Official Journal L 194 , 27/07/1999 P. 0066 - 0067
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Lulju 1999 fuq ċerti miżuri protettivi rigward ċerti friefet-il-lejl tal-frott, klieb u qtates ġejjin mill-Malasja (Peniżola) u l-Awstralja (notifikata bid-dokument numru C(1999) 2467) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (1999/507/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jjistabilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabilixxi il-prinċipji li jmexxu l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE [1], kif emendati l-aħħar bid-Direttiva 96/43/KE [2], u partikolarment l-Artikolu 18(1) tagħha, (1) Billi l-kundizzjonijiet prinċipali ta’ saħħa ta’ annimali li jridu jiġu mħarsa mill-Istati Membri meta jimportaw minn pajjiżi terzi klieb, qtates u annimali oħra li jistgħu ikollhom ir-rabja huma stipulati fid-Direttiva 92/65/KEE [3]; billi madankollu iċ-ċertifikazzjoni veterinarja għad m’hiex armonizzata; (2) Billi każi fatali ta’ marda Hendra u marda Nipah fil-bniedem ġew rappurtati rispettivament fl-Awstralja u l-Malasja; (3) Billi friefet-il-lejl tal-frott tal-ġeneri Pteropus huma kkunsidrati li jrabbu naturalment virus tal-marda Hendra u rinomati li jżommu fihom kwantità ta’virus tal-marda Nipah; billi madankollu dawn il-mammiferi ma jurux sinjali kliniċi ta’ mard u jistgħu jżommu l-virus flimkien ma antikorpi li jinnewtraliżżawh; (4) Billi il-friefet-il-lejl tal-frott huma kulltant importati minn pajjiżi terzi; billi sakemm ikun hemm il-kundizzjonijiet tal-Komunità tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ friefet-il-lejl tal-frott, jidher neċessarju li jkun hemm ċerti miżuri protettivi rigward il-mard Hendra u Nipah; (5) Billi l-marda Hendra tista’ tittieħed mill-qtates, u klieb u qtates jistgħu jieħdu l-marda Nipah; billi l-esposizzjoni għall-virus rispettivi tnissel serokonverżjoni f’annimali morda u konvalexxenti, li tista’ tiġi mikxufa b’test tal-laboratorju, (6) Billi l-presenza ta’ din il-marda zoonotika fil-pajjiżi fuq imsemmija tista’ tkun ta’ periklu għal persuni u annimali suxxettibbli fil-Komunità; (7) Billi hu neċessarju li jiġu adottati miżuri protettivi fil-livell tal-Komunità rigward importazzjoni ta’ friefet-il-lejl tal-frott, klieb u qtates mill-Malasja (Penisola) u l-Awstralja; (8) Billi din id-deċiżjoni taqbel mal-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju Permanenti, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 1. L-importazzjoni ta’ friefet-il-lejl tal-frott tal-ġeneri Pteropus mill-Malasja (Penisola) u l-Awstralja hi projbita. 2. Derogazzjoni mill-paragrafu 1 u minghajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE, friefet-il-lejl tal-frott tal-ġeneri Pteropus jistgħu jiġu importati b’dawn il-kundizzjonijiet: - l-annimali jkunu ġejjin minn kolonji fejn ikunu miżmuma, u - l-annimali jkunu nżammu f’post ta’ kwarantina għal mill-inqas 60 jum, u - l-annimali jkunu ġew sottomessi b’riżultat negattiv għal newtralizzazzjoni ta’ serum jew test ELISA approvat għal antikorpi kontra virus ta’ mard Hendra u Nipah, magħmula f’laboratorju approvat għal testijiet bħal dawn mill-awtoritajiet kompetenti minn demm meħud darbtejn b’intervall ta’ minn 21 sa 30 jum, it-tieni kampjun ikun meħud sa 10 jiem qabel l-esportazzjoni. Artikolu 2 1. L-importazzjoni ta’ klieb u qtates mill-Malasja (Penisola) hi pprojbita. 2. B’deroga mill-paragrafu 1 klieb u qtates jistgħu jiġu mportati b’dawn il-kundizzjonijiet: - l-annimali ma kellhomx kuntatt ma’ ħnieżer matul almenu 60 jiem ta’ qabel l-esportazzjoni, u - l-annimali ma kienux joqogħdu f-postijiet fejn matul l-aħħar 60 jum ġew konfermati każi ta’ marda Nipah, u - l-annimali ġew sottomessi b’riżultat negattiv għal test IgM u test IgG ELISA magħmula f’laboratorju approvat għal testijiet ta’ antikorpi kontra l-virus tal-marda Nipah mill-awtoritajiet veterinarji kompetenti fuq demm meħud sa 10 jiem qabel l-esportazzjoni. Artikolu 3 1. L-importazzjoni ta’ qtates mill-Awstralja hi pprojbita. 2. B’deroga mill-paragrafu 1 qtates jistgħu jiġu mportati b’dawn il-kundizzjonijiet: - l-annimali ma’ kienux joqogħdu f’postijiet fejn fl-aħħar 60 jum gew konfermati każi ta’ marda Hendra, u - l-annimali ġew sottomessi b’riżultat negattiv għal test IgM u test IgG ELISA magħmula f’laboratorju approvat għal testijiet ta’ antikorpi kontra l-virus tal-marda Hendra mill-awtoritajiet veterinarji kompetenti b’demm meħud sa 10 jiem qabel l-esportazzjoni. Artikolu 4 L-Istati Membri għandhom jemendaw il-miżuri li japplikaw rigward il-Malasja (Penisola) u l-Awstralja biex iġibuhom jaqblu ma’ din id-Deċiżjoni. Huma għandhom jinformaw b’dan lill-Kummissjoni. Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni hi ndirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fis-26 ta’ Lulju 1999. Għall-Kummissjoni Franz Fischler Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 268, ta’ l-24.9.1991, p. 56. [2] ĠU L 162, ta’ l-1.7.1996, p. 1. [3] ĠU L 268, ta’ l-14.9.1992, p. 54. --------------------------------------------------