|
9.10.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 330/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1420
tal-15 ta’ Ottubru 2018
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u l-applikazzjoni proviżorja ta’ Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Att tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), ġie ffirmat fi Brussell fis-17 ta’ Lulju 1995. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 1998. |
|
(2) |
Ir-Repubblika tal-Kroazja saret Stat Membru tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Lulju 2013. |
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 6(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Ftehim irid ikun hemm qbil dwarha permezz ta’ protokoll għall-Ftehim (“il-Protokoll”). Skont il-proċedura simplifikata, irid jiġi konkluż protokoll bejn il-Kunsill, li jaġixxi unanimament f’isem l-Istati Membri, u l-pajjiż terz ikkonċernat. |
|
(4) |
Fl-14 ta’ Settembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-pajjiżi terzi kkonċernati fid-dawl tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni. In-negozjati mar-Repubblika tat-Tuneżija ġew konklużi b’suċċess fil-11 ta’ Mejju 2018. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Protokoll jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u jenħtieġ li jiġi applikat fuq bażi provviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għall-konklużjoni tiegħu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, tal-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal- imsemmi Protokoll.
It-test tal-Protokoll huwa mehmuż għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat sabiex jinnomina l-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.
Artikolu 3
Il-Protokoll għandu jiġi applikat b’mod proviżorju mill-1 ta’ Lulju 2013,. sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għall-konklużjoni tiegħu.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Lussemburgu, il-15 ta’ Ottubru 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
F. MOGHERINI