|
17.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 465/143 |
P9_TA(2021)0055
Rwanda, il-każ ta' Paul Rusesabagina
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar ir-Rwanda: il-każ ta' Paul Rusesabagina (2021/2543(RSP))
(2021/C 465/14)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Rwanda, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Prinċipji u l-Linji gwida dwar id-Dritt għal Proċess Ġust u għall-Assistenza Legali fl-Afrika, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li kien irratifikat mir-Rwanda fl-1975, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regoli Standard Minimi tal-NU dwar it-Trattament tal-Priġunieri (magħrufa wkoll bħala r-“Regoli Nelson Mandela”), kif riveduti fl-2015, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Kampala dwar il-Kundizzjonijiet tal-Ħabs fl-Afrika, |
|
— |
wara li kkunsidra l-ittri tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tat-30 ta' Settembru 2020 lill-Gvernijiet tar-Rwanda u tal-Emirati Għarab Magħquda (EGħM) dwar il-mandati tar-Rapporteur Speċjali dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, il-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja, il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Għajbien Sfurzat jew Involontarju, u r-Rapporteur Speċjali dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou, |
|
— |
wara li kkunsidra l-eżitu tal-Eżami Perjodiku Universali tar-Rwanda tal-25 ta' Jannar 2021 fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Ġinevra, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija għal-perjodu 2020-2024, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari tal-1963, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Human Rights Watch tal-10 ta' Settembru 2020 intitolata “Rwanda: Rusesabagina was forcibly disappeared” (Ir-Rwanda: Rusesabagina kien vittma ta' għajbien sfurzat), |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Human Rights Watch tal-1 ta' Frar 2021 intitolata “UN: Countries call out Rwanda's rights record” (NU: Il-pajjiżi jikkundannaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet fir-Rwanda), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi l-liġijiet stretti tar-Rwanda dwar il-midja, imposti wara l-ġenoċidju tal-1994, għad għandhom effetti negattivi fuq il-libertà tal-espressjoni taħt il-presidenza ta' Paul Kagame; billi l-gvern arresta, żamm f'detenzjoni u ħarrek lill-kritiċi u lill-avversarji tal-gvern fi proċessi politikament motivati fir-Rwanda, u ripetutament hedded lil oħrajn barra mill-pajjiż, u xi wħud ġew attakkati fiżikament u saħansitra nqatlu; |
|
B. |
billi r-Rwanda għandha punteġġ ta' 22/100 (1) għal dak li jikkonċerna l-libertà fuq livell dinji u hija kklassifikata bħala “mhux ħielsa”; billi r-ripressjoni transnazzjonali tar-Rwanda hija eċċezzjonalment wiesgħa f'termini ta' tattiċi, miri u firxa ġeografika u tinkludi t-theddid diġitali, l-attakki spyware, l-intimidazzjoni u l-fastidju tal-membri tal-familja, il-kontrolli tal-mobbiltà, il-konsenja u l-qtil; billi l-gvern attakka fiżikament lir-Rwandiżi f'mill-inqas seba' pajjiżi mill-2014 'l hawn; |
|
C. |
billi l-ġenoċidju tat-Tutsis fir-Rwanda, li rriżulta f'bejn 800 000 u 1 miljun vittma, maqtula f'kundizzjonijiet atroċi għall-unika raġuni li kienu Tutsis, u li kien akkumpanjat mill-massakru tal-Hutus kontra din l-esterminazzjoni, għad għandu impatt dejjiemi fuq il-pajjiż u r-reġjun kollu; |
|
D. |
billi l-ġenoċidju u l-gwerra ċivili tal-1994 fir-Rwanda għad għandhom impatt negattiv fuq l-istabbiltà tar-reġjun; |
|
E. |
billi d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem, ċittadin Belġjan u resident tal-Istati Uniti, Paul Rusesabagina, kritiku qawwi tal-President Paul Kagame u tal-partit Front Patrijottiku (RPF) bħalissa fil-gvern, ġie arrestat f'Kigali fil-31 ta' Awwissu 2020 fuq 13-il akkuża li kienu jinkludu l-finanzjament tat-terroriżmu, serq bl-armi, ħtif, ħruq doluż, tentattiv ta' qtil, offiża fuq il-persuna u attakk; billi erbgħa minn dawn l-akkużi tneħħew u l-akkużi li fadal huma relatati ma' avvenimenti li seħħew fid-distrett ta' Nyaruguru f'Ġunju 2018 u fid-distrett ta' Nyamagabe f'Diċembru 2018; |
|
F. |
billi s-Sur Rusesabagina kien id-direttur maniġerjali tal-lukanda des Mille Collines f'Kigali matul il-ġenoċidju fl-1994, fejn offra kenn u protezzjoni lil 1 268 Tutsi u Hutu moderat li kienu qed jaħarbu mill-massakru; billi s-Sur Rusesabagina huwa attivist tad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxut internazzjonalment li l-istorja tiegħu ġiet rakkontata fil-film Hotel Rwanda; billi fl-2005 huwa ngħata l-Medalja Presidenzjali tal-Libertà għal dawn l-isforzi li ta' min ifaħħarhom; |
|
G. |
billi s-Sur Rusesabagina stabbilixxa l-partit politiku PDR-Ihumure fl-2006 u bħalissa jippresiedi l-Moviment għat-Tibdil Demokratiku (MRDC), koalizzjoni li tinkludi l-partit PDR-Ihumure; billi l-Front Nazzjonali għal-Liberazzjoni (FLN), il-fergħa armata tal-PDR-Ihumure, ħa r-responsabbiltà għal sensiela ta' attakki armati fl-2018; |
|
H. |
billi fis-27 ta' Awwissu 2020, is-Sur Rusesabagina ġie ttrasferit bil-forza minn Dubai għal Kigali f'ċirkostanzi inċerti u reġa' deher biss fil-31 ta' Awwissu 2020 fil-kwartieri ġenerali tal-Uffiċċju tal-Investigazzjoni tar-Rwanda (RIB); billi l-qorti tar-Rwanda rrappurtat li s-Sur Rusesabagina ġie arrestat fl-Ajruport Internazzjonali ta' Kigali, u dan jikkontradixxi rapport preċedenti tal-pulizija li ddikjara li ġie arrestat permezz ta' “kooperazzjoni internazzjonali”; billi l-awtoritajiet tal-EGħM jiċħdu kwalunkwe involviment fit-trasferiment u l-arrest sussegwenti tiegħu; billi d-detenzjoni u t-trasferiment minn pajjiż għal ieħor b'mod legali ta' persuna suspettata biex tiffaċċja proċedimenti kriminali għandhom jitwettqu permezz ta' proċedimenti ta' estradizzjoni ssorveljati minn qorti indipendenti; |
|
I. |
billi s-Sur Rusesabagina ġie miċħud l-aċċess għal avukat tal-għażla tiegħu; billi l-avukati internazzjonali li huwa għażel għad-difiża tiegħu għadhom imċaħħda mill-awtorizzazzjonijiet meħtieġa biex jirrappreżentawh; |
|
J. |
billi l-akkuża tas-Sur Rusesabagina, il-fajl tal-kawża u dokumenti oħra meħtieġa għat-tħejjija tad-difiża tiegħu ġew ikkonfiskati fit-23 ta' Diċembru 2020 mid-direttur tal-Ħabs ta' Mageragere; billi d-direttur tal-ħabs tqiegħed taħt arrest fit-8 ta' Frar 2021; billi l-proċess tas-Sur Rusesabagina u 19-il individwu ieħor akkużati b'rabtiet ma' organizzazzjonijiet terroristiċi ġie differit għas-17 ta' Frar 2021; billi r-raġuni uffiċjali pprovduta għal dan id-differiment hija l-inkapaċità tal-Gvern tar-Rwanda li jiltaqa' mal-avukat tiegħu minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19; |
|
K. |
billi l-familja tas-Sur Rusesabagina hija estremament imħassba dwar il-kundizzjoni medika tiegħu, peress li huwa superstitu tal-kanċer u jbati minn kundizzjoni kardjovaskulari li għaliha jieħu mediċina preskritta; billi ġie rrappurtat li l-mediċina li l-familja tiegħu bagħtet permezz ta' pakkett diplomatiku tal-Ambaxxata Belġjana fir-Rwanda qatt ma ngħatat lis-Sur Rusesabagina; billi qed jirċievi mediċina preskritta minn tabib Rwandiż mingħajr ma jaf il-kompożizzjoni tagħha; |
|
1. |
Jikkundanna l-għajbien sfurzat, il-konsenja illegali u d-detenzjoni f'iżolament ta' Paul Rusesabagina; |
|
2. |
Jissottolinja li l-għajbien sfurzat tas-Sur Rusesabagina, mis-27 sal-31 ta' Awwissu 2020, jikser l-obbligi tar-Rwanda skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Politiċi u Ċivili (l-Artikoli 6 u 9), il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra (l-Artikoli 2 u 16) u d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Artikolu 9); |
|
3. |
Ifakkar li l-estradizzjoni ta' kwalunkwe suspettat lejn pajjiż ieħor għandha ssir biss permezz ta' proċedimenti ta' estradizzjoni ssorveljati b'mod indipendenti sabiex tiġi ggarantita l-legalità tat-talba għall-estradizzjoni u jiġi żgurat li d-drittijiet tal-persuna suspettata għal proċess ġust ikunu ggarantiti bis-sħiħ fil-pajjiż li qed jagħmel it-talba; |
|
4. |
Jiddenunzja r-restrizzjonijiet tal-awtoritajiet Rwandiżi tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u l-użu arbitrarju tal-arrest preventiv immirati lejn ir-repressjoni tad-dissens, mingħajr ma taw lis-Sur Rusesabagina l-garanziji minimi għal proċess ġust jew ippermettilu kuntatt regolari mal-familja tiegħu; |
|
5. |
Jistieden lill-awtoritajiet tar-Rwanda jipprovdu rendikont komplut u korroborat ta' kif is-Sur Rusesabagina nqabad u ġie ttrasferit lejn Kigali; jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali, indipendenti, trasparenti u kredibbli dwar it-trasferiment u l-arrest tas-Sur Rusesabagina; |
|
6. |
Jesprimi tħassib serju dwar il-ksur tad-drittijiet tas-Sur Rusesabagina; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Rwanda jippermettu lis-Sur Rusesabagina jkollu smigħ ġust u pubbliku minn qorti kompetenti, indipendenti u imparzjali li tapplika l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar lill-Gvern tar-Rwanda fl-obbligi tiegħu li jiggarantixxi d-drittijiet fundamentali, inklużi l-aċċess għall-ġustizzja u d-dritt għal proċess ġust, kif previst fil-Karta Afrikana u fi strumenti internazzjonali u reġjonali oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Ftehim ta' Cotonou, b'mod partikolari l-Artkoli 8 u 96 tiegħu; jistieden lill-ġudikatura Rwandiża biex tiżgura appell pront u ġust għas-Sur Rusesabagina, li jissodisfa l-istandards stabbiliti fil-liġi Rwandiż u dik internazzjonali; |
|
7. |
Jitlob li s-Sur Rusesabagina jingħata konsultazzjonijiet kunfidenzjali mal-avukat tal-għażla tiegħu u kuntatt regolari u sigur mal-familja tiegħu; ifakkar lill-awtoritajiet tar-Rwanda li s-Sur Rusesabagina għandu d-dritt li jkollu aċċess sħiħ għall-akkuża, il-fajl tal-kawża u dokumenti oħra sabiex jikkontesta l-legalità tal-arrest tiegħu; ifakkar fil-prinċipju legali tal-preżunzjoni tal-innoċenza; |
|
8. |
Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-istat mediku tas-Sur Rusesabagina, b'mod partikolari peress li l-esponiment għall-COVID-19 jista' jpoġġi ħajtu f'riskju sinifikanti; jistieden lill-Gvern tar-Rwanda jiggarantixxi, fiċ-ċirkostanzi kollha, l-integrità fiżika u l-benessri psikoloġiku tas-Sur Rusesabagina u jippermettilu jieħu l-mediċina tas-soltu tiegħu; jistieden lill-Gvern tar-Rwanda jippermetti li s-sitwazzjoni medika tiegħu tiġi mmonitorjata minn tabib fil-Belġju, kif mitlub mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Belġjan fl-4 ta' Frar 2021; jistieden lill-Gvern tar-Rwanda jkompli jiżgura li l-priġunieri kollha jibbenefikaw minn kura tas-saħħa adegwata; |
|
9. |
Jikkundanna l-proċessi politikament motivati, il-proċedimenti ġudizzjarji fil-konfront tar-rivali politiċi u l-antiċipazzjoni tal-eżitu tal-proċessi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Rwandiżi jiżguraw is-separazzjoni tas-setgħat amministrattivi, leġiżlattivi u ġudizzjarji, b'mod partikolari l-indipendenza tal-ġudikatura; jistieden lir-Rwanda tiftaħ l-isfera politika tagħha u ttejjeb ir-rekord tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jistenna li r-Rwanda timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Eżami Perjodiku Universali tal-pajjiż mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġinevra fil-25 ta' Jannar 2021; |
|
10. |
Jistieden lill-Gvern tar-Rwanda jirrispetta u jappoġġja bis-sħiħ id-dritt tal-protesta, id-dritt tal-libertà tal-espressjoni, u d-dritt għal-libertà tal-għaqda, u ma jipprovax jirrestrinġi dawk id-drittijiet; |
|
11. |
Jistieden lill-Gvern tar-Rwanda jirratifika l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat u l-Istatut ta' Ruma sabiex isir membru tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; iħeġġeġ lir-Rwanda tippermetti lis-Sottokumitat tal-NU għall-Prevenzjoni tat-Tortura u Trattamenti jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra jerġa' jibda' jwettaq ż-żjarat tiegħu, jistieden lill-awtoritajiet Rwandiżi biex, b'urġenza, jipproċedu bir-rieżami tad-dikjarazzjoni tagħhom li tippermetti lill-individwi u l-NGOs iressqu lmenti quddiem il-Qorti Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u jerġgħu jistabbilixxu u jintroduċu mill-ġdid dik id-dikjarazzjoni; |
|
12. |
Jitlob lill-Unjoni Ewropea tieħu azzjoni immedjata biex tiżgura li l-legalità tal-arrest u tal-proċess tas-Sur Rusesabagina tiġi investigata u li d-drittijiet tiegħu ta' ċittadin tal-UE jiġu rispettati fl-istadji kollha ta' dan il-proċess; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE għar-Rwanda, kif ukoll lir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri, b'mod partikolari l-Ambaxxata tal-Belġju fir-Rwanda, biex jimmonitorjaw il-proċess tas-Sur Rusesabagina, biex iżuru lis-Sur Rusesabagina fil-ħabs, u biex iqajmu l-każ tiegħu fl-iskambji tagħhom mal-awtoritajiet tar-Rwanda; |
|
13. |
Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem biex isaħħu d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem mar-Rwanda fl-ogħla livelli sabiex jiżguraw li l-pajjiż jirrispetta l-impenji bilaterali u internazzjonali tiegħu; jenfasizza li, fil-kuntest tal-ħidma internazzjonali għall-iżvilupp fir-Rwanda, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, u governanza trasparenti u reattiva għandhom jingħataw wisq aktar prijorità; |
|
14. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri tal-UE, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Parlament Pan-Afrikan, lid-difensuri ta' Paul Rusesabagina, lill-President u lill-Parlament tar-Rwanda. |
(1) Kif irrappurtat mill-Freedom House f'“Freedom in the World 2020” (Il-Libertà fid-Dinja fl-2020).