23.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/3


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1697

tat-13 ta’ Lulju 2021

li jemenda r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kriterji għar-rikonoxximent ta’ awtoritajiet ta’ kontroll u korpi ta’ kontroll li huma kompetenti biex iwettqu kontrolli fuq prodotti organiċi f’pajjiżi terzi, u għall-irtirar tar-rikonoxximent tagħhom

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (1), u b’mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 46(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2018/848, il-Kummissjoni tista’ tirrikonoxxi l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll li huma kompetenti biex iwettqu l-kontrolli tal-prodotti organiċi importati u biex joħorġu ċ-ċertifikati organiċi f’pajjiżi terzi.

(2)

B’segwitu tal-esperjenza tal-Kummissjoni fir-rigward tas-superviżjoni tal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll li joperaw f’pajjiżi terzi, u bil-ħsieb li tiġi żgurata r-robustezza tal-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll u li tiġi garantita l-integrità tal-prodotti organiċi importati minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li tiġi msaħħa l-kapaċità tal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll biex jitwettqu kontrolli effettivi fuq l-operaturi li jipproduċu prodotti organiċi f’pajjiżi terzi. Sabiex jinkiseb dan l-objettiv, jenħtieġ li jiġu introdotti kriterji addizzjonali għar-rikonoxximent jew l-irtirar tal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll.

(3)

B’mod partikolari, il-punt (b) tal-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) 2018/848 jeħtieġ li l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll ikollhom il-kapaċità li jwettqu kontrolli biex jiżguraw li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b)(i) u (c) tal-Artikolu 45(1) ta’ dak ir-Regolament jiġu ssodisfati fir-rigward tal-prodotti organiċi u l-prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni. Peress li dawk il-kontrolli huma essenzjali biex tiġi żgurata l-konformità mar-Regolament (UE) 2018/848, jenħtieġ li awtorità ta’ kontroll jew korp ta’ kontroll ma jitħallewx jiddelegaw il-kompiti ta’ kontroll. Madankollu, sabiex tingħata l-flessibbiltà meħtieġa lill-awtoritajiet ta’ kontroll jew lill-korpi ta’ kontroll, jenħtieġ li l-kampjunar ma jiġix inkluż fil-projbizzjoni tad-delega tal-kompiti ta’ kontroll.

(4)

F’każ ta’ ksur serju jew ripetittiv fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tal-operaturi jew il-kontrolli u l-azzjonijiet imwettqa mill-awtorità ta’ kontroll jew mill-korp ta’ kontroll, jew meta l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll jonqsu milli jieħdu azzjoni ta’ rimedju xierqa jew f’waqtha, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tirtira r-rikonoxximent tal-awtorità ta’ kontroll jew tal-korp ta’ kontroll. Għaldaqstant, fl-interess tat-trasparenza, jenħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji għall-irtirar tar-rikonoxximent tal-awtoritajiet ta’ kontroll u tal-korpi ta’ kontroll.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/848 jiġi emendat skont dan.

(6)

Fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2018/848, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll għandhom jiġu rikonoxxuti f’konformità mal-paragrafu 1 għall-kontroll tal-importazzjoni tal-kategoriji ta’ prodotti elenkati fl-Artikolu 35(7) jekk jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

(a)

ikunu legalment stabbiliti fi Stat Membru wieħed jew pajjiż terz;

(b)

ikollhom il-kapaċità li jwettqu kontrolli biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet li jinsabu fil-punti (a), (b)(i) u (c) tal-Artikolu 45(1) u f’dan l-Artikolu jiġu ssodisfati fir-rigward ta’ prodotti organiċi u ta’ prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni maħsuba għall-importazzjoni fl-Unjoni, mingħajr ma jiddelegaw il-kompiti ta’ kontroll; għall-finijiet ta’ dan il-punt, il-kompiti ta’ kontroll imwettqa minn persuni li jaħdmu taħt kuntratt individwali jew ftehim formali li jqegħedhom taħt il-kontroll tal-ġestjoni, u l-proċeduri tal-awtoritajiet ta’ kontroll kontraenti jew il-korpi ta’ kontroll kontraenti ma għandhomx jitqiesu bħala delega, u l-projbizzjoni li jiġu delegati l-kompiti ta’ kontroll ma għandhiex tapplika għall-kampjunar;

(c)

joffru garanziji adegwati ta’ oġġettività u imparzjalità u ma jkollhom ebda kunflitt ta’ interess fir-rigward tal-eżerċizzju tal-kompiti ta’ kontroll tagħhom; b’mod partikolari, ikollhom proċeduri fis-seħħ li jiżguraw li l-persunal li jwettaq il-kontrolli u azzjonijiet oħrajn ikun ħieles minn kwalunkwe kunflitt ta’ interess, u li l-operaturi ma jiġux spezzjonati mill-istess spetturi għal aktar minn 3 snin konsekuttivi;

(d)

fil-każ tal-korpi ta’ kontroll, huma akkreditati għall-fini tar-rikonoxximent tagħhom f’konformità ma’ dan ir-Regolament minn korp ta’ akkreditazzjoni wieħed biss skont l-istandard armonizzat rilevanti għall-“Valutazzjoni tal-konformità – Rekwiżiti għall-korpi li jiċċertifikaw il-prodotti, il-proċessi u s-servizzi”, li r-referenza tiegħu ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

(e)

ikollhom l-għarfien espert, it-tagħmir u l-infrastruttura meħtieġa biex iwettqu l-kompiti ta’ kontroll, u jkollhom għadd biżżejjed ta’ persunal bi kwalifiki u esperjenza adatti;

(f)

ikollhom il-kapaċità u l-kompetenza li jwettqu ċ-ċertifikazzjoni u l-attivitajiet ta’ kontroll tagħhom f’konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u b’mod partikolari r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1698 (*1) għal kull tip ta’ operatur (operatur uniku jew grupp ta’ operaturi) f’kull pajjiż terz u għal kull kategorija ta’ prodotti li jixtiequ jkunu rikonoxxuti għalihom;

(g)

ikollhom fis-seħħ il-proċeduri u l-arranġamenti biex jiżguraw l-imparzjalità, il-kwalità, il-konsistenza, l-effettività u l-adegwatezza tal-kontrolli u azzjonijiet oħra mwettqa minnhom;

(h)

ikollhom biżżejjed persunal kwalifikat u esperjenzat biex il-kontrolli u azzjonijiet oħra jitwettqu b’mod effettiv u fil-ħin;

(i)

ikollhom faċilitajiet u tagħmir xierqa u miżmuma tajjeb biex jiżguraw li l-persunal ikun jista’ jwettaq il-kontrolli u azzjonijiet oħra b’mod effettiv u fil-ħin;

(j)

ikollhom fis-seħħ proċeduri biex jiġi żgurat li l-persunal tagħhom ikollu aċċess għall-postijiet tad-dokumenti u għad-dokumenti miżmuma mill-operaturi sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom;

(k)

ikollhom il-ħiliet, it-taħriġ u l-proċeduri interni adatti biex iwettqu kontrolli effettivi, inkluż spezzjonijiet, fuq l-operaturi kif ukoll fuq is-sistema ta’ kontroll intern ta’ grupp ta’ operaturi, jekk ikun hemm;

(l)

ir-rikonoxximent preċedenti tagħhom għal pajjiż terz speċifiku u/jew għal kategorija ta’ prodotti ma tkunx ġiet irtirata f’konformità mal-paragrafu 2a jew l-akkreditazzjoni tagħhom ma tkunx ġiet irtirata jew sospiża minn kwalunkwe korp ta’ akkreditazzjoni f’konformità mal-proċeduri tiegħu għas-sospensjoni jew l-irtirar stabbiliti f’konformità mal-istandard internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari l-istandard 17011 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) – Valutazzjoni tal-konformità – rekwiżiti ġenerali għall-korpi ta’ akkreditazzjoni li jakkreditaw il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, tul l-24 xahar qabel:

(i)

ir-rikjesta tagħhom għar-rikonoxximent għall-istess pajjiż terz u/jew għall-istess kategorija ta’ prodotti, ħlief meta r-rikonoxximent preċedenti jkun ġie irtirat f’konformità mal-punt (k) tal-paragrafu 2a;

(ii)

ir-rikjesta tagħhom għal estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-rikonoxximent ta’ pajjiż terz addizzjonali f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1698, ħlief meta r-rikonoxximent preċedenti jkun ġie irtirat f’konformità mal-punt (k) tal-paragrafu 2a ta’ dan l-Artikolu;

(iii)

ir-rikjesta tagħhom għal estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-rikonoxximent għal kategorija addizzjonali ta’ prodotti f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1698;

(m)

fil-każ tal-awtoritajiet ta’ kontroll, ikunu organizzazzjonijiet amministrattivi pubbliċi fil-pajjiż terz li għalih qed jitolbu rikonoxximent;

(n)

jissodisfaw ir-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fil-Kapitolu I tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1698; u

(o)

jissodisfaw kwalunkwe kriterju addizzjonali li jista’ jiġi stabbilit f’att delegat adottat skont il-paragrafu 7.

2a.   Il-Kummissjoni tista’ tirtira r-rikonoxximent ta’ awtorità ta’ kontroll jew korp ta’ kontroll għal pajjiż terz speċifiku u/jew kategorija speċifika ta’ prodotti jekk:

(a)

wieħed mill-kriterji ta’ rikonoxximent stabbiliti fil-paragrafu 2 ma jibqax issodisfat;

(b)

il-Kummissjoni ma tirċevix ir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1698 sal-iskadenza speċifikata f’dak l-Artikolu jew l-informazzjoni inkluża fir-rapport annwali ma tkunx kompluta, preċiża jew ma tikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament;

(c)

l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll ma jqegħdux għad-dispożizzjoni jew ma jikkomunikawx l-informazzjoni kollha dwar id-dossier tekniku msemmi fil-paragrafu 4, is-sistema ta’ kontroll applikata minnhom, jew il-lista aġġornata tal-operaturi jew tal-gruppi ta’ operaturi jew il-prodotti organiċi koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-rikonoxximent tagħhom;

(d)

l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll ma jinnotifikawx lill-Kummissjoni fi żmien 30 jum kalendarju bit-tibdil fid-dossier tekniku tagħhom imsemmi fil-paragrafu 4;

(e)

l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll ma jipprovdux l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru fl-iskadenzi stabbiliti, jew l-informazzjoni ma tkunx kompluta, preċiża jew ma tikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, fir-Regolament Delegat (UE) 2021/1698 u f’att ta’ implimentazzjoni li jeħtieġ jiġi adottat skont il-paragrafu 8, jew ma jikkooperawx mal-Kummissjoni, b’mod partikolari waqt l-investigazzjonijiet ta’ nonkonformità;

(f)

l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll ma jaqblux ma’ eżami jew awditu fuq il-post mibdijin mill-Kummissjoni;

(g)

ir-riżultat tal-eżami jew l-awditu fuq il-post jindika funzjonament ħażin sistematiku tal-miżuri ta’ kontroll jew l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll mhumiex kapaċi jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet kollha magħmula mill-Kummissjoni wara l-eżami jew l-awditu fuq il-post, fil-pjan ta’ azzjoni propost tagħhom ippreżentat lill-Kummissjoni;

(h)

l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll jonqsu milli jieħdu l-miżuri korrettivi xierqa b’reazzjoni għan-nonkonformitajiet u l-ksur osservati fi skadenza stabbilita mill-Kummissjoni skont is-severità tas-sitwazzjoni, li ma għandhiex tkun iqsar minn 30 jum kalendarju;

(i)

fil-każ li operatur ibiddel l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll tiegħu, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll ma jikkomunikawx l-elementi rilevanti tal-fajl ta’ kontroll tal-operatur, inkluż ir-rekords bil-miktub, lill-awtorità ta’ kontroll jew lill-korp ta’ kontroll il-ġodda, mhux aktar tard minn 30 jum kalendarju wara li jkunu rċevew it-talba għat-trasferiment mill-operatur jew mill-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll il-ġodda;

(j)

hemm riskju għall-konsumatur li jiġi żgwidat dwar in-natura vera tal-prodotti koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-rikonoxximent; jew

(k)

l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll ma ċċertifikaw l-ebda operatur għal 48 xahar konsekuttiv fil-pajjiż terz li għalih ikunu rikonoxxuti.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1.