|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/7046 |
21.11.2024 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2), il-punt (a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(C/2024/7046)
Wara din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, tista’ tirrapreżenta, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) oppożizzjoni lill-Kummissjoni fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott li tikkonforma mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tinsab fir-reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi.
DOKUMENT UNIKU
“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja”
Nru tal-UE: PDO-ID-2923 – 17.4.2023
DOP (X) IĠP ( )
1. Isem/Ismijiet (tad-DOP jew tal-IĠP)
“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja”
2. Stat Membru jew Pajjiż Terz
L-Indoneżja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott (bħal fl-Anness XI)
Klassi 1.8. Prodotti oħrajn elenkati fl-Anness I għat-Trattat (ħwawar eċċ.)
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
Il-“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja” huwa zokkor granulat tal-ġewż tal-Indi magħmul mis-sugu tal-ġewż tal-Indi dderivat mill-pjanti tal-ġewż tal-Indi mkabbra fil-Kulonprogo Regency. Il-pjanti tal-ġewż tal-Indi użati għall-produzzjoni tal-“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja” huma l-varjant lokali miż-Żona Ġeografika demarkata – il-ġewż tal-Indi Aħdar (Cocos nucifera, L. var viridis) u l-ġewż tal-Indi Aħmar (Cocos nucifera, L. var rubescens).
Il-“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja” għandu perċentwal ta’ Brix għoli ta’ bejn 16 u 16,2 % (16 – 16,2 gramma ta’ solidi li jinħallu minn 100 gramma ta’ sugu), sukrożju bejn 63,60 % – 66,56 %, zokkor riduċenti bejn 5,83 % – 9,71 %, kontenut ta’ ilma bejn 1,82 % – 4,92 %, u kontenut ta’ rmied ta’ bejn 1,84 % – 2,14 %.
Perċentwal ta’ Brix għoli jinfluwenza direttament it-togħma tal-“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja” li għandu togħma ħelwa għolja. Il-“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja” għandu riħa aromatika qawwija tal-ġewż tal-Indi, aroma affumikata, u aroma tal-karamella, li tiddependi ħafna fuq il-metodu tradizzjonali tal-ipproċessar lokali. Il-kulur tal-“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja” huwa isfar jagħti fil-kannella, b’konsistenza ratba u lixxa.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Il-“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja” huwa zokkor granulat tal-ġewż tal-Indi magħmul mis-sugu tal-ġewż tal-Indi miġbur mis-siġar tal-ġewż tal-Indi mkabbra fit-tliet (3) distretti li ġejjin tal-Kulonprogo Regency biss, jiġifieri: Kokap, Girimulyo, u Samigaluh.
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-produzzjoni fiha diversi punti li għandhom jiġu kkunsidrati, kif muri hawn taħt:
|
1. |
Il-preparazzjoni tal-art |
|
2. |
Il-Kultivazzjoni tal-Pjanti |
|
3. |
Il-Ġbir tas-Sugu tal-Ġewż tal-Indi |
|
4. |
Id-dewmien fil-fermentazzjoni |
|
5. |
L-Ipproċessar tas-Sugu tal-Ġewż tal-Indi f’zokkor granulat |
|
6. |
Il-proċess ta’ zokkor granulat |
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ.
—
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
Il-logo:
Il-“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja” għandu jiġi ttikkettat bil-logo “Gula Kelapa Kulonprogo Jogja” u bil-logo tal-Indikazzjoni Ġeografika Nazzjonali tal-Indoneżja. Iż-żewġ logos huma rrapportati fl-immaġni ta’ hawn taħt.
|
|
|
|
Il-logo “Gula Kelapa Kulonprogo Jogja” |
Il-logo tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Nazzjonali tal-Indoneżja |
It-tikkettar u l-imballaġġ
It-tikkettar
It-Tgeżwir u l-Pakkett ta’ “Gula Kelapa Kulonprogo Jogja”
Il-prodotti “Gula Kelapa Kulonprogo Jogja” għandhom jiġu ttikkettati b’dan li ġej:
|
a. |
L-isem “Indikasi Geografis Gula Kelapa Kulonprogo Jogja” (“Indikazzjoni Ġeografika ta’ Gula Kelapa Kulonprogo Jogja”) |
|
b. |
Il-logo tal-Indikazzjoni Ġeografika tal-“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja”. |
|
c. |
Kodiċi ta’ Traċċabbiltà tal-IĠ |
Dettalji tal-logo:
|
d. |
Immaġni tal-Għoljiet ta’ Menoreh |
|
e. |
Immaġni ta’ Siġar tal-Ġewż tal-Indi |
|
f. |
Immaġni ta’ “Gula Kelapa Kulonprogo Jogja” |
|
g. |
Immaġni tal-Monument ta’ Jogja |
|
h. |
Kitba ta’ “Gula Kelapa Kulonprogo Jogja” |
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Il-“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja” jiġi prodott fi tliet (3) distretti f’Kulonprogo Regency, jiġifieri: Kokap, Girimulyo, u Samigaluh. Il-fruntiera tal-Punent ta’ Kulonprogo Regency tinsab f’110,0458° Lonġitudni tal-Lvant, il-fruntiera tal-Lvant tinsab f’110,2428° Lonġitudni tal-Lvant, il-fruntiera tat-Tramuntana tinsab f’7,6584° Latitudni tan-Nofsinhar, u l-fruntiera tan-Nofsinhar tinsab f’7,9741° Latitudni tan-Nofsinhar.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Kemm il-Fatturi Naturali kif ukoll dawk Umani għandhom l-impatt tagħhom fuq il-“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja”, dan jista’ jidher permezz ta’ perċentwal ta’ Brix għoli ta’ bejn 16 – 16,2 % (16 – 16,2 gramma ta’ solidi li jinħallu minn 100 gramma ta’ sugu), sukrożju bejn 63,60 % – 66,56 %, zokkor riduċenti bejn 5,83 % – 9,71 %, kontenut ta’ ilma bejn 1,82 % – 4,92 %, u kontenut ta’ rmied ta’ bejn 1,84 % – 2,14 %. % ta’ Brix għoli jinfluwenza direttament it-togħma tal-“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja” li għandu togħma ħelwa għolja.
Dak li jagħti karattru distintiv bejn il-“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja” u zokkor ieħor tal-ġewż tal-Indi huwa l-użu ta’ sustanzi kimiċi biex idewmu l-fermentazzjoni. In-nies tal-Kulonprogo Regency mhumiex qed jużaw prodotti kimiċi bħall-Bisulfit tas-sodju/Bisulfit tan-Natrium biex idewmu l-fermentazzjoni meta jieħdu s-sugu. Iżda n-nies ta’ Kulonprogo jużaw sustanza naturali msejħa Laru. Barra minn hekk, in-nies ta’ Kulonprogo jużaw ħatab tradizzjonali biex isajru l-“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja” li jagħti l-aroma affumikata tiegħu.
Influwenza fuq Fatturi Naturali
Kif imsemmi hawn fuq, il-“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja” jiġi prodott fit-tliet distretti ta’ Kulonprogo Regency li ġejjin biss, jiġifieri: Kokap, Girimulyo, u Samigaluh. Iż-żona tinsab bejn 100 – 500 m ’il fuq mil-livell tal-baħar b’għoljiet immewġa ta’ 2 – 15 %. L-art hija ddominata mill-ħamrija inceptisols u alfisol bil-materjali ewlenin tal-ġebel tar-ramel bit-trab tafli, bil-ġebla tal-ġir, u andesit b’kontenut ta’ solum pjuttost fond. Il-konsistenza tal-ħamrija hija taflija u ramlija. Ir-reazzjoni tal-ħamrija hija newtrali jew kemxejn aċiduża b’fertilità suffiċjenti tal-ħamrija. Il-kapaċità tal-ħamrija li żżomm l-ilma hija baxxa li taffettwa direttament il-kontenut tal-ilma tas-sugu, li jirriżulta f’perċentwal għoli ta’ konċentrazzjoni taz-zokkor fis-sugu u konsegwentement it-togħma tal-“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja” hija ħelwa ħafna. Dan huwa wieħed mill-fatturi li jikkawżaw perċentwal għoli ta’ brix tal-“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja”. Minbarra l-ħamrija, ix-xita ta’ Kulonprogo Regency għandha rwol importanti fil-perċentwal għoli ta’ brix. Il-Kulonprogo Regency għandha ammont baxx ta’ xita ta’ inqas minn 2 500 mm fis-sena, li jirriżulta f’kontenut baxx ta’ ilma fil-ħamrija.
Il-pjanti tal-ġewż tal-Indi użati għall-produzzjoni tal-“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja” huma l-varjant lokali miż-Żona Ġeografika demarkata. Il-varjant tal-ġewż tal-Indi f’Kulonprogo Regency huwa ġewż tal-Indi twil, li jikkonsisti minn ġewż tal-Indi aħdar (Cocos nucifera, L. var viridis) u ġewż tal-Indi aħmar (Cocos nucifera, L. var rubescens). Din it-tip ta’ pjanta tal-ġewż tal-Indi għandha zokk kbir li jista’ jilħaq għoli ta’ 30 metru. Dan il-ġewż tal-Indi jibda jagħti l-frott wara 6–8 snin ta’ kultivazzjoni. Dan it-tip ta’ ġewż tal-Indi jista’ jgħix għal aktar minn seklu.
Influwenza fuq il-Fattur Uman
Il-fattur uman u l-għarfien lokali jinfluwenzaw b’mod qawwi l-karatteristiċi tal-“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja”, kif spjegat hawn taħt:
Sistema ta’ Kultivazzjoni tal-Pjanti
Is-sistema tal-kultivazzjoni tal-ġewż tal-Indi hija bbażata fuq siġar tal-ġewż tal-Indi mkabbra lokalment, varjanti ta’ siġar tal-ġewż tal-Indi aħdar (Cocos nucifera, L. var viridis) u tal-ġewż tal-Indi aħmar (Cocos nucifera, L. var rubescens). In-nies ta’ Kulonprogo diġà għandhom sistema mgħoddija mill-antenati tagħhom għall-kultivazzjoni tal-pjanti, bħall-implimentazzjoni tan-newba tal-għelejjel għal pjanti żgħar bejn is-siġar tal-ġewż tal-Indi u l-użu ta’ demel aħdar u kopertura tal-art (mulch). Barra minn hekk, in-nies ta’ Kulonpogo għandhom ukoll sistema ta’ kontroll tal-pesti, tal-mard u tal-ħaxix ħażin permezz ta’ żbir, ħrit, jew tnaqqija (dangir). Dan iżomm il-kwalità tal-pjanti tal-ġewż tal-Indi sabiex tiġi prodotta kwalità tajba għall-“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja”.
Sistema ta’ Ġbir ta’ Sugu tal-Ġewż tal-Indi
Il-ġbir tas-sugu tal-ġewż tal-Indi jsir minn kontenitur imsejjaħ bumbung (kontenitur tal-bambù) li huwa iġjeniku ħafna, u minħabba li l-kontenitur huwa magħmul mill-bambù, ma sseħħ l-ebda ossidazzjoni tas-sugu tal-ġewż tal-Indi. Is-sugu jinġabar filgħodu u filgħaxija biex tinżamm il-kwalità tas-sugu tal-ġewż tal-Indi. Il-ħin tal-ġbir huwa kruċjali ħafna biex tinżamm il-kwalità tas-sugu minħabba li n-nies ta’ Kulonprogo jevitaw li jħallu l-kontenitur għal żmien twil sabiex is-sugu jkun jista’ jiffermenta u jaffettwa t-togħma tas-sugu. In-nies ta’ Kulonprogo sabu l-ammont it-tajjeb ta’ ħin biex jiġbru s-sugu biex jevitaw li jħallu l-kontenitur għal wisq żmien, dan jista’ jżomm il-karamella u l-aroma tal-ġewż tal-Indi tal-“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja”.
Kif jittieħed is-sugu
Il-produtturi tal-“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja” ma jippermettux prodotti kimiċi (Bisulfit tas-sodju/Bisulfit tan-Natrium) biex idewmu l-fermentazzjoni meta jieħdu s-sugu filwaqt li sustanzi naturali bħal-laru (ingredjenti) huma permessi. Il-laru ġej minn ingredjenti naturali, jiġifieri: sugu tal-mangosteen + ilma tal-ġebla tal-ġir jew sugu tal-mangosteen biss. Il-kontroll u d-dewmien tal-fermentazzjoni tas-sugu hija prattika ewlenija biex tiġi żgurata l-kwalità tal-prodott finali.
It-tisjir
Il-produtturi tal-“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja” isajru (jgħallu) is-sugu darbtejn kuljum (filgħodu u filgħaxija) immedjatament wara l-ħsad tas-sugu sabiex tiġi evitata l-fermentazzjoni tas-sugu.
Għat-tisjir tal-“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja”, in-nies ta’ Kulonprogo Regency jużaw ħatab tradizzjonali. Permezz ta’ dan il-proċess, il-“Gula Kelapa Kulonprogo Jogja” jikseb l-aroma affumikata tiegħu.
It-tradizzjonijiet deskritti hawn fuq li għaddew minn ġenerazzjoni għal oħra jaffettwaw ħafna l-karatteristiċi tas-sugu u tal-prodott finali.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
“Indonesian Geographical Indication Gazette A Series No. 02/IG/IV/A/2014 (16 ta’ April 2014 – 16 ta’ Lulju 2014)”
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7046/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)