|
5.6.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
203 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tad-29 ta' Settembru 2006
li tikkonferixxi rikonoxximent Komunitarju limitat għar-Reġistru Pollakk tat-Tbaħħir
(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 4107)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(2006/660/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE tat-22 ta' Novembru 1994 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-ispezzjoni tal-bastimenti u l-organizzazzjonijiet tal-perizji u għall-attivitajiet relevanti ta' l-amministrazzjoniet marittimi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(5) tagħha,
Wara li kkunsidrat l-ittri ta' l-10 ta' Marzu 2004 mill-awtoritajiet Pollakki, ta' l-4 ta' Lulju 2005 mill-awtoritajiet Ċeki, ta' l-10 ta' Marzu 2006 mill-awtoritajiet Ċiprijotti, tat-13 ta' Marzu 2006 mill-awtoritajiet Maltin, tat-30 ta' Marzu 2006 mill-awtoritajiet Litwani u mill-11 ta' April 2006 mill-awtoritajiet Slovakki li talbu lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent Komunitarju tal-Kummissjoni għar-Reġistru Pollakk tat-Tbaħħir (minn hawn 'il quddiem “PRS”) skond l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 94/57/KE,
Billi:
|
(1) |
Ir-rikonoxximent limitat skond l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 94/57/KE huwa rikonoxximent mogħti lil organizzazzjonijiet magħrufa bħala soċjetajiet ta' klassifikazzjoni li jissodisfaw il-kriterji kollha ħlief dawk stipulati fil-paragrafi 2 u 3 tat-taqsima “Ġenerali” A ta' l-Anness tagħha, iżda li huwa limitat fiż-żmien u fl-ambitu sabiex l-organizzazzjoni interessata tista' tikseb aktar esperjenza. |
|
(2) |
Il-Kummissjoni vverifikat li l-PRS jissodisfa l-kriterji kollha ta' l-Anness tad-Direttiva 94/57/KE minbarra dawk stipulati fil-paragrafi 2 u 3 tat-taqsima 'Ġenerali' A ta' dak l-Anness. |
|
(3) |
Il-PRS impenja ruħu li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 15(2), (4) u (5) tad-Direttiva 94/57/KE. |
|
(4) |
Il-prestazzjonijiet mgħoddija ta' l-organizzazzjoni fir-rigward tas-sikurezza u t-tniġġis, minkejja li kemmxejn aktar baxxi mill-medja ta' l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti, huma sodisfaċenti u juru evoluzzjoni pożittiva, partikolarment fil-qasam tal-Memorandum ta' Ftehim ta' Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port, fejn inkiseb titjib kostanti mis-sena 2000. |
|
(5) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-kumitat COSS stabbilit bl-Artikolu 7 tad-Direttiva 94/57/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-“Reġistru tat-Tbaħħir Pollakk” huwa rikonoxxut skond l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 94/57/KE għal perjodu ta' tliet snin mid-data ta' l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
L-effetti tar-rikonoxximent huma limitati għar-Repubblika Ċeka, Ċipru, il-Litwanja, Malta, il-Polonja u r-Repubblika Slovakka.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, nhar id-29 ta' Settembru 2006.
Għall-Kummissjoni
Jacques BARROT
Viċi President tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 319, 12.12.1994, p. 20. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 2002/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 324, 29.11.2002, p. 53).