|
9.8.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 199/101 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1620
tat-8 ta’ Awwissu 2023
dwar miżuri temporanji ta’ emerġenza li jidderogaw fir-rigward tas-sena 2023 minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, biex isolvu problemi speċifiċi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex ikkawżati minn avvenimenti meteoroloġiċi avversi u miżuri marbuta magħhom
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 (1) u (UE) Nru 1307/2013, u b’mod partikolari l-Artikolu 148(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Minħabba avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi li seħħew f’diversi reġjuni tal-Istati Membri fir-rebbiegħa tal-2023, il-produzzjoni tal-frott u l-ħxejjex saritilha ħsara drammatika, u affettwat kemm il-volum li ġie prodott kif ukoll il-kwalità, bi proporzjon ogħla ta’ prodotti tal-klassi II u pprezzar żbilanċjat konsegwenti fost il-kwalitajiet. Fi Spanja, il-produzzjoni ppjanata fir-reġjun tal-Katalonja tnaqqset b’mill-inqas 50 % minħabba sitwazzjoni ta’ nixfa, filwaqt li l-produzzjoni fir-reġjun tal-Emilia-Romagna fl-Italja nqerdet minn għargħar. In-nixfa kellha wkoll impatt serju kemm fuq il-livell kif ukoll fuq il-kwalità tal-produzzjoni f’xi reġjuni fi Franza u fil-Portugall. |
|
(2) |
Minħabba l-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi li seħħew fir-rebbiegħa tal-2023, ħafna organizzazzjonijiet tal-produtturi u assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti fis-settur tal-frott u l-ħxejjex qed isibu diffikultà fl-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali approvati tagħhom. Xi wħud mill-azzjonijiet u l-miżuri approvati mhux se jiġu implimentati fl-2023 u għalhekk parti mill-fondi operazzjonali mhux se jintefqu. Organizzazzjonijiet tal-produtturi u assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti oħra qed jemendaw il-programmi operazzjonali tagħhom bil-ħsieb li jimplimentaw interventi li jindirizzaw l-impatt tal-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, bħal interventi mmirati lejn l-objettivi tal-prevenzjoni tal-kriżijiet u tal-ġestjoni tar-riskju. |
|
(3) |
L-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti jistgħu jimplimentaw, bħala parti mill-programmi operazzjonali approvati tagħhom, interventi li jsegwu l-objettivi tal-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet fis-settur tal-frott u l-ħxejjex kif imsemmi fl-Artikolu 47(2), il-punti (f), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2021/2115 li huma maħsuba biex iżidu r-reżiljenza tagħhom għad-disturbi fis-suq. |
|
(4) |
Madankollu, skont l-Artikolu 50(7), l-ewwel subparagrafu, il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2021/2115, tali interventi ma għandhomx jinkludu aktar minn terz tan-nefqa totali fil-qafas tal-programm operazzjonali. Sabiex tingħata flessibbiltà akbar lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi milquta mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi tar-rebbiegħa tal-2023 u sabiex ikunu jistgħu jiffukaw ir-riżorsi skont il-programmi operazzjonali biex jindirizzaw il-konsegwenzi ta’ avvenimenti bħal dawn, jenħtieġ li dik ir-regola ma tapplikax fis-sena 2023. |
|
(5) |
L-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti għandhom ikunu jistgħu jidderieġu mill-ġdid il-fondi, inkluża l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni fi ħdan il-fond operazzjonali għall-interventi li huma meħtieġa biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi tar-rebbiegħa tal-2023. Biex ikun żgurat li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti jkunu jistgħu jagħmlu dan, jeħtieġ li, fis-sena 2023, ikun hemm żieda fil-limitu tal-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni stipulata fl-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115 minn 50 % għal 60 % tan-nefqa reali mġarrba. |
|
(6) |
Fid-dawl tan-natura bla preċedent tal-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi tar-rebbiegħa tal-2023, jeħtieġ li jittaffew id-diffikultajiet billi tingħata deroga biss sal-punt li huwa strettament meħtieġ u unikament għas-sena 2023, minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2021/2115 applikabbli għall-interventi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex. |
|
(7) |
Fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Agrikola Komuni, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Derogi temporanji mir-Regolament (UE) 2021/2115 fir-rigward tal-frott u l-ħxejjex
1. B’deroga mill-Artikolu 50(7), l-ewwel subparagrafu, il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2021/2115, il-limitu ta’ terz tan-nefqa totali għall-interventi fit-tipi ta’ intervent imsemmija fl-Artikolu 47(2), il-punti (f), (g) u (h) ta’ dak ir-Regolament, ma għandux japplika fis-sena 2023 f’żoni affettwati mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi tar-rebbiegħa tal-2023 li għandhom jiġu identifikati mill-Istati Membri.
2. B’deroga mill-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għall-fond operazzjonali fis-sena 2023 tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi affettwati mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi tar-rebbiegħa tal-2023 li għandhom jiġu identifikati mill-Istati Membri ma għandhiex taqbeż l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-fondi operazzjonali approvati mill-Istati Membri għas-sena 2023 u għandha tkun limitata għal 60 % tan-nefqa reali mġarrba.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2023.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Awwissu 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN