9.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 329/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1421

tal-1 ta’ Ottubru 2020

dwar il-pożizzjoni li għandħa tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendi għall-Annessi tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) u għar-Regolamenti annessi mal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Jannar 1968. Il-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN) daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Frar 2008.

(2)

L-Unjoni mhijiex Parti Kontraenti għall-ADR u lanqas għall-ADN.

(3)

L-Istati Membri kollha huma Partijiet Kontraenti għall-ADR u japplikawh, filwaqt li 13-il Stat Membru huma Partijiet Kontraenti għall-ADN u japplikawh.

(4)

Taħt l-Artikolu 14 tal-ADR, kwalunkwe Parti Kontraenti tista’ tipproponi emenda jew aktar għall-Annessi ta’ dak il-Ftehim. Il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (WP.15) jista’ jadotta emendi għall-Annessi tal-ADR. Taħt l-Artikolu 20 tal-ADN, il-Kumitat tas-Sikurezza u l-Kumitat Amministrattiv jistgħu jadottaw emendi għar-Regolamenti annessi mal-ADN.

(5)

L-emendi adottati matul il-perjodu ta’ sentejn 2018-2020 mid-WP.15 u mill-Kumitat Amministrattiv tal-ADN dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq u fuq passaġġi tal-ilma interni ġew notifikati lill-Partijiet Kontraenti tal-ADR u tal-ADN fl-1 ta’ Lulju 2020.

(6)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ dawk l-emendi għall-ADR u għall-ADN, peress li dawk l-atti se jkunu kapaċi li jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Dik id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq, bil-ferrovija jew fuq passaġġi tal-ilma interni fl-Istati Membri jew bejniethom billi tirreferi għall-ADR u għall-ADN. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/68/KE jipprevedi li t-trasport ta’ oġġetti perikolużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandu jiġi awtorizzat sa fejn ikun konformi mar-rekwiżiti tal-ADR, tar-Regolament dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bil-Ferrovija (RID) stabbilit fl-Appendiċi C mal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) jew tal-ADN, ħlief jekk ikun indikat mod ieħor fl-Annessi ta’ dik id-Direttiva. Barra minn hekk, taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/68/KE, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadatta t-Taqsima I.1 tal-Anness I u t-Taqsima III.1 tal-Anness III ta’ dik id-Direttiva għall-progress xjentifiku u tekniku, b’mod partikolari sabiex jittieħed kont tal-emendi għall-ADR, għall-RID u għall-ADN.

(7)

L-emendi adottati jikkonċernaw standards tekniċi jew preskrizzjonijiet tekniċi uniformi, u għandhom l-objettiv li jiżguraw it-trasport effiċjenti u sikur ta’ oġġetti perikolużi filwaqt li jittieħed kont tal-progress xjentifiku u tekniku fis-settur u l-iżvilupp ta’ sustanzi ġodda u oġġetti li jippreżentaw periklu matul it-trasport tagħhom. L-iżvilupp tat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq u fuq passaġġi tal-ilma interni, kemm fl-Unjoni kif ukoll bejn l-Unjoni u l-pajjiżi ġirien tagħha, huwa komponent ewlieni tal-politika komuni tat-trasport u jiżgura l-funzjonament tajjeb tal-oqsma industrijali kollha li jipproduċu jew li jużaw oġġetti kklassifikati bħala perikolużi taħt l-ADR u l-ADN.

(8)

Intlaħaq konsensus dwar l-emendi għall-Annessi tal-ADR u għar-Regolamenti annessi mal-ADN koperti minn din id-Deċiżjoni fid-WP.15 u fil-Kumitat Amministrattiv tal-ADN, rispettivament.

(9)

L-emendi adottati huma ġġustifikati u ta’ benefiċċju, u għalhekk jenħtieġ li jiġu appoġġati mill-Unjoni.

(10)

Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma Partijiet Kontraenti għall-ADR u għall-ADN, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-emendi għall-Annessi tal-ADR adottati mill-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (WP.15) u fir-rigward tal-emendi għar-Regolamenti annessi mal-ADN adottati mill-Kumitat Amministrattiv tal-ADN hija ta’ appoġġ għall-emendi li ġejjin:

(a)

l-abbozz ta’ emendi għall-Annessi A u B tal-ADR (id-dokument ta’ referenza ECE/TRANS/WP.15/249; in-notifika depożitarja C.N.274.2020.TREATIES-XI.B.14);

(b)

l-abbozz ta’ emendi għall-Annessi A u B tal-ADR – addendum: (id-dokument ta’ referenza ECE/TRANS/WP.15/249/Add.1; in-notifika depożitarja C.N.274.2020.TREATIES-XI.B.14);

(c)

l-abbozz ta’ emendi għall-Annessi A u B tal-ADR – rettifika: (id-dokument ta’ referenza ECE/TRANS/WP.15/249/Corr.1; in-notifika depożitarja C.N.274.2020.TREATIES-XI.B.14);

(d)

l-abbozz ta’ emendi għar-Regolamenti annessi mal-ADN: (id-dokument ta’ referenza ECE/ADN/54; in-notifika depożitarja C.N.273.2020.TREATIES-XI.D.6);

(e)

l-abbozz ta’ emendi għar-Regolamenti annessi mal-ADN – rettifika: (id-dokument ta’ referenza ECE/TRANS/WP.15/AC.2/25; in-notifika depożitarja C.N.309.2020.TREATIES-XI.D.6); u

(f)

l-abbozz ta’ emendi għar-Regolamenti annessi mal-ADN: (id-dokument ta’ referenza ECE/ADN/54/Add.1; in-notifika depożitarja C.N.367.2020.TREATIES-XI.D.6).

2.   Jistgħu jiġu miftiehma bidliet minuri għall-emendi msemmija fil-paragrafu 1 mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill, f’konformità mal-Artikolu 2.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma Partijiet Kontraenti għall-ADR u għall-ADN, rispettivament, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 3

Għandha tiġi ppubblikata referenza għall-emendi aċċettati għall-Annessi tal-ADR u għar-Regolamenti annessi mal-ADN f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tindika d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawk l-emendi.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13).