European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2242

10.11.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2242

tas-7 ta’ Novembru 2025

li jawtorizza l-introduzzjoni fis-suq tal-estratt tad-tadam isfar bħala ikel ġdid u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li huwa biss ikel ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid li jista’ jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) stabbilixxa lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid.

(3)

Fit-30 ta’ April 2024, il-kumpanija Lycored Ltd (“l-applikant”) issottomettiet applikazzjoni għal awtorizzazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283 biex tintroduċi l-estratt tad-tadam isfar fis-suq tal-Unjoni bħala ikel ġdid. L-applikant talab li l-ikel ġdid jintuża fis-supplimenti tal-ikel kif definiti fid-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), għall-popolazzjoni adulta.

(4)

Fit-30 ta’ April 2024, l-applikant għamel ukoll talba lill-Kummissjoni għall-protezzjoni tad-data proprjetarja li ġejja: Assaġġ tal-Mutazzjoni Invertita (it-test AMES) (4) u Test tal-Mikronukleu fil-Limfoċiti tal-Bniedem in vitro (5).

(5)

Fit-13 ta’ Awwissu 2024, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) tipprovdi opinjoni xjentifika dwar l-estratt tad-tadam isfar bħala ikel ġdid.

(6)

Fl-24 ta’ Marzu 2025, l-Awtorità adottat l-opinjoni xjentifika tagħha “Safety of yellow tomato extract as a novel food pursuant to Regulation (UE) 2015/2283” (6) f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(7)

Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità kkonkludiet li l-estratt tat-tadam isfar huwa sikur fil-kundizzjonijiet tal-użu proposti.

(8)

Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità nnotat ukoll li l-konklużjoni tagħha dwar is-sikurezza tal-ikel ġdid kienet ibbażata fuq id-data proprjetarja: l-Assaġġ tal-Mutazzjoni Invertita (it-test AMES) u t-Test tal-Mikronukleu fil-Limfoċiti tal-Bniedem in vitro, li mingħajrhom ma setgħetx tivvaluta l-ikel ġdid u tasal għall-konklużjoni tagħha.

(9)

Il-Kummissjoni talbet lill-applikant jiċċara aktar il-ġustifikazzjoni li kien ipprovda fir-rigward tal-pretensjoni proprjetarja tiegħu fuq dik id-data u dawk l-istudji, u biex jiċċara l-pretensjoni tiegħu li jkollu dritt esklużiv ta’ referenza għalihom f’konformità mal-Artikolu 26(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(10)

L-applikant iddikjara li meta ressaq l-applikazzjoni, kellu d-drittijiet proprjetarji u esklużivi ta’ referenza għall-Assaġġ tal-Mutazzjoni Invertita (it-test AMES) u għat-Test tal-Mikronukleu fil-Limfoċiti tal-Bniedem in vitro, u li l-partijiet terzi ma jistgħux jaċċessaw, jużaw jew jirreferu legalment għal dik id-data.

(11)

Il-Kummissjoni vvalutat l-informazzjoni kollha pprovduta mill-applikant u tqis li dan kien wera biżżejjed li kien issodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283. Għalhekk, id-data dwar l-Assaġġ tal-Mutazzjoni Invertita (it-test AMES) u t-Test tal-Mikronukleu fil-Limfoċiti tal-Bniedem in vitro, jenħtieġ li tiġi protetta f’konformità mal-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-applikant biss ikun awtorizzat jintroduċi l-estratt tat-tadam isfar fis-suq tal-Unjoni matul perjodu ta’ 5 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(12)

Madankollu, tali restrizzjoni tal-awtorizzazzjoni u tar-referenza għad-data li tinsab fil-fajl tal-applikant għall-użu tiegħu biss ma twaqqafx lil applikanti sussegwenti milli japplikaw għal awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq tal-istess ikel ġdid, dment li l-applikazzjoni tagħhom tissejjes fuq informazzjoni miksuba legalment li tappoġġa t-tali awtorizzazzjoni.

(13)

Jixraq li l-inklużjoni tal-estratt tat-tadam isfar bħala ikel ġdid fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid ikun fiha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2015/2283. F’konformità mal-kundizzjonijiet tal-użu tas-supplimenti tal-ikel li fihom l-estratt tat-tadam isfar kif proposti mill-applikant, huwa neċessarju li l-konsumaturi jiġu infurmati permezz ta’ tikketta xierqa dwar l-użi tas-supplimenti tal-ikel li fihom l-estratt tat-tadam isfar.

(14)

Jenħtieġ li l-estratt tat-tadam isfar jiġi inkluż fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470. Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġi emendat kif xieraq.

(15)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-estratt tat-tadam isfar huwa awtorizzat biex jiġi introdott fis-suq tal-Unjoni. L-estratt tat-tadam isfar għandu jiġi inkluż fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470.

2.   L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Il-kumpanija Lycored Ltd (7) biss hija awtorizzata li tintroduċi fis-suq tal-Unjoni l-ikel ġdid imsemmi fl-Artikolu 1, għal perjodu ta’ 5 snin mit-30 ta’ Novembru 2025, sakemm ma jkunx hemm xi applikant sussegwenti li jikseb awtorizzazzjoni għal dak l-ikel il-ġdid mingħajr referenza għad-data xjentifika protetta skont l-Artikolu 3 jew bi qbil mal-kumpanija Lycored Ltd.

Artikolu 3

Id-data xjentifika li tinsab fil-fajl tal-applikazzjoni u li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283 ma għandhiex tintuża għall-benefiċċju ta’ applikant sussegwenti għal perjodu ta’ 5 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament mingħajr il-qbil tal-kumpanija Lycored Ltd.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/2283/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/2470/oj).

(3)  Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/46/oj).

(4)  L-Anness 4.5 tal-applikazzjoni.

(5)  L-Anness 4.6 tal-applikazzjoni.

(6)  EFSA Journal. 2025;23:e9373.

(7)  Indirizz: P.O Box 320, Beer Sheva 8410202, l-Iżrael.


ANNESS

L-Anness għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fit-Tabella 1 (Ikel ġdid awtorizzat), tiddaħħal l-entrata li ġejja:

Ikel Ġdid Awtorizzat

Kundizzjonijiet li fihom jista’ jintuża l-ikel ġdid

Rekwiżiti tat-tikkettar speċifiċi addizzjonali

Rekwiżiti oħra

Protezzjoni tad-data

“Estratt tat-tadam isfar

Kategorija tal-ikel speċifikat

Livelli massimi

1.

Id-deżinjazzjoni tal-ikel ġdid fuq it-tikketti tal-oġġetti tal-ikel li fihom minn dan l-ikel għandha tkun “estratt tat-tadam isfar”.

2.

It-tikketti tas-supplimenti tal-ikel li fihom l-estratt tat-tadam isfar għandu jkollhom dikjarazzjoni li dawk is-supplimenti tal-ikel għandhom jiġu kkunsmati mill-adulti biss.

 

Awtorizzat fit-30 ta’ Novembru 2025. Din l-inklużjoni hija bbażata fuq evidenza u data xjentifiċi proprjetarji protetti f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

Applikant: Lycored Ltd, P.O Box 320, Beer Sheva 8410202, l-Iżrael.

Matul il-perjodu tal-protezzjoni tad-data, l-ikel ġdid l-estratt tat-tadam isfar huwa awtorizzat għall-introduzzjoni fis-suq tal-Unjoni biss minn Lycored Ltd., sakemm applikant sussegwenti ma jiksibx l-awtorizzazzjoni għall-ikel ġdid mingħajr referenza għall-evidenza jew għad-data xjentifiċi propretarji protetti f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2015/2283 jew bil-qbil ta’ Lycored Ltd.

Id-data ta’ tmiem il-protezzjoni tad-data: it-30 ta’ Novembru 2030”

Supplimenti tal-ikel kif iddefiniti fid-Direttiva 2002/46/KE għall-popolazzjoni adulta

100 mg/jum

(2)

fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet), tiddaħħal l-entrata li ġejja:

L-Ikel il-Ġdid Awtorizzat

Speċifikazzjonijiet

“Estratt tat-tadam isfar

Deskrizzjoni/Definizzjoni:

L-ikel ġdid huwa estratt rikk fil-karotenojdi derivat mill-polpa tat-tadam isfar misjur (Lycopersicon esculentum Mill.) bl-użu tal-estrazzjoni bis-CO2 superkritiku

Karatteristiċi/kompożizzjoni:

Dehra: Likwidu viskuż, kannella skur

Indewwa: < 0,5 %

Proteini: 0,2 %–0,6  %

Lipidi totali: > 95 %

Xaħam saturat: 12 %–25 %

Xaħam monoinsaturat: 17 %–30 %

Xaħam poliinsaturat: 50 %–65 %

Aċidi xaħmin trans: ≤ 2 %

Materjal insaponifikabbli: < 20 %

Valur tal-aċidità: < 5 mg KOH/g (*)

Valur tal-perossidu: ≤ 15 meqO2/kg (**)

Karotenojdi:

Karotenojdi totali: 10 – 13 g/100 g

Fitoen + fitofluwen (inklużi l-isomeri cis- u all-trans): 7-10 g/100 g

Beta-karoten: 0,1-0,5 g/100 g

Żeta-karoten: 2-4 g/100 g

Likopen: 0,1-0,4 g/100 g

Metalli tqal

Ċomb: ≤ 1 mg/kg

Kadmju: ≤ 1 mg/kg

Merkurju: ≤ 0,1 mg/kg

Arseniku: ≤ 1 mg/kg

Kriterji mikrobijoloġiċi:

Għadd totali ta’ kolonji aerobiċi: ≤ 1 000 CFU/g

E. coli: Mhux individwat f’10 g

Salmonella: Mhux individwat f’25 g

Staphylococcus aureus: Mhux individwat f’10 g

Ħmira/mofof: ≤ 100 UJK/g

(*)

Il-valur tal-aċidità bbażat fuq l-aċidi xaħmin kollha.

(**)

Abbażi tal-linji gwida tal-Codex Alimentarius għall-valur tal-perossidu fiż-żejt ikkonċentrat https://www.fao.org/3/y2774e/y2774e04.htm

Taqsira: CFU, unitajiet li jifformaw kolonji”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2242/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)