12.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 180/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1214

tat-23 ta' Ġunju 2017

li tistabbilixxi l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għad-deterġenti għall-ħasil tal-platti bl-idejn

(notifikata bid-dokument C(2017) 4227)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, l-Ekotikketta tal-UE tista' tingħata lil dawk il-prodotti li għandhom impatt ambjentali mnaqqas tul iċ-ċiklu kollu ta' ħajjithom.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 jistipula li għandhom jiġu stabbiliti kriterji speċifiċi tal-Ekotikketta tal-UE għal kull grupp ta' prodotti.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/382/UE (2) stabbiliet il-kriterji ekoloġiċi u r-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom għad-deterġenti għall-ħasil tal-platti bl-idejn, li huma validi sal-31 ta' Diċembru 2016.

(4)

Sabiex jitqiesu l-iżviluppi riċenti tas-suq u l-innovazzjoni li seħħet minn dak iż-żmien 'l hawn, qed jitqies li huwa xieraq li jiġi stabbilit sett rivedut ta' kriterji ekoloġiċi għal dak il-grupp ta' prodotti.

(5)

Il-kriterji riveduti, kif ukoll ir-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom, għandhom ikunu validi għal sitt snin minn meta ssir in-notifika dwar din id-Deċiżjoni, filwaqt li jitqies iċ-ċiklu ta' innovazzjoni għal dak il-grupp ta' prodotti. L-għan ta' dawk il-kriterji huwa li jippromwovu prodotti li għandhom impatt imnaqqas fuq l-ekosistemi akkwatiċi, li fihom ammont limitat ta' sustanzi perikolużi, li huma effettivi u li jnaqqsu kemm jista' jkun il-produzzjoni tal-iskart billi jnaqqsu l-ammont ta' imballaġġ.

(6)

Għal raġunijiet ta' ċertezza legali, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/382/UE għandha titħassar.

(7)

Il-produtturi li l-prodotti tagħhom ingħataw l-Ekotikketta tal-UE għad-deterġenti għall-ħasil tal-platti bl-idejn abbażi tal-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/382/UE għandhom jingħataw perjodu ta' tranżizzjoni sabiex ikollhom biżżejjed żmien biex jadattaw il-prodotti tagħhom biex dawn ikunu jikkonformaw mal-kriterji u mar-rekwiżiti riveduti.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-grupp ta' prodotti tad-“deterġenti għall-ħasil tal-platti bl-idejn” għandu jinkludi d-deterġenti li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li huma kkummerċjalizzati u maħsubin biex jintużaw għall-ħasil bl-idejn ta' oġġetti bħal oġġetti tal-ħġieġ, reċipjenti taċ-ċaqquf u utensili tal-kċina, fosthom il-pożati, il-borom, it-twaġen u d-dixxijiet tal-forn.

Il-grupp ta' prodotti għandu jinkludi kemm il-prodotti għal użu privat kif ukoll dawk għal użu professjonali. Il-prodotti għandhom ikunu taħlitiet ta' sustanzi kimiċi u m'għandux ikun fihom mikroorganiżmi li l-manifattur ikun żied apposta.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“sustanzi mdaħħlin” tfisser sustanzi miżjudin bi ħsieb, prodotti sekondarji u impuritajiet mill-materja prima fil-formulazzjoni finali tal-prodott [(inkluż il-fojl li jdub fl-ilma, meta jintuża)];

(2)

“imballaġġ primarju” tfisser:

(a)

għal dożi fi qratas individwali li jkunu maħsubin biex jitneħħew qabel l-użu, il-qratas tad-dożi individwali u l-imballaġġ maħsub biex jikkostitwixxi l-iżgħar unità tal-bejgħ għad-distribuzzjoni lill-utenti jew lill-konsumaturi finali fil-post fejn jinxtara, inkluża t-tikketta jekk dan ikun applikabbli;

(b)

għat-tipi l-oħra kollha ta' prodotti, l-imballaġġ maħsub biex jikkostitwixxi l-iżgħar unità tal-bejgħ għad-distribuzzjoni lill-utenti jew lill-konsumaturi finali fil-post fejn jinxtara, inkluża t-tikketta jekk dan ikun applikabbli;

(3)

“mikroplastiċi” tfisser partikoli tal-plastik makromolekulari li ma jinħallx b'daqs ta' inqas minn 5 mm, miksubin b'wieħed mill-proċessi li ġejjin:

(a)

proċess ta' polimerizzazzjoni bħalma huma l-poliaddizzjoni, il-polikondensazzjoni jew proċess simili ieħor li fih jintużaw il-monomeri jew sustanzi oħra ta' bidu;

(b)

il-modifika kimika ta' makromolekuli naturali jew sintetiċi;

(c)

il-fermentazzjoni bil-mikrobi;

(4)

“nanomaterjal” tfisser materjal naturali, inċidentali jew manifatturat li fih partikoli, fi stat maħlul jew bħala aggregat jew agglomerat, u fejn, għal 50 % jew iktar tal-partikoli fid-distribuzzjoni dimensjonali numerika, dimensjoni esterna waħda jew aktar hija fil-firxa ta' daqs 1 nm-100 nm (4).

Artikolu 3

Sabiex jingħataw l-Ekotikketta tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, id-deterġenti għall-ħasil tal-platti bl-idejn għandhom ikunu jiffurmaw parti mill-grupp ta' prodotti tad-“deterġenti għall-ħasil tal-platti bl-idejn” kif iddefinit fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni u għandhom ikunu konformi mal-kriterji u mar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 4

Il-kriterji għall-grupp ta' prodotti tad-“deterġenti għall-ħasil tal-platti bl-idejn” u r-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom għandhom ikunu validi għal sitt snin mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Għal finijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi assenjat lill-grupp ta' prodotti tad-“deterġenti għall-ħasil tal-platti bl-idejn” għandu jkun “019”.

Artikolu 6

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/382/UE qed titħassar.

Artikolu 7

1.   B'deroga mill-Artikolu 6, l-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għal prodotti li jiffurmaw parti mill-grupp ta' prodotti tad-“deterġenti għall-ħasil tal-platti bl-idejn” li jitressqu qabel id-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu evalwati skont il-kundizzjonjiiet stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/382/UE.

2.   L-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għal prodotti li jiffurmaw parti mill-grupp ta' prodotti tad-“deterġenti għall-ħasil tal-platti bl-idejn” li jitressqu fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni jistgħu jissejsu jew fuq il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/382/UE jew inkella fuq il-kriterji stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. Dawk l-applikazzjonijiet għandhom jiġu evalwati skont il-kriterji li fuqhom jissejsu.

3.   Il-liċenzji tal-Ekotikketta tal-UE mogħtija skont il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/382/UE jistgħu jintużaw għal 12-il xahar mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/382/UE tal-24 ta' Ġunju 2011 dwar l-istabbiliment ta' kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE lil deterġenti għall-ħasil tal-platti bl-idejn (ĠU L 169, 29.6.2011, p. 40).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar diterġenti (ĠU L 104, 8.4.2004, p. 1).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/696/UE tat-18 ta' Ottubru 2011 fuq id-definizzjoni tan-nanomaterjali (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 38).


ANNESS

QAFAS

IL-KRITERJI TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE

Il-kriterji għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għal deterġenti għall-ħasil tal-platti bl-idejn

KRITERJI

1.

Tossiċità għall-organiżmi akkwatiċi

2.

Bijodegradabbiltà

3.

Sorsi sostenibbli ta' żejt tal-palm, żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm u d-derivattivi tagħhom

4.

Sustanzi esklużi u ristretti

5.

Imballaġġ

6.

Adegwatezza għall-użu

7.

Informazzjoni għall-utenti

8.

Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

VALUTAZZJONI U VERIFIKA

(a)   Rekwiżiti

Ir-rekwiżiti speċifiċi ta' valutazzjoni u ta' verifika huma indikati f'kull kriterju.

Meta l-applikant ikun jeħtieġlu jagħti dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, analiżi, rapporti tat-testijiet, jew evidenza oħra lill-korpi kompetenti sabiex juri li hemm konformità mal-kriterji, dawn jistgħu jiġu mingħand l-applikant u/jew mingħand il-fornitur(i) tiegħu, kif ikun xieraq.

Il-korpi kompetenti għandhom jirrikonoxxu preferenzjalment iċ-ċertifikazzjonijiet li joħorġu korpi akkreditati skont l-istandard armonizzat rilevanti għal-laboratorji tal-ittestjar u tal-ikkalibrar, u l-verifiki li jagħmlu korpi akkreditati skont l-istandard armonizzat rilevanti għall-korpi li jiċċertifikaw il-prodotti, il-proċessi u s-servizzi. L-akkreditament għandu jsir skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

Meta jkun jixraq, jistgħu jintużaw metodi oħra tal-ittestjar apparti dawk imniżżla għal kull kriterju, diment li l-korp kompetenti li jkun qed jivvaluta l-applikazzjoni jaċċetta l-ekwivalenza tagħhom.

Meta xieraq, il-korpi kompetenti jistgħu jitolbu dokumentazzjoni ta' sostenn u jistgħu jagħmlu verifiki indipendenti jew żjarat fuq il-post.

Bħala prerekwiżit, il-prodott għandu jissodisfa r-rekwiżiti legali applikabbli kollha tal-pajjiż jew il-pajjiżi fejn il-prodott ikun intenzjonat li jitqiegħed fis-suq. L-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma' dan ir-rekwiżit.

Il-lista “Il-Bażi tad-Dejta ta' Ingredjenti ta' Deterġenti” (il-lista DID), li tinsab fis-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE, fiha l-aktar sustanzi mdaħħla li jintużaw fil-formulazzjonijiet ta' deterġenti u kożmetiċi. Din għandha tintuża biex tinkiseb id-dejta għall-kalkoli tal-Volum Kritiku tad-Dilwizzjoni (CDV) u għall-valutazzjoni tal-bijodegradabbiltà tas-sustanzi mdaħħla. Għas-sustanzi li mhumiex fil-lista DID, tingħata gwida dwar kif għandha tiġi kkalkolata jew estrapolata d-dejta rilevanti.

Il-lista tas-sustanzi mdaħħla kollha għandha tiġi pprovduta lill-korp kompetenti, u turi l-isem kummerċjali (jekk ikun hemm), l-isem kimiku, in-numru CAS, in-numru DID, il-kwantità mdaħħla, il-funzjoni u l-forma preżenti fil-formulazzjoni tal-prodott finali (inkluż fojl li jinħall fl-ilma, jekk jintuża).

Il-priżervattivi, il-fwejjaħ u l-aġenti koloranti għandhom jiġu indikati irrispettivament mill-konċentrazzjoni tagħhom. Sustanzi mdaħħla oħra għandhom jiġu indikati meta jkunu f'konċentrazzjoni ta' 0,010 % jew iktar tal-piż skont il-piż.

Is-sustanzi mdaħħla kollha preżenti fil-forma ta' nanomaterjali għandhom jiġu indikati b'mod ċar fil-lista, bil-kelma “nano” miktuba fil-parentesi.

Għal kull sustanza mdaħħla elenkata, għandhom jiġu pprovduti l-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza (SDS) skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Meta ma jkunx hemm SDS għal xi sustanza partikolari minħabba li tkun parti minn taħlita, l-applikant għandu jipprovdi l-SDS tat-taħlita.

(b)   Limiti tal-kejl

Il-konformità mal-kriterji ekoloġiċi hi meħtieġa għal kull sustanza mdaħħla kif speċifikat fit-Table 1.

Tabella 1

Limiti tal-kejl applikabbli għas-sustanzi mdaħħla skont il-kriterju għad-deterġenti tal-ħasil tal-platti bl-idejn (% piż skont il-piż)

Isem il-kriterju

Aġenti tensjoattivi

Priżervattivi

Aġenti koloranti

Fwejjaħ

Oħrajn (pereż. enżimi)

Tossiċità għall-organiżmi akkwatiċi

≥ 0,010

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

≥ 0,010

Bijodegradabbiltà

Aġenti tensjoattivi

≥ 0,010

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Sustanzi organiċi

≥ 0,010

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

≥ 0,010

Sorsi sostenibbli ta' żejt tal-palm

≥ 0,010

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

≥ 0,010

Sustanzi esklużi jew limitati

Sustanzi esklużi u limitati speċifikati

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

Sustanzi perikolużi

≥ 0,010

≥ 0,010

≥ 0,010

≥ 0,010

≥ 0,010

SVHCs

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

Fwejjaħ

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

l-ebda limitu (*1)

Mhux applikabbli

Priżervattivi

Mhux applikabbli

l-ebda limitu (*1)

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Aġenti koloranti

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

l-ebda limitu (*1)

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Enżimi

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

l-ebda limitu (*1)

N/A     mhux applikabbli.

DOŻAĠĠ TA' REFERENZA

Dan id-dożaġġ għandu jitqies bħala d-dożaġġ ta' referenza għall-kalkoli intiżi li jiddokumentaw il-konformità mal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE u għall-ittestjar tal-kapaċità ta' tindif.

L-ogħla doża rakkomandata mill-manifattur għal litru ilma tal-ħasil għat-tindif ta' platti normalment maħmuġa (indikata bħala g/l ta' ilma tal-ħasil jew ml/l ta' ilma tal-ħasil).

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi t-tikketta tal-prodott jew l-iskeda tal-istruzzjonijiet għall-utenti li tinkludi l-istruzzjonijiet dwar id-dożaġġ.

Kriterju 1 — Tossiċità għall-organiżmi akkwatiċi

Il-volum kritiku tad-dilwizzjoni (CDVkroniku) tal-prodott ma għandux jaqbeż il-limiti li ġejjin għad-doża ta' referenza.

Tip ta' prodott

Limitu ta' CDV

(l/l ta' ilma tal-ħasil)

Deterġenti għall-ħasil tal-platti bl-idejn

2 500

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi l-kalkolu tas-CDVkroniku tal-prodott. Spreadsheet għall-kalkolu tal-valur tas-CDVkroniku tinsab fis-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE.

Is-CDVkroniku huwa kkalkulat għas-sustanzi kollha li jiddaħħlu (i) fil-prodott bl-użu tal-ekwazzjoni li ġejja:

Formula

Fejn:

id-dożaġġ(i)

:

il-piż (g) tas-sustanza (i) fid-doża ta' referenza;

DF(i)

:

il-fattur ta' degradazzjoni tas-sustanza (i);

TFkroniku(i)

:

il-fattur ta' tossiċità kronika tas-sustanza (i).

Il-valuri tad-DF(i) u t-TFkroniku(i) għandhom ikunu kif mogħtija fil-Parti A l-iktar aġġornata tal-lista DID. Jekk sustanza mdaħħla ma tiġix inkluża fil-Parti A, l-applikant għandu jagħmel stima tal-valuri billi jsegwi l-approċċ deskritt fil-Parti B ta' dik il-lista u jehmeż id-dokumentazzjoni assoċjata.

Kriterju 2 — Il-bijodegradabbiltà

(a)   Il-bijodegradabbiltà tal-aġenti tensjoattivi

L-aġenti tensjoattivi kollha għandhom ikunu faċilment degrababbli (ajrobikament).

L-aġenti tensjoattivi kollha kklassifikati bħala perikolużi għall-ambjent akkwatiku: Il-Kategorija Akuta 1 (H400) jew il-Kategorija Kronika 3 (H412), skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għandhom barra minn hekk ikunu bijodegradabbli anajrobikament.

(b)   Il-bijodegradabbiltà tal-komposti organiċi

Il-kontenut ta' sustanzi organiċi fil-prodott li huma ajrobikament mhux bijodegradabbli (mhux bijodegradabbli malajr, aNBO) jew anajrobikament mhux bijodegradabbli (anNBO) ma għandux jaqbeż il-limiti li ġejjin għad-doża ta' referenza:

Tip ta' prodott

aNBO

(g/l ta' ilma tal-ħasil)

anNBO

(g/l ta' ilma tal-ħasil)

Deterġenti għall-ħasil tal-platti bl-idejn

0,03

0,08

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dokumentazzjoni għad-degradabbiltà tal-aġenti tensjoattivi, kif ukoll għall-kalkolu tal-aNBO u tal-anNBO tal-prodott. Spreadsheet għall-kalkolu tal-valuri aNBO u anNBO tinsab fis-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE.

Għad-degradabbiltà tal-aġenti tensjoattivi u għall-valuri aNBO u anNBO tal-komposti organiċi, għandha ssir referenza għal-lista DID l-iktar aġġornata.

Għas-sustanzi mdaħħla li ma jkunux fil-Parti A tal-lista DID, għandha tingħata informazzjoni rilevanti mil-letteratura teknika jew minn sorsi oħra, jew jingħataw ir-riżultati xierqa tat-testijiet, li jkunu juru li huma ajrobikament u anajrobikament bijodegradabbli, kif tiddeskrivi l-Parti B ta' dik il-lista.

Fin-nuqqas ta' dokumentazzjoni dwar id-degradabbiltà kif deskritt hawn fuq, sustanza mdaħħla li ma tkunx aġent tensjoattiv tista' tiġi eżentata mir-rekwiżit tal-degradabbiltà anajrobika diment li tiġi ssodisfata waħda minn dawn it-tliet alternattivi:

(1)

tkun faċilment degradabbli u jkollha assorbiment baxx (A < 25 %);

(2)

tkun faċilment degradabbli u jkollha desorbiment għoli (D > 75 %);

(3)

tkun faċilment degradabbli u ma tkunx bijoakkumulattiva (4).

L-ittestjar għall-assorbiment jew għad-desorbiment għandu jsir skont il-Linji Gwida tal-OECD Nru 106.

Kriterju 3 — Sorsi sostenibbli ta' żejt tal-palm, żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm u d-derivattivi tagħhom

Is-sustanzi mdaħħla li jintużaw fil-prodotti li ġejjin miż-żejt tal-palm jew miż-żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm għandhom jinkisbu minn pjantaġġuni li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' skema ta' ċertifikazzjoni għall-produzzjoni sostenibbli li hija bbażata fuq organizzazzjonijiet b'diversi partijiet interessati u li għandha sħubija mifruxa, inklużi l-NGOs, l-industrija u l-gvern u li tindirizza l-impatti ambjentali inklużi dawk fuq il-ħamrija, il-bijodiversità, il-ħażniet tal-karbonju organiku u l-konservazzjoni tar-riżorsi naturali.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi evidenza permezz ta' ċertifikati mingħand partijiet terzi u katina ta' kustodja li ż-żejt tal-palm u ż-żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm li jintużaw fil-manifattura tas-sustanzi mdaħħla jkunu ġejjin minn pjantaġġuni li huma mmaniġġjati b'mod sostenibbli.

Ċertifikati aċċettati jinħtieġ li jinkludu d-Diskussjonijiet Madwar Mejda Tonda dwar iż-Żejt tal-Palm Sostenibbli msejħa “Roundtable for Sustainable Palm Oil (RSPO)” (b'identità ppriżervata, segregata jew bilanċ tal-massa) jew kwalunkwe skema ta' produzzjoni sostenibbli ekwivalenti jew aktar stretta.

Għad-derivattivi kimiċi taż-żejt tal-palm u għaż-żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm, għandu jkun biżżejjed li tintwera sostenibbiltà permezz ta' sistemi “book&claim” bħalma huma ċ-ċertifikati GreenPalm jew ekwivalenti billi jingħataw l-ammonti ddikjarati tal-ACOP (l-Kommunikazzjonijiet ta' Progress Annwali) taċ-ċertifikati GreenPalm akkwistati jew mifdija matul il-perjodu ta' negozjar annwali l-aktar riċenti.

Kriterju 4 — Sustanzi esklużi u ristretti

(a)   Sustanzi esklużi u ristretti speċifikati

(i)   Sustanzi esklużi

Is-sustanzi indikati hawn taħt ma għandhomx jiġu inklużi fil-formulazzjoni tal-prodott irrispettivament mill-konċentrazzjoni:

—

Alkilfenoletossilati (APEOs) u derivattivi oħra tal-alkilfenol;

—

Atranol;

—

Kloroatranol;

—

Aċidu dietilenetriamminapentaaċetiku (DTPA);

—

Aċidu etilendiamminatetraaċetiku (EDTA) u l-imluħa tiegħu;

—

Il-formaldeid u r-rilaxxaturi tiegħu (pereż. 2-bromo-2-nitropropan-1,3-diol, 5-bromo-5-nitro-1,3-diossan, idrossimetilgliċinat tas-sodju, diażolidinilurea) bl-eċċezzjoni ta' impuritajiet tal-formaldeid f'aġenti tensjoattivi bbażati fuq il-kimika tal-polialkoksi sa konċentrazzjoni ta' 0,010 % tal-piż skont il-piż fis-sustanza mdaħħla;

—

(għal prodotti professjonali biss) Fwejjaħ;

—

Glutaraldeid;

—

Idrossisoeżil 3-ċikloeżen karboksaldeid (HICC);

—

Mikroplastiċi;

—

Nanofidda;

—

Nitromiski u miski poliċikliċi;

—

Fosfati;

—

Alkaliti perfluwurorati;

—

Imluħa kwaternarji tal-ammonju mhux faċilment bijodegradabbli;

—

Komposti reattivi tal-kloru;

—

Rodamina B;

—

Triklosan;

—

Butilkarbamat tat-3-jodo-2-propinil.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, li jikkonfermaw li s-sustanzi elenkati ma ġewx inklużi fil-formulazzjoni tal-prodott irrispettivament mill-konċentrazzjoni.

(ii)   Sustanzi ristretti

Is-sustanzi indikati hawn taħt ma għandhomx jiġu inklużi fil-formulazzjoni tal-prodott f'konċentrazzjonijiet ikbar minn dawk indikati:

—

2-Metil-2H-iżotijażol-3-on: 0,0050 % tal-piż skont il-piż (jekk il-valur ta' 2-Metil-2H-iżotijażol-3-on permess fl-Anness V (Lista ta' preżervattivi permessi fil-prodotti kożmetiċi) tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) ikun iktar baxx meta jiġi applikat, dak il-valur iktar baxx għandu jieħu preċedenza);

—

1,2-Benżiżotijażol-3(2H)-on: 0,0050 % tal-piż skont il-piż;

—

5-kloro-2-metil-4-iżotijażolin-3-on/2-metil-4-iżotijażolin-3-on: 0,0015 % tal-piż skont il-piż.

Il-kontenut totali ta' fosforu (P) ikkalkolat bħala P elementali għandu jkun limitat għal 0,08 g/l ta' ilma tal-ħasil.

Sustanzi tal-fwejjaħ soġġetti għar-rekwiżit tad-dikjarazzjoni stipulat fir-Regolament (KE) Nru 648/2004 ma għandhomx ikunu preżenti fi kwantitajiet ≥ 0,010 % tal-piż skont il-piż għal kull sustanza.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dawn id-dokumenti:

(a)

Jekk jintużaw l-isotijażolinoni, dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, li jikkonfermaw li l-kontenut ta' isotijażolinoni użati huwa ekwivalenti għal-limiti stabbiliti jew inqas;

(b)

Dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, li jikkonfermaw li l-ammont totali ta' P elementali huwa ekwivalenti għal-limiti stabbiliti jew inqas; Id-dikjarazzjoni għandha tiġi appoġġjata bil-kalkoli tat-total ta' kontenut P tal-prodott;

(c)

Dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet jew dokumentazzjoni mingħand il-fornituri, li jikkonfermaw li s-sustanzi ta' fwejjaħ soġġetti għar-rekwiżit tad-dikjarazzjoni stipulat fir-Regolament (KE) Nru 648/2004 mhumiex preżenti f'ammonti li jaqbżu l-limiti stabbiliti. Għall-prodotti professjonali, għandha tiġi pprovduta dikjarazzjoni ffirmata li tikkonferma n-nuqqas ta' preżenza ta' fwejjaħ.

(b)   Sustanzi perikolużi

(i)   Prodott finali

Il-prodott finali ma għandux jiġi klassifikat u tikkettat bħala tossiku akut, bħala sustanza tossika speċifika għal organi ta' mira, bħala sensitizzatur respiratorju jew tal-ġilda jew bħala prodott karċinoġenu, mutaġenu jew tossiku għar-riproduzzjoni, jew bħala prodott perikoluż għall-ambjent akkwatiku, kif definiti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u skont il-lista fit-Tabella 2.

(ii)   Sustanzi mdaħħla

Il-prodott ma għandux ikollu sustanzi mdaħħla f'limitu tal-konċentrazzjoni ta' 0,010 % jew iktar tal-piż skont il-piż fil-prodott finali li jilħqu l-kriterji tal-klassifikazzjoni bħala tossiċi, perikolużi għall-ambjent akkwatiku, sensitizzaturi respiratorji jew tal-ġilda jew karċinoġeni, mutaġeni jew tossiċi għar-riproduzzjoni, skont l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u skont il-lista fit-Table 2.

Meta jkunu aktar stretti, il-limiti ġeneriċi jew speċifiċi tal-konċentrazzjoni ddeterminati skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għandhom jieħdu preċedenza.

Tabella 2

Il-klassifikazzjonijiet ristretti tal-periklu u t-tqassim tagħhom f'kategoriji

Tossiċità akuta

Kategoriji 1 u 2

Kategorija 3

H300 Fatali jekk jinbela'

H301 Tossiku jekk jinbela'

H310 Fatali jekk imiss mal-ġilda

H311 Tossiku jekk imiss mal-ġilda

H330 Fatali jekk jinġibed man-nifs

H331 Tossiku jekk jinġibed man-nifs

H304 Jaf ikun fatali jekk jinbela' u jmur fil-pajp tan-nifs

EUH070 Tossiku jekk imiss mal-għajnejn

Tossiċità speċifika għal organi ta' mira

Kategorija 1

Kategorija 2

H370 Jagħmel ħsara lill-organi

H371 Jaf jagħmel ħsara lill-organi

H372 Jagħmel ħsara lill-organi jekk jiġu esposti għalih fit-tul jew kemm-il darba

H373 Jaf jagħmel ħsara lill-organi jekk jiġu esposti għalih fit-tul jew kemm-il darba

Sensitizzazzjoni respiratorja u tal-ġilda

Kategorija 1 A/1

Kategorija 1B

H317 Jistgħu jikkawżaw reazzjoni allerġika tal-ġilda

H317 Jistgħu jikkawżaw reazzjoni allerġika tal-ġilda

H334 Jistgħu jikkawżaw sintomi ta' allerġija jew ta' ażma jew diffikultajiet biex jittieħed in-nifs jekk jinxtammu

H334 Jistgħu jikkawżaw sintomi ta' allerġija jew ta' ażma jew diffikultajiet biex jittieħed in-nifs jekk jinxtammu

Karċinoġenu, mutaġenu jew tossiku għar-riproduzzjoni

Kategoriji 1 A u 1B

Kategorija 2

H340 Jaf jikkawża difetti ġenetiċi

H341 Suspettat li jikkawża difetti ġenetiċi

H350 Jaf jikkawża l-kanċer

H351 Suspettat li jikkawża l-kanċer

H350i Jaf jikkawża l-kanċer jekk jinġibed man-nifs

 

H360F Jaf jagħmel ħsara lill-fertilità

H361f Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

H360D Jaf jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

H361d Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

H360FD Jaf jagħmel ħsara lill-fertilità. Jaf jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

H361fd Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

H360Fd Jaf jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

H362 Jaf jagħmel ħsara lit-tfal imreddgħa

H360Df Jaf jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf. Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

 

Perikoluż għall-ambjent akkwatiku

Kategoriji 1 u 2

Kategoriji 3 u 4

H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

H412 Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

H410 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

H413 Jaf iħalli effetti dejjiema lill-organiżmi akkwatiċi

H411 Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

 

Perikolużi għas-saff tal-ożonu

H420 Perikoluż għas-saff tal-ożonu

 

Dan il-kriterju ma japplikax għal sustanzi mdaħħla li jkopri l-Artikolu 2(7)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, li jistabbilixxi kriterji għall-eżenzjoni ta' sustanzi li hemm l-Annessi IV u V ta' dan ir-Regolament mir-reġistrazzjoni, mill-obbligi tal-utent downstream u mir-rekwiżiti tal-evalwazzjoni. Sabiex isib jekk dik l-esklużjoni tkunx tapplika, l-applikant għandu jgħarrex għal kull sustanza mdaħħla li tkun preżenti f'konċentrazzjoni aktar minn 0,010 % tal-piż skont il-piż.

Is-sustanzi u t-taħlitiet fit-Table 3 huma eżentati mill-punt 4(b)(ii) tal-Kriterju 4.

Tabella 3

Sustanzi derogati

Sustanza

Dikjarazzjoni tal-periklu

Aġenti tensjoattivi

H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

H412 Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

Subtiliżina

H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

 

H411 Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

Enżimi (*2)

H317 Jistgħu jikkawżaw reazzjoni allerġika tal-ġilda

H334 Jistgħu jikkawżaw sintomi ta' allerġija jew ta' ażma jew diffikultajiet biex jittieħed in-nifs jekk jinxtammu

NTA bħala impurità f'MGDA u GLDA (*3)

H351 Suspettat li jikkawża l-kanċer

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu juri konformità ma' dan il-kriterju għall-prodott finali u għal kull sustanza mdaħħla li jkun hemm f'konċentrazzjoni akbar minn 0,010 % tal-piż skont il-piż fil-prodott finali. L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ tad-dikjarazzjonijiet tal-fornituri, jew SDS li jikkonfermaw li l-ebda waħda minn dawn is-sustanzi ma tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni b'waħda jew aktar mid-dikjarazzjonijiet tal-periklu elenkati fit-Table 2 fil-forma jew forom u fl-istat(i) fiżiku/fiżiċi kif inhuma preżenti fil-prodott.

Għas-sustanzi mniżżla fl-Annessi IV u V tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, li huma eżentati mill-obbligi tar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 2(7)(a) u (b) ta' dak ir-Regolament, ikun biżżejjed li tingħata dikjarazzjoni tal-applikant għall-konformità.

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, li jikkonfermaw il-preżenza ta' sustanzi mdaħħla li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-deroga.

(c)   Sustanzi ta' tħassib serju ħafna (SVHCs)

Il-prodott finali ma għandux ikun fih sustanzi mdaħħla li ġew identifikati skont il-proċedura deskritta fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, li jistabbilixxi l-lista tal-kandidati għal sustanzi ta' tħassib serju ħafna.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, jew SIS li jikkonfermaw li ebda waħda mis-sustanzi fil-lista tal-kandidati mhi preżenti.

Fid-data tal-applikazzjoni għandha ssir referenza għall-aħħar aġġornament tal-lista tas-sustanzi identifikati bħala sustanzi ta' tħassib serju ħafna.

(d)   Fwejjaħ

Kull sustanza mdaħħla miżjuda mal-prodott bħala fwieħa għandha tkun immanifatturata u mmaniġġjata skont il-kodiċi tal-prattika tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Fwejjaħ (IFRA) (6). Il-manifattur għandu jimxi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Istandards tal-IFRA fejn jidħlu l-projbizzjoni, l-użu ristrett u l-kriterji tal-purità speċifikati għas-sustanzi.

Fid-deterġenti għall-ħasil tal-platti bl-idejn għal użu professjonali ma għandhomx jintużaw fwejjaħ.

Valutazzjoni u verifika: il-fornitur jew il-manifattur tal-fwejjaħ għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata jekk ikun xieraq.

(e)   Priżervattivi

(i)

Il-prodott jista' jinkludi biss priżervattivi sabiex jippreżervaw il-prodott, u fid-dożaġġ xieraq għal dan l-iskop biss. Dan ma japplikax għall-aġenti tensjoattivi li jista' jkollhom ukoll proprjetajiet bijoċidali.

(ii)

Il-prodotti jista' jkun fihom priżervattivi diment li dawn ma jkunux bijoakkumulattivi. Priżervattiv jitqies mhux bijoakkumulattiv jekk il-valur BCF ikun < 100 jew il-valur log Kow ikun < 3,0. Jekk il-valur BCF u l-valur log Kow ikunu disponibbli t-tnejn, għandu jintuża l-ogħla valur BCF imkejjel.

(iii)

Huwa pprojbit li jkun iddikjarat jew issuġġerit fuq l-imballaġġ jew bi kwalunkwe komunikazzjoni oħra li l-prodott jaġixxi kontra l-mikrobi jew għandu effett diżinfettanti.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, flimkien mal-SDS ta' kull priżervattiv miżjud, u informazzjoni dwar il-valur BCF jew log Kow tiegħu. L-applikant għandu wkoll jipprovdi l-grafika tal-imballaġġ.

(f)   Aġenti koloranti

L-aġenti koloranti fil-prodott ma għandhomx ikunu bijoakkumulattivi.

Aġent kolorant jitqies mhux bijoakkumulattiv jekk il-valur BCF ikun < 100 jew il-valur log Kow ikun < 3,0. Jekk il-valur BCF u l-valur log Kow ikunu disponibbli t-tnejn, għandu jintuża l-ogħla valur BCF imkejjel. Jekk l-aġenti koloranti jkunu approvati biex jintużaw fl-ikel, mhemmx bżonn li titressaq dokumentazzjoni dwar il-potenzjal bijoakkumulattiv.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, flimkien mal-SDS ta' kull aġent kolorant miżjud, u informazzjoni dwar il-valur BCF jew log Kow tiegħu, jew dokumentazzjoni li tiżgura li l-aġent kolorant huwa approvat biex jintuża fl-ikel.

(g)   Enżimi

Għandhom jintużaw biss enżimi inkapsulati (f'forma solida) u enżimi f'forma likwida jew sospensjonijiet magħquda.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, flimkien mal-SDS ta' kull enżima miżjuda.

(h)   Proprjetajiet korrużivi

Il-prodott finali ma għandux jiġi klassifikat bħala taħlita “Korrużiva” (K) b'H314 Jikkawża ħruq serju lill-ġilda u ħsara lill-għajnejn, bħala taħlita ta' “Irritazzjoni/korrużjoni tal-ġilda, kategoriji 1 A, 1B, 1C” skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi lill-korp kompetenti l-konċentrazzjonijiet eżatti tas-sustanzi kollha mdaħħla fil-prodott, bħala parti mill-formulazzjoni jew bħala parti minn kull taħlita inkluża fil-formulazzjoni, klassifikati bħala “Korrużivi” b'H314 skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, flimkien mal-SDS tal-prodott.

Kriterju 5 — L-imballaġġ

(a)   Proporzjon piż/utilità (weight/utility ratio, WUR)

Il-proporzjon piż/utilità (WUR) tal-prodott għandu jiġi kkalkulat għall-imballaġġ primarju biss u ma għandux jaqbeż dawn il-valuri għad-dożaġġ ta' referenza.

Tip ta' prodott

WUR

(g/l ta' ilma tal-ħasil)

Deterġent għall-ħasil tal-platti bl-idejn

0,6

Imballaġġ primarju magħmul minn iktar minn 80 % ta' materjal riċiklat huwa eżentat minn dan ir-rekwiżit.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi kalkolu tal-WUR tal-prodott. Jekk il-prodott jinbiegħ f'imballaġġi differenti, jiġifieri b'volumi differenti, għandu jitressaq il-kalkolu għal kull daqs tal-imballaġġ li għalih trid tingħata l-Ekotikketta tal-UE.

Il-WUR jiġi kkalkulat kif ġej:

WUR = Σ ((Wi + Ui )/(Di * Ri ))

Fejn:

Wi

:

il-piż (g) tal-imballaġġ primarju (i);

Ui

:

il-piż (g) tal-imballaġġ riċiklat mhux wara l-użu fl-imballaġġ primarju (i). Ui = Wi sakemm l-applikant ma jistax juri mod ieħor;

Di

:

l-għadd ta' dożi ta' referenza fl-imballaġġ primarju (i);

Ri

:

indiċi tar-rikariki. Ri = 1 (l-imballaġġ ma jerġax jintuża għall-istess skop) jew Ri = 2 (jekk l-applikant ma jiddokumentax li l-kontenut tal-imballaġġ jista' jerġa' jintuża għall-istess skop u jinbiegħu r-rikariki).

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata li tikkonferma l-kontenut ta' materjal riċiklat wara l-użu, flimkien mad-dokumentazzjoni rilevanti. L-imballaġġ jitqies bħala riċiklat wara l-użu jekk il-materja prima li tintuża għall-imballaġġ tkun inġabret minn manifatturi tal-imballaġġ fl-istadju tad-distribuzzjoni jew fl-istadju tal-konsumatur.

(b)   Disinjar għar-riċiklaġġ

L-imballaġġ tal-plastik għandu jiġi ddisinjat b'mod li jiffaċilita r-riċiklaġġ effettiv billi jiġu evitati kontaminanti u materjali inkompatibbli potenzjali li huma magħrufin li jfixklu s-separazzjoni jew l-ipproċessar mill-ġdid jew li jnaqqsu l-kwalità tal-materjal riċiklat. Weħidhom jew flimkien, it-tikketta jew “shrink wrap”, it-tapp u meta applikabbli, il-kisjiet tal-protezzjoni ma għandhomx jinkludu l-materjali u l-komponenti mniżżlin fit-Table 4. Il-mekkaniżmi tal-pompi (inklużi dawk tal-isprejs) huma eżentati minn dan ir-rekwiżit.

Tabella 4

Materjali u komponenti li ma għandux ikun hemm fost l-elementi tal-imballaġġ

Element tal-imballaġġ

Materjali u komponenti esklużi (*4)

Tikketta jew “shrink wrap”

—

Tikketta jew “shrink wrap” PS flimkien ma' flixkun PET, PP jew HDPE

—

Tikketta jew “shrink wrap” PVC flimkien ma' flixkun PET, PP jew HDPE

—

Tikketta jew “shrink wrap” PETG flimkien ma' flixkun PET

—

Kwalunkwe materjal tal-plastik ieħor għall-“shrink wraps”/għat-tikketti b'densità > 1 g/cm3 użat għal flixkun PET

—

Kwalunkwe materjal tal-plastik ieħor għall-“shrink wraps”/għat-tikketti b'densità < 1 g/cm3 użat għal flixkun PP jew HDPE

—

Tikketti jew “shrink wraps” metallizzati jew iwweldjati mal-qafas tal-imballaġġ (tikketta fonduta)

Tapp

—

Tapp PS flimkien ma' flixkun PET, HDPE jew PP

—

Tapp PVC flimkien ma' flixkun PET, PP jew HDPE

—

Tappijiet jew materjal tat-tappijiet PETG b'densità > 1 g/cm3 flimkien ma' flixkun PET

—

Tappijiet tal-metall, tal-ħġieġ jew tal-EVA li ma jisseparawx ruħhom faċilment minn mal-flixkun

—

Tappijiet tas-silikon. Ħlief tappijiet tas-silikon b'densità < 1 g/cm3 flimkien ma' flixkun PET u tappijiet tas-silikon b'densità > 1 g/cm3 flimkien ma' flixkun PEHD jew PP.

—

Folji jew siġilli tal-metall li meta jinfetaħ il-prodott xorta jibqgħu mwaħħla mal-flixkun jew mat-tapp tiegħu

Kisjiet tal-protezzjoni

Poliammid, poliolefini funzjonali, kisjiet ta' lqugħ metallizzati u ħfief

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u li tispeċifika l-kompożizzjoni tal-materjal tal-imballaġġ inklużi l-kontenitur, it-tikketta jew “shrink wrap”, il-kolol, it-tapp, u l-kisja tal-protezzjoni, jekk ikun xieraq, kif ukoll ritratti jew disinni tal-imballaġġ primarju.

Kriterju 6 — Adegwatezza għall-użu

Il-prodott għandu jkollu prestazzjoni ta' ħasil sodisfaċenti bl-inqas temperatura u dożaġġ rakkomandati mill-manifattur għall-ebusija tal-ilma skont il-'Qafas għall-ittestjar tal-prestazzjoni ta' deterġenti tal-ħasil tal-platti bl-idejn' li jinsab fis-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE (7).

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dokumentazzjoni li turi li l-prodott ġie ttestjat fil-kundizzjonijiet imniżżla fil-qafas u li r-riżultati wrew li l-prodott laħaq tal-inqas il-prestazzjoni minima tal-ħasil meħtieġa. L-applikant għandu jipprovdi wkoll dokumentazzjoni li turi l-konformità mar-rekwiżiti tal-laboratorju li hemm fl-istandards armonizzati rilevanti tal-laboratorji tal-ittestjar u l-kalibrazzjoni, jekk ikun xieraq.

Jista' jintuża test tal-prestazzjoni ekwivalenti jekk l-ekwivalenza tiġi vvalutata u aċċettata mill-korp kompetenti.

Kriterju 7 — Informazzjoni għall-utenti

Il-prodott għandu jkollu miegħu struzzjonijiet dwar l-użu xieraq biex tittejjeb kemm jista' jkun il-prestazzjoni tal-prodott u jitnaqqas kemm jista' jkun l-iskart, filwaqt li t-tniġġis tal-ilma u l-użu tar-riżorsi jitnaqqsu wkoll. Dawn l-istruzzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jinqraw faċilment jew jinkludu disinni jew simboli, u għandu jkollhom informazzjoni dwar dawn:

(a)   Struzzjonijiet dwar id-dożaġġ

L-applikant għandu jieħu passi xierqa biex jgħin lill-konsumaturi jirrispettaw id-dożaġġ rakkomandat, billi jipprovdi l-istruzzjonijiet dwar id-dożaġġ u sistema ta' dożaġġ konvenjenti (pereż. tappijiet).

L-istruzzjonijiet dwar id-dożaġġ għandhom jinkludu d-dożaġġ rakkomandat għal mill-inqas żewġ gradi ta' ħmieġ, u l-impatt tal-ebusija tal-ilma fuq id-dożaġġ jekk applikabbli.

Għandhom jingħataw indikazzjonijiet dwar l-ikbar prevalenza tal-ebusija tal-ilma fiż-żona fejn il-prodott ikun maħsub li jitqiegħed fis-suq jew fejn tista' tinstab din l-infomazzjoni.

(b)   Informazzjoni dwar ir-rimi tal-imballaġġ

L-imballaġġ primarju għandu jinkludi informazzjoni dwar l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u r-rimi korrett tal-imballaġġ.

(c)   Informazzjoni ambjentali

Fuq l-imballaġġ primarju għandu jkun hemm test li jispjega l-importanza li jintużaw id-dożaġġ korrett u l-inqas temperatura rakkomandata biex jitnaqqsu kemm jista' jkun il-konsum tal-enerġija u tal-ilma u t-tniġġis tal-ilma.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata flimkien ma' kampjun tat-tikketta tal-prodott.

Kriterju 8 — L-informazzjoni li turi l-Ekotikketta tal-UE

Il-logo għandu jkun viżibbli u leġibbli. In-numru tar-reġistrazzjoni/tal-liċenzja tal-Ekotikketta tal-UE għandhom jidhru fuq il-prodott u għandhom ikunu leġibbli u viżibbli b'mod ċar.

L-applikant jista' jagħżel li jinkludi fuq it-tikketta kaxxa testwali bil-kliem li ġej:

—

Impatt limitat fuq l-ambjent akkwatiku;

—

Ammont ristrett ta' sustanzi perikolużi;

—

Ittestjat għall-prestazzjoni tat-tindif.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni tal-konformità ffirmata flimkien ma' kampjun tat-tikketta tal-prodott jew tal-grafika tal-imballaġġ fejn titqiegħed l-Ekotikketta tal-UE, flimkien ma' dikjarazzjoni tal-konformità ffirmata.


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(*1)   “l-ebda limitu” tfisser: irrispettivament mill-konċentrazzjoni, is-sustanzi kollha miżjuda bi ħsieb, prodotti sekondarji u impuritajiet mill-materja prima (limitu analitiku ta' detezzjoni).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(4)  Sustanza titqies mhux bijoakkumulattiva jekk il-valur BCF ikun < 100 jew il-valur log Kow ikun < 3,0. Jekk il-valur BCF u l-valur log Kow ikunu disponibbli t-tnejn, għandu jintuża l-ogħla valur BCF imkejjel.

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59).

(*2)  Inklużi stabbilizzaturi u sustanzi awżiljari oħrajn fil-preparazzjonijiet

(*3)  F'konċentrazzjonijiet aktar baxxi minn 0,2 % fil-materja prima sakemm il-konċentrazzjoni totali fil-prodott finali tkun aktar baxxa minn 0,10 %.

(6)  Disponibbli fis-sit elettroniku tal-IFRA: http://www.ifraorg.org.

(*4)  EVA — Etilenvinilaċetat, HDPE — polietilen b'densità għolja, PET — poli etilentereftalat, PETG — polietilentereftalat glikol-modifikat, PP — Polipropilen, PS — Polistiren, PVC — Polivinilklorur

(7)  Disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/documents/performance_test.pdf.