3.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 289/335


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1229

tad-29 ta’ Novembru 2019

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar standards operazzjonali għal repożitorju tat-titolizzazzjoni għall-ġbir, l-aggregazzjoni, it-tqabbil, l-aċċess u l-verifika tal-kompletezza u l-konsistenza tad-data

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 10(7) u l-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 17(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402 jenħtieġ li jkunu jistgħu jissodisfaw ir-responsabbiltajiet, il-mandati u l-obbligi rispettivi tagħhom. L-informazzjoni pprovduta lil dawn l-entitajiet minn repożitorji tat-titolizzazzjoni jenħtieġ li għalhekk tkun ta’ kwalità għolja u jenħtieġ li tippermetti l-aggregazzjoni u t-tqabbil minn repożitorji ta’ titolizzazzjoni differenti b’mod li jkun f’waqtu, komprensiv u strutturat. Għaldaqstant, ir-repożitorji tat-titolizzazzjoni jenħtieġ li jivvalutaw jekk dik l-informazzjoni hijiex kompluta u konsistenti qabel ma jagħmluha disponibbli għal dawk l-entitajiet u jenħtieġ li jipprovdu lil dawk l-entitajiet b’rapport ta’ tmiem il-jum u b’punteġġ dwar il-kompletezza tad-data ġenerali.

(2)

Jenħtieġ li l-proċeduri, sabiex jiġi vverifikat jekk l-informazzjoni rrappurtata fir-repożitorji tat-titolizzazzjoni mill-oriġinaturi, mill-isponsers jew mill-SSPEs, hijiex kompluta u konsistenti, jieħdu inkonsiderazzjoni l-varjetà ta’ tipi, ta’ karatteristiċi u ta’ prattiki marbutin mat-titolizzazzjoni. Għalhekk huwa xieraq li jiġu previsti proċeduri ta’ verifika li jinkludu t-tqabbil tal-informazzjoni rrappurtata fir-rigward ta’ titolizzazzjonijiet simili, bħal titolizzazzjonijiet li jkollhom l-istess oriġinatur jew wieħed relatat, it-tip ta’ skopertura sottostanti, il-karatteristika strutturali jew il-ġeografija.

(3)

Sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-informazzjoni rrappurtata, il-proċeduri ta’ verifika jenħtieġ li japplikaw ukoll għall-kompletezza u l-konsistenza tad-dokumentazzjoni li tappoġġa din l-informazzjoni. Madankollu, minħabba d-diffikultà relattiva biex jiġu vverifikati l-kompletezza u l-konsistenza ta’ din id-dokumentazzjoni, ir-repożitorji tat-titolizzazzjoni jenħtieġ li jitolbu lill-entitajiet relaturi biex jikkonfermaw bil-miktub li d-dokumentazzjoni ta’ titolizzazzjoni sottostanti, li titpoġġa għad-dispożizzjoni minnhom, tkun kompluta u konsistenti. L-aġġornamenti materjali tad-dokumentazzjoni li diġà ġiet irrappurtata jenħtieġ li jitqiesu bħala dokument ta’ titolizzazzjoni ġdid li jirrikjedi talba għal konferma bil-miktub.

(4)

Sabiex l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402 ikunu jistgħu jissodisfaw ir-responsabbiltajiet, il-mandati u l-obbligi rispettivi tagħhom, id-dettalji tat-titolizzazzjonijiet li għalihom dawn l-entitajiet irid ikollhom aċċess dirett u immedjat jenħtieġ li jkunu jistgħu jitqabblu bejn ir-repożitorji tat-titolizzazzjoni b’mod armonizzat u konsistenti. Dawn id-dettalji jenħtieġ li għalhekk jiġu pprovduti fil-format Extensible Markup Language (XML) peress li dan il-format jintuża b’mod mifrux fl-industrija finanzjarja.

(5)

Jenħtieġ li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità għal kull tip ta’ data skambjata bejn ir-repożitorji tat-titolizzazzjoni u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402. Għaldaqstant, jenħtieġ li dawn l-iskambji jitwettqu permezz ta’ konnessjoni sigura bejn magna u oħra billi jintużaw protokolli ta’ kriptaġġ tad-data. Sabiex jiġu żgurati standards komuni minimi, jenħtieġ li jintuża l-Protokoll tat-Trasferiment tal-Fajls SSH.

(6)

Id-data li tikkonċerna l-aħħar skoperturi tat-titolizzazzjoni sottostanti, ir-rapporti għall-investituri, l-informazzjoni privileġġata u l-informazzjoni dwar avvenimenti sinifikanti, kif ukoll indikaturi tal-kwalità u tal-puntwalità ta’ din id-data, huma essenzjali għall-monitoraġġ kontinwu tal-pożizzjonijiet ta’ investiment tat-titolizzazzjoni u tal-investimenti potenzjali, kif ukoll għall-istabbiltà finanzjarja u għar-riskju sistemiku. L-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402 jenħtieġ li għalhekk ikollhom aċċess għal din id-data fuq bażi ad hoc jew fuq bażi perjodika predefinita proporzjonata skont il-ħtiġijiet li jkollhom biex jirċevuha.

(7)

It-titolizzazzjonijiet huma kumplessi u eteroġenji u l-utenti li jaċċessaw l-informazzjoni minn repożitorji ta’ titolizzazzjoni huma differenti. Għalhekk huwa essenzjali li jiġi ffaċilitat l-aċċess dirett u immedjat għal settijiet ta’ data u informazzjoni speċifiċi. Dan l-aċċess jenħtieġ li jinkludi aċċess f’format li jinqara mill-magni fejn l-informazzjoni tkun relatata ma’ data u mal-informazzjoni attwali u storika kollha dwar titolizzazzjoni maħżuna f’repożitorju. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jinħoloq qafas għal talbiet ad hoc li jistgħu jiġu kkombinati sabiex tinkiseb informazzjoni speċifika. L-iskadenzi li fihom ir-repożitorji ta’ titolizzazzjoni jenħtieġ li jipprovdu d-data lill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402 jenħtieġ li jiġu armonizzati, sabiex jiġi ffaċilitat l-ipproċessar effiċjenti tad-data minn dawn l-entitajiet u mir-repożitorji tat-titolizzazzjoni. Fl-istess ħin, jenħtieġ li jiġi żgurat li d-data tinkiseb sal-iskadenzi li jippermettu t-twettiq effettiv tar-responsabbiltajiet tal-entitajiet rikjedenti.

(8)

L-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402 jiddependu fuq id-data miżmuma fir-repożitorji tat-titolizzazzjoni, inkluż għat-tqabbil ta’ titolizzazzjonijiet attwali ma’ titolizzazzjonijiet imgħoddija. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi speċifikat li r-repożitorji jenħtieġ li jżommu rekords ta’ titolizzazzjoni għal 10 snin wara t-tmiem tat-titolizzazzjoni, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2017/2402 u l-Artikolu 80(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(9)

Id-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament huma marbutin mill-qrib, peress li jittrattaw standards u proċeduri relatati mal-ġbir u l-ipproċessar ta’ informazzjoni miżmuma minn repożitorji tat-titolizzazzjonijiet u mal-aċċess għal din l-informazzjoni. Huwa għalhekk xieraq li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu inklużi f’Regolament wieħed.

(10)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA).

(11)

L-ESMA wettqet konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“entità relatriċi” tfisser l-entità maħtura skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2017/2402;

(b)

“data ta’skadenza tad-dat a” tfisser id-data ta’ referenza tal-informazzjoni rrappurtata f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kunmmissjoni (UE) 2020/1224 (4).

Artikolu 2

Rapport ta’ tmiem il-jum

1.   Ir-repożitorji ta’ titolizzazzjoni għandhom ta’ kuljum iħejju rapport wieħed aggregat ta’ tmiem il-jum għat-titolizzazzjonijiet kollha li jiġu rrappurtati lilhom, bl-esklużjoni ta’ kull titolizzazzjoni rrappurtata li tkun ġiet miċħuda skont l-Artikolu 4(6). Dan ir-rapport għandu jkun ibbażat fuq l-aktar informazzjoni reċenti rrappurtata, għandu jeskludi kwalunkwe titolizzazzjoni rrappurtata li tkun ġiet miċħuda skont l-Artikolu 4(6) u għandu jinkludi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identifikatur uniku assenjat skont l-Artikolu XI tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1224.

(b)

il-kodiċijiet ISIN tas-segmenti, l-bonds jew is-self subordinat tat-titolizzazzjoni, fejn disponibbli;

(c)

it-total tal-bilanċi tal-kapital kurrenti tas-segmenti kollha, tal-bonds jew tas-self subordinat tat-titolizzazzjoni, f’EUR, bl-użu tar-rati tal-kambju ppubblikati fis-sit web tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-jum tax-xogħol preċedenti;

(d)

l-isem tat-titolizzazzjoni;

(e)

jekk it-titolizzazzjoni hijiex titolizzazzjoni ABCP jew mhux ABCP;

(f)

jekk it-tip ta’ struttura tat-titolizzazzjoni hijiex tat-tip “M” għal Master Trust kif irraputat fit-taqsima SESS9 tal-Anness XIV tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1224 jew hijiex tat-tip “S” għat-titolizzazzjonijiet l-oħra kollha;

(g)

jekk il-metodu ta’ trasferiment tar-riskju ta’ titolizzazzjoni huwiex “T” għal bejgħ reali kif irrappurtat fit-taqsima IVSS11 tal-Anness XII tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1224 jew “S” għal titolizzazzjoni sintetika kif irrappurtat fit-taqsima tas-SESV11 tal-Anness XIV ta’ dak ir-Regolament, jew “ABCP” għat-titolizzazzjonijiet ABCP;

(h)

l-isem u l-identifikaturi tal-entità ġuridika (“LEI”, legal entity identifiers) tal-oriġinatur, tal-isponser u tal-SSPE;

(i)

id-data tal-pagament tal-imgħax l-aktar reċenti fil-format tad-data skont l-ISO 8601;

(j)

il-kronogramma, fil-format tad-data u tal-ħin (UCT) skont l-ISO 8601, sal-eqreb sekonda, tal-aktar sottomissjoni tad-data reċenti li tkun waslet fir-repożitorju tat-titolizzazzjoni, jew, fejn hemm diversi sottomissjonijiet tad-data li jkunu referenzjati mal-istess data ta’ skadenza tad-data, il-kronogrammi, fil-format tad-data u tal-ħin (UCT) skont l-ISO 8601, tal-aktar sottomissjonijiet riċenti tad-data u dawk tal-bidu nett li jkollhom l-istess data ta’ skadenza tad-data;

(k)

id-data ta’ skadenza tad-data, fil-format tad-data skont l-ISO 8601, tal-aħħar sottomissjoni tad-data li tasal għand ir-repożitorju tat-titolizzazzjoni;

(l)

l-għadd ta’ sottomissjonijiet ta’ data li jaslu mir-repożitorju ta’ titolizzazzjoni li jkunu referenzjati bl-istess data ta’ skadenza tad-data stipulata fil-punt (k);

(m)

il-punteġġ dwar il-kompletezza tad-data msemmi fl-Artikolu 3 tas-sottomissjoni tad-data l-aktar riċenti li tasal fir-repożitorju ta’ titolizzazzjoni;

(n)

għat-titolizzazzjonijiet mhux ABCP, il-pajjiż ta’ stabbiliment tal-oriġinatur jew tal-mutwant oriġinali;

(o)

għat-titolizzazzjonijiet ABCP, il-pajjiż ta’ stabbiliment tal-isponser;

(p)

il-pajjiż fejn jinsabu l-biċċa l-kbira tal-iskoperturi sottostanti, f’termini ta’ bilanċ tal-kapital kurrenti tal-iskoperturi sottostanti;

(q)

it-tip l-aktar prevalenti ta’ skoperturi sottostanti fit-titolizzazzjoni, f’termini ta’ bilanċ tal-kapital kurrenti.

(r)

Għall-finijiet tal-punt (n), fejn l-iskoperturi sottostanti tat-titolizzazzjoni huma kombinament ta’ skoperturi minn oriġinaturi multipli jew mutwanti oriġinali, il-pajjiż ta’ stabbiliment tal-oriġinatur jew tal-mutwant oriġinali għandu jkun il-pajjiż tal-oriġinatur jew tal-mutwant oriġinali li għandu l-akbar ammont ta’ skoperturi f’termini ta’ bilanċ tal-kapital kurrenti fit-titolizzazzjoni.

2.   Ir-repożitorji tat-titolizzazzjoni għandhom jagħmlu r-rapport ta’ tmiem il-jum disponibbli fil-format XML.

3.   Il-kronogrammi msemmija f’dan l-Artikolu ma għandhomx ikunu differenti b’aktar minn sekonda mill-UTC maħruġ u miżmum minn wieħed miċ-ċentri għaż-żamma tal-ħin elenkati fl-aħħar Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet tal-Ħin tal-Bureau International des Poids et Mesures (BIPM).

Artikolu 3

Punteġġ dwar il-kompletezza tad- data

4.   Ir-repożitorji tat-titolizzazzjoni għandhom jikkalkulaw il-punteġġ dwar il-kompletezza tad-data għal kull sottomissjoni tad-data billi jużaw il-matriċi tal-punteġġ stabbilita fit-Tabella 1 tal-Anness u l-inputs li ġejjin:

Image 1

Image 2

Fejn:

Image 3
jindika l-għadd totali ta’ taqsimiet fis-sottomissjoni tad-data li jkollha l-valuri rispettivi tal-“Opzjoni tal-Ebda Dat a ” li huma rrappurtati skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1224.

N jindika l-għadd totali ta’ taqsimiet fis-sottomissjoni tad-data fejn kwalunkwe valur rispettiv tal-“Opzjoni tal-Ebda Dat a ” (minn ND1 sa ND4) ikun jista’ jiġi rrappurtat skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1224.

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-punteġġ dwar il-kompletezza tad-data, it-taqsimiet mimlija permezz tal-format “ND4-SSSS-XX-JJ” għandhom jinftiehmu bħala “ND4”.

Artikolu 4

Verifika tal-kompletezza u l-konsistenza tal-informazzjoni

1.   Ir-repożitorji tat-titolizzazzjoni għandhom jivverifikaw il-kompletezza u l-konsistenza tal-informazzjoni rrapportata lilhom billi jivverifikaw dan li ġej:

(a)

L-isem tal-entità relatriċi, kif irrappurtat fit-taqsima IVSS4 tal-Anness XII jew fit-taqsima IVAS3 tal-Anness XIII tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1224.

(b)

jekk il-kodiċi tal-entrata ta’ sottomissjoni kif rappurtat fit-Tabella 3 tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1224 huwiex korrett.

2.   Fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (e), (f) u (g) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402, ir-repożitorji tat-titolizzazzjoni għandhom jivverifikaw ukoll il-kompletezza u l-konsistenza tal-informazzjoni billi:

(a)

jivverifikaw jekk l-informazzjoni rrappurtata hijiex konformi mal-istruttura u l-format tal-mudelli stabbiliti fl-Annessi minn II sa XV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1225 (5);

(b)

jqabblu l-informazzjoni rrappurtata:

(i)

f’taqsimiet differenti għall-istess data ta’ skadenza tad-data u għall-istess skopertura sottostanti, ir-rapport għall-investituri, l-informazzjoni privileġġata jew entrata ta’ informazzjoni dwar avvenimenti sinifikanti;

(ii)

bejn skoperturi sottostanti differenti, ir-rapport għall-investituri, l-informazzjoni privileġġata jew l-entrati ta’ informazzjoni dwar avvenimenti sinifikanti għall-istess taqsima u l-istess data ta’ skadenza tad-data;

(iii)

bejn skoperturi sottostanti differenti, ir-rapport għall-investituri, l-informazzjoni privileġġata jew l-informazzjoni dwar avvenimenti sinifikanti għall-istess taqsima u l-istess data ta’ skadenza tad-data;

(iv)

bejn titolizzazzjonijiet simili;

(c)

jivverifikaw jekk id-data ta’ skadenza tad-data tal-informazzjoni rrappurtata u l-kronogramma tas-sottomissjoni humiex konformi mal-Artikolu 10 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1224 jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-oriġinatur, mill-isponser u mill-SSPE].

(d)

filwaqt li jiġi vverifikat li l-“Opzjoni tal-Ebda Dat a” stabbilita fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1224, jintużaw biss fejn ikun permess u ma jimpedux li s-sottomissjoni tad-data ma tkunx tirrappreżenta biżżejjed l-iskoperturi sottostanti fit-titolizzazzjoni.

Għal titolizzazzjonijiet ABCP, ir-referenzi f’dan il-paragrafu għal skoperturi sottostanti għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal tipi ta’ skoperturi sottostanti.

3.   Ir-repożitorji tat-titolizzazzjoni għandhom jivverifikaw il-kompletezza u l-konsistenza tad-dokumentazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom skont il-punt (b) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402 billi jitolbu mingħand l-entitajiet relaturi konferma bil-miktub ta’ dawn li ġejjin:

(a)

li l-entrati kollha msemmija fit-Tabella 3 tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1224 u li jridu jkunu disponibbli skont il-punt (b) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402, ikunu ġew ipprovduti lir-repożitorju tat-titolizzazzjoni;

(b)

li d-dokumentazzjoni hija konsistenti mal-arranġamenti u l-karatteristiċi reali tat-titolizzazzjoni.

4.   Il-konferma bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 3 għandha tintalab fil-perjodi ta’ żmien li ġejjin:

(a)

fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol mill-ewwel ħruġ ta’ titoli taħt it-titolizzazzjoni jew, għal titolizzazzjonijiet ABCP, fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mill-ewwel ħruġ ta’ titoli taħt il-programm ABCP;

(b)

kull tnax-il xahar mid-dati tat-talbiet imsemmija fil-punt (a);

(c)

fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta jsir disponibbli dokument ġdid skont il-punt (b) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402.

Repożitorju tat-titolizzazzjoni li ma jkunx irċieva konferma bil-miktub fi żmien 14-il jum mid-data ta’ kwalunkwe talba msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jitlob lill-entità relatriċi biex tipprovdilu l-konferma bil-miktub fi żmien 14-il jum.

5.   Ir-repożitorji tat-titolizzazzjoni għandhom jivverifikaw jekk in-notifika STS imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402, li saret disponibbli għal dak ir-repożitorju tat-titolizzazzjoni, tikkonformax mal-istruttura u l-format tal-mudelli stabbiliti fl-Annessi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1227 (6).

6.   Repożitorju ta’ titolizzazzjoni għandu jirrifjuta s-sottomissjoni ta’ informazzjoni li ma tkunx kompluta jew li tkun inkonsistenti skont il-paragrafi 1, 2 u 5, ħlief għas-sottopunti (iii) u (iv) tal-punt (b) tal-paragrafu 2. Ir-repożitorju tat-titolizzazzjoni għandu jassenja sottomissjonijiet miċħuda skont dan il-paragrafu lil waħda mill-kategoriji għaċ-ċaħdiet stabbiliti fit-Tabella 2 tal-Anness.

7.   Ir-repożitorju ta’t-titolizzazzjoni għandu jinnotifika lill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402 mingħajr dewmien żejjed b’dan li ġej:

(a)

li l-informazzjoni sottomessa mhijiex kompluta jew hija inkonsistenti skont is-sottopunti (iii) u (iv) tal-punt (b) tal-paragrafu 2;

(b)

li r-repożitorju tat-titolizzazzjoni ma jkunx irċieva l-konferma bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 3.

8.   Fi żmien siegħa minn meta tasal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2017/2402, ir-repożitorji tat-titolizzazzjoni għandhom jipprovdu lill-entitajiet relaturi b’rispons dettaljat dwar ir-riżultati tal-verifiki mwettqa skont il-paragrafi 1, 2, 3 u 5, inkluża kwalunkwe kategorija għaċ-ċaħdiet assenjata skont il-paragrafu 6. Il-feedback għandu jinkludi, mill-inqas dawn li ġejjin::

(a)

l-identifikatur uniku tat-titolizzazzjoni assenjat skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1224.

(b)

il-kodiċi(jiet) tal-entrata/i msemmija fit-Tabella 3 tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1224 jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-oriġinatur, mill-isponser u mill-SSPE].

(c)

il-kronogramma tas-sottomissjoni, fil-format tad-data u tal-ħin (UCT) skont l-ISO 8601, sal-eqreb sekonda, tal-informazzjoni rrappurtata.

9.   Kull nhar ta’ Tnejn, sas-19.00.00 UTC, ir-repożitorji tat-titolizzazzjoni għandhom jipproduċu rapport dwar l-informazzjoni kollha li tkun ġiet irrifjutata minnhom sas-19.00.00 UTC tat-Tnejn ta’ qabel. Ir-rapport għandu jinkludi mill-inqas il-punti li ġejjin:

(a)

l-identifikatur uniku tat-titolizzazzjoni assenjata skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1224 jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-oriġinatur, mill-isponser u mill-SSPE].

(b)

l-isem tat-titolizzazzjoni;

(c)

il-kodiċijiet ISIN tas-segmenti jew il-bonds jew is-self subordinat tat-titolizzazzjoni, meta disponibbli;

(d)

l-isem u l-“LEI” tal-oriġinatur, tal-isponser u tal-SSPE;

(e)

il-kronogramma, fil-format tad-data u tal-ħin (UCT) skont l-ISO 8601, sal-eqreb sekonda, tal-informazzjoni rrappurtata.

(f)

il-kodiċi tal-entrata ta’ sottomissjoni msemmi fit-Tabella 3 tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1224 jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-oriġinatur, mill-isponser u mill-SSPE].

(g)

il-kategoriji għaċ-ċaħdiet imsemmija fit-Tabella 2 tal-Anness ta’ dan ir-Regolament u ċ-ċirkostanzi speċifiċi biex tiġi assenjata din il-kategoriji għaċ-ċaħdiet

(h)

kwalunkwe spjegazzjoni pprovduta mill-entità relatriċi qabel il-17.00.00 UTC tat-Tnejn fid-data ta’ meta jiġi ppubblikat ir-rapport dwar għaliex l-informazzjoni rrapportata ma kinitx kompluta jew kienet inkonsistenti, jew dwar għaliex il-konferma bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 3 ma tkunx ġiet ipprovduta.

Artikolu 5

Dettalji dwar l-informazzjoni li għandu jingħata aċċess għaliha

Id-dettalji tal-informazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) 2017/2402 huma dawn li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni kollha li tasal għand ir-repożitorju tat-titolizzazzjoni minn entitajiet relaturi f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/2402;

(b)

ir-rapport ta’ tmiem il-jum imsemmi fl-Artikolu 2, il-punteġġ dwar il-kompletezza tad-data msemmi fl-Artikolu 3 u kwalunkwe informazzjoni li tirriżulta mill-verifiki mwettqa skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament;

(c)

il-formuli u l-metodi ta’ kalkolu u ta’ aggregazzjoni kollha użati biex tiġi prodotta l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b).

Artikolu 6

Termini u kundizzjonijiet biex jingħata aċċess għad-dettalji tal-informazzjoni

1.   L-aċċess għall-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 5 għandu jingħata fuq talba. It-talba għal aċċess għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem tal-entità li tagħmel it-talba;

(b)

il-persuna ta’ kuntatt fl-entità li tagħmel it-talba;

(c)

it-tip ta’ entità li tagħmel it-talba għall-aċċess kif imsemmi fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402;

(d)

l-ismijiet tal-persuni fl-entità li tagħmel it-talba li se jkollhom aċċess għall-informazzjoni mitluba;

(e)

il-kredenzjali għal konnessjoni sigura bil-Protokoll tat-Trasferiment tal-Fajls SSH kif stipulat mill-Artikolu 7(2);

(f)

jekk it-talba hijiex ad hoc jew hijiex talba perjodika predefinita;

(g)

l-identifikazzjoni tal-informazzjoni mitluba bbażata fuq kwalunkwe kombinazzjoni tal-kriterji fil-paragrafu 4;

(h)

kwalunkwe informazzjoni teknika oħra relevanti għall-aċċess tal-entità li tagħmel it-talba.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, ir-repożitorji tat-titolizzazzjoni għandhom:

(a)

jinnominaw persuna jew persuni responsabbli biex jikkollaboraw mal-entitajiet elenkati fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402;

(b)

jippubblikaw fuq is-sit web tagħhom it-termini u l-kundizzjonijiet għall-aċċess tal-informazzjoni u l-istruzzjonijiet għas-sottomissjoni ta’ talba għall-aċċess għal dik l-informazzjoni;

(c)

jipprovdu aċċess biss għall-informazzjoni speċifikata fit-talba għall-aċċess;

(d)

malajr kemm jista" jkun, iżda mhux aktar tard minn 30 jum wara talba biex jiġi stabbilit aċċess għal dik l-informazzjoni, jistabbilixxu l-arranġamenti tekniċi meħtieġa biex l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402 ikunu jistgħu jissottomettu talbiet għall-aċċess ta’ dik l-informazzjoni.

3.   L-aċċess għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 għandu jingħata f’dawn il-ħinijiet:

(a)

fil-każ ta’ talba ad hoc jew talba perjodika predefinita għal rapport ta’ tmiem il-jum kif msemmi fl-Artikolu 2, sa mhux aktar tard mis-19.00.00 UTC tal-jum li għandu x’jaqsam miegħu r-rapport;

(b)

mhux aktar tard minn 12.00.00 UTC fl-ewwel jum wara d-data li tasal it-talba għall-aċċess, fejn l-informazzjoni tkun tirrigwarda titolizzazzjoni li għadha ma ġietx ipprezzata jew li tkun għadha ma mmaturatx jew li tkun mmaturat f’anqas minn sena qabel id-data li fiha tkun ġiet sottomessa t-talba;

(c)

mhux aktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol wara l-jum li fih tkun waslet it-talba għall-aċċess meta l-informazzjoni tikkonċerna titolizzazzjoni li tkun immaturat aktar minn sena qabel id-data li fiha tkun ġiet ippreżentata t-talba;

(d)

mhux aktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol wara l-jum li fih tkun waslet it-talba għall-aċċess meta l-informazzjoni tirrigwarda diversi titolizzazzjonijiet li jaqgħu kemm taħt il-punt (a) u kemm taħt il-punt (b).

4.   Ir-repożitorji tat-titolizzazzjoni għandhom jagħtu lill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402 aċċess għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5, abbażi ta’ kwalunkwe kombinazzjoni ta’ dawn il-kriterji:

(a)

it-tip ta’ titolizzazzjoni: mhux ABCP jew ABCP;

(b)

it-tip ta’ struttura tat-titolizzazzjoni: jew it-tip “M” għal Master Trust kif irraputat fit-taqsima SESS9 tal-Anness XIV tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1224 jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-oriġinatur, mill-isponser u mill-SSPE] jew it-tip “S” għat-titolizzazzjonijiet l-oħra kollha;

(c)

metodu ta’ trasferiment tar-riskju ta’ titolizzazzjoni: jew it-tip “Y” għall-bejgħ reali kif irrappurtat fit-taqsima IVSS11 tal-Anness XII tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1224 jew it-tip “Y” għal titolizzazzjoni sintetika kif irrappurtat fit-taqsima tas-SESV11 tal-Anness XIV ta’ dak ir-Regolament, jew “ABCP” għat-titolizzazzjonijiet ABCP;

(d)

il-kodiċi tal-entrata ta’ titolizzazzjoni;

(e)

it-tipi ta’ skoperturi sottostanti għat-titolizzazzjoni

(f)

it-taqsima dwar l-iskoperturi sottostanti għat-titolizzazzjoni;

(g)

it-taqsima dwar il-mudell tar-rapport tal-investitur tat-titolizzazzjoni;

(h)

it-taqsima dwar mudell għall-informazzjoni privileġġata dwar titolizzazzjoni jew għall-informazzjoni dwar avvenimenti sinifikanti;

(i)

identifikatur:

(i)

identifikatur uniku;

(ii)

identifikatur tat-tranżazzjoni;

(iii)

numru Internazzjonali għall-Identifikazzjoni tat-Titoli;

(iv)

identifikatur ġdid jew oriġinali tas-segment/tal-bond;

(v)

identifikatur ġdid jew oriġinali tal-iskopertura sottostanti;

(vi)

identifikatur ġdid jew oriġinali tad-debitur;

(vii)

identifikatur tal-entità ġuridika tal-oriġinatur;

(viii)

identifikatur tal-entità ġuridika tal-isponser;

(ix)

identifikatur tal-Entità Ġuridika tal-SSPE;

(x)

identifikatur tal-entità ġuridika tal-mutwant oriġinali;

(xi)

identifikatur tal-entità ġuridika tal-maniġer tas-CLO;

(j)

ġeografija:

(i)

ir-reġjun ġeografiku;

(ii)

il-liġi applikabli;

(k)

id-data u l-ħin:

(i)

il-kronogramma ta’ sottomissjoni;

(ii)

id-data ta’ skadenza tad-data;

(iii)

id-data tal-ħruġ tas-segment/tal-bond;

(iv)

il-maturità legali tas-segment/tal-bond;

(v)

id-data tal-oriġinazzjoni tal-iskopertura sottostanti;

(vi)

id-data tal-maturità tal-iskopertura sottostanti;

(l)

il-munita;

(i)

il-munita tas-segment/tal-bond;

(ii)

id-denominazzjoni tal-munita tal-iskopertura sottostanti.

5.   Ir-repożitorji tat-titolizzazzjoni għandhom jagħmlu l-informazzjoni li ġejja disponibbli fil-format XML:

(a)

l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) u l-punti minn (d) sa (g) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402;

(b)

l-informazzjoni li tiġi minn repożitorji tat-titolizzazzjoni skont l-Artikoli 2 u 4 ta’ dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni ta’ konfermi li jaslu bil-miktub skont l-Artikolu 4(3).

Artikolu 7

Standards għall-ġbir u għall-aċċess tad- data

1.   Ir-repożitorji tat-titolizzazzjoni għandhom jużaw protokolli li jħaddnu l-firem elettroniċi u l-kriptaġġ tad-data biex jirċievu data minn entitajiet relaturi jew minn repożitorji tat-titolizzazzjoni oħrajn, u biex jittrasferixxu data lill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, ir-repożitorji tat-titolizzazzjoni għandhom jistabbilixxu u jżommu interfaċċja sigura minn magna għall-oħra u jagħmlu din l-interfaċċa disponibbli għall-entitajiet relaturi u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402. Din l-interfaċċja għandha tagħmel użu mill-Protokoll tat-Trasferiment tal-Fajls SSH.

3.   Ir-repożitorji tat-titolizzazzjoni għandhom jużaw messaġġi XML standardizzati biex jikkomunikaw permezz tal-interfaċċja msemmija fil-paragrafu 2 u jagħmlu l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 6(5) ta’ dan ir-Regolament disponibbli għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402.

Artikolu 8

Żamma tar-rekords

1.   Ir-repożitorji tat-titolizzazzjoni għandhom jirreġistraw dan li ġej:

(a)

il-verifiki skont dan ir-Regolament, u kull validazzjoni oħra mwettqa mir-repożitorju tat-titolizzazzjoni;

(b)

l-konfermi bil-miktub li jirċievi r-repożitorju tat-titolizzazzjoni msemmi fl-Artikolu 4(3);

(c)

ir-riżultati pprovduti mir-repożitorju tat-titolizzazzjoni lill-entità relatriċi skont l-Artikolu 4(6);

(d)

kwalunkwe spjegazzjoni pprovduta mill-entità relatriċi dwar l-għaliex l-informazzjoni sottomessa mhix kompluta jew hija inkonsistenti, jew dwar l-għaliex ma hemm l-ebda konferma bil-miktub kif imsemmi fl-Artikolu 4(7);

(e)

f’reġistru ta’ rappurtar, id-dettalji ta’ kull korrezzjoni jew kanċellazzjoni sottomessa mill-entità relatriċi;

(f)

kwalunkwe informazzjoni oħra prodotta jew sottomessa skont dan ir-Regolament.

2.   Kull rekord għandu jinżamm għal 10 snin wara t-tmiem tat-titolizzazzjoni li r-rekord ikun marbut magħha.

3.   Ir-reġistru tar-rapportar imsemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 1 għandu jinkludi l-identifikatur uniku tat-titolizzazzjoni, il-kodiċi tal-entrata, il-kronogramma tas-sottomissjoni affettwata, il-kronogramma tal-bidliet u deskrizzjoni ċara tal-bidliet fl-informazzjoni sottomessa, inkluż il-kontenut preċedenti u dak ġdid tal-informazzjoni.

Artikolu 9

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1224 tad-16 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni u d-dettalji tat-titolizzazzjoni li jridu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-oriġinatur, mill-isponser u mill-SSPE (Ara l-paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1225 tad-29 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-format u l-mudelli standardizzati biex l-informazzjoni u d-dettalji tat-titolizzazzjoni jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-oriġinatur, mill-isponser u mill-SSPE (Ara l-paġna 217 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1227 tat-12 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ mudelli għall-għoti ta’ informazzjoni skont ir-rekwiżiti tan-notifika STS (Ara l-paġna 315 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

Matriċi ta’ klassifikazzjoni dwar il-kompletezza tad-data u l-kategoriji miċħuda

Tabella 1

Matriċi ta’ klassifikazzjoni dwar il-kompletezza tad-data

 

 

 

 

 

Input 1: Perċentwal tal-kategoriji mdaħħla bħala “ND1”

 

 

Input 1 = 0 %

0 % < Input 1 ≤ 10 %

10 % < Input 1 ≤ 30 %

Input 1 > 30 %

Input 2: Perċentwal tal-kategoriji mdaħħla bħala “ND2”, “ND3”, jew “ND4-YYYY-MM-DD”

Input 2 = 0 %

A1

B1

C1

D1

0 % < Input 2 ≤ 20 %

A2

B2

C2

D2

20 % < Input 2 ≤ 40 %

A3

B3

C3

D3

Input 2 > 40 %

A4

B4

C4

D4


Tabella 2

Kategoriji miċħuda

Kategoriji miċħuda

Ir-raġuni

Skema

Is-sottomissjoni tal-informazzjoni ġiet miċħuda minħabba skema mhux konformi.

Permess

Is-sottomissjoni tal-informazzjoni ġiet miċħuda minħabba li l-entità relatriċi ma ngħatatx permess biex tirrapporta f’isem l-oriġinatur, l-isponser jew l-SSPE.

Loġika

Is-sottomissjoni tal-informazzjoni ġiet irrifjutata għax il-kodiċi tal-element ma jaqbilx mal-valuri disponibbli fit-Tabella 3 tal-Anness 1 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1224.

Negozju

Is-sottomissjoni tal-informazzjoni ġiet miċħuda minħabba li s-sottomissjoni tad-data ma tikkonformax ma’ validazzjoni waħda jew aktar tal-kontenut.

Rappreżentattività

Is-sottomissjoni ta’ informazzjoni ġiet miċħuda skont l-Artikolu 4(6).