4.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 290/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1249

tat-2 ta’ Settembru 2020

li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1267 fuq importazzjonijiet ta’ elettrodi tat-tungstenu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ elettrodi tat-tungstenu kkonsenjati mil-Laos u t-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mil-Laos u mit-Tajlandja kif ukoll jekk le, u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ikkonsenjati mill-Indja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja kif ukoll jekk le

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 13(3) u 14(5) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri eżistenti

(1)

Bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2007 (2) (“ir-Regolament oriġinali”) il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ elettrodi tat-tungstenu (“ET”) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. (“iċ-Ċina”). Id-dazji anti-dumping individwali fis-seħħ kienu jvarjaw bejn 17 % u 41 %. Il-produtturi esportaturi l-oħra kollha huma suġġetti għal dazju anti-dumping definittiv ta’ 63,5 %. Minn issa ’l quddiem dawn il-miżuri sejrin jissejħu “l-miżuri oriġinali” u l-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri li ġew imposti mir-Regolament oriġinali minn issa ’l quddiem sejra tissejjaħ “l-investigazzjoni oriġinali”.

(2)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 508/2013 (3), wara rieżami ta’ skadenza (“l-ewwel rieżami ta’ skadenza”), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ET li joriġinaw miċ-Ċina.

(3)

Fl-2019, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1267 (4), il-Kummissjoni wara rieżami ta’ skadenza oħra (“l-aħħar rieżami ta’ skadenza”), imponiet dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ET li joriġinaw miċ-Ċina fil-livell tal-miżuri oriġinali. Dawn il-miżuri se jissejħu “il-miżuri fis-seħħ”.

1.2.   Il-bidu tal-investigazzjoni ex-officio

(4)

Il-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza li l-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-ET li joriġinaw fiċ-Ċina kienu qed jiġu evitati bl-importazzjonijiet tal-ET kkunsinjati mill-Indja, il-Laos u t-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja, il-Laos u t-Tajlandja kif ukoll jekk le.

(5)

Id-data rrapportata mill-Istati Membri skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament bażiku wriet bidla sinifikanti fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi l-esportazzjonijiet miċ-Ċina, mill-Indja, mil-Laos u mit-Tajlandja lejn l-Unjoni wara l-investigazzjoni oriġinali, li tissuġġerixxi li tista’ tiġi kkawżata mill-impożizzjoni ta’ miżuri fuq l-ET. Din il-bidla dehret mingħajr raġuni biżżejjed jew ġustifikazzjoni ekonomika għajr l-impożizzjoni tal-miżuri. Fil-fatt, il-bidla dehret li kienet ġejja mit-trasbord tal-prodott ikkonċernat li joriġina fiċ-Ċina via l-Indja, il-Laos u t-Tajlandja lejn l-Unjoni billi, skont is-sejbiet fl-aħħar reviżjoni ta’ skadenza (5), ma hemm l-ebda faċilità biex jiġu prodotti l-ET f’xi wieħed mill-allegati pajjiżi ta’ ċirkomvenzjoni.

(6)

Barra minn hekk, skont id-data li kellha l-Kummissjoni, l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri fis-seħħ kienu qed jiddgħajfu kemm f’termini ta’ kwantitajiet kif ukoll ta’ prezzijiet.

(7)

Fl-aħħar nett, skont id-data disponibbli għall-Kummissjoni, l-ET kkunsinjati mill-Indja, il-Laos u t-Tajlandja kienu l-oġġett ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit fl-aħħar reviżjoni ta’ skadenza.

(8)

Wara li ddeterminat, wara li infurmat lill-Istati Membri, li kien hemm biżżejjed evidenza għall-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, u biex l-importazzjonijiet tal-ET kkonsenjati mill-Indja, il-Laos u t-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja, il-Laos u t-Tajlandja kif ukoll jekk le, soġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2171 (6) (“ir-Regolament ta’ bidu”).

1.3.   L-Investigazzjoni

(9)

Il-Kummissjoni avżat bil-ftuħ tal-investigazzjoni lill-awtoritajiet taċ-Ċina, tal-Indja, il-Laos u t-Tajlandja, lill-produtturi esportaturi u lin-negozjanti f’dawk il-pajjiżi, lill-importaturi fl-Unjoni u lill-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, hija talbet lill-missjonijiet tal-Indja, il-Laos u t-Tajlandja lill-Unjoni Ewropea biex jikkonfermaw li m’hemmx produzzjoni ta’ ET f’dawk il-pajjiżi jew biex jipprovdu lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-indirizzi ta’ kwalunkwe produttur esportatur u/jew ta’ assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li jistgħu jkunu interessati li jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(10)

Formoli ta’ talba għal eżenzjoni għall-produtturi/esportaturi fl-Indja, il-Laos u t-Tajlandja, kwestjonarji għall-produtturi/esportaturi fiċ-Ċina, u kwestjonarji għall-importaturi mhux relatati fl-Unjoni saru disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ.

(11)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fiż-żmien stipulat fir-Regolament ta’ ftuħ. Il-partijiet kollha ġew infurmati li n-nuqqas ta’ sottomissjoni tal-informazzjoni kollha rilevanti jew is-sottomissjoni ta’ informazzjoni mhux kompluta, falza jew qarrieqa tista’ twassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u li s-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli.

(12)

Importatur mhux relatat fl-Unjoni talab seduta ta’ smigħ li saret fit-2 ta’ Lulju 2020.

(13)

Produttur/esportatur mil-Laos bagħat tweġiba għall-formola tat-talba ta’ eżenzjoni (“tweġiba għall-kwestjonarju”).

(14)

Importatur wieħed mhux relatat fl-Unjoni pprovda wkoll tweġiba għall-kwestjonarju u importatur mhux relatat ieħor fl-Unjoni għamel sottomissjoni bil-miktub mingħajr ma mela l-kwestjonarju.

1.4.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu ta’ rapportar

(15)

Il-perjodu ta’ investigazzjoni (il-“PI”) kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2006 sat-30 ta’ Settembru 2019. Inġabret id-data biex tiġi investigata, fost l-oħrajn, il-bidla fix-xejra tal-kummerċ wara l-impożizzjoni tal-miżuri. Għall-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2018 sat-30 ta’ Settembru 2019 (il-perjodu ta’ rapportar jew “il-PR”), inġabret data aktar dettaljata sabiex tiġi eżaminata l-possibbiltà ta’ indeboliment tal-effett rimedjali tal-miżuri fis-seħħ u l-eżistenza ta’ dumping.

2.   IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

2.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(16)

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ evażjoni saret billi ġie analizzat suċċessivament:

—

jekk kienx hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi (iċ-Ċina, l-Indja, il-Laos u t-Tajlandja) u l-Unjoni,

—

jekk din il-bidla nibtitx minn xi prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma kienx hemm raġuni jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju,

—

jekk kienx hemm evidenza ta’ dannu jew jekk l-effetti rimedjali tad-dazju kinux qed jiġu mhedda f’termini ta’ prezzijiet u/jew ta’ kwantitajiet tal-prodott simili, u

—

jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping b’rabta mal-valuri normali stabbiliti fl-aħħar rieżami ta’ skadenza għall-prodott simili, jekk neċessarju skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

2.2.   Il-prodott ikkonċernat u l-prodott investigat

(17)

Il-prodott ikkonċernat huwa elettrodi tat-tungstenu għall-iwweldjar, inklużi biċċiet (bars) u vireg tat-tungstenu għall-elettrodi tal-iwweldjar, li fihom 94 % jew aktar bil-piż ta’ tungstenu, ħlief dawk miksuba sempliċiment minn tgħaqqid bis-sħana, kemm jekk maqtugħin għal tul, kif ukoll jekk le, li joriġinaw fiċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”) li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 8101 99 10 u ex 8515 90 80 (kodiċijiet TARIC 8101991011, 8101991012, 8101991013, 8101991020, 8515908011, 8515908012, 8515908013, 8515908020). Il-miżuri fis-seħħ japplikaw għal dan il-prodott.

(18)

Il-prodott li qed jiġi investigat huwa l-istess bħall-prodott konċernat definit fil-premessa preċedenti, iżda kkunsinnat mill-Indja, mil-Laos u mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Indja, Laos, u t-Tajlandja kif ukoll jekk le, u li bħalissa jaqa’ taħt l-istess kodiċi NM bħall-prodott ikkonċernat (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

(19)

L-investigazzjoni wriet li ET esportati miċ-Ċina lejn l-Unjoni u dawk ikkunsinjati mill-Indja, il-Laos u t-Tajlandja lejn l-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi u użi, u għalhekk huma kkunsidrati bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

2.3.   Livell ta’ kooperazzjoni

(20)

L-ebda wieħed mill-produtturi/esportaturi Ċiniżi, Indjani jew Tajlandiżi ma ssottomettew tweġibiet għall-kwestjonarju.

(21)

Kumpanija waħda mil-Laos, li kopriet madwar 100 % tal-importazzjonijiet totali mil-Laos lejn l-Unjoni fil-PR kif irrappurtat fil-bażi tad-data 14(6), ressqet talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku. Din il-kumpanija hija relatata ma’ produttur esportatur Ċiniż ta’ ET. Il-kooperazzjoni ta’ din il-kumpanija ma kinitx biżżejjed għal dawn ir-raġunijiet:

(a)

Il-kumpanija ma pprovdietx l-informazzjoni meħtieġa fil-formola ta’ eżenzjoni. Il-kumpanija ntalbet tagħmel dan f’żewġ ittri ta’ defiċenza. B’mod partikolari, il-kumpanija ma pprovdietx id-dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati jew id-dikjarazzjonijiet finanzjarji meħtieġa ppreżentati lill-awtorità tat-taxxa jew ir-reġistru tal-kumpaniji rilevanti. Il-kumpanija fil-fatt ma pprovdiet l-ebda dikjarazzjoni finanzjarja, u dan għamilha impossibbli li ssir kontroverifika ta’ kwalunkwe informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni fil-formola tat-talba għal eżenzjoni tagħha. Elementi addizzjonali importanti li ma ġewx ipprovduti kienu jinkludu livelli ta’ stokkijiet u lista ta’ assi fissi.

(b)

Il-kumpanija ewlenija fiċ-Ċina ma bagħtitx kwestjonarju tal-esportaturi jew formola ta’ eżenzjoni kif meħtieġ.

(c)

Hija pprovdiet informazzjoni inkoerenti jew kontradittorja: L-ewwel nett, il-kost tal-vireg tat-tungstenu mixtri mill-kumpanija prinċipali Ċiniża tagħha fil-PR ġie rrappurtat b’mod differenti f’diversi wirjiet. It-tieni nett, il-kwantitajiet ta’ vireg tat-tungstenu mixtrija u mibjugħa fil-PR ġew irrappurtati b’mod differenti f’wirjiet differenti. It-tielet nett, ma ġiet ipprovduta l-ebda informazzjoni dettaljata dwar id-deprezzament u l-kostijiet lavorattivi rrapportati. L-investigazzjoni stabbiliet li l-allokazzjoni ta’ spejjeż ta’ deprezzament għall-manifattura ta’ ET kienet inkonsistenti mal-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ ET u żiedet artifiċjalment il-valur tal-ET manifatturat. Meta ntalbet li jiġu ċċarati l-kriterji li fuqhom huwa bbażat il-kalkolu tal-ispejjeż ta’ deprezzament tagħha, il-kumpanija sempliċiment wieġbet li kienet irrapportat l-ispejjeż ta’ deprezzament tal-kumpanija prinċipali. Madankollu, kif intqal hawn fuq, il-kumpanija ewlenija ma ssottomettietx kwestjonarju u lanqas imliet il-formola ta’ eżenzjoni, u l-esportatur tal-Laos ma pprovda l-ebda evidenza biex isostni t-talba tiegħu.

(d)

Huwa ma pprovdiex dettall suffiċjenti fuq l-operazzjonijiet imwettqa fuq il-vireg tat-tungstenu mixtrijin mingħand il-fornitur Ċiniż ewlieni tiegħu.

(e)

Huwa rrappurta li ma kellux sistema ta’ kontabilità.

(f)

Ma pprovdiex id-dokumenti ta’ ħidma rilevanti u dokumenti oħra ta’ sostenn meħtieġa għall-verifika tal-informazzjoni pprovduta fil-formola ta’ eżenzjoni.

(22)

Għalhekk, skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku, fil-11 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni tat limitu ta’ żmien lill-kumpanija biex tipprovdi għadd ta’ elementi elenkati u infurmat bl-intenzjoni li tistrieħ fuq il-fatti disponibbli, jekk dawn ma jiġux sottomessi.

(23)

F’konformità mal-Avviż dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq investigazzjonijiet antidumping u antisussidji, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma twettaqx żjarat ta’ verifika fl-istabbilimenti tal-kumpaniji li talbu eżenzjoni minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19. Fid-dawl tar-risposta tal-kumpanija li naqset milli tippreżenta d-dokumenti essenzjali elenkati u li tindirizza l-kontradizzjonijiet sostanzjali enfasizzati, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tkomplix bil-kontroverifika mill-bogħod ikkunsidrata inizjalment.

(24)

Minħabba dak li ntqal hawn fuq, l-informazzjoni pprovduta mill-kumpanija tqieset mhux kompluta u mhux ta’ min jorbot fuqha. Il-Kummissjoni għalhekk injorat l-informazzjoni sottomessa mill-kumpanija, u s-sejbiet kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(25)

Fil-kummenti tagħha wara d-divulgazzjoni, il-kumpanija spjegat li kienet fil-proċess li tittrasferixxi faċilitajiet ta’ produzzjoni miċ-Ċina għal Laos matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, u dan il-proċess kien limitat minħabba l-lockdown relatat mal-vajrus. Hija ssottomettiet ukoll li l-lockdown relatat mal-vajrus jispjega n-nuqqasijiet fl-istandard ta’ informazzjoni fornuta mill-kumpanija. Barra minn hekk, hija żiedet li ladarba s-sitwazzjoni tinnormalizza “(…) l-istadji kollha tal-produzzjoni jsiru fil-Laos (…)”. Il-Kummissjoni tinnota li minkejja l-lockdown relatat mal-vajrus, il-kumpanija u l-kumpanija prinċipali tagħha fiċ-Ċina ngħataw biżżejjed żmien u opportunitajiet, fi ħdan l-iskadenzi legali tal-investigazzjoni, biex jissottomettu l-informazzjoni nieqsa, kif spjegat fil-premessi (21) u (22). Fir-rigward tal-kumpanija prinċipali b’mod partikolari, ma ġiet ippreżentata l-ebda tweġiba għall-kwestjonarju minkejja l-fatt li l-Kummissjoni talbet b’mod speċifiku għaliha fil-formola tat-talba għal eżenzjoni u ż-żewġ ittri ta’ defiċenza.

(26)

Wara d-divulgazzjoni, il-Missjoni tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Laos lejn l-Unjoni ppreżentat id-diżappunt tagħha dwar is-sejbiet tal-investigazzjoni li, skont il-Missjoni, twettqu mingħajr informazzjoni u verifika suffiċjenti. Il-Kummissjoni tinnota li minkejja t-tifqigħa tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha fuq l-investigazzjonijiet antidumping u antisussidji, il-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari l-kumpanija fil-Laos, ingħataw biżżejjed żmien u opportunitajiet, fi ħdan il-qafas ta’ skadenzi statutorji, biex jipprovdu informazzjoni.

(27)

Il-Missjoni tal-Indja għall-Unjoni pprovdiet l-ismijiet u l-indirizzi ta’ seba’ produtturi esportaturi fil-pajjiż. Il-Missjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Laos lejn l-Unjoni pprovdiet l-istess isem u indirizz bħall-kumpanija li ppreżentat it-tweġiba tal-formola ta’ eżenzjoni, u infurmat ukoll li l-gvern tagħha kien qed jikkollabora mad-Dwana Ġermaniża biex jiġbor id-data dwar l-esportazzjoni tal-ET mill-pajjiż. Il-Missjoni tat-Tajlandja ġiet infurmata li l-gvern tagħha ma kellu l-ebda fabbrika elenkata bħala produttur tal-ET, iżda li minkejja dan, id-dipartiment tad-Dwana Tajlandiż identifika 3 kumpanija li esportaw l-ET lejn l-UE mill-2017 sa Ottubru 2019 (tmiem il-PR).

(28)

Għalhekk, is-sejbiet fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-ET miċ-Ċina, mill-Indja, mil-Laos u mit-Tajlandja lejn l-Unjoni, u fir-rigward tal-esportazzjonijiet tal-ET miċ-Ċina lejn l-Indja, il-Laos u t-Tajlandja kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku. Il-fatti disponibbli użati fir-rigward tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni ġew estratti mill-bażi tad-data tal-14(6). L-Atlas tal-Kummerċ Globali (GTA) intuża fir-rigward tad-determinazzjoni tal-volumi tal-esportazzjoni miċ-Ċina lejn l-Indja, il-Laos u t-Tajlandja.

(29)

Il-volumi rreġistrati fil-GTA jkopru grupp akbar ta’ prodotti (livell ta’ 8 ċifri, ibbażat fuq il-kodiċijiet tan-nomenklatura doganali Ċiniżi) mill-prodott ikkonċernat. Għalhekk, ir-rapporti tal-GTA dwar il-volumi esportati miċ-Ċina lejn l-Indja, il-Laos u t-Tajlandja jistgħu jinkludu wkoll prodotti oħra. Il-volumi importati mill-Indja, il-Laos u t-Tajlandja lejn l-Unjoni huma rrappurtati fil-bażi tad-data 14(6) biss għall-prodott investigat.

2.4.   Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

2.4.1.   Importazzjonijiet lejn l-Unjoni miċ-Ċina, l-Indja, il-Laos u t-Tajlandja

(30)

It-tabella 1 hawn taħt turi l-iżvilupp tal-importazzjonijiet tal-ET miċ-Ċina, l-Indja, il-Laos u t-Tajlandja lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni:

Tabella 1

Importazzjonijiet ta’ ET fl-UE matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (kilogrammi)  (7)

Importazzjonijiet (Kg)

2006

2007

2008

2009

2010

2011

2012

Iċ-Ċina

138 202  (8)

46 128

51 771

36 188

39 953

56 619

48 188

Is-sehem tal-importazzjonijiet totali

-

44 %

48 %

56 %

53 %

60 %

49 %

L-Indja

0 (9)

15 312

3

3 253

2 491

615

2 123

Is-sehem tal-importazzjonijiet totali

-

14 %

0 %

5 %

3 %

1 %

2 %

Il-Laos

0 (10)

 

 

 

 

 

6 000 – 8 000

Is-sehem tal-importazzjonijiet totali

-

 

 

 

 

 

7 %

It-Tajlandja

0 (11)

 

29

 

 

 

29

Is-sehem tal-importazzjonijiet totali

-

 

0 %

 

 

 

0 %

Importazzjonijiet totali

-

105 857

108 589

64 793

75 732

94 958

98 450

Importazzjonijiet (Kg)

2013

2014

2015

2016

2017

2018

RP

Iċ-Ċina

46 640

49 343

50 621

53 777

43 086

61 870

57 874

Is-sehem tal-importazzjonijiet totali

45 %

44 %

48 %

50 %

47 %

60 %

65 %

L-Indja

9 411

10 730

6 939

5 854

4 633

2 382

1 677

Is-sehem tal-importazzjonijiet totali

9 %

9 %

7 %

5 %

5 %

2 %

2 %

Il-Laos

25 000 – 28 000

21 000 – 23 000

21 000 – 23 000

23 000 – 25 000

13 000 – 15 000

15 000 – 17 000

6 000 – 8 000

Is-sehem tal-importazzjonijiet totali

25 %

19 %

21 %

22 %

15 %

16 %

8 %

It-Tajlandja

1 040

793

5 771

12 271

13 311

10 504

13 018

Is-sehem tal-importazzjonijiet totali

1 %

1 %

5 %

11 %

15 %

10 %

15 %

Importazzjonijiet totali

104 458

112 997

106 440

107 611

91 260

102 563

88 575

Sors: il-bażi ta’ data msemmija fl-Artikolu 14(6)

(31)

L-importazzjonijiet tal-ET miċ-Ċina lejn l-Unjoni naqsu b’mod sostanzjali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, li juri tnaqqis ta’ aktar minn 67 % wara l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali f’Marzu 2007. Minkejja xi żidiet fis-snin qrib id-dati ta’ rieżami tal-iskadenza, (2011 u 2018), ix-xejra ’l isfel kompliet bejn l-2007 u l-PR, fejn il-kwantitajiet importati lejn l-Unjoni baqgħu kostanti madwar 55 % taħt il-livell tal-2006.

(32)

Dan it-tnaqqis fl-importazzjonijiet miċ-Ċina ġie sostanzjalment assorbit miż-żieda fl-importazzjonijiet mill-Indja, il-Laos u t-Tajlandja fis-snin sussegwenti, b’mod partikolari mill-2012 ’il quddiem, meta fil-biċċa l-kbira tagħhom ħadu post l-importazzjonijiet miċ-Ċina.

(33)

L-importazzjonijiet tal-prodott investigat mill-Indja lejn l-Unjoni bdew fi kwantitajiet sinifikanti fl-2007, li jammontaw għal 14 % tal-importazzjonijiet totali. Dawn naqsu sew mill-2008, u varjaw matul il-perjodu ta’ investigazzjoni sal-PR fejn ammontaw għal 1,5 % tas-sehem mis-suq tal-Unjoni (u inqas minn 2 % tas-sehem totali ta’ importazzjonijiet ta’ ET fl-Unjoni).

(34)

L-importazzjonijiet tal-prodott investigat mil-Laos lejn l-Unjoni bdew fl-2012. Żieda qawwija segwiet fl-2013, u l-importazzjonijiet żdiedu kważi b’erba’ darbiet tal-volumi tas-sena ta’ qabel. Dawn is-sentejn ukoll jikkoinċidu ma’ tnaqqis fl-importazzjonijiet miċ-Ċina. Fl-2013, l-importazzjonijiet tal-Laos lejn l-Unjoni ammontaw għal aktar minn 50 % tal-importazzjonijiet li ġejjin miċ-Ċina. Minkejja li l-volumi importati mil-Laos naqsu f’termini assoluti mill-2017, il-PR għadu jirreġistra żieda ta’ 3 % fil-volumi importati meta mqabbla mal-2012, u għadu jirrappreżenta 8 % tas-sehem totali ta’ importazzjonijiet ta’ ET fl-Unjoni (li jissodisfaw aktar minn 6 % tal-konsum tal-Unjoni).

(35)

It-tnaqqis tal-esportazzjonijiet matul il-PR għandu jitqies b’rabta mal-investigazzjonijiet immexxija mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi dwar diversi kunsinni ta’ elettrodi tat-tungstenu importati mil-Laos lejn l-Unjoni fl-2018 u l-2019. Id-dwana Ġermaniża kkonkludiet li dawn il-kunsinni kellhom oriġini Ċiniża mhux preferenzjali, u ordnat il-ġbir konsegwenti ta’ dazji antidumping. Importatur mhux relatat, minkejja li ma jaqbilx mal-fehma tad-dwana Ġermaniża, ikkorrabora fis-sottomissjoni tiegħu l-konsegwenzi tad-deċiżjoni tad-dwana fil-waqgħa sussegwenti tal-volumi importati mil-Laos.

(36)

Fl-aħħar nett, l-importazzjonijiet mit-Tajlandja tal-prodott investigat lejn l-Unjoni żdiedu drastikament bejn l-2012 u l-2013, u x-xejra ’l fuq ilha għaddejja b’mod konsistenti mill-2015, b’kurva ta’ rallentament fl-2018. Ma kien hemm l-ebda importazzjonijiet sinifikanti Tajlandiżi fl-UE qabel l-2013. L-importazzjonijiet Tajlandiżi żdiedu b’mod kostanti mill-2015 u rrappreżentaw 12 % tas-sehem mis-suq tal-Unjoni u 15 % tas-sehem totali ta’ ET tal-importazzjonijiet tal-UE fil-PR.

2.4.2.   L-esportazzjonijiet miċ-Ċina għall-Indja, il-Laos u t-Tajlandja

(37)

It-tabella 2 hawn taħt turi l-volum ta’ esportazzjoni ta’ ET miċ-Ċina għall-Indja, il-Laos u t-Tajlandja matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

Tabella 2

Volumi ta’ esportazzjoni miċ-Ċina (kilogrammi)  (12)

(Kg)

2006

2007

2008

2009

2010

2011

2012

L-Indja

271 921

202 205

216 648

241 071

438 259

599 228

575 357

Il-Laos

 

2 415

816

390

1 665

5 452

22 714

It-Tajlandja

66 884

106 907

143 409

137 872

334 519

655 966

567 601

(Kg)

2013

2014

2015

2016

2017

2018

2019

L-Indja

507 566

582 890

679 305

923 432

976 625

1 510 844

1 215 967

Il-Laos

18 470

19 488

29 354

26 269

18 158

24 054

8 076

It-Tajlandja

762 681

718 377

550 901

735 516

664 661

714 948

795 232

Sors: GTA —© 2020 IHS Markit (sors ta’ data: Dwana taċ-Ċina)

(38)

L-esportazzjonijiet miċ-Ċina lejn l-Indja żdiedu matul il-perjodu kollu u aktar minn irduppjaw bejn l-2008 u l-2015. Iż-żieda ulterjuri kibret b’24 % fl-aħħar sena meta mqabbla mal-2017.

(39)

L-esportazzjonijiet miċ-Ċina lejn il-Laos naqsu bejn l-2008 u l-2010 meta mqabbla mal-2007, iżda fl-2012, il-volumi żdiedu b’erba’ darbiet ta’ dawk tal-2011. Bl-eċċezzjoni tal-2013 u l-2014 li fihom l-esportazzjonijiet miċ-Ċina għal-Laos kienu ftit aktar baxxi mill-volumi esportati mil-Laos lejn l-Unjoni, is-snin l-oħra kollha juru l-importazzjonijiet miċ-Ċina ogħla mill-esportazzjonijiet mil-Laos lejn l-Unjoni. It-tnaqqis f’daqqa mill-2018 għall-2019 (33,3 %) jirrifletti wieħed simili fil-volum ta’ esportazzjonijiet mil-Laos lejn l-Unjoni fl-istess perjodu (42 %). Dan it-tnaqqis fil-volumi kkoinċida mal-ġbir tad-dazji antidumping mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi wara l-investigazzjoni msemmija fil-premessa (35).

(40)

Fl-aħħar nett, l-esportazzjonijiet miċ-Ċina lejn it-Tajlandja żdiedu l-ewwel mill-2006 għall-2007 b’60 % u mill-2009 għall-2011 il-volumi żdiedu aktar minn erba’ darbiet. Fl-2012, l-2015 u l-2017, l-importazzjonijiet naqsu ftit iżda żdiedu b’40 % fl-2019 meta mqabbla mal-2012. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, l-esportazzjonijiet miċ-Ċina għat-Tajlandja żdiedu b’kollox b’189 %.

2.4.3.   Konklużjoni dwar il-bidla fit-tendenza tal-kummerċ

(41)

It-tnaqqis tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni, iż-żieda parallela tal-esportazzjonijiet mil-Laos u mit-Tajlandja, b’mod partikolari mill-2012, u ż-żieda tal-esportazzjonijiet miċ-Ċina lejn il-Laos u t-Tajlandja tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn il-pajjiżi msemmija hawn fuq u l-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

(42)

Fil-każ tal-Indja, l-importazzjonijiet fl-Unjoni varjaw b’mod sinifikanti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Minkejja żieda konsiderevoli bejn l-2013 u l-2016, l-importazzjonijiet reġgħu qabdu xejra ta’ tnaqqis fl-2018 u għall-PR anki fid-dawl taż-żieda fl-importazzjonijiet miċ-Ċina għall-Indja fl-istess perjodu. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tasal għal konklużjoni dwar il-bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn l-Indja u l-Unjoni.

2.5.   In-natura tal-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju antidumping

(43)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jitlob li t-tibdil fix-xejra tal-kummerċ ikun ġej minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma jkunx hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju. Il-prattika, il-proċess jew il-ħidma jinkludu, fost l-oħrajn, il-konsenja tal-prodott soġġett għall-miżuri eżistenti permezz ta’ pajjiżi terzi, u l-assemblaġġ ta’ partijiet/operazzjonijiet ta’ tlestija f’pajjiż terz skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

(44)

Fl-isfond ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni minn xi produttur esportatur, is-sejbiet fir-rigward tal-eżistenza u n-natura tal-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni fl-Indja, fil-Laos u fit-Tajlandja kellhom ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

2.5.1.   L-Indja

(45)

Skont l-informazzjoni miġbura matul l-aħħar rieżami ta’ skadenza, b’mod partikolari dik provduta mill-industrija tal-Unjoni u li ma ġietx ikkontestata minn kwalunkwe parti interessata fil-qafas ta’ dik l-investigazzjoni, ma hemm l-ebda faċilità li tipproduċi l-ET barra ċ-Ċina u l-Unjoni. Madanakollu kif spjegat fil-premessa (27), il-Missjoni tal-Indja għall-Unjoni pprovdiet l-ismijiet u l-indirizzi ta’ seba’ produtturi esportaturi fil-pajjiż. L-ebda waħda minn dawn il-kumpaniji ma kkooperat fl-investigazzjoni.

(46)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe evidenza oħra rigward il-prattika, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi jekk il-kwantitajiet esportati mill-Indja lejn l-Unjoni jikkostitwixxux trasbord jew esportazzjonijiet Indjani ġenwini.

(47)

Għalhekk il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi jekk il-bidla fix-xejra tal-kummerċ rigward l-Indja hijiex ġejja minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju.

2.5.2.   Il-Laos

(48)

L-investigazzjoni wriet li hemm biss kumpanija waħda fil-Laos involuta fil-bejgħ ta’ ET lill-Unjoni. Din il-kumpanija hija 100 % proprjetà ta’ kumpanija fiċ-Ċina li hija soġġetta għall-miżuri fis-seħħ (il-kumpanija prinċipali).

(49)

Il-kumpanija fil-Laos ġiet inkorporata fil-25 ta’ Diċembru 2012 u bdiet il-produzzjoni tal-ET fi Frar 2013. Dan il-perjodu jimmarka l-bidu tal-bidla fix-xejra tal-kummerċ deskritta fil-premessa (32). Tabilħaqq, kif diġà ssemma’, qabel l-2012 ma hemm l-ebda esportazzjoni mil-Laos lejn l-Unjoni. Barra minn hekk, il-volumi tal-esportazzjoni sottomessi mill-kumpanija fil-formola ta’ talba għal eżenzjoni tagħha jikkoinċidu mal-volumi rrapportati fil-bażi tad-data 14(6), li jikkonferma li din il-kumpanija hija l-uniku produttur esportatur fil-Laos, li tirrappreżenta 100 % tal-esportazzjonijiet mil-Laos lejn l-UE. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-operazzjoni bdiet jew żdiedet sostanzjalment sa mill-bidu tal-investigazzjoni antidumping kif meħtieġ mill-Artikolu 13(2)(a).

(50)

Matul il-PI, il-kumpanija fil-Laos xtrat il-vireg tat-tungstenu kollha mill-kumpanija ewlenija tagħha li timmanifattura u tbigħ l-elettrodi tat-tungstenu stess. Fuq dik il-bażi, il-partijiet huma mill-pajjiż soġġett għal miżuri, kif meħtieġ mill-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku u jikkostitwixxu 100 % tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott assemblat/komplut fis-sens tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku. Dan ix-xiri diġà jikkostitwixxi l-prodott ikkonċernat, jiġifieri staneg u vireg tat-tungstenu għall-elettrodi tal-iwweldjar.

(51)

Il-kumpanija fil-Laos sostniet li tixtri vireg tat-tungstenu, li jikkostitwixxu l-prodott ikkonċernat, mill-kumpanija prinċipali fiċ-Ċina, li magħha mbagħad iżżid aktar minn 30 % tal-valur minn operazzjonijiet minuri (tħin, rikottura, kolorant u imballaġġ).

(52)

Għar-raġunijiet spjegati fil-premessi (21) sa (24), l-informazzjoni pprovduta mill-kumpanija tqieset mhux kompluta u mhux ta’ min jorbot fuqha. Il-Kummissjoni għalhekk injorat l-informazzjoni sottomessa mill-kumpanija, u s-sejbiet huma bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(53)

B’kont meħud tat-tagħmir li l-kumpanija ssostni li tuża fil-fabbrika tagħha, u l-operazzjonijiet li hija ssostni li twettaq fuq il-vireg mixtrija, it-tlestija tikkonċerna l-aktar il-preżentazzjoni tal-merkanzija aktar milli bidla fil-karatteristiċi bażiċi tagħha.

(54)

Skont l-industrija tal-Unjoni kkonsultata fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, il-proċess irrappurtat li sar mill-kumpanija tal-Laos jammonta għal massimu ta’ 16 % tal-valur miżjud fuq l-ispejjeż tal-manifattura tal-input tal-elettrodi tat-tungstenu. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-valur miżjud mal-partijiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew tlestija, huwa inqas minn 25 % tal-ispiża tal-manifattura, kif meħtieġ mill-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku għal dawn l-operazzjonijiet li jikkostitwixxu ċirkomvenzjoni.

(55)

Skont il-proċess ta’ manifattura deskritt mill-industrija tal-Unjoni fl-investigazzjonijiet preċedenti, virga tat-tungstenu bħal dik li tixtri l-kumpanija mingħand il-kumpanija prinċipali Ċiniża tagħha, u li diġà hija prodott ikkonċernat, għandha l-karatteristiċi bażiċi tal-prodott finali li tesporta lejn l-UE. Għalhekk, ix-xogħol li sar fuqhom fil-Laos kif irrapportat ma jirriżultax f’bidla sinifikanti fil-kwalità jew fil-karatteristiċi.

(56)

Fis-sottomissjoni tagħha wara d-divulgazzjoni, il-kumpanija fil-Laos ma qablitx mal-aħjar fatti disponibbli li l-Kummissjoni użat biex jiġi stabbilit il-valur miżjud ta’ 16 % fil-Laos, u argumentat li valur miżjud globali ta’ 35 % “(…) jirrappreżenta valutazzjoni aktar realistika tal-ispejjeż reali (…)” magħmula fil-Laos. Ma ġiet mehmuża l-ebda evidenza biex tissostanzja din id-dikjarazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni irrifjutat din il-pretensjoni bħala bla bażi.

(57)

Abbażi tal-konklużjonijiet doganali Ġermaniżi fl-investigazzjoni msemmija fil-premessa (35), importatur mhux relatat fl-Unjoni jissottometti li l-passi tal-ipproċessar li jsiru fil-Laos jammontaw għal żieda ta’ 45 % fil-prezz tal-vireg mixtrija miċ-Ċina. Il-Kummissjoni tinnota li ż-żidiet fil-prezzijiet mhumiex wieħed mill-kriterji biex operazzjoni ta’ assemblaġġ jew tlestija tikkostitwixxi ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Id-dikjarazzjoni ġiet għalhekk miċħuda bħala irrilevanti.

(58)

L-istess importatur mhux relatat ikompli jżid li ma jarax kif l-effetti rimedjali tad-dazju huma mminati fis-sens tal-Artikolu 13(2)(c) tar-Regolament bażiku billi l-importazzjonijiet mil-Laos naqsu matul is-snin. Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ hija spjegata fil-premessi (34) u (35) filwaqt li l-effetti rimedjali tad-dazju huma spjegati fil-premessi (74) sa (76). Il-Kummissjoni għalhekk ma laqgħetx din l-affermazzjoni.

(59)

Il-kumpanija ewlenija hija kapaċi tipproduċi ET finalizzati, inklużi l-proċessi li l-kumpanija tiddikjara li twettaq fil-Laos. Għalhekk jidher li ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika biex isir il-proċess ta’ tlestija fil-Laos, għajr l-evitar tal-miżuri fis-seħħ.

(60)

L-importatur mhux relatat fl-Unjoni enfasizza l-impatt sinifikanti tat-tisnin u tal-ittemprar fuq il-kwalità u l-użu tal-oġġetti, u jsostni li dawn iż-żewġ passi jirriżultaw f’konsum għoli ta’ enerġija u ta’ xogħol, li huma r-raġunijiet ewlenin għall-proċess ta’ tlestija fil-Laos fejn l-ispejjeż tal-elettriku u tax-xogħol huma aktar baxxi milli fiċ-Ċina. Fir-rigward tar-raġuni ekonomika wara d-deċiżjoni li l-proċess ta’ tlestija jiġi trasferit fil-Laos, il-Kummissjoni tinnota li dan mhuwiex rekwiżit biex l-operazzjonijiet ta’ tlestija jikkostitwixxu ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(61)

Fuq il-bażi ta’ dan t’hawn fuq, il-Kummissjoni sabet li l-kumpanija kienet involuta f’operazzjonijiet ta’ tlestija li jikkostitwixxu ċirkomvenzjoni tal-miżuri fis-seħħ skont it-tifsira tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Peress li l-esportazzjonijiet ta’ din il-kumpanija jkopru l-importazzjonijiet totali mil-Laos lejn l-Unjoni fil-PR, din il-konklużjoni testendi għall-pajjiż kollu.

(62)

Wara d-divulgazzjoni, importatur mhux relatat fl-Unjoni ssottometta li l-Kummissjoni naqset milli ġġib provi dwar l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ/tlestija bħala prattika ta’ ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, iżda ma pprovdiet l-ebda evidenza biex tappoġġa din id-dikjarazzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ċaħdet din id-dikjarazzjoni billi, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli għaliha u kif spjegat fil-premessi (48) sa (61), il-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku huma ssodisfati.

(63)

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-investigazzjoni msemmija fil-premessa (35), id-dwana Ġermaniża kkonkludiet, wara spezzjoni fuq il-post flimkien mal-awtoritajiet tal-Laos, li minn Jannar 2018 sa April 2019 l-ET allegatament manifatturati fil-Laos kellhom oriġini Ċiniża għall-finijiet li jiġi stabbilit id-dazju antidumping.

2.5.3.   It-Tajlandja

(64)

Skont l-informazzjoni miġbura matul l-aħħar rieżami ta’ skadenza, b’mod partikolari dik provduta mill-industrija tal-Unjoni u li ma ġietx ikkontestata minn kwalunkwe parti interessata fil-qafas ta’ dik l-investigazzjoni, ma hemm l-ebda faċilità li tipproduċi l-ET barra ċ-Ċina u l-Unjoni. Fir-rigward tat-Tajlandja, dan ġie kkonfermat fil-qafas ta’ din l-investigazzjoni. Tabilħaqq, il-Missjoni tat-Tajlandja fi Brussell issottomettiet li l-gvern tagħha ma għandux fabbriki ta’ ET elenkati fir-reġistri tiegħu kif deskritt fil-premessa (27).

(65)

L-estrazzjonijiet tal-GTA juru li fl-2018 u l-2019, 95 % tal-esportazzjonijiet Tajlandiżi madwar id-dinja kienu għall-UE. Il-volumi u d-destinazzjonijiet finali jaqblu mal-istatistika dwar l-importazzjonijiet 14(6), bl-Italja bħala d-destinazzjoni ewlenija. L-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn it-Tajlandja fl-istess snin juru volumi komparabbli.

(66)

Iż-żieda qawwija ta’ esportazzjonijiet Tajlandiżi lejn l-Unjoni mill-2013 u t-tnaqqis tal-esportazzjonijiet miċ-Ċina lejn l-Unjoni jeħtieġ li jiġu vvalutati fid-dawl tal-evidenza miġbura u msemmija fil-premessi (64) u (65). Dawn l-elementi kollha jwasslu għall-konklużjoni dwar il-prattika ta’ trasbord li għaliha ma hemm l-ebda raġuni ekonomika, iżda l-iskop li jiġu evitati l-miżuri fis-seħħ. Tabilħaqq, in-nuqqas ta’ produzzjoni ġenwina fit-Tajlandja kif ikkonfermat mill-Missjoni tat-Tajlandja, u l-fokus kważi esklużiv tal-esportazzjonijiet fuq l-UE jwasslu għall-konklużjoni li l-kwantitajiet kollha esportati mit-Tajlandja lejn l-Unjoni ma jikkostitwixxux produzzjoni ġenwina iżda jiġu trażbordati miċ-Ċina.

(67)

Barra minn hekk, azzjonijiet investigattivi mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet doganali tal-Ġermanja, l-Italja u Spanja bejn l-2016 u l-2019, stabbilixxew li l-ET Ċiniżi kienu trasbordati via t-Tajlandja fit-territorju tal-UE matul dak il-perjodu. F’dak il-kuntest, il-proċeduri ta’ rkupru ta’ dazji antidumping kienu diġà nbdew.

2.6.   L-imminar tal-effett rimedjali tad-dazju anti-dumping

(68)

Fil-valutazzjoni dwar jekk il-prodotti importati mill-Indja, il-Laos u t-Tajlandja kinux, f’termini ta’ prezzijiet u/jew kwantitajiet, imminaw l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri eżistenti, intużaw il-prezzijiet tal-esportazzjoni u l-volumi rrappurtati fil-bażi tad-dejta 14(6). Il-Kummissjoni qabblet il-prezz mhux dannuż medju kif stabbilit fl-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza tal-2019, mal-prezzijiet medji ponderati tal-esportazzjoni CIF, aġġustati kif xieraq biex jinkludu dazji doganali konvenzjonali u kostijiet ta’ wara l-ikklerjar.

2.6.1.   L-Indja

(69)

Billi l-prezz tal-bejgħ ta’ unità ta’ importazzjonijiet Indjani stabbilit kif deskritt fil-premessa (68) matul il-PR kien ogħla b’mod sinifikanti mill-prezz medju mhux dannuż imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prezzijiet tal-esportazzjoni Indjani ma kinux ta’ dannu.

(70)

L-investigazzjoni stabbiliet li l-kwantitajiet esportati mill-Indja lejn l-Unjoni ammontaw għal inqas minn 2 % tas-sehem totali ta’ importazzjonijiet ta’ ET fl-Unjoni, u rrappreżentaw 1,5 % tal-konsum tal-Unjoni kif stmat fl-aħħar rieżami ta’ skadenza. Madankollu, kif spjegat fil-premessi (42) u (46) sa (47), il-Kummissjoni ma setgħetx tasal għal konklużjoni dwar il-bidla fix-xejra tal-kummerċ jew dwar jekk dawn il-kwantitajiet jikkostitwixxux trażbord jew esportazzjonijiet Indjani ġenwini.

(71)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li l-miżuri eżistenti qed jiġu mminati mill-importazzjonijiet mill-Indja soġġetti għal din l-investigazzjoni.

2.6.2.   Il-Laos

(72)

Kif spjegat fil-premessa (21) meta titqabbel l-informazzjoni ppreżentata mill-kumpanija mil-Laos fit-talba għal eżenzjoni mal-informazzjoni rrapportata fil-bażi tad-data 14(6), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-importazzjonijiet tal-ET tal-kumpanija mil-Laos koprew l-importazzjonijiet kollha minn Laos lejn l-Unjoni fil-PR.

(73)

It-tqabbil tal-prezzijiet, kif deskritt fil-premessa (68), wera bejgħ taħt il-prezz għal-Laos.

(74)

L-investigazzjoni stabbiliet li l-kwantitajiet esportati u li nstabu li kienu qed jevadu l-miżuri eżistenti huma sinifikanti, u jissodisfaw aktar minn 6 % tal-konsum tal-Unjoni.

(75)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri eżistenti qed jiġu mminati, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwantitajiet u prezzijiet, mill-importazzjonijiet mil-Laos li huma suġġetti għal din l-investigazzjoni.

(76)

Wara d-divulgazzjoni, importatur mhux relatat fl-Unjoni qal li ma jarax kif l-effetti rimedjali tad-dazju huma mminati fis-sens tal-Artikolu 13(2)(c) tar-Regolament bażiku billi l-importazzjonijiet mil-Laos naqsu matul is-snin. Madankollu, il-fatt li l-importazzjonijiet naqsu, kif ukoll ir-raġunijiet wara l-fluttwazzjonijiet, spjegati fil-premessi (34) u (35), ma għandhomx impatt fuq is-sejbiet tal-Kummissjoni. Kif spjegat fil-premessi (48) sa (63) u f’din it-taqsima, l-operazzjonijiet ta’ tlestija mwettqa mill-kumpanija jikkostitwixxu ċirkomvenzjoni, u dawn l-esportazzjonijiet ta’ ċirkomvenzjoni minn din il-kumpanija lejn l-UE fil-PR kienu jammontaw għal aktar minn 6 % tal-konsum tal-Unjoni u saru bi prezzijiet dannużi. Il-Kummissjoni għalhekk ma laqgħetx din l-affermazzjoni.

2.6.3.   It-Tajlandja

(77)

It-tqabbil tal-prezzijiet, kif deskritt fil-premessa (68), wera bejgħ taħt il-prezz għat-Tajlandja.

(78)

L-investigazzjoni stabbiliet li l-kwantitajiet esportati u li nstabu li kienu qed jevadu l-miżuri eżistenti huma sinifikanti, u jirrappreżentaw 12 % tas-sehem mis-suq tal-Unjoni.

(79)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri eżistenti qed jiġu mminati, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwantitajiet u prezzijiet, mill-importazzjonijiet mit-Tajlandja li huma suġġetti għal din l-investigazzjoni.

2.7.   Evidenza ta’ dumping

(80)

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit fl-aħħar reviżjoni ta’ skadenza għall-prodott simili.

2.7.1.   L-Indja

(81)

Biex jiġi stabbilit il-valur normali, il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża d-data mill-aħħar investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ bħalissa, jiġifieri l-valur normali ex works skont it-tip ta’ prodott stabbilit fit-taqsima 3.3.4.5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1267.

(82)

Sabiex jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-esportazzjoni mill-Indja, il-Kummissjoni użat il-prezz medju tal-esportazzjoni ta’ ET matul il-PR irrappurtat fil-bażi tad-data 14(6). Skont l-Artikoli 2(11) u 2(12) tar-Regolament bażiku, il-medja ponderata tal-valur normali, kif stabbilita fl-aħħar rieżami ta’ skadenza kienet imqabbla mal-prezzijiet medji tal-esportazzjoni ponderati matul il-PR tal-investigazzjoni, kif irrappurtati fil-bażi tad-data 14(6) (13).

(83)

Il-prezzijiet medji tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni fil-PR kienu ferm ogħla mill-valur normali kif stabbilit fl-aħħar rieżami ta’ skadenza.

(84)

Wara l-analiżi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li għall-Indja ma hemm l-ebda evidenza ta’ dumping.

2.7.2.   Il-Laos

(85)

Il-Kummissjoni użat l-istess metodoloġija fir-rigward tal-valur normali stabbilit fuq il-bażi tal-aħħar investigazzjoni u l-bażi tad-data 14(6) biex tistabbilixxi l-prezzijiet tal-esportazzjoni mil-Laos.

(86)

Il-prezzijiet medji tal-esportazzjoni ta’ ET esportati mil-Laos lejn l-UE fil-PR kif irrappurtat fil-bażi tad-data14(6) u kkorroborati mill-kumpanija fil-Laos, kienu inqas mill-valur normali kif stabbilit fl-aħħar reviżjoni ta’ skadenza, li wera l-eżistenza ta’ dumping.

2.7.3.   It-Tajlandja

(87)

Il-Kummissjoni użat l-istess metodoloġija fir-rigward tal-valur normali stabbilit fuq il-bażi tal-aħħar investigazzjoni u l-bażi tad-data 14(6) biex tistabbilixxi l-prezzijiet tal-esportazzjoni mit-Tajlandja.

(88)

Il-prezzijiet medji tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni fil-PR kif irrapportati fil-bażi tad-data 14(6) kienu ferm inqas mill-valur normali kif stabbilit fl-aħħar rieżami ta’ skadenza, li wera l-eżistenza ta’ dumping sostanzjali.

3.   MIŻURI

(89)

Fuq il-bażi ta’ dawn is-sejbiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dazju anti-dumping impost fuq l-importazzjonijiet tal-ET li joriġinaw fiċ-Ċina qed jiġu evitati permezz tal-Laos u t-Tajlandja.

(90)

Għalhekk, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri anti-dumping fis-seħħ għandhom jiġu estiżi għall-importazzjonijiet tal-istess prodott ikkunsinnat mil-Laos u mit-Tajlandja, sew jekk hu ddikjarat li joriġina fil-Laos u fit-Tajlandja u sew jekk le.

(91)

Il-miżuri li għandhom jiġu estiżi għandhom ikunu dawk stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1267, għall-“kumpaniji l-oħra kollha”, jiġifieri dazju antidumping definittiv ta’ 63,5 % applikabbli għall-prezz CIF nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju.

(92)

Skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, li jistipulaw li kull miżura estiża għandha tapplika għall-importazzjonijiet li daħlu fl-Unjoni skont ir-reġistrazzjoni imposta mir-Regolament tal-bidu, għandhom jinġabru d-dazji fuq dawk l-importazzjonijiet irreġistrati ta’ ET ikkunsinnati mil-Laos u mit-Tajlandja.

4.   IT-TERMINAZZJONI TAL-INVESTIGAZZJONI KONTRA L-INDJA

(93)

Fid-dawl tas-sejbiet fir-rigward tal-Indja, l-investigazzjoni dwar l-evażjoni possibbli tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ minn importazzjonijiet ta’ ET konsenjati mill-Indja għandha tintemm u r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet ta’ ET konsenjati mill-Indja introdotta mir-Regolament tal-bidu għandha titwaqqaf.

(94)

Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku għall-eżistenza ta’ evażjoni ma ġewx sodisfatti u l-miżuri fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-prodott konċernat li joriġinaw fiċ-Ċina ma għandhomx jiġu estiżi għall-importazzjonijiet tal-istess prodott mibgħut permezz tal-Indja, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Indja jew le.

5.   TALBA GĦALL-EŻENZJONI

(95)

Il-kumpanija mil-Laos li talbet eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku ppreżentat il-formola għal talba ta’ eżenzjoni.

(96)

Kif deskritt fil-premessi minn (21) sa (24), il-kumpanija ma pprovdietx l-informazzjoni meħtieġa fit-talba tagħha għal eżenzjoni u għalhekk il-Kummissjoni injorat l-informazzjoni sottomessa. Fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, instab li l-kumpanija kienet involuta fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni. Għalhekk, ma tistax tingħata eżenzjoni lil din il-kumpanija skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku.

(97)

Kif stabbilit fil-premessa (23), il-Kummissjoni ddeċidiet li ma twettaqx żjarat ta’ verifika fil-bini tal-kumpanija li talbet eżenzjoni.

(98)

Il-Kummissjoni tista’, skont l-Avviż dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 dwar investigazzjonijiet antidumping u antisussidji, hekk kif iż-żoni fejn jinsabu l-produtturi esportaturi investigati jibdew jitqiesu siguri għall-ivvjaġġar, tibda rieżami ex-officio skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

6.   DIVULGAZZJONI

(99)

Fil-25 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni għarrfet lill-partijiet kollha interessati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq, u ġew mistiedna biex jikkummentaw. Il-kummenti waslu mingħand importatur mhux relatat fl-Unjoni, mill-kumpanija fil-Laos u mill-Missjoni tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Laos lejn l-Unjoni. Il-kummenti orali u bil-miktub mibgħuta mill-partijiet ġew ikkunsidrati fejn xieraq.

(100)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1267 fuq l-importazzjonijiet tal-elettrodi tat-tungstenu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina huwa b’dan estiż għall-importazzjonijiet tal-elettrodi tat-tungstenu għall-iwweldjar, inklużi vireg tat-tungstenu u vireg għall-elettrodi tal-iwweldjar, li fihom 94 % jew aktar tal-piż tat-tungstenu, minbarra dawk miksuba sempliċiment bis-sinterizzazzjoni, kemm jekk maqtugħin kif ukoll jekk le, ikkonsenjati mil-Laos u mit-Tajlandja kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mil-Laos u mit-Tajlandja kif ukoll jekk le, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 8101 99 10 u ex 8515 90 80 (kodiċijiet TARIC 8101991011, 8101991012 u 8515908011 u 8515908012).

2.   Id-dazju estiż permezz tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar għall-importazzjonijiet ikkunsinjati mil-Laos u t-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mil-Laos u t-Tajlandja kif ukoll jekk le, irreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2171 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

3.   L-ammont ta’ dazji anti-dumping li għandu jinġabar b’mod retroattiv għandu jkun dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dazju anti-dumping ta’ 63,5 % applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali

Artikolu 2

L-investigazzjoni mibdija bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2171 dwar ċirkomvenzjoni possibbli ta’ miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1267 fuq importazzjonijiet ta’ elettrodi tat-tungstenu għall-welding li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina b’importazzjonijiet ikkonsenjati mill-Indja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja kif ukoll jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni hija terminata.

Artikolu 3

L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati li ma jkomplux ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, stabbilita skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2171.

Artikolu 4

1.   It-talbiet għall-eżenzjoni mid-dazju estiżi permezz tal-Artikolu 1, għandhom isiru bil-miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jridu jkunu ffirmati minn persuna awtorizzata li tirrappreżenta lill-entità li qed titlob l-eżenzjoni. It-talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H Office:

CHAR 04/39

1049 Brussels

Belgium

2.   F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza, b’deċiżjoni, l-eżenzjoni ta’ importazzjonijiet minn kumpaniji li ma jevadux il-miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1267, mid-dazju estiż permezz tal-Artikolu 1.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2007 tad-9 ta’ Marzu 2007 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tungsten electrodes li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 72, 13.3.2007, p. 1).

(3)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 508/2013 tad-29 ta’ Mejju 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ elettrodi tat-tungstenu li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 150, 4.6.2013, p. 1).

(4)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1267 tas-26 ta’ Lulju 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ elettrodi tat-tungstenu li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (ĠU L 200, 29.7.2019, p. 4).

(5)   ĠU L 200, 29.7.2019, p. 4, premessi (28) u (103).

(6)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2171 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jniedi investigazzjoni dwar ċirkomvenzjoni possibbli ta’ miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1267 fuq importazzjonijiet ta’ elettrodi tat-tungstenu li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina b’importazzjonijiet ta’ elettrodi tat-tungstenu kkonsenjati mil-Laos, mit-Tajlandja u mill-Indja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mil-Laos, mit-Tajlandja u mill-Indja kif ukoll jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 329, 19.12.2019, p. 86).

(7)  Minħabba li l-importazzjonijiet kollha mil-Laos lejn l-Unjoni saru mill-uniku produttur/esportatur fil-Laos kif spjegat fil-premessa (21), il-volum totali eżatt ta’ esportazzjonijiet mil-Laos lejn l-Unjoni ma jistax jiġi żvelat għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità.

(8)  Għall-2006, is-sena ta’ qabel l-impożizzjoni tal-miżuri ma kien hemm l-ebda data disponibbli. Għalhekk, il-Kummissjoni qabblet l-importazzjonijiet miċ-Ċina fis-snin 2001-2005 disponibbli mill-investigazzjoni oriġinali u estrapolat it-tendenza għal 2006 (billi użat linja ta’ rigressjoni lineari) biex tikseb dan il-livell stmat ta’ importazzjoni.

(9)  L-ebda importazzjonijiet ma ġew irrappurtati mill-Indja f’Comext u Surveillance 2.

(10)  Idem għal-Laos.

(11)  Idem għat-Tajlandja.

(12)  Taħt il-kodiċijiet tal-livell 8 81019910 u 85159000, il-kodiċijiet tan-nomenklatura doganali Ċiniżi jaqblu l-aktar mill-qrib mal-kodiċijiet TARIC tal-UE għall-prodott li qed jiġi investigat.

(13)  Fit-tqabbil li sar fil-qafas ta’ din l-investigazzjoni, l-aġġustament mil-livell ta’ CIF kif mogħti fil-bażi tad-data 14(6) għal-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika ma kienx sar. Minħabba l-prezz għoli ta’ ET, l-aġġustament ikun insinifikanti (fl-aħħar reviżjoni ta’ skadenza stabbilita fil-medda ta’ EUR 0 sa 1 għal kull kg għall-importazzjonijiet miċ-Ċina) u ma jkollu l-ebda influwenza materjali fuq il-paraguni mwettqa biex tintlaħaq konklużjoni dwar l-evidenza ta’ dumping.