|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2606 |
23.11.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/2606
tas-17 ta’ Novembru 2026
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/410 dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-assistenza finanzjarja lill-Italja skont ir-Regolament (UE) 2025/1106
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 tas-27 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(5) u l-Artikolu 8 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Nhar it-30 ta’ Novembru 2025, wara t-tressiq tal-Italja ta’ talba għall-assistenza finanzjarja f’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2025/1106 akkumpanjata minn pjan ta’ investiment għall-industrija tad-difiża Ewropea (il-“pjan”), il-Kummissjoni sabet li t-talba inkwistjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 4, fl-Artikolu 7(2) u fl-Artikolu 16. |
|
(2) |
Il-Kummissjoni ressqet proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li permezz tagħha l-assistenza finanzjarja tqiegħdet għad-dispożizzjoni għall-Italja fis-26 ta’ Jannar 2026 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2026/410 (2) dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-assistenza finanzjarja lill-Italja skont ir-Regolament (UE) 2025/1106 ġiet sussegwentement adottata fis-17 ta’ Frar 2026. |
|
(3) |
Fid-19 ta’ Awwissu 2026, qabel l-iffirmar tal-ftehim ta’ self relatat u tal-arranġamenti operazzjonali, l-Italja ressqet talba emendata lill-Kummissjoni li tnaqqas l-ammont tal-assistenza finanzjarja mitluba għal EUR 8 000 958 000 (it-“talba riveduta”). Għaldaqstant, fid-9 ta’ Settembru 2026, tressaq pjan rivedut lill-Kummissjoni (il-“pjan rivedut”). |
|
(4) |
Il-Kummissjoni vvalutat it-talba riveduta skont il-kundizzjonijiet applikabbli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2025/1106. |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2025/1106, il-pjan rivedut kien motivat u sostanzjat kif xieraq u kien jinkludi deskrizzjoni tal-prodotti tad-difiża u tal-prodotti l-oħra għall-finijiet tad-difiża u, fejn rilevanti, deskrizzjoni tal-involviment previst tal-Ukrajna fl-attivitajiet, in-nefqiet u l-miżuri ppjanati, jew tal-azzjonijiet previsti għall-benefiċċju tal-Ukrajna. |
|
(6) |
Skont il-Kummissjoni, it-talba riveduta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2025/1106 għall-użu tal-istrument SAFE. B’mod partikolari, tiżgura li l-attivitajiet, in-nefqiet u l-miżuri relatati mal-prodotti tad-difiża jew ma’ prodotti oħra għall-finijiet tad-difiża jitwettqu permezz ta’ akkwisti komuni jew ta’ akkwisti uniċi. Dawn l-attivitajiet, nefqiet u miżuri irid ikollhom ukoll wieħed jew aktar mill-objettivi li ġejjin: iħaffu l-aġġustament tal-industrija tad-difiża għall-bidliet strutturali, itejbu d-disponibbiltà f’waqtha tal-prodotti tad-difiża jew jiżguraw l-interoperabbiltà u l-interkambjabbiltà madwar fl-Unjoni kollha. |
|
(7) |
Skont il-Kummissjoni ukoll, it-talba riveduta fiha deskrizzjoni tal-miżuri ppjanati maħsuba biex jiżguraw il-konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2025/1106 u mar-regoli tal-akkwist stabbiliti f’dak ir-Regolament, inkluża deskrizzjoni ta’ kif trid tiġi żgurata dik il-konformità. |
|
(8) |
Għaldaqstant, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2025/1106, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-talba riveduta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 4, fl-Artikolu 7(2) u fl-Artikolu 16. |
|
(9) |
Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tqegħid għad-dispożizzjoni assistenza finanzjarja fl-għamla ta’ self li jammonta sa massimu ta’ EUR 8 000 958 000 u jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/410 tiġi emendata skont dan. |
|
(10) |
Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (4). |
|
(11) |
Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli rilevanti adottati skont l-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari r-Regolamenti (UE, Euratom) 2024/2509 (5) u (UE, Euratom) 2020/2092 (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. |
|
(12) |
F’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2025/1106, jenħtieġ li l-ftehim ta’ self li jrid jiġi konkluż mal-Italja jistabbilixxi l-miżuri xierqa kollha meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/410 hija emendata kif ġej:
|
(1) |
l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 1 Huwa b’dan ikkonfermat li l-Kummissjoni vvalutat it-talba għall-assistenza finanzjarja skont l-Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tal-Istrument għat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża mressqa mill-Italja fid-9 ta’ Settembru 2026 u sabet li t-talba tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2025/1106, b’mod partikolari dawk fl-Artikolu 4, fl-Artikolu 7(2) u fl-Artikolu 16. L-assistenza finanzjarja għandha tkun disponibbli għall-Italja kif xieraq.” |
|
(2) |
fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej: “1. L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni lill-Italja self li jammonta għal massimu ta’ EUR 8 000 958 000.”. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett fid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Novembru 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
H. McENTEE
(1) ĠU L, 2025/1106, 28.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1106/oj.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2026/410 tas-17 ta’ Frar 2026 dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-assistenza finanzjarja lill-Italja skont ir-Regolament (UE) 2025/1106 (ĠU L, 2026/410, 5.3.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/410/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/oj).
(5) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).
(6) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2092/oj)
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/2606/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)