IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.10.2020
COM(2020) 651 final
2020/0291(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lill-Ungerija biex ittaffi r-riskji ta’ qagħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 (“ir-Regolament SURE”) jistabbilixxi l-qafas legali għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri, li qed jesperjenzaw taqlib ekonomiku sever ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, jew huma mhedda serjament minn tali taqlib. L-appoġġ taħt SURE jservi għall-finanzjament, primarjament, ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar jew miżuri simili mmirati biex jipproteġu l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u b’hekk inaqqsu l-inċidenza tal-qgħad u t-telf tad-dħul, kif ukoll għall-finanzjament, bħala anċillari, ta’ xi miżuri relatati mas-saħħa, b’mod partikolari fuq il-post tax-xogħol.
Fis-6 ta’ Awwissu 2020, l-Ungerija talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament SURE. F’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament SURE, il-Kummissjoni kkonsultat lill-awtoritajiet Ungeriżi biex tivverifika ż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa attwali u ppjanata direttament relatata mas-suq tax-xogħol u l-miżuri relatati mas-saħħa kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, dawn il-miżuri jirreferu għal:
(a)appoġġ temporanju għat-titjib tal-akkomodazzjoni (tibdil, tkabbir, renovar ta’ binjiet, xiri ta’ tagħmir) f’destinazzjonijiet turistiċi biex tinżamm il-forza tax-xogħol eżistenti. Ġiet mitluba biss dik il-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-kumpaniji b’membru wieħed.
(b)għotja ta’ darba għal kumpaniji tal-ipproċessar tal-ikel, kumpaniji ortikulturali fis-setturi tat-tkabbir ta’ għelejjel mhux perenni u ta’ propagazzjoni tal-pjanti u l-kumpaniji ta’ trobbija tal-ħut rispettivament. L-appoġġ huwa kondizzjonali fuq l-entità li żżomm l-impjegati tagħha sa Diċembru 2020.
(c)il-benefiċċji għat-tħaris tat-tfal u għal dawk li jaħdmu għal rashom, li jkunu skadew minħabba r-restrizzjonijiet ta’ età bejn il-11 ta’ Marzu 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2020, il-perjodu tal-istat ta’ periklu.
(d)eżenzjoni mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u mill-imposta tat-taħriġ vokazzjonali tal-impjegati għall-perjodu minn Marzu sa Diċembru 2020, kif ukoll tnaqqis fit-taxxa ta’ kontribuzzjoni tal-impjegati għall-perjodu minn Marzu sa Ġunju 2020 għas-setturi l-aktar milquta mill-pandemija. Il-parti tan-nefqa totali relatata mal-kumpaniji li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħin tax-xogħol jew meta l-impjegati jkunu kontinwament fl-impjieg sa meta tintalab l-aħħar data tal-eżitu.
(e)eżenzjoni mir-reġim tat-taxxa f’daqqa (“KATA”), għall-perjodu minn Marzu sa Ġunju 2020 għal kontribwenti tat-taxxa żgħar f’26 attività. Ġiet mitluba biss dik il-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-kumpaniji b’membru wieħed.
(f)esklużjoni ta’ kostijiet tal-persunal mill-bażi ta’ taxxa tal-intrapriżi żgħar (“KIVA”), għall-perjodu minn Marzu sa Ġunju 2020 fis-setturi l-aktar milquta mill-pandemija. Il-parti tan-nefqa totali relatata mal-kumpaniji li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħin tax-xogħol jew meta l-impjegati jkunu kontinwament fl-impjieg sa meta tintalab l-aħħar data tal-eżitu.
(g)benefiċċju ta’ darba mogħti bħala somma waħda f'daqqa ta’ HUF 500,000 għal kull persuna għal ħaddiema bħala rikonoxximent tax-xogħol żejjed tagħhom matul il-pandemija.
(h)kostijiet imġarrba mill-istat ta’ kumpaniji tal-istat, marbuta ma’ miżuri speċjali biex jikkontrollaw il-pandemija. miżuri relatati mas-saħħa bħal dawn jinkludu t-tindif u d-dispożizzjoni ta’ tagħmir protettiv.
(i)żieda fil-kostijiet għal miżuri speċjali biex tiġi kkontrollata l-pandemija (bħal servizzi ta’ diżinfettar ta’ kuljum, kif ukoll tindif spiss ta’ sistemi tal ventilazzjoni u liftijiet) u biex tiġi protetta s-saħħa personali ta’ uffiċjali tal-istat b’diżinfettanti u għodod ta’ protezzjoni. Miżuri bħal dawn ġew introdotti mid-Direttorat Ġenerali għall-Akkwist Pubbliku u l-Forniment (KEF) biex jiġi żgurat it-tħaddim kontinwu ta’ korpi baġitarji tal-istat.
(j)miżuri relatati mal-infrastrutturi u l-investimenti fl-isptarijiet biex jiġi permess livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħaddiema tas-saħħa u tal-pazjenti. Il-miżuri jinkludu kmamar għall-eżamijiet dedikati u swali iżolati tal-COVID. Barra minn hekk, kostijiet diretti ta’ għodod u tagħmir ta’ protezzjoni personali (maskri tal-wiċċ li jintużaw darba, ġagagi mediċi, tarki tal-plastik għall-wiċċ, ingwanti, diżinfettanti, eċċ.) fi sptarijiet u istituzzjonijiet oħra tal-kura tas-saħħa żdiedu biex jippermettu għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa.
L-Ungerija pprovdiet lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti.
Meta tqis l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill biex jadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni biex tagħti assistenza finanzjarja lill-Ungerija taħt ir-Regolament SURE b’appoġġ tal-miżuri t’hawn fuq.
Miżuri relatati mas-saħħa, kif mitluba mill-Ungerija, jammontaw għal EUR 268,550,000. Dan jirrappreżenta aktar minn nofs it-total mitlub ta’ appoġġ finanzjarju. Minħabba l-bżonn li tiġi żgurata n-natura anċillari ta’ din il-kategorija ta’ miżuri, l-ammont tal-assistenza finanzjarja b’appoġġ għall-miżuri relatati mas-saħħa se jkun limitat għal EUR 247,124,000, biex l-ammont jirrappreżenta anqas minn nofs it-total ta’ assistenza finanzjarja.
•Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-proposta preżenti hija konsistenti bis-sħiħ mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672, li taħtu saret din il-proposta.
Din il-proposta ġejja apparti strument ieħor tal-liġi tal-Unjoni li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri f’każ ta’ emerġenza, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) (“ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002”). Ir-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda dak l-istrument biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex ikopri emerġenzi kbar ta’ saħħa pubblika u jiddefinixxi operazzjonijiet speċifiċi eliġibbli għall-finanzjament, ġie adottat fit-30 ta’ Marzu.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hija parti minn firxa ta’ miżuri żviluppati b’reazzjoni għall-pandemija attwali tal-COVID-19 bħall-“Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus”, u tikkumplimenta strumenti oħra li jappoġġjaw l-impjiegi bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi/InvestEU. Bl-użu ta’ għoti u teħid b’self f’dan il-każ partikolari tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-appoġġ tal-Istati Membri, dan l-istrument speċifiku jista’ b’mod partikolari jintuża mill-Istati Membri bħala t-tieni linja ta’ difiża biex jiġu ffinanzjati skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, biex jiġu protetti l-impjiegi u b’hekk l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju tal-qgħad.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi Ġuridika
Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija r-Regolament tal-Kunsill 2020/672.
•Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklussiva)
Il-proposta ssegwi talba ta’ Stat Membru u turi s-solidarjetà Ewropea billi tipprovdi assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ self temporanju lil Stat Membru milqut mit-tifqigħa tal-COVID-19. Bħala t-tieni linja ta’ difiża, tali assistenza finanzjarja tappoġġja ż-żieda fin-nefqa pubblika tal-gvernijiet fuq bażi temporanja fir-rigward tal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili biex tgħinhom jipproteġu l-impjiegi u b’hekk lill-impjegati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju ta’ qgħad u t-telf ta’ introjtu.
Tali appoġġ jgħin lill-popolazzjoni milquta, jikkontribwixxi għal ritorn rapidu lejn kundizzjonijiet ta’ għajxien normali fir-reġjuni affettwati u jtaffi l-impatt soċjali u ekonomiku dirett ikkawżat mill-kriżi attwali tal-COVID-19.
•Proporzjonalità
Il-proposta tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità. Ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrument.
3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Minħabba l-urġenza biex titħejja l-proposta u biex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Kunsill, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.
•Valutazzjoni tal-impatt
Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt.
4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tikkuntratta self fuq is-swieq finanzjarji bil-għan li tagħtih b’self lill-Istat Membru li jitlob assistenza finanzjarja taħt l-istrument SURE.
Minbarra l-provvediment tal-garanziji tal-Istati Membri, jiddaħħlu salvagwardji oħra fil-qafas sabiex tiġi żgurata s-solidità finanzjarja tal-iskema:
·Approċċ rigoruż u konservattiv għall-ġestjoni finanzjarja;
·Kostruzzjoni tal-portafoll ta’ self li jillimita r-riskju ta’ konċentrazzjoni, skopertura annwali u espożizzjoni eċċessiva għal Stati Membri individwali, filwaqt li jiġu żgurati riżorsi suffiċjenti li jistgħu jingħataw lill-Istati Membri li huma l-aktar fil-bżonn; u
·Possibbiltajiet ta’ riportament tad-dejn.
2020/0291 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lill-Ungerija biex ittaffi r-riskji ta’ qagħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Fis-6 ta’ Awwissu 2020, l-Ungerija talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tagħha biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom.
(2)It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mill-Ungerija biex titrażżan it-tifqigħa u l-impatt soċjo-ekonomiku kif ukoll dak sanitarju tagħha huma mistennija li jkollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, l-Ungerija kienet mistennija li jkollha defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 5,2 % u 75,0 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Skont il-previżjoni interim tas-sajf 2020 tal-Kummissjoni, il-PDG tal-Ungerija huwa previst li jonqos b’7,0 % fl-2020.
(3)It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fl-Ungerija. Dan wassal għal żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika fl-Ungerija fir-rigward ta’ miżuri simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri relatati mas-saħħa, kif stabbilit fil-premessi (4) sa (14).
(4)“Ir-Riżoluzzjoni tal-Gvern 2080/2020 dwar l-iżvilupp nazzjonali ta’ akkomodazzjoni”, kif imsemmi fit-talba tal-Ungerija tas-6 ta’ Awwissu 2020, introduċiet appoġġ temporanju għat-titjib tal-akkomodazzjoni (tibdil, espansjoni, rinovar ta’ bini, xiri ta’ tagħmir) f’destinazzjonijiet turistiċi biex tinżamm il-forza tax-xogħol eżistenti. Ġiet mitluba biss dik il-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-kumpaniji b’membru wieħed. Il-miżura tista’ titqies bħala miżura simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2020/672, peress li għandha l-għan li tipproteġi lil dawk li jaħdmu għal rashom jew kategoriji simili ta’ ħaddiema minn tnaqqis fl-introjtu jew it-telf tiegħu.
(5)Id-”Digriet tal-Ministeru tal-Agrikoltura Nru. 25/2020”, “Digriet tal-Ministeru tal-Agrikoltura Nru.26/2020” u “d-Digriet tal-Ministeru tal-Agrikoltura Nru. 30/2020”, kif inhuma msemmija fit-talba tal-Ungerija tas-6 ta’ Awwissu 2020, introduċew għotja ta’ darba għal kumpaniji tal-ipproċessar tal-ikel, kumpaniji ortikulturali fis-setturi tat-tkabbir ta’ għelejjel mhux perenni u ta’ propagazzjoni tal-pjanti u l-kumpaniji ta’ trobbija tal-ħut rispettivament. L-appoġġ huwa kondizzjonali fuq l-entità li żżomm l-impjegati tagħha sa Diċembru 2020. Fir-rigward tal-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u kumpaniji b’membru wieħed, il-miżura tista’ titqies bħala miżura simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2020/672, peress li għandha l-għan li tipproteġi lil dawk li jaħdmu għal rashom jew kategoriji simili ta’ ħaddiema minn tnaqqis fl-introjtu jew it-telf tiegħu.
(6)“Id-Digriet tal-Gvern Nru. 59/2020. (III. 23.)” u “Att LVIII tal-2020”, kif inhuma msemmija fit-talba tal-Ungerija tas-6 ta’ Awwissu 2020, jestendu l-benefiċċji għat-tħaris tat-tfal u għal dawk li jaħdmu għal rashom, li jkunu skadew minħabba r-restrizzjonijiet ta’ età bejn il-11 ta’ Marzu 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2020, il-perjodu tal-istat ta’ periklu. Dawk il-benefiċċju tat-tħaris tat-tfal jistgħu jitqiesu miżura simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2020/672, minħabba li jipprovdu appoġġ ta’ introjtu għall-impjegati u lil dawk li jaħdmu għal rashom, li jgħin ikopri l-kostijiet tat-tħaris tat-tfal matul l-għeluq tal-iskejjel u għalhekk jgħin lill-ġenituri jkomplu jaħdmu, u jevita li r-relazzjoni tal-impjieg tkun f’riskju.
(7)Fuq il-bażi tad-”Digriet tal-Gvern Nru. 47/2020” (kif emendat) kif imsemmi fit-talba tal-Ungerija tas-6 ta’ Awwissu 2020, l-awtoritajiet introduċew għadd ta’ miżuri relatati mat-taxxa. Minħabba li dawk il-miżuri jikkonsistu minn dħul mitluf għall-gvern, dawn jistgħu jitqiesu bħala ekwivalenti għal nefqa pubblika.
(8)eżenzjoni mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u mill-imposta tat-taħriġ vokazzjonali tal-impjegati għall-perjodu minn Marzu sa Diċembru 2020, kif ukoll tnaqqis fit-taxxa ta’ kontribuzzjoni ta’ riabilitazzjoni għall-perjodu minn Marzu sa Ġunju 2020 għas-setturi l-aktar milquta mill-pandemija. Il-parti tan-nefqa totali relatata mal-kumpaniji li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħin tax-xogħol jew meta l-impjegati jkunu kontinwament fl-impjieg sa meta tintalab l-aħħar data tal-eżitu.
(9)eżenzjoni mir-reġim tat-taxxa f’daqqa (“KATA”), għall-perjodu minn Marzu sa Ġunju 2020 għal kontribwenti tat-taxxa żgħar f’26 attività. Ġiet mitluba biss dik il-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-kumpaniji b’membru wieħed. Il-miżura tista’ titqies bħala miżura simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2020/672, peress li għandha l-għan li tipproteġi lil dawk li jaħdmu għal rashom jew kategoriji simili ta’ ħaddiema minn tnaqqis fl-introjtu jew it-telf tiegħu.
(10)Fl-aħħar nett, b’rabta mal-miżuri relatati mat-taxxa, fis-setturi l-aktar milquta mill-pandemija, l-awtoritajiet eskludew il-kostijiet tal-persunal mill-bażi ta’ taxxa għall-impriżi żgħar ("KIVA"), għall-perjodu minn Marzu sa Ġunju 2020. Il-parti tan-nefqa totali relatata mal-kumpaniji li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħin tax-xogħol jew meta l-impjegati jkunu kontinwament fl-impjieg sa meta tintalab l-aħħar data tal-eżitu.
(11)L-Unġerija introduċiet ukoll serje ta’ miżuri relatati mas-saħħa biex tindirizza t-tifqigħa tal-COVID-19. “Id-Digriet tal-Gvern Nru. 275/2020”, kif imsemmi fit-talba tal-Ungerija tas-6 ta’ Awwissu 2020, introduċa somma waħda f'daqqa ta’ HUF 500,000 għal kull persuna għal ħaddiema bħala rikonoxximent tax-xogħol żejjed tagħhom matul il-pandemija.
(12)Kumpaniji tal-istat, li l-kostijiet tagħhom huma mġarrba mill-Istat, introduċew miżuri speċjali b’kostijiet korrispondenti biex jikkontrollaw il-pandemija. miżuri relatati mas-saħħa bħal dawn jinkludu t-tindif u d-dispożizzjoni ta’ tagħmir protettiv.
(13)Fuq il-bażi tad-Digriet tal-Gvern Nru. 250/2014. (X.2.) dwar id-Direttorat Ġenerali għall-Akkwist Pubbliku u l-Forniment (KEF)” kif inhu msemmi fit-talba tal-Ungerija tas-6 ta’ Awwissu 2020, miżuri speċjali biex tiġi kkontrollata l-pandemija (bħal servizzi ta’ diżinfettar ta’ kuljum, kif ukoll tindif spiss ta’ sistemi tal ventilazzjoni u liftijiet) u biex tiġi protetta s-saħħa personali ta’ uffiċjali tal-istat b’diżinfettanti u għodod ta’ protezzjoni, rriżultaw f’żieda fil-kostijiet. Miżuri bħal dawn ġew introdotti mid-Direttorat Ġenerali għall-Akkwist Pubbliku u l-Forniment (KFE) biex jiġi żgurat it-tħaddim kontinwu ta’ korpi baġitarji tal-istat.
(14)Fl-aħħar nett, “Ir-Riżoluzzjoni tal-Gvern 1012/2020 dwar Maniġment ta’ Persunal Operattiv” kif imsemmi fit-talba tal-Ungerija tas-6 ta’ Awwissu 2020, introduċiet miżuri relatati mal-infrastrutturi u l-investimenti fl-isptarijiet biex jiġi permess livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħaddiema tas-saħħa u tal-pazjenti. Il-miżuri jinkludu kmamar għall-eżamijiet dedikati u swali iżolati tal-COVID. Barra minn hekk, kostijiet diretti ta’ għodod u tagħmir ta’ protezzjoni personali (maskri tal-wiċċ li jintużaw darba, ġagagi mediċi, tarki tal-plastik għall-wiċċ, ingwanti, diżinfettanti, eċċ.) fi sptarijiet u istituzzjonijiet oħra tal-kura tas-saħħa żdiedu biex jippermettu għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa.
(15)L-Ungerija tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. L-Ungerija pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 639 500 000 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. L-ammont miżjud li huwa direttament relatat mal-miżuri t’hawn fuq li huma simili għall-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar jikkostitwixxu żieda għal għarrieda u qawwija minħabba li hija relatata ma’ miżuri ġodda u estensjoni tal-miżuri eżistenti, li jkopru proporzjon sinifikanti tal-impriżi u tal-forza tax-xogħol fl-Ungerija. L-Ungerija biħsiebha tiffinanzja EUR 113 740 000 tal-ammont miżjud ta’ nfiq permezz ta’ fondi tal-Unjoni.
(16)Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Ungerija u vverifikat iż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif ukoll ir-rikors għall-miżuri rilevanti marbuta mas-saħħa relatati mat-tifqigħa tal-COVID-19, imsemmija fit-talba tas-6 ta’ Awwissu 2020, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.
(17)Miżuri relatati mas-saħħa, kif mitluba mill-Ungerija, u msemmija fil-Premessi (11) sa (14), jammontaw għal EUR 268,550,000. Dan l-ammont jirrappreżenta aktar minn nofs it-total mitlub ta’ appoġġ finanzjarju. Minħabba l-bżonn li tiġi żgurata n-natura anċillari ta’ din il-kategorija ta’ miżuri, l-ammont tal-assistenza finanzjarja b’appoġġ għall-miżuri relatati mas-saħħa se jkun limitat għal EUR 247,124,000, biex l-ammont jirrappreżenta anqas minn nofs it-total ta’ assistenza finanzjarja.
(18)Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li l-Ungerija tiġi megħjuna tindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet rigward il-maturitajiet, il-qies u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali u tal-partijiet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali.
(19)Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista’ titwettaq, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.
(20)Jenħtieġ li l-Ungerija tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn l-Ungerija implimentat dik in-nefqa.
(21)Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u mistennija tal-Ungerija, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Ungerija tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.
Artikolu 2
1.L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Ungerija self li jammonta għal massimu ta’ EUR 504 330 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.
2.Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 18-il xahar li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.
3.L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lill-Ungerija f’massimu ta’ tmien ħlasijiet parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’parti waħda jew iktar. Il-maturitajiet tal-partijiet taħt l-ewwel ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ segmenti oħrajn għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tiġi rispettata ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.
4.L-ewwel pagament għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.
5.L-Ungerija għandha tħallas il-kost tal-finanzjament tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/672 għal kull ħlas parzjali flimkien ma’ kwalunkwe tariffa, kost u spiża tal-Unjoni li jirriżultaw minn kwalunkwe finanzjament relatat mas-self mogħti skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
6.Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx tal-pagamenti parzjali, kif ukoll dwar id-daqs tal-partijiet.
Artikolu 3
1. L-Ungerija tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:
(a)appoġġ temporanju biex tittejjeb l-akkomodazzjoni fid-destinazzjonijiet turistiċi biex tinżamm il-forza tax-xogħol eżistenti, kif provdut bir-Riżoluzzjoni tal-Gvern 2080/2020 dwar l-iżvilupp nazzjonali ta’ akkomodazzjoni, għall-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u ta’ kumpaniji b’membru wieħed.
(b)appoġġ temporanju għal kumpaniji tal-ipproċessar tal-ikel, kif previst mid-Digriet tal-Ministeru tal-Agrikoltura Nru. 25/2020, għall-parti ta’ nefqa relatata mal-appoġġ ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u ta’ kumpaniji b’membru wieħed;
(c)appoġġ temporanju għal kumpaniji ortikulturali fis-setturi tat-tkabbir ta’ għelejjel mhux perenni u ta’ propagazzjoni tal-pjanti kif previst mid-Digriet tal-Ministeru tal-Agrikoltura Nru. 26/2020, għall-parti ta’ nefqa relatata mal-appoġġ ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u ta’ kumpaniji b’membru wieħed;
(d)appoġġ temporanju għal kumpaniji ta’ trobbija tal-ħut, kif previst mid-Digriet tal-Ministeru tal-Agrikoltura Nru. 30/2020, għall-parti ta’ nefqa relatata mal-appoġġ ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u ta’ kumpaniji b’membru wieħed;
(e)l-estensjoni sat-30 ta’ Ġunju 2020, ta’ dawk il-benefiċċji għat-tħaris tat-tfal li skadew matul il-perjodu tal-istat ta’ periklu, kif previst mid-Digriet tal-Gvern Nru. 59/2020. (III. 23.) u Att LVIII tal- 2020 Artikolu 71;
(f)It-twaqqif tat-taxxa tal-kontribuzzjoni soċjali tal-impjegaturi f’ċerti setturi għall-perjodu minn Marzu sa Diċembru 2020, kif provdut mill-Artikolu 4 a) tad-Digriet tal-Gvern Nru. 47/2020 (kif emendat), għal parti min-nefqa relatata ma’ kumpaniji li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħin tax-xogħol, jew meta l-impjegati kienu kontinwament fl-impjieg;
(g)eżenzjonijiet mit-taxxa tal-kontribuzzjoni soċjali tal-impjegaturi f’ċerti setturi għall-perjodu minn Marzu sa Diċembru 2020, kif provdut mill-Artikolu 4 a) tad-Digriet tal-Gvern Nru. 47/2020 (kif emendat), għal parti min-nefqa relatata ma’ kumpaniji li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħin tax-xogħol, jew meta l-impjegati kienu kontinwament fl-impjieg;
(h)It-tnaqqis tat-taxxa tal-kontribuzzjoni ta’ riabilitazzjoni tal-impjegaturi f’ċerti setturi għall-perjodu minn Marzu sa Ġunju 2020, kif provdut mill-Artikolu 4 a) tad-Digriet tal-Gvern Nru. 47/2020 (kif emendat), għal parti min-nefqa relatata ma’ kumpaniji li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħin tax-xogħol, jew meta l-impjegati kienu kontinwament fl-impjieg;
(i)eżenzjoni tat-taxxa għal kontribwenti tat-taxxa żgħar reġim tat-taxxa f’daqqa (“KATA”), f’26 attività, għall-perjodu minn Marzu sa Ġunju 2020 kif provdut mill-Artikolu 5 tad-Digriet tal-Gvern Nru. 47/2020 (kif emendat), għall-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u ta’ kumpaniji b’membru wieħed;
(j)l-esklużjoni ta’ kostijiet ta’ persunal mill-bażi tat-taxxa tat-taxxa tal-impriżi ż-żgħar (KIVA”) f’ċerti setturi għall-perjodu minn Marzu sa Ġunju 2020, kif provdut mid-Digriet tal-Gvern Nru. 47/2020 (kif emendat), għal parti min-nefqa relatata ma’ kumpaniji li jnaqqsu jew iwaqqfu l-ħin tax-xogħol, jew meta l-impjegati kienu kontinwament fl-impjieg;
(k)benefiċċju mogħti bħala somma waħda f'daqqa bħala rikonoxximent tax-xogħol żejjed tagħhom matul il-pandemija, kif provdut mid-Digriet tal-Gvern Nru. 275/2020;
(l)kostijiet relatati mal-miżuri speċjali biex tiġi kkontrollata l-pandemija introdotti f’kumpaniji sjieda tal-istat;
(m)kostijiet relatati ma’ miżuri speċjali biex tiġi kkontrollata l-pandemija u biex titħares is-saħħa personali tal-uffiċjali tal-istat kif previst mid-Digriet tal-Gvern Nru. 250/2014 (X.2.) dwar id-Direttorat Ġenerali għall-Akkwist Pubbliku u l-Forniment (KEF);
(n)kostijiet relatati mal-infrastruttura u l-investiment fi sptarijiet għal ħarsien ta’ livell għoli tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa u tal-pazjenti, kif previst mir-Riżoluzzjoni tal-Gvern 1012/2020 dwar Maniġment tal-Persunal Operattiv;
(o)kostijiet diretti ta’ għodod u tagħmir għall-protezzjoni personali fi sptarijiet u f’istituzzjonijiet oħra għall-kura tas-saħħa għal ħarsien ta’ livell għoli tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, kif previst mir-Riżoluzzjoni tal-Gvern 1012/2020 dwar Maniġment tal-Persunal Operattiv.
Artikolu 4
L-Ungerija għandha tinforma lill-Kummissjoni sa....[sitt xhur wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni], u kull sitt xhur wara l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sakemm dik in-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha lid-destinatarju.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President