434/oj.
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(4) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2025 li tippermetti lill-Finlandja tiddevja mir-rata massima ta' tkabbir tan-nefqa netta kif stabbilita mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 (Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali), (ĠU C, C/2025/3966, 20.8.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3966/oj).
(5) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Finlandja (ĠU C, C/2025/656, 10.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/656/oj).
(6) Il-Punt 2 u l-Anness II (“Sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament għal 7 snin”) tar-Rakkomandazzjoni tal-21 ta' Jannar 2025 jibqgħu japplikaw.
(7) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment, is-Semestru Ewropew tal-2026 – Pakkett tar-Rebbiegħa, COM(2026) 200 final.
(8) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Nakkomodaw żieda fin-nefqa fid-difiża fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir”, Brussell, 19.3.2025, C(2025) 2000 final.
(9) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2025 li tippermetti lill-Finlandja tiddevja mir-rata massima ta' tkabbir tan-nefqa netta kif stabbilita mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 (Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali) (ĠU C, C/2025/3966, 20.8.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3966/oj).
(10) Ir-Rapporti ta' Progress Annwali 2026 huma disponibbli hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_en.
(11) Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22.04.2026.
(12) Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq perjodu medju ta' żmien u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta mill-miżuri diskrezzjonali tad-dħul u inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni.
(13) Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22.04.2026.
(14) Il-Eurostat, in-nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG).
(15) Id-definizzjoni tal-infiq fid-difiża tan-NATO hija differenti mid-definizzjoni tad-difiża tal-COFOG. Barra minn hekk, jista' jkun hemm differenzi minħabba ż-żmien tar-reġistrazzjoni tan-nefqa, b'mod partikolari t-tagħmir militari, peress li r-rappurtar tan-NATO ma jsegwix ir-regoli tal-kontijiet nazzjonali għaż-żmien tar-reġistrazzjoni.
(16) Dan jirrifletti s-sitwazzjoni fid-data limitu tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni (4 ta' Mejju 2026).
(17) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment, is-Semestru Ewropew tal-2026 – Pakkett tar-Rebbiegħa, COM(2026) 200 final.
(18) Ir-Regolament (UE) 2025/1914 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2025 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu.
(19) It-tnaqqis fir-rata ta' parteċipazzjoni jista' jkun sopravalutat, peress li s-servizzi statutorji tal-impjiegi biss jiġu mmonitorjati u evalwati fil-livell nazzjonali. Il-muniċipalitajiet jipprovdu wkoll servizzi mhux statutorji li mhumiex immonitorjati fil-livell nazzjonali.
(20) SWD(2026) 122 – Analiżi tat-tieni stadju tal-pajjiżi dwar il-konverġenza soċjali f'konformità mal-Qafas ta' Konverġenza Soċjali (SCF), 2026.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3939/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)