|
30.1.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 26/30 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/53/PESK
tat-30 ta’ Novembru 2009
dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Awstralja u l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Presidenza,
Billi:
|
(1) |
Fil-laqgħa tiegħu fid-9 ta’ Marzu 2009, il-Kunsill iddeċieda li jawtorizza lill-Presidenza, assistita mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (is-SĠ/RGħ) u bl-assoċjazzjoni sħiħa tal-Kummissjoni, biex tiftaħ negozjati skont l-Artikolu 24 tat-TUE mal-Awstralja sabiex tikkonkludi Ftehim dwar is-sigurtà tal-informazzjoni. |
|
(2) |
Wara dik l-awtorizzazzjoni biex jinfetħu n-negozjati, il-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, innegozjat Ftehim mal-Awstralja dwar is-sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata. |
|
(3) |
Il-Ftehim għandu jiġi approvat, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Awstralja u l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata hu b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.
It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina il-persuna/i bil-poter li tiffirma l-Ftehim sabiex jorbot lill-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.
Għall-Kunsill
Il-President
B. ASK