Brussell, 24.5.2023

COM(2023) 609 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 ta’ Spanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 ta’ Spanja

{SWD(2023) 609 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 ta’ Spanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 ta’ Spanja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u soċjali u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru bil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ġiet aġġornata fit-30 ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.

(2)Fit-22 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2023 4 , li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2023 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-23 ta’ Marzu 2023. Fit-22 ta’ Novembru 2022, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2023, li fih identifikat lil Spanja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat mill-iżbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2023 ta’ Spanja. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li l-Kunsill adotta fis-16 ta’ Mejju 2023 kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2023 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fit-13 ta’ Marzu 2023.

(3)Filwaqt li l-ekonomiji tal-UE qed juru reżiljenza notevoli, il-kuntest ġeopolitiku għad għandu impatt negattiv. Hekk kif l-UE qed tappoġġa b’mod sod lill-Ukrajna, l-aġenda tal-politika ekonomika u soċjali tal-UE hija ffukata fuq it-tnaqqis tal-impatt negattiv tax-xokkijiet tal-enerġija kemm fuq l-unitajiet domestiċi vulnerabbli kif ukoll fuq il-kumpaniji fuq terminu qasir, u fuq iż-żamma tal-isforzi biex titwettaq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, jiġi appoġġat it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà makroekonomika u tiżdied ir-reżiljenza fuq terminu medju. Hija tiffoka ħafna wkoll fuq iż-żieda fil-kompetittività u l-produttività tal-UE.

(4)Fl-1 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni ħarġet il-Komunikazzjoni Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti 5 biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE u tiġi appoġġata t-tranżizzjoni rapida lejn in-newtralità klimatika. Il-pjan jikkomplementa l-isforzi li għaddejjin bil-Patt Ekoloġiku Ewropew u r-REPowerEU. Dan għandu l-għan li jipprovdi ambjent aktar ta’ appoġġ biex tiżdied il-kapaċità tal-manifattura tal-UE għat-teknoloġiji u l-prodotti b’emissjonijiet żero netti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri klimatiċi ambizzjużi tal-UE kif ukoll jiġi żgurat l-aċċess għal materja prima kritika rilevanti, inkluż billi jiġi diversifikat l-akkwist, billi jiġu sfruttati kif xieraq ir-riżorsi ġeoloġiċi fl-Istati Membri u billi jiġi massimizzat ir-riċiklaġġ tal-materja prima. Il-pjan huwa msejjes fuq erba’ pilastri: ambjent regolatorju prevedibbli u simplifikat, li jħaffef l-aċċess għall-finanzi, itejjeb il-ħiliet, u jiftaħ il-kummerċ għal ktajjen tal-provvista reżiljenti. Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet ukoll il-Komunikazzjoni Il-kompetittività fit-tul tal-UE: Inħarsu lil hinn mill-2030 6 , strutturata fuq disa’ muturi li jsaħħu lil xulxin bil-għan li ssir ħidma lejn qafas regolatorju li jsaħħaħ it-tkabbir. Hija tistabbilixxi prijoritajiet ta’ politika mmirati biex jiżguraw b’mod attiv titjib strutturali, investimenti ffukati tajjeb u miżuri regolatorji għall-kompetittività fit-tul tal-UE u l-Istati Membri tagħha. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt jgħinu biex jiġu indirizzati dawk il-prijoritajiet.

(5)Fl-2023, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kollha jew subsett sinifikanti minnhom maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020 u l-2022 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(6)Ir-Regolament REPowerEU 7 adottat fis-27 ta’ Frar 2023 għandu l-għan li jelimina malajr id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan se jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jżid l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Ir-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jżidu kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzjaw riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. Dawn se jgħinu wkoll biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE kif deskritt fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti u se jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mal-enerġija maħruġa lill-Istati Membri fl-2022 u, fejn applikabbli, fl-2023. Ir-Regolament REPowerEU jintroduċi kategorija ġdida ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, li jsir disponibbli għall-Istati Membri biex jiffinanzjaw riformi u investimenti ġodda relatati mal-enerġija skont il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.

(7)Fit-8 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi gwida għall-politika fiskali għall-2024. Hija għandha l-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika 8 . Il-Kummissjoni fakkret li l-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir se tiġi diżattivata fi tmiem l-2023. Hija appellat għal politiki fiskali fl-2023-2024 li jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn fuq terminu medju kif ukoll iżidu t-tkabbir potenzjali b’mod sostenibbli. L-Istati Membri ġew mistiedna jistabbilixxu fil-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tagħhom tal-2023 kif il-pjanijiet fiskali tagħhom se jiżguraw li l-valur ta’ referenza tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG jiġi rispettat kif ukoll it-tnaqqis plawżibbli u kontinwu tad-dejn, jew biex id-dejn jinżamm f’livelli prudenti fit-terminu medju. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jeliminaw gradwalment il-miżuri fiskali nazzjonali introdotti biex jipproteġu lill-unitajiet domestiċi u lid-ditti mix-xokk tal-prezz tal-enerġija, u jibdew bl-inqas miżuri mmirati. Hija indikat li, jekk ikun meħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ jiġu estiżi minħabba tiġdid fil-pressjonijiet tal-prezzijiet tal-enerġija, jenħtieġ li l-Istati Membri jimmiraw tali miżuri ħafna aħjar milli fil-passat lejn unitajiet domestiċi u ditti vulnerabbli. Il-Kummissjoni pproponiet li r-rakkomandazzjonijiet fiskali jkunu kwantifikati u differenzjati u fformulati fuq il-bażi tan-nefqa primarja netta, kif propost fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE 9 . Hija rrakkomandat li l-Istati Membri kollha jenħtieġ li jkomplu jipproteġu l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżguraw l-użu effettiv tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari fid-dawl tal-objettivi tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tar-reżiljenza. Il-Kummissjoni indikat li se tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024 fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti.

(8)Fis-26 ta’ April 2023, il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi biex timplimenta riforma komprensiva tar-regoli ta’ governanza ekonomika tal-UE. L-objettiv ċentrali tal-proposti huwa li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri kollha permezz ta’ riformi u investimenti. Il-proposti għandhom l-għan li jipprovdu lill-Istati Membri b’aktar kontroll fuq it-tfassil tal-pjanijiet tagħhom fuq perjodu ta’ żmien medju, filwaqt li jistabbilixxu wkoll reġim ta’ infurzar aktar strett biex jiżguraw li l-Istati Membri jwettqu l-impenji li jieħdu fil-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom fuq perjodu ta’ żmien medju. L-objettiv huwa li tiġi konkluża l-ħidma leġiżlattiva fl-2023.

(9)Fit-30 ta’ April 2021, Spanja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Spanja 10 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li Spanja laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(10)Fit-28 ta’ April 2023, Spanja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2023 u, fit-28 ta’ April 2023, il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2023, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali ta’ Spanja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu.

(11)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2023 għal Spanja 11 fl-24 ta’ Mejju 2023. Hija vvalutat il-progress ta’ Spanja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2022, u ħadet kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Spanja. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Hija vvalutat ukoll il-progress ta’ Spanja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

(12)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għal Spanja u ppubblikat ir-riżultati tagħha fl-24 ta’ Mejju 2023 12 . Hija kkonkludiet li Spanja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet relatati ma’ dejn privat, tal-gvern u estern għoli, li għandhom rilevanza transfruntiera, qed jonqsu iżda għadhom preżenti. Id-dejn estern u speċjalment il-proporzjonijiet tad-dejn privat naqsu matul is-snin 2010 u, wara interruzzjoni temporanja fl-2020, reġgħu bdew jonqsu fl-2021 u huma mistennija li jkomplu jonqsu b’appoġġ mit-tkabbir ekonomiku. Madankollu, dawn għadhom f’livelli għoljin. Il-pożizzjoni esterna bbenefikat minn kont kurrenti li ilu f’surplus għal deċennju anki jekk naqas aktar reċentement u dan jirrifletti l-impatt tal-pandemija fuq l-esportazzjonijiet tat-turiżmu u tal-prezzijiet ogħla tal-enerġija fl-2022. Id-dejn tal-gvern għadu għoli. Fl-2022, reġgħet bdiet it-trajettorja ’l isfel li wasslet għal titjib qabel il-pandemija xprunat minn tkabbir tal-PDG nominali b’saħħtu, iżda għadha ogħla mil-livelli ta’ qabel il-pandemija. B’pass aktar moderat, il-prospetti huma għal kontinwazzjoni ta’ dan it-tnaqqis fl-2023 u fl-2024, mirfuda minn miżuri ta’ politika fl-RRP. Is-sistema finanzjarja wriet reżiljenza fid-dawl tax-xokkijiet reċenti kkawżati mill-pandemija u l-kriżi tal-enerġija. Il-qgħad reġa’ qed jonqos, iżda għadu għoli u għad hemm oqsma ta’ vulnerabbiltà, inkluż qgħad għoli ħafna fit-tul u fost iż-żgħażagħ. Ir-riskji potenzjali li jaffettwaw it-tnaqqis ulterjuri tal-vulnerabbiltajiet huma relatati prinċipalment mal-impatt tal-issikkar tal-kundizzjonijiet finanzjarji fuq il-pożizzjonijiet finanzjarji tal-unitajiet domestiċi u tad-ditti kif ukoll fuq is-sostenibbiltà fuq terminu medju sa twil tad-dejn tal-gvern fid-dawl tal-kundizzjonijiet attwali tas-suq u t-tixjiħ tal-popolazzjoni. Il-progress tal-politika kien favorevoli u jenħtieġ li t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-RRP twassal għal aktar titjib.

(13)Fuq il-bażi tad-data vvalidata mill-Eurostat 13 , id-defiċit tal-gvern estiż ta’ Spanja naqas minn 6,9 % tal-PDG fl-2021 għal 4,8 % fl-2022, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 118,3 % tal-PDG fi tmiem l-2021 għal 113,2 % fi tmiem l-2022. Fl-24 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni ppubblikat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE 14 ; ir-rapport iddiskuta l-qagħda baġitarja ta’ Spanja, billi fl-2022 id-defiċit tal-gvern estiż tiegħu qabeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG stabbilit fit-Trattat. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit ma ġiex issodisfat. F’konformità mal-Komunikazzjoni tat-8 ta’ Marzu 2023 15 , il-Kummissjoni ma pproponietx li tiftaħ proċeduri ġodda ta’ defiċit eċċessiv fir-rebbiegħa tal-2023; minflok, il-Kummissjoni ddikjarat li se tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024 fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Jenħtieġ li Spanja tqis dan fl-eżekuzzjoni tal-baġit tagħha għall-2023 u fit-tħejjija tal-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju għall-2024.

(14)Il-bilanċ tal-gvern estiż intlaqat mill-miżuri ta’ politika fiskali adottati biex itaffu l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Fl-2022, tali miżuri li jnaqqsu d-dħul kienu jinkludu t-tnaqqis tal-VAT fuq l-elettriku u l-gass, it-tnaqqis tat-taxxa speċjali fuq l-elettriku u s-sospensjoni tat-taxxa fuq il-valur tal-produzzjoni tal-elettriku; filwaqt li tali miżuri li jżidu n-nefqa kienu jinkludu r-rifużjoni ġeneralizzata tal-fjuwil tal-vetturi ta’ 20 ċenteżmu għal kull litru, appoġġ għall-introjtu lill-unitajiet domestiċi u lill-industriji intensivi fl-enerġija, benefiċċji ogħla permezz tal-vawċer soċjali tal-enerġija u skontijiet fuq il-prezzijiet għall-użu tat-trasport pubbliku. Il-Kummissjoni tistma li l-kost baġitarju nett ta’ dawn il-miżuri kien ta’ 1,6 % tal-PDG fl-2022. Fl-istess ħin, il-kost stmat tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza tal-COVID-19 naqas għal 0,5 % tal-PDG fl-2022, minn 3,1 % fl-2021.

(15)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 Spanja 16 tuża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tiffinanzja investiment addizzjonali b’appoġġ għall-irkupru, filwaqt li ssegwi politika fiskali prudenti. Barra minn hekk, jenħtieġ li Spanja tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll li Spanja tillimita t-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali.

(16)Skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 17 fl-2022 kienet espansjonarja, fil-livell ta’ -2,5 % tal-PDG. Kif irrakkomandat mill-Kunsill, Spanja kompliet tappoġġa l-irkupru b’investimenti li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE ammontat għal 1,1 % tal-PDG fl-2022 (1,2 % tal-PDG fl-2021). L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali pprovda kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,3 punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali 18 . Għaldaqstant, Spanja ppreservat l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata min-nazzjon (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) ipprovda kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 2,7 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali. Din il-kontribuzzjoni espansjonarja sinifikanti kienet tinkludi l-impatt addizzjonali tal-miżuri biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (kost baġitarju nett addizzjonali ta’ 1,5 % tal-PDG). Fl-istess ħin, infiq ogħla fuq il-konsum intermedju u t-trasferimenti soċjali in natura kkontribwew wkoll għat-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja netta. Il-kontribuzzjoni espansjonarja sinifikanti tan-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali kienet dovuta parzjalment biss għall-miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Għaldaqstant, Spanja ma llimitatx biżżejjed it-tkabbir fin-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali.

(17)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-proġettazzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Stabbiltà huwa realistiku għall-2023 u ottimist minn hemm ’il quddiem. Il-Gvern jipproġetta li l-PDG reali jikber bi 2,1 % fl-2023 u bi 2,4 % fl-2024. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta tkabbir tal-PDG reali kemxejn aktar baxx ta’ 1,9 % fl-2023 u 2,0 % fl-2024, prinċipalment minħabba kontribuzzjoni mistennija aktar baxxa mill-konsum privat kemm fl-2023 kif ukoll fl-2024, kif ukoll tkabbir tal-investiment aktar moderat fl-2024.

(18)Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2023, il-Gvern jistenna li d-defiċit tal-gvern estiż se jonqos għal 3,9 % tal-PDG fl-2023. It-tnaqqis fl-2023 jirrifletti prinċipalment il-kost aktar baxx tal-miżuri meħuda b’reazzjoni għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija meta mqabbla mal-2022. Skont il-programm, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos minn 113,2 % fi tmiem l-2022 għal 111,9 % fi tmiem l-2023. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 4,1 % tal-PDG għall-2023. Dan huwa konformi mad-defiċit ipproġettat fil-Programm ta’ Stabbiltà. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon aktar baxx tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 110,6 % fi tmiem l-2023, minħabba aġġustament aktar baxx bejn l-istokk u l-flussi.

(19)Il-bilanċ tal-gvern fl-2023 huwa mistenni li jkompli jintlaqat mill-miżuri adottati biex itaffu l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Dawn jikkonsistu f’miżuri estiżi mill-2022 (b’mod partikolari: it-tnaqqis tal-VAT fuq l-elettriku u l-gass, it-tnaqqis tat-taxxa speċjali fuq l-elettriku, is-sospensjoni tat-taxxa fuq il-valur tal-appoġġ għall-introjtu tal-produzzjoni tal-elettriku lill-unitajiet domestiċi u lill-industriji intensivi fl-enerġija, benefiċċji ogħla permezz tal-vawċer soċjali tal-enerġija u l-iskontijiet fuq il-prezzijiet għall-użu tat-trasport pubbliku) u miżuri ġodda bħar-rifużjoni tal-fjuwil tal-vetturi ta’ 20 ċenteżmu għal kull litru li issa huma mmirati lejn it-trasport bit-triq u bil-baħar u lejn is-setturi tal-agrikoltura u tas-sajd u sussidju ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 200 għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx. Il-kost ta’ dawn il-miżuri huwa parzjalment ikkumpensat minn taxxa fuq profitti mhux mistennija ta’ fornituri kbar tal-enerġija. Meta jitqies dan id-dħul, il-kost baġitarju nett tal-miżuri ta’ appoġġ huwa pproġettat fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni għal 0,6 % tal-PDG fl-2023 19 . Ħafna mill-miżuri fl-2023 ma jidhrux li huma mmirati lejn l-unitajiet domestiċi jew id-ditti l-aktar vulnerabbli, u ħafna minnhom ma jippreservawx kompletament is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika. B’riżultat ta’ dan, l-ammont ta’ miżuri ta’ appoġġ immirati, li għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjoni għall-2023, huwa stmat fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni għal 0,2 % tal-PDG fl-2023 (meta mqabbel maż-0,5 % tal-PDG fl-2022). Fl-aħħar nett, il-bilanċ tal-gvern tal-2023 huwa mistenni li jibbenefika mit-tneħħija gradwali tal-miżuri ta’ emerġenza temporanji tal-COVID-19 ta’ 0,5 % tal-PDG.

(20)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 20 li Spanja tiżgura politika fiskali prudenti fl-2023, b’mod partikolari billi tillimita t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali għal taħt it-tkabbir potenzjali tal-output fuq terminu medju 21 , filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Fl-istess ħin, jenħtieġ li Spanja tkun lesta taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Spanja ngħatat rakkomandazzjoni wkoll biex tespandi l-investiment pubbliku favur it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u biex is-sigurtà tal-enerġija tqis l-inizjattiva REPowerEU, fosthom permezz tal-użu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħrajn tal-Unjoni.

(21)Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni li tkun espansjonarja (-0,3 % tal-PDG). Dan isegwi pożizzjoni fiskali espansjonarja fl-2022 (-2,5 % tal-PDG). It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul) fl-2023 huwa pproġettat li jipprovdi kontribut ġeneralment newtrali ta’ 0,2 % tal-GDP għall-pożizzjoni fiskali. Għaldaqstant, it-tkabbir ipproġettat tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali huwa konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-kontribuzzjoni ġeneralment newtrali pproġettata tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali hija dovuta, fis-sustanza, għat-tnaqqis fil-kostijiet netti tal-miżuri ta’ appoġġ (immirati u mhux immirati) għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija (b’1,0 % tal-PDG). Il-fatturi ewlenin tat-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri ġodda ta’ dħul) huma ż-żieda fit-trasferimenti soċjali, xprunata mir-rabta mill-ġdid tal-pensjonijiet mal-inflazzjoni tal-passat, u nfiq ogħla fuq il-konsum intermedju. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE hija pproġettata li tammonta għal 1,6 % tal-PDG fl-2023, filwaqt li l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,1 punti perċentwali 22 . Għaldaqstant, Spanja tippjana li tiffinanzja investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, u hija pproġettata wkoll li tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali 23 . Tippjana li tiffinanzja investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-politika industrijali msaħħa “España 2030”, il-Pjan għar-riabilitazzjoni tal-akkomodazzjoni u tar-riġenerazzjoni urbana jew l-impuls li ngħata liċ-ċibersigurtà u lill-konnettività 5G, li huma ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE.

(22)Skont il-Programm ta’ Stabbiltà, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos gradwalment għal 3,0 % tal-PDG fl-2024. It-tnaqqis fl-2024 jirrifletti wkoll it-tneħħija gradwali tal-miżuri tal-enerġija. Il-programm jistenna li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż jonqos għal 109,1 % fi tmiem l-2024. Fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 3,3 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa konformi mad-defiċit ipproġettat fil-programm. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon simili tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 109,1 % fi tmiem l-2024.

(23)Il-Programm ta’ Stabbiltà jipprevedi t-tneħħija gradwali tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024, ħlief għat-taxxa fuq il-profitti mhux mistennija għall-kumpaniji tal-enerġija. Il-Kummissjoni tassumi wkoll it-tneħħija gradwali ta’ kważi l-miżuri kollha ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024 (dħul nett ta’ 0,1 % tal-PDG fl-2024). Dawn l-istimi jiddependu fuq is-suppożizzjoni li ma jkunx hemm żidiet ġodda fil-prezzijiet tal-enerġija.

(24)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 jitlob titjib annwali fil-bilanċ tal-baġit strutturali lejn l-objettiv ta’ terminu medju b’0,5 % tal-PDG bħala punt ta’ riferiment 24 . Meta jitqiesu konsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fiskali 25 u l-ħtieġa li d-defiċit jitnaqqas għal taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG, ikun xieraq li jkun hemm titjib fil-bilanċ strutturali ta’ mill-inqas 0,7 % tal-PDG għall-2024. Biex jiġi żgurat tali titjib, jenħtieġ li t-tkabbir fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fuq livell nazzjonali 26 fl-2024 ma jaqbiżx it-2,6 %, kif rifless fir-rakkomandazzjoni.

Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija li fadal (attwalment stmati mill-Kummissjoni għal 0,6 % tal-PDG fl-2023) jitneħħew gradwalment, skont l-iżviluppi tas-suq tal-enerġija u nibdew minn dawk li huma l-inqas immirati, u jenħtieġ li l-iffrankar relatat jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern.

(25)Jekk wieħed jassumi li l-politiki ma nbidlux, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta li n-nefqa primarja netta fil-livell nazzjonali tikber għal 1,4 % fl-2024, li hija aktar baxxa mir-rata ta’ tkabbir rakkomandata.

(26)Skont il-programm, l-investiment tal-gvern (eskluż l-investiment iffinanzjat mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza) huwa mistenni li jonqos minn 2,7 % tal-PDG fl-2023 għal 2,6 % tal-PDG fl-2024. Il-programm jirreferi għal riformi u investimenti, li huma mistennija jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fiskali u għat-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Dawn jinkludu qafas permanenti li jiżgura titjib fil-kwalità tal-infiq pubbliku, miżuri li jipprevjenu u jiġġieldu l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa u r-riforma tas-sistema tat-taxxa biex din issir aktar inklużiva, sostenibbli u kapaċi trawwem is-sostenibbiltà fuq terminu medju u twil tal-finanzi pubbliċi, li huma wkoll parti mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

(27)Il-Programm ta’ Stabbiltà jiddeskrivi perkors fiskali fuq terminu medju sal-2026. Skont il-programm, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos gradwalment għal 2,7 % tal-PDG fl-2025, u għal 2,5 % sal-2026. Għaldaqstant, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jinżel taħt it-3 % tal-PDG fl-2025. Skont il-programm, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos minn 109,1 % fi tmiem l-2024 għal 106,8 % fi tmiem l-2026.

(28)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-Anness V, il-kriterju 2.2 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. L-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Spanja sa issa kienet fi stadju avvanzat. Spanja ppreżentat tliet talbiet għal pagament, li jikkorrispondi għal 121 stadju importanti u mira fil-pjan u li jirriżultaw fi żborż ġenerali ta’ EUR 28 000 000 000. Filwaqt li Spanja kienet fost l-Istati Membri l-aktar avvanzati fl-implimentazzjoni tal-pjan, issa qed tistenna li tirrevedih għal aktar mid-doppju tad-daqs tagħha. Jenħtieġ li dan ikun akkumpanjat minn kapaċità amministrattiva suffiċjenti biex jiġi żgurat l-assorbiment effettiv u effiċjenti tal-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE u nazzjonali disponibbli. B’mod partikolari, Spanja esprimiet l-intenzjoni tagħha li titlob self u se tibbenefika minn allokazzjoni ogħla ta’ għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-pjan rivedut se jinkludi wkoll kapitolu tar-REPowerEU, li għandu jiġi ffinanzjat, mill-inqas parzjalment, mill-għotjiet addizzjonali tar-REPowerEU. L-inklużjoni rapida tal-kapitolu REPowerEU il-ġdid fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza se tippermetti riformi u investimenti addizzjonali li għandhom jiġu ffinanzjati b’appoġġ għall-objettivi strateġiċi ta’ Spanja fil-qasam tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika. F’konformità mal-Artikolu 14(6) tar-Regolament (UE) 2021/241, fit-28 ta’ Marzu 2023, Spanja esprimiet l-intenzjoni tagħha li titlob EUR 84 000 000 000 ta’ appoġġ ta’ self addizzjonali taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-involviment sistematiku u effettiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali.

(29)Il-Kummissjoni approvat id-dokumenti kollha ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni ta’ Spanja fl-2022. It-tkomplija tal-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni f’komplementarjetà u sinerġija mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija kruċjali biex tinkiseb it-tranżizzjonijiet ekoloġika u diġitali, tiżdied ir-reżiljenza ekonomika u soċjali, kif ukoll żvilupp territorjali bbilanċjat fi Spanja.

(30)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, Spanja qed tiffaċċja għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika, mal-interkonnessjonijiet tal-enerġija u mal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

(31)Minkejja l-esponiment dirett baxx għall-fjuwils fossili Russi, iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija esperjenzata fl-2022 tenfasizza l-ħtieġa li Spanja taċċellera t-tranżizzjoni tagħha lejn enerġija nadifa. Spanja miexja ’l quddiem fl-użu tal-enerġija rinnovabbli, u hija wieħed mill-Istati Membri bl-ogħla kapaċità installata ta’ enerġija eolika u solari, b’madwar 49,8 GW. Madankollu, skont il-proġettazzjonijiet fil-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, jenħtieġ li Spanja timmira li tinstalla 67 GW ta’ enerġija eolika u 35 GW ta’ enerġija solari sal-2030. Xi titjib fil-proċeduri tal-permessi, b’mod partikolari għall-awtokonsum, għenha tagħmel aktar progress fl-użu ta’ dawn it-teknoloġiji. Madankollu, Spanja ilha tiffaċċja ammont kbir ta’ applikazzjonijiet pendenti għal impjanti ġodda tal-enerġija rinnovabbli. Il-limiti tal-kapaċità tan-network jillimitaw l-integrazzjoni ulterjuri tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-grilja tal-elettriku. Spanja hija wieħed mill-pajjiżi bl-ogħla sehem ta’ arloġġi intelliġenti, iżda jenħtieġu investimenti addizzjonali fl-infrastruttura tan-network u fil-ħżin biex jiġi integrat elettriku rinnovabbli addizzjonali. Il-miżuri biex jiġi aċċellerat l-użu tal-enerġija rinnovabbli jistgħu jinkludu simplifikazzjoni u diġitalizzazzjoni ulterjuri tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi, allokazzjoni aktar rapida tal-kapaċità tan-network għall-proġetti, u appoġġ għall-ħidma tal-awtoritajiet fl-ipproċessar tal-permessi billi jiġu żgurati ħiliet u persunal xierqa fl-awtoritajiet tal-għoti tal-permessi kif ukoll billi tissaħħaħ il-koordinazzjoni fost il-livelli kollha tal-gvern. Barra minn hekk, il-livell tal-interkonnessjoni tal-elettriku transfruntiera ta’ Spanja fl-2022 (5,4 %) għadu ferm taħt il-miri tal-interkonnessjoni għall-2020 (10 %) u l-2030 (15 %).

(32)Il-konsum tal-gass naturali fi Spanja naqas b’10,8 % fil-perjodu bejn Awwissu 2022 u Marzu 2023, meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass matul l-istess perjodu fil-ħames snin preċedenti, li huwa aktar mill-mira ta’ tnaqqis ta’ 7 % 27 . Spanja hija mħeġġa tkompli bl-isforzi tagħha biex tnaqqas temporanjament id-domanda għall-gass sal-31 ta’ Marzu 2024 28 . Aktar investiment f’akkomodazzjoni effiċjenti fl-enerġija jgħin biex jittaffew l-isfidi ta’ affordabbiltà. It-tnaqqis sinifikanti fil-kapaċità tal-akkwist, it-tkabbir sostnut tal-prezzijiet tal-kiri u l-pagamenti ogħla tal-ipoteki aggravaw il-problemi tal-affordabbiltà, b’mod partikolari għall-unitajiet domestiċi vulnerabbli. Il-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli u soċjali għadha ristretta u hija ferm aktar baxxa mill-medja tal-UE. Il-pjan nazzjonali attwali għall-enerġija u l-klima ta’ Spanja jipprevedi l-kisba ta’ 1,2 miljun rinnovazzjoni ta’ bini residenzjali sal-2030, bil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jkopri madwar terz minnhom. L-użu ta’ akkomodazzjoni addizzjonali effiċjenti fl-enerġija f’żoni b’nuqqasijiet qawwija u swieq taħt stress, inkluż permezz tar-rinnovazzjoni u l-elettrifikazzjoni, jista’ jgħin biex jitrażżan il-konsum tal-enerġija u tiġi indirizzata t-tranżizzjoni ekoloġika, kif ukoll jappoġġa unitajiet domestiċi vulnerabbli aktar esposti għall-faqar enerġetiku. Akkomodazzjoni soċjali u affordabbli għall-kiri mmirata sew ipprovduta f’kooperazzjoni mas-settur privat tista’ tgħin biex jiġi limitat l-impatt fiskali.

(33)It-trasport għadu jiddependi ħafna fuq il-fjuwils taż-żejt. Is-settur jirrappreżenta sehem kbir tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u jikkontribwixxi wkoll għat-tniġġis tal-arja, li huwa ogħla mill-medja tal-UE. L-infrastruttura insuffiċjenti u l-aċċess għat-trasport pubbliku għadhom ta’ tħassib fiż-żoni rurali. L-implimentazzjoni tal-elettromobbiltà hija sottożviluppata kemm min-naħa tal-provvista kif ukoll min-naħa tad-domanda. It-tlestija tan-network ferrovjarju ewlieni ta’ veloċità għolja, inkluż dak transfruntier, sal-2030 se taċċellera t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u tagħmel it-trasport inqas dipendenti fuq il-fjuwils fossili. Il-miżuri inklużi fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għandhom il-potenzjal li jittrasformaw it-trasport urban/metropolitan u jsaħħu n-Network Trans-Ewropew tat-Trasport, u jgħinu biex jiġu introdotti d-diġitalizzazzjoni u teknoloġiji ġodda fis-settur.

(34)In-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet fis-setturi u l-okkupazzjonijiet ewlenin għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluż il-manifattura, il-varar u l-manutenzjoni ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, qed joħolqu ostakli fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti. Sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu u miżuri mmirati ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid huma kruċjali biex jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħiliet u jiġu promossi l-inklużjoni u r-riallokazzjoni tax-xogħol. Biex tiġi sfruttata l-provvista tax-xogħol mhux sfruttata, dawn il-miżuri jeħtieġ li jkunu aċċessibbli, b’mod partikolari għall-individwi u fis-setturi u r-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika. Fl-2022, ġew irrapportati nuqqasijiet ta’ ħaddiema fi Spanja għal diversi okkupazzjonijiet li kienu jeħtieġu ħiliet jew għarfien speċifiċi għat-tranżizzjoni ekoloġika, bħal tekniċi tal-inġinerija tal-elettronika.

(35)Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 u l-opinjoni tiegħu 29 hija riflessa fir-Rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(36)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex (i) jippreservaw is-sostenibbiltà tad-dejn u joqogħdu lura minn appoġġ wiesa’ għad-domanda aggregata fl-2023, jimmiraw aħjar il-miżuri fiskali meħuda biex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u jirriflettu dwar modi xierqa biex jitnaqqas l-appoġġ hekk kif jonqsu l-pressjonijiet tal-prezzijiet tal-enerġija; (ii) isostnu investiment pubbliku għoli u jippromwovu l-investiment privat biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; (iii) jappoġġaw l-iżviluppi fil-pagi li jtaffu t-telf fil-kapaċità tal-akkwist filwaqt li jillimitaw l-effetti indiretti fuq l-inflazzjoni, ikomplu jtejbu l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet; (iv) itejbu l-ambjent tan-negozju u jiżguraw li l-appoġġ għall-enerġija lill-kumpaniji jkun kosteffettiv, temporanju, immirat lejn ditti vijabbli u li jżomm l-inċentivi għat-tranżizzjoni ekoloġika; u (v) jippreservaw l‑istabbiltà makrofinanzjarja u jagħmlu monitoraġġ tar-riskji filwaqt li jkomplu jaħdmu biex jikkompletaw l-Unjoni Bankarja. Għal Spanja, ir-Rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (3) jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni u t-tielet rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro.

(37)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-Rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt. Il-politiki fiskali msemmija fir-Rakkomandazzjoni (1) jgħinu biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi marbuta mad-dejn għoli tal-gvern. Ir-Rakkomandazzjoni (2) tikkontribwixxi biex tiġi indirizzata r-Rakkomandazzjoni (1). Il-politiki msemmija fir-Rakkomandazzjoni (1) jikkontribwixxu kemm biex jindirizzaw l-iżbilanċi kif ukoll biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet għaż-Żona tal-Euro, f’konformità mal-premessa 36.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li Spanja tieħu azzjoni fl-2023 u fl-2024 biex:

1.Tnaqqas il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fis-seħħ sa tmiem l-2023, bl-użu tal-iffrankar relatat biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Jekk iż-żidiet imġedda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu miżuri ta’ appoġġ, tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija.

Tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2024 għal mhux aktar minn 2,6 %.

Tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet tal-RRF u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Għall-perjodu lil hinn mill-2024, tkompli ssegwi strateġija fiskali fuq terminu medju ta’ konsolidazzjoni gradwali u sostenibbli, flimkien ma’ investimenti u riformi li jwasslu għal tkabbir sostenibbli ogħla, biex tinkiseb pożizzjoni fiskali prudenti fuq terminu medju.

2.Iżżomm il-momentum fl-implimentazzjoni kostanti tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha u tiffinalizza malajr il-kapitolu REPowerEU bil-ħsieb li tibda l-implimentazzjoni tiegħu b’mod rapidu. Tiżgura li l-kapaċità amministrattiva tibqa’ suffiċjenti fid-dawl taż-żieda ppjanata fid-daqs tal-pjan. Tkompli bl-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, f’komplementarjetà u sinerġija mill-qrib mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

3.Tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili. Taċċellera l-użu tal-enerġija rinnovabbli, inkluż billi tkompli tissimplifika u tiddiġitalizza l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi, tappoġġa l-ħidma tal-awtoritajiet tal-għoti tal-permessi, ittejjeb l-aċċess għall-grilja u tinvesti fil-ħżin tal-enerġija, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku u l-interkonnessjonijiet transfruntiera tal-elettriku. Iżżid id-disponibbiltà ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli effiċjenti fl-użu tal-enerġija, inkluż permezz tar-rinnovazzjoni, taċċellera l-elettrifikazzjoni tal-bini u l-penetrazzjoni tal-elettromobbiltà. Iżżid l-isforzi ta’ politika mmirati lejn il-forniment u l-akkwist tal-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).
(4)    COM(2022) 780 final.
(5)    COM(2023) 62 final.
(6)    COM(2023) 168 final.
(7)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1).
(8)    COM(2023) 141 final.
(9)    COM(2022) 583 final.
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Spanja (ST 10150/21; ST 10150/21 ADD 1; ST 10150/21 ADD 1 REV 1; ST 10150/21 ADD 1 REV 2; ST 10150/21 COR 1).
(11)    SWD(2023) 609 final.
(12)    SWD(2023) 632 final.
(13)    Eurostat-Euro Indicators, 47/2023, 21.4.2023
(14)    COM(2023) 631 final, 24.5.2023.
(15)    COM(2023) 141 final, 8.3.2023.
(16)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021 ta’ Spanja, ĠU C 304, 29.07.2021, p. 38.
(17)    Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali), bl-esklużjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19 imma bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħrajn tal-UE, relattivi mat-tkabbir potenzjali fit-terminu medju. Għal aktar dettalji ara l-Kaxxa 1 fit-Tabelli tal-Istatistika Fiskali.
(18)    Qed jitbassar ukoll li nefqa kapitali oħra ffinanzjata fil-livell nazzjonali se jkollha kontribut restrittiv ta’ 0,3 % punt perċentwali tal-PDG minħabba l-aġġustament gradwali lejn il-livelli ta’ qabel il-pandemija.
(19)    Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta’ dawk il-miżuri, inklużi d-dħul u n-nefqa kurrenti kif ukoll – fejn rilevanti – il-miżuri tan-nefqa kapitali.
(20)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 ta’ Spanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 ta’ Spanja, ĠU C 334, 1.9.2022, p. 70.
(21)    Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni, it-tkabbir potenzjali tal-output fuq terminu medju (medja ta’ 10 snin) ta’ Spanja huwa stmat għal 5,5 % f’termini nominali.
(22)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,2 punt perċentwali tal-PDG.
(23)    In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE ammontat għal 1,6 % tal-PDG fl-2023, filwaqt li l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali pprovdew kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,2 punt perċentwali. Nefqa kapitali oħra ffinanzjata f’livell nazzjonali hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,2 punt perċentwali tal-PDG.
(24)    Ara l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, li jirrikjedi wkoll aġġustament ta’ aktar minn 0,5 % tal-PDG għall-Istati Membri b’dejn tal-gvern li jaqbeż is-60 % tal-PDG, jew b’riskji aktar evidenti għas-sostenibbiltà tad-dejn.
(25)    Il-Kummissjoni stmat li Spanja tkun teħtieġ żieda annwali medja fil-bilanċ strutturali primarju bħala sehem tal-PDG ta’ 0,6 punt perċentwali biex tikseb tnaqqis plawżibbli tad-dejn jew tiżgura li d-dejn tal-gvern jinżamm f’livelli prudenti fuq terminu medju. Din l-istima kienet ibbażata fuq it-tbassir tal-ħarifa 2022 tal-Kummissjoni. Il-punt tat-tluq għal din l-istima kien id-defiċit u d-dejn ipproġettati tal-gvern għall-2024 li assumew l-irtirar tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024.
(26)    In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji u bl-esklużjoni tan-nefqa fuq l-imgħax kif ukoll in-nefqa ċiklika fuq il-qgħad.
(27)    Spanja ngħatat deroga, u għalhekk il-mira tagħha hija ta’ 7 % minflok ta’ 15 %
(28)     Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/706
(29)    Skont l-Artikoli 5(2) u 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.