28.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 75/102


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Viżjoni strateġika dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija li tippermetti l-awtonomija strateġika tal-UE”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2023/C 75/15)

Relaturi:

Thomas KATTNIG

Lutz RIBBE

Tomasz Andrzej WRÓBLEWSKI

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

20.1.2022

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adozzjoni fis-sezzjoni

4.10.2022

Adozzjoni fil-plenarja

26.10.2022

Sessjoni plenarja Nru

573

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

197/9/12

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Fi tmiem l-2021, il-KESE ddeċieda li jiżviluppa viżjoni komprensiva għat-tranżizzjoni tal-enerġija. Fit-18 ta’ Jannar 2022, il-KESE ddeċieda li s-sezzjonijiet kollha u s-CCMI għandhom jinkludu Opinjonijiet fuq inizjattiva proprja dwar diversi aspetti tat-tranżizzjoni tal-enerġija f’Opinjoni ġenerali dwar Viżjoni strateġika dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija biex ikun jista’ jsir żvilupp sostenibbli.

Madankollu, is-sitwazzjoni attwali fl-Ukrajna, wara l-invażjoni militari mill-Federazzjoni Russa, poġġiet it-tranżizzjoni tal-enerġija fil-quċċata tal-lista ta’ prijoritajiet, peress li l-konsegwenzi għall-provvista tal-enerġija u l-prezzijiet tal-enerġija tal-UE huma mingħajr preċedent.

Fid-dawl tal-kriżi attwali u filwaqt li jitqies l-objettiv li tintemm id-dipendenza tal-UE fuq il-gass Russu sal-2030, din l-Opinjoni tal-KESE tippreżenta viżjoni komprensiva għat-tranżizzjoni tal-enerġija sabiex tinbena u tiġi promossa l-awtonomija strateġika tal-UE fil-qasam tal-enerġija.

Sabiex tiġi żviluppata viżjoni strateġika fit-tul, din l-Opinjoni qafas tiġbor fil-qosor:

—

konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet mill-Opinjonijiet settorjali fuq inizjattiva proprja (1);

—

konklużjonijiet mill-Opinjonijiet dwar REPowerEU u l-pjan REPowerEU u l-proposti leġiżlattivi li jmiss; u

—

konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet minn Opinjonijiet preċedenti tal-KESE.

1.2.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għar-riskju li l-effetti ekonomiċi u soċjali kkombinati tal-kriżi tal-enerġija attwali jpoġġu s-sistema demokratika taħt pressjoni sakemm ma jinstabux soluzzjonijiet adegwati. Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-implimentazzjoni ta’ miżuri immedjati biex jiġu indirizzati l-aktar kwistjonijiet urġenti, b’mod partikolari biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista bi spiża li tkun “affordabbli kemm jista’ jkun” kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-industrija, li huma affettwati miż-żidiet drammatiċi attwali fil-prezzijiet.

1.3.

It-tibdil fil-klima qiegħed dejjem aktar isir realtà morra fl-Ewropa. Barra minn hekk, il-kriżi tal-enerġija attwali, aggravata mill-invażjoni aggressiva tal-Ukrajna mir-Russja, turi b’mod ċar li kemm l-għanijiet kif ukoll il-miżuri proposti taħt l-“Unjoni Ewropea tal-Enerġija” u l-Patt Ekoloġiku huma korretti essenzjalment, iżda mhumiex ambizzjużi biżżejjed. Dawn għadhom mhumiex biżżejjed biex iwasslu lill-Ewropa għal “awtonomija strateġika tal-enerġija” sigura, sostenibbli u kompetittiva. Fuq kollox, dawn għadhom qed jiġu indirizzati wisq b’mod timidu. Hija meħtieġa bidla fil-paradigma f’dan ir-rigward.

1.4.

Il-potenzjal li għandha l-Ewropa fil-qasam tal-enerġiji rinnovabbli għandu jiġi identifikat b’mod kemm jista’ jkun preċiż u kkomunikat b’mod ġenerali sabiex jiġi promoss fehim komuni tal-massimu tal-indipendenza mill-importazzjonijiet tal-enerġija li jista’ jinkiseb. B’mod partikolari, għandhom jitqiesu l-elettrifikazzjoni tas-setturi tas-sħana u tat-trasport u l-ħtieġa għal idroġenu ekoloġiku prodott domestikament.

1.5.

Barra mill-isfruttament ta’ dan il-potenzjal mill-aktar fis possibbli, il-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija għandu jiġi sfruttat aktar bis-sħiħ. Fis-sitwazzjoni attwali, l-iffrankar tal-enerġija huwa l-aqwa mod biex jiġu prodotti effetti immedjati.

1.6.

Fl-istess ħin, se jkunu neċessarji miżuri fuq terminu ta’ żmien qasir u possibbilment ta’ żmien medju wkoll biex jikkumpensaw għal provvisti ta’ enerġija mitlufa mir-Russja. Miżura minnhom hija l-importazzjoni tal-LNG. Il-KESE jemmen, madankollu, li huwa importanti li dan ma joħloqx dipendenzi ġodda ta’ terminu twil fuq fjuwils fossili. Dan għandu jitqies minn qabel fiċ-ċiklu tal-investiment. B’mod ġenerali, l-għan ma huwiex li jiġu ddiversifikati d-dipendenzi, iżda li jinkiseb l-ogħla livell possibbli ta’ “awtonomija strateġika”.

1.7.

Din it-trasformazzjoni ma hijiex biss sfida teknika kbira; hija tinvolvi wkoll kwistjonijiet strutturali. Fil-futur, il-produzzjoni tal-enerġija sejra tkun ħafna aktar deċentralizzata milli fil-passat. Dan jiftaħ ukoll opportunitajiet għal bliet u reġjuni u partijiet interessati ġodda oħra, eż. MSMEs, u prosumaturi individwali u dawk komunitarji. Il-KESE jemmen li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi għadhom ma pprovdewx indikazzjonijiet jew miżuri ċari dwar kif, b’mod partikolari, dawk li sa issa kienu biss konsumaturi tal-enerġija jistgħu jsiru atturi ġodda. Huwa enfasizza f’diversi mill-Opinjonijiet tiegħu li l-aċċettazzjoni hija rekwiżit kruċjali sabiex tiġi żgurata trasformazzjoni rapida. Id-drittijiet ta’ parteċipazzjoni u l-opportunitajiet huma l-aqwa modi kif din l-aċċettazzjoni tista’ tinkiseb. Għaldaqstant ma hijiex biss kwistjoni ta’ fejn u minn liem sors tiġi prodotta l-enerġija, iżda anki ta’ min għandu l-permess li jaqla’ l-flus minnha. Il-KESE jtenni t-talba tiegħu għal miżuri ġenerali u mmirati ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni, imwettqa b’mod koordinat u komplementari mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Istati Membri, flimkien mal-organizzazzjonijiet kummerċjali, il-kmamar tal-kummerċ, l-imsieħba soċjali u partijiet interessati rilevanti oħrajn (2).

1.8.

Il-KESE jtenni l-konvinzjoni li esprima f’Opinjonijiet preċedenti: mhux biss għandhom jintużaw il-fondi ta’ koeżjoni reġjonali u l-għajnuna għar-rikostruzzjoni b’mod li jappoġġjaw l-azzjoni dwar il-klima u t-tranżizzjoni tal-enerġija, iżda l-politka dwar il-klima u l-enerġija għandha wkoll titfassal biex tippromovi l-koeżjoni soċjali u reġjonali.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għar-riskju li l-effetti ekonomiċi u soċjali kkombinati tal-kriżi tal-enerġija attwali jpoġġu s-sistema demokratika taħt pressjoni sakemm ma jinstabux soluzzjonijiet adegwati. Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-implimentazzjoni ta’ miżuri immedjati biex jiġu indirizzati l-aktar kwistjonijiet urġenti, b’mod partikolari biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista bi spiża li tkun “affordabbli kemm jista’ jkun” kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-industrija, li huma affettwati miż-żidiet drammatiċi attwali fil-prezzijiet.

2.2.

Il-konsegwenzi tal-kriżi tal-klima qed ikollhom impatt kbir fuq l-Ewropa u d-dinja. Il-KESE jtenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-objettivi stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku, għat-tisħiħ tal-awtonomija strateġika fil-provvista tal-enerġija u għat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, u newtrali għall-klima. Il-“gwerra tal-enerġija” li bdiet ir-Russja tagħmel aktar ċara l-ħtieġa li t-trasformazzjoni mibdija mill-Patt Ekoloġiku tiġi aċċellerata bil-kbir. REPowerEU u inizjattivi oħra proposti mill-Kummissjoni jservu biex il-Patt Ekoloġiku jiġi adattat kif meħtieġ, iżda għadhom mhumiex ambizzjużi biżżejjed.

2.3.

Id-dimensjoni soċjali għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fi kwalunkwe miżuri ppjanati bħala parti mit-tranżizzjoni tal-enerġija. Minn naħa, dan huwa meħtieġ sabiex ma tiġix ipperikolata l-approvazzjoni pubblika għall-bidliet neċessarji u biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta. Min-naħa l-oħra, din it-trasformazzjoni sejra tippermetti wkoll żviluppi pożittivi fl-ekonomija reġjonali, inklużi impjiegi ġodda (3), li jippromovu l-aċċettazzjoni. Bħala rappreżentant tas-soċjetà ċivili, il-KESE ta’ sikwit ipprovda gwida dwar kif il-membri tal-pubbliku għandhom jiġu involuti sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mit-“trasformazzjoni ġusta”. Sfortunatament, din ġiet injorata b’mod ġenerali, li jista’ jwassal għal aktar diffikultajiet fil-kisba tal-aċċettazzjoni.

2.4.

Il-KESE jemmen li l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea, partikolarment is-settur industrijali u l-MSMEs bħala fatturi tal-innovazzjoni sostenibbli, għandha u tista’ tiġi ssalvagwardjata. Kunċetti intelliġenti għall-użu tal-enerġija – pereżempju, impjanti tal-enerġija virtwali – joffru opportunitajiet konsiderevoli ta’ tkabbir għal kumpaniji iżgħar. Peress li l-MSMEs huma parti essenzjali mis-soluzzjoni għal ekonomija kompetittiva, newtrali għall-klima, ċirkolari u inklużiva fl-UE, għandhom jinħolqu u jinżammu l-kundizzjonijiet it-tajba b’forom immirati ta’ kundizzjonijiet ta’ appoġġ u ta’ qafas. Dan huwa neċessarju sabiex jiġu żgurati u maħluqa tkabbir ekonomiku u impjiegi ta’ kwalità għolja.

2.5.

Filwaqt li l-UE hija minn ta’ quddiem fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, għandhom jiġu involuti atturi oħrajn fl-azzjoni dwar il-klima. L-Unjoni Ewropea għandha żżid l-impenji diplomatiċi tagħha, tidħol f’forom ġodda ta’ kooperazzjoni u tuża għodda bħall-ftehimiet ta’ kooperazzjoni u ta’ negozju biex tipperswadi lil pajjiżi terzi biex jagħmlu aktar biex jittrattaw din il-kriżi. Fl-istess ħin, jeħtieġ li l-UE jkollha diskors dwar jekk għandhiex iċċaqlaq il-ktajjen tal-provvista industrijali lura lejn l-Ewropa sabiex tnaqqas id-dipendenza fuq il-fornituri Ċiniżi – pereżempju fis-settur tal-moduli fotovoltajċi u tal-batteriji – u fl-istess ħin tiggarantixxi katina tal-provvista kompletament sostenibbli, inkluż f’termini ta’ politika soċjali u ta’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

2.6.

Il-kriżi (tal-prezz) tal-enerġija attwali u n-nuqqas ta’ sigurtà, stabbiltà u prevedibbiltà fl-provvista qegħdin jagħmlu pressjoni enormi fuq l-Unjoni Ewropea. Il-kriżi kienet tkun inqas severa kieku ttieħdet aktar azzjoni speċifika aktar kmieni u, pereżempju, kieku l-objettivi tal-UE nnifisha (bħal dawk tal-Unjoni Ewropea tal-Enerġija) ittieħdu aktar bis-serjetà. Il-KESE jilqa’ l-miżuri proposti fil-komunikazzjoni tar-REPowerEU u l-pjan tar-REPowerEU għal żieda fil-produzzjoni tal-enerġija ekoloġika, fid-diversifikazzjoni tal-provvista u t-tnaqqis fid-domanda għall-gass Russu, peress li s-soluzzjonijiet li jissuġġerixxu huma konformi mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u l-Unjoni Ewropea tal-Enerġija. Fil-fehma tal-Kumitat, dan ma għandux ikun primarjament kwistjoni ta’ diversifikazzjoni tad-dipendenzi iżda, sa fejn possibbli, kwistjoni ta’ “indipendenza u awtonomija strateġiċi tal-enerġija”. Fir-rigward tar-riżorsi biex jissostitwixxu l-gass Russu, il-KESE jwissi li l-UE għandha tkun kawta b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt ta’ dawn ir-riżorsi fuq l-ambjent, u dipendenzi ġodda fuq pajjiżi terzi li ma jikkondividux il-valuri Ewropej.

2.7.

Is-sitwazzjoni fis-swieq tal-enerġija f’Awwissu 2022 uriet biċ-ċar li l-ebda sors ta’ enerġija mhu mija fil-mija affidabbli f’kull ħin. Pereżempju, għal xhur sħaħ, għadd sostanzjali ta’ impjanti tal-enerġija nukleari fi Franza ma ġewx konnessi mal-grilja minħabba l-manutenzjoni, l-impatt tat-tibdil fil-klima u kwistjonijiet oħra. Il-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-faħam mhux biss kellha impatt sinifikanti fuq il-kriżi klimatika, iżda qed tbati wkoll direttament minnha: minħabba l-livelli baxxi tal-ilma fir-Renu bħala riżultat tan-nixfa, l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam ma jistgħux jibqgħu jiġu fornuti. Għal raġunijiet simili, l-enerġija idroelettrika saret inqas stabbli wkoll, kif intwera fl-Italja, pereżempju. Barra minn hekk, il-gass naturali, kemm jekk trasportat bħala gass kif ukoll jekk f’forma likwida, mhux biss jagħmel ħsara lill-klima, iżda għandu wkoll riskji ġeopolitiċi enormi. Fi kliem ieħor, fit-taħlita tal-enerġija diversifikata u assigurata li l-Istati Membri kollha bħalissa qed jimmiraw li jkollhom, l-enerġija mir-riħ u mix-xemx tispikka bħala sorsi strateġiċi u vijabbli għall-politika futura tal-UE dwar l-enerġija. Biex jiġu kkumpensati l-fluttwazzjonijiet f’dawn iż-żewġ sorsi tal-enerġija jeħtieġ, l-ewwel u qabel kollox, faċilitajiet ta’ ħżin u, it-tieni, idroġenu ekoloġiku, li fih l-enerġija mir-riħ u mix-xemx tista’ “tinħażen” fit-tul. Il-kwistjoni deċiżiva għall-awtonomija strateġika tal-Ewropa hija kemm jista’ jiġi prodott idroġenu ekoloġiku fl-Ewropa nnifisha u kemm għandu jiġi importat. Barra minn hekk, fi żmien tat-trasformazzjoni, aħna se nindikaw l-aktar sors relattivament affidabbli u effiċjenti fir-rigward tal-klima.

2.8.

L-iżviluppi tal-aħħar deċennji u mhux l-inqas l-avvenimenti tal-passat reċenti jiżvelaw il-periklu ta’ attakki ċibernetiċi u atti ta’ sabotaġġ fuq infrastrutturi kritiċi bħall-grilja tal-enerġija jew l-impjanti tal-enerġija. Il-falliment ta’ dawn l-infrastrutturi jew it-tfixkil tagħhom jista’ jikkawża nuqqasijiet devastanti fil-provvista u jipperikola s-sikurezza pubblika. L-infrastruttura kritika bħall-grilji tal-gass u tal-elettriku, il-kejbils tal-Internet fil-baħar fond, l-installazzjonijiet lil hinn mill-kosta kif ukoll il-parks eoliċi fuq l-art u t-terminals tal-LNG, l-impjanti tal-faħam jew tal-enerġija nukleari, it-trasport u t-traffiku, is-servizzi tas-saħħa, il-finanzi u s-sigurtà jistgħu jkunu miri għaċ-ċiberattakki kif ukoll għall-attakki fiżiċi. Huwa fl-interess ta’ kulħadd fl-Ewropa li din l-infrastruttura kritika tiġi protetta aħjar. L-UE għandha tkun ippreparata aħjar għal attakki potenzjali ta’ dan it-tip. Għalhekk, il-KESE jappella għal evalwazzjoni kritika immedjata tal-miżuri li ttieħdu s’issa u għal strateġija komprensiva biex l-UE tiġi protetta minn theddid bħal diżastri naturali, attakki fiżiċi u attakki ċibernetiċi. F’dan il-kuntest, il-KESE jirrakkomanda li kwalunkwe investiment barrani f’setturi strateġiċi fl-Unjoni jikkonforma mal-politika ta’ sigurtà tal-UE.

2.9.

Il-KESE jilqa’ l-istabbiliment ta’ Fond Soċjali għall-Klima (4). Madankollu, il-KESE huwa konvint li l-Fond mhuwiex se jipprovdi biżżejjed appoġġ finanzjarju biex jiġu ffaċċjati l-effetti soċjoekonomiċi b’mod responsabbli. L-isfida enormi tat-tfassil ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens effettiv u ġust f’żona ekonomika eteroġena li tinkludi 27 Stat Membru teħtieġ miżuri ta’ akkumpanjament u riżorsi aktar estensivi fil-livell tal-UE u dak nazzjonali.

2.10.

Iż-żieda enormi fil-prezzijiet tal-enerġija għamlitha ċara li s-suq tal-enerġija tal-lum huwa biss parzjalment sostenibbli. Il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen innifisha, b’referenza għall-ipprezzar transfruntier abbażi tal-kost fil-boroż Ewropej tal-elettriku, iddikjarat li din is-sistema ma tibqax tiffunzjona jekk il-volum tal-elettriku ekoloġiku jkompli jiżdied. Jeħtieġ li jsiru mistoqsijiet fundamentali dwar il-futur tal-enerġija sabiex tiġi żgurata provvista tal-enerġija li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent, bi prezz raġonevoli u affidabbli, kif ukoll jiġi żgurat id-dritt għall-enerġija. Il-KESE jemmen li l-mod kif is-suq tal-enerġija huwa mfassal u rregolat għandu jiġi adattat għar-realtajiet il-ġodda tal-enerġiji rinnovabbli predominanti, billi jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għall-industrija, l-MSMEs u l-atturi individwali kif ukoll għall-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni ġodda għal prosumaturi, komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadini, eċċ., filwaqt li tissaħħaħ il-protezzjoni adegwata għall-konsumaturi. Fit-tfassil mill-ġdid tas-suq, għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu evitati ostakli strutturali eżistenti għall-aċċess għas-suq għal parteċipanti żgħar fis-suq. Dan japplika, pereżempju, għall-aċċess għall-enerġija tal-ibbilanċjar u, jekk meħtieġ, għas-swieq tal-kapaċità, li jistgħu jkunu meħtieġa biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista.

2.11.

Sabiex jiġi żgurat li l-prezzijiet tal-enerġija jkunu soċjalment aċċettabbli u għal darba oħra kompetittivi waqt li titwitta t-triq għat-tmexxija kontinwa tal-UE fl-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-KESE jsejjaħ għas-semplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u biex dawn jitħaffu, peress li dawn il-proċeduri huma kkunsidrati bħala l-ostakolu prinċipali għall-użu iktar malajr ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Fl-istess ħin, il-kundizzjonijiet qafas għall-miżuri ta’ deċentralizzazzjoni, kooperattivi tal-enerġija u l-forom kollha ta’ prosum għandhom jiġu mtejba b’mod sinjifikanti.

2.12.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-ħżin tal-gass u regolament dwar miżuri ta’ tnaqqis tad-domanda tal-gass ikkoordinati. Huwa jistieden lill-istituzzjonijiet biex:

—

jissupplimentaw dan bi strument ta’ investiment fuq terminu ta’ żmien qasir biex jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ infrastruttura lesta għall-idroġenu bħal interkonnetturi u faċilitajiet ta’ ħżin;

—

jikkunsidraw l-użu ta’ faċilitajiet ta’ ħżin tal-gass f’pajjiżi terzi ġirien;

—

jistabbilixxu pjani għal Stati Membri individwali biex tiġi evitata kondiviżjoni żbilanċjata tal-piż fuq livell reġjonali.

2.13.

Il-KESE jenfasizza li l-iżvilupp parallel ta’ infrastruttura ċentralizzata u deċentralizzata huwa problematiku u li hemm riskju ta’ investiment żbaljat. Pereżempju, hemm użi potenzjali kuntrastanti għal network ta’ pajpijiet tal-idroġenu fuq livell nazzjonali u l-espansjoni ta’ networks ta’ tisħin ta’ distretti kesħin. Għaldaqstant il-KESE appella biex jittieħdu deċiżjonijiet fundamentali adegwati fl-interessi tas-sigurtà tal-investiment (5).

3.   It-tranżizzjoni tal-enerġija bħala strateġija ġenerali fl-UE u kuntesti internazzjonali

3.1.

L-aggressjoni Russa kkawżat kriżi ġeopolitika globali, li qed ikollha impatt li qed jikber b’mod esponenzjali kemm fuq il-bilanċ ekonomiku kif ukoll is-sigurtà tal-enerġija globali. Hija tefgħet f’dubju deċennji ta’ politiki tal-enerġija, tad-difiża u tar-relazzjonijiet esterni, u ġiegħlet lill-UE biex tevalwa mill-ġdid il-pjani u l-azzjonijiet tagħha li sa issa kienu wisq eżitanti dwar it-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali u biex tikkunsidra r-ramifikazzjonijiet li l-invażjoni Russa u s-sanzjonijiet imposti ser ikollhom fuq it-tranżizzjoni tal-enerġija kontinwa globali.

3.2.

Id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija primarja mingħand pajjiżi terzi saret theddida diretta għas-sigurtà u l-istabbiltà tal-UE. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni Ewropea malajr ipproponiet l-adozzjoni ta’ sensiela ta’ miżuri li jadattaw il-politika Ewropea dwar l-enerġija għas-sitwazzjoni ġeopolitika attwali taħt REPowerEU. Il-Proposta għal Regolament dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali tikklassifika mill-ġdid, pereżempju, il-ħżin tal-gass bħala infrastruttura tal-enerġija kritika u timponi kemm ċertifikazzjoni mandatorja għall-operaturi ta’ faċilitajiet tal-ħżin tal-gass kif ukoll miri ta’ mili tal-ħżin tal-gass biex jgħinu lill-UE tieħu lura l-kontroll tas-suq tal-enerġija tagħha. Dawn il-miżuri kollha huma milqugħa mill-KESE u fil-fatt għandhom jgħinu lill-UE tikseb lura l-kontroll tas-suq tal-enerġija tagħha.

3.3.

Fl-istess ħin, fid-dawl tat-tensjonijiet politiċi attwali, il-KESE jikkunsidra li hija neċessarja l-kooperazzjoni aktar attiva ma’ numru ta’ pajjiżi li huma kapaċi jipprovdu lill-Ewropa bl-enerġija fuq terminu ta’ żmien qasir sakemm jibda l-effett tal-espansjoni massiva ta’ enerġija rinnovabbli prevista mill-Kummissjoni. Dawn jinkludu l-Istati Uniti u, fuq livelli differenti, pajjiżi tal-Amerika ta’ Isfel u tal-Afrika, li l-esportazzjonijiet tagħhom ta’ fjuwils fossili, li saru neċessarji fuq terminu ta’ żmien qasir, għandhom ikunu akkumpanjati bit-trasferiment tal-għarfien u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ enerġija rinnovabbli biex tiġi aċċelerata l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima hemm ukoll.

4.   Il-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għat-tranżizzjoni tal-enerġija

4.1.   Investiment Pubbliku

4.1.1.

Sabiex tiġi ssodisfata d-domanda dejjem ikbar għall-elettriku u biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tagħna, għandna nirduppjaw l-investiment fil-grilja elettrika għal EUR 55 biljun fis-sena u nżidu l-baġit għall-bini tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni nadifa għal EUR 75 biljun fis-sena (6). F’dan il-kuntest, l-investiment pubbliku f’sistemi tal-enerġija intelliġenti u rinnovabbli kif ukoll l-infrastruttura tal-ħżin huwa ta’ importanza kbira biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista, il-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku, iż-żamma ta’ prezzijiet affordabbli, u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja.

4.1.2.

Il-KESE jirrakkomanda għal darba oħra r-“regola tad-deheb” għall-investimenti pubbliċi, kif adottat fl-Opinjoni ECO/569 (7), dment li la l-istabbiltà fiskali fuq terminu medju u lanqas il-valur tal-euro ma jiġu pperikolati, sabiex jiġu ssalvagwardjati l-produttività u l-bażi soċjali u ekoloġika għall-benesseri tal-ġenerazzjonijiet futuri.

4.1.3.

Il-finanzjament imħallat li jinvolvi l-investituri privati huwa biss għażla jekk jista’ jiġi żgurat li l-allokazzjonijiet ikunu trasparenti, li ma hemm l-ebda klawżoli ta’ kunfidenzjalità, u li ma hemm l-ebda spiża mhux ġustifikat għall-awtoritajiet pubbliċi meta mqabbel mal-finanzjament pubbliku. Għandu jkun hemm trasparenza sħiħa fir-rigward tal-ispejjeż addizzjonali ġustifikati. Għaldaqstant huwa aktar importanti li d-drittijiet u l-obbligi jkunu ddefiniti b’mod ċar f’tali mudelli ta’ finanzjament imħallat, li l-kwistjonijiet ta’ reponsabbiltà jiġu ċċarati u li tiġi pprovduta sistema effiċjenti u rapida għas-soluzzjoni ta’ kunflitt sabiex jiġu evitati spejjeż fuq terminu ta’ żmien fit-tul u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà mhux favorevoli.

4.1.4.

Fir-rigward tat-tfassil futur tas-sistemi u tal-infrastrutturi tal-enerġija, il-KESE saħaq kemm-il darba fuq il-ħtieġa li l-konsumaturi kollha, jiġifieri l-unitajiet domestiċi, in-negozji u l-komunitajiet tal-enerġija, ikunu involuti b’mod attiv fl-iżvilupp ta’ sistemi tal-enerġija intelliġenti u li jridu jiġu stabbiliti inċentivi sabiex is-soċjetà ċivili tkun tista’ tipparteċipa fit-tranżizzjoni tal-enerġija. Huwa ċar li r-rwol li jaqdu l-individwi, il-bdiewa, il-bliet, l-MSMEs u l-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadini fil-miżuri ta’ finanzjament ġie sottovalutat għalkollox. Il-KESE jirrimarka, pereżempju, li aktar minn 90 % tal-kapaċità installata fil-Ġermanja ma nbnietx minn fornituri ewlenin tal-enerġija. Hemm nuqqas ta’ strateġija u rieda ċara biex jiġu sfruttati dawn il-potenzjali.

4.1.5.

Il-liġi Ewropea dwar l-enerġija ma tirrikonoxxix il-ħarsien tal-klima bħala objettiv tar-regolamentazzjoni tal-grilja. Minħabba dan, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jsibuha wkoll diffiċli biex jipprovdu inċentivi għall-konverżjoni, l-espansjoni u l-modernizzazzjoni tal-grilji tad-distribuzzjoni tal-elettriku li jissodisfaw ir-rekwiżiti tan-newtralità klimatika. Il-liġi Ewropea dwar l-enerġija għandha għalhekk issemmi b’mod espliċitu n-newtralità klimatika bħala għan tar-regolamentazzjoni tal-grilja.

4.1.6.

Il-Kummissjoni, bir-raġun, tenfasizza li l-investiment pubbliku jista’, u għandu, jiġġenera investiment privat. Madankollu, il-pjan REPowerEU ma jkoprix ir-rifinanzjament tal-fondi pubbliċi rispettivi. It-tneħħija tas-sussidji għar-riżorsi fossili tkun approċċ wieħed għal kif dan għandu jiġi organizzat; possibbiltà oħra hija l-intaxxar tal-profitti enormi mhux mistennija li joriġinaw mill-kriżi ewlenija taż-żejt u l-gass li bbenefikaw minnha l-kumpaniji l-kbar taż-żejt b’mod partikolari. Il-KESE huwa mħasseb li l-profitti estremament għoljin għall-kumpaniji tal-enerġija, minn naħa, u ż-żieda fil-faqar enerġetiku kkawżata miż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija, min-naħa l-oħra, jista’ jkollhom effetti destabilizzanti perikolużi. Il-KESE jipproponi li dawn il-profitti jistgħu jinġabru permezz ta’ taxxi u jiġu trasferiti bħala kumpens finanzjarju lill-konsumaturi tal-enerġija, eż. unitajiet domestiċi aktar dgħajfa jew kumpaniji li jużaw ħafna enerġija, u jintużaw biex jespandu l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u jiżvilppaw l-infrastruttura tal-grilja meħtieġa, speċjalment peress li dan diġà qiegħed jiġi diskuss jew implimentat f’xi Stati Membri. Il-KESE huwa tal-fehma li sabiex il-kumpaniji tal-enerġija ma jiġux skoraġġuti milli jinvestu f’soluzzjonijiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, tali tassazzjoni għandha tiġi kkunsidrata sensittiva ħafna. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri korrispondenti mingħajr aktar dewmien.

4.1.7.

Il-politika dwar il-provvista għandha timxi id f’id ma’ infrastruttura li tippermetti l-fluss adegwat ta’ elettriku u gass fis-suq Ewropew u li tiżgura l-istabbiltà tal-grilja. Il-KESE huwa konvint li għandha tingħata attenzjoni partikolari għad-definizzjoni tal-iżvilupp tal-grilja bħala interess pubbliku prevalenti, inkluża l-protezzjoni tal-klima bħala objettiv regolatorju u, b’mod aktar ġenerali, is-sinkronizzazzjoni aktar effettiva tal-ippjanar ta’ enerġiji rinnovabbli u l-grilja tal-elettriku. Hemm ħtieġa urġenti għal dispożizzjoniijet speċifiċi fil-liġi tal-UE.

4.2.   Fond ta’ Aġġustament tal-Klima

4.2.1.

Il-mekkaniżmu attwali tal-UE għar-rispons għal diżastri naturali huwa l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE). Madankollu, il-baġit annwali disponibbli tal-FSUE m’huwa xejn meta mqabbel mal-ispiża enormi tal-ħsarat (8) ikkawżati minn diżastri naturali reċenti u jeħtieġ li jiżdied drastikament. Il-finanzjament tal-UE għat-tranżizzjoni tal-enerġija ekoloġika huwa aktar sostanzjali, iżda ma jqisx l-urġenza tal-ħtiġijiet attwali tal-UE għall-awtonomija enerġetika ekoloġika.

4.2.2.

Fil-fehma tal-KESE, l-UE teħtieġ mekkaniżmu ta’ finanzjament ġdid li jista’ jipprovdi appoġġ immedjat u sostanzjali għall-Istati Membri fil-każ ta’ tali emerġenzi. Għalhekk, il-KESE jipproponi l-ħolqien ta’ Fond ta’ Aġġustament għall-Klima ġdid. Dan il-finanzjament għandu jiġi ridirett minn fondi eżistenti tal-UE, b’mod partikolari mill-Fond ta’ Koeżjoni u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, iżda jiġi ġestit b’mod semplifikat u koerenti permezz ta’ dan il-Fond il-ġdid.

4.2.3.

Fl-immodernizzar tal-ambjent tal-finanzjament, l-ambitu tal-programmi eżistenti jista’ anki jitwessa’, ir-riżorsi tagħhom jiżdiedu u Next Generation EU jiġi kkunsidrat bħala mudell għal strument ġdid ta’ finanzjament. Il-KESE jenfasizza li jista’ jkun hemm bżonn li jinħolqu riżorsi ġodda biex jiġu indirizzati l-isfidi enormi li naffaċċjaw. Madankollu, kwalunkwe “riżorsi proprji” għandhom jitfasslu b’mod ġust sabiex jiġi evitat li gruppi żvantaġġati jkomplu jitgħabbew bil-piż. Barra minn hekk, dawn ma għandhomx ixekklu l-iżvilupp ekonomiku.

4.2.4.

Huwa kruċjali li l-funzjonament tal-Fond ta’ Aġġustament għall-Klima, aktar iffukat fuq reazzjonijiet rapidi u urġenti, ikun konsistenti mal-politiki globali tal-UE dwar il-klima, l-ambjent u l-enerġija, li fit-tul se jnaqqsu d-dipendenza minn reazzjonijiet ta’ emerġenza u jipproteġu l-umanità kif ukoll id-dinja naturali.

4.3.   Il-promozzjoni tat-teknoloġiji

4.3.1.

Biex tirnexxi, it-tranżizzjoni ekoloġika fl-industrija tal-manifattura teħtieġ bażi ta’ taħlita adatta, suffiċjenti u stabbli ta’ enerġija rinnovabbli għall-elettrifikazzjoni u għall-produzzjoni tal-idroġenu ekoloġiku. Qegħdin jiġu żviluppati teknoloġiji tal-ħżin u l-opportunitajiet offruti mid-diġitalizzazzjoni qegħdin jiġu sfruttati bis-sħiħ. Għaldaqstant xorta għad hemm ħtieġa konsiderevoli għar-riċerka u l-iżvilupp.

4.3.2.

Sa mill-bidu tal-liberalizzazzjoni, il-prestazzjoni tal-investiment ta’ kumpaniji tal-elettriku qiegħda tmajna. Il-qasam tal-investiment pubbliku fir-riċerka u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tad-dekarbonizzazzjoni huwa inqas fl-UE milli f’kull ekonomija maġġuri oħra, fatt li jipperikola l-kompetittività tal-UE f’teknoloġiji futuri ewlenin. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan strateġiku għall-investiment u tħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw il-fondi bl-aħjar mod u b’mod effiċjenti għall-iżvilupp ta’ enerġija nadifa. L-istess japplika għall-investimenti fil-grilja elettrika.

4.3.3.

Id-dekarbonizzazzjoni se teħtieġ trasformazzjoni profonda tal-attivitajiet industrijali (fit-30 sena li ġejjin). Għalkemm diġà jeżistu ħafna teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, il-livelli ta’ tħejjija teknoloġika tagħhom (TRLs (9)) huma baxxi. Se jkunu meħtieġa pjani direzzjonali teknoloġiċi ambizzjużi biex dawn it-teknoloġiji rivoluzzjonarji jiżdiedu u jiġu implimentati b’mod wiesa’, u l-UE trid tippromovi l-innovazzjoni permezz tal-Fond għall-Klima u dak għall-Innovazzjoni.

4.3.4.

Huwa inkontestabbli li fil-futur l-idroġenu ekoloġiku se jagħti kontribut għal sistema ta’ enerġija Ewropea sigura. Il-KESE jirreferi għall-Opinjonijiet tiegħu dwar l-istrateġija għall-idroġenu (10) u l-istrateġija dwar l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija (11).

4.4.   Appoġġ lill-MSMEs (12)

4.4.1.

L-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs), kemm jekk huma negozji tradizzjonali, negozji tal-familja, kummerċjanti, intrapriżi tal-ekonomija soċjali, intrapriżi tal-artiġjanat jew professjonijiet liberi huma parti essenzjali mis-soluzzjoni għal ekonomija tal-UE kompetittiva, newtrali għall-klima, ċirkolari u inklużiva, sakemm jinħolqu u jinżammu l-kundizzjonijiet adatti. L-MSMEs jibbenefikaw mit-titjib tal-prestazzjoni ambjentali tagħhom stess u mill-provvista ta’ għarfien espert u soluzzjonijiet lil intrapriżi oħrajn, lill-pubbliku ġenerali u lis-settur pubbliku. Il-KESE jirrikonoxxi u jenfasizza d-diversità u l-ħtiġijiet differenti tal-MSMEs, iżda fl-istess ħin jitlob biex tingħata attenzjoni speċjali lil dawk fosthom li huma l-iżgħar u l-aktar vulnerabbli.

4.4.2.

Il-KESE jenfasizza li hemm ħtieġa urġenti li l-MSMEs jiġu appoġġjati biex jifhmu u jiġġestixxu t-tranżizzjoni ekoloġika bl-aħjar mod possibbli. Il-KESE jitlob għal miżuri ġenerali u mmirati ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni, imwettqa b’mod koordinat u komplementari mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Istati Membri, flimkien mal-organizzazzjonijiet kummerċjali, il-kmamar tal-kummerċ, l-imsieħba soċjali u partijiet interessati rilevanti oħrajn. Min-naħa l-oħra, ir-rwol importanti tal-MSMEs f’termini ta’ teknoloġiji ġodda u soluzzjonijiet innovattivi għall-bidla ekoloġika fl-industrija tal-UE għandu jiġi enfasizzat ukoll u għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kriterji tal-aċċessibbiltà għal programmi ta’ finanzjament.

4.4.3.

Il-KESE jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jaċċeleraw l-investimenti ekoloġiċi tal-MSMEs billi jiżguraw li jkun hemm ambjent regolatorju abilitanti, prevedibbli u ta’ inkoraġġiment, inklużi proċeduri ta’ għoti ta’ permessi bla intoppi u l-evitar ta’ kompiti amministrattivi onerużi, kif ukoll billi jiġi pprovdut aċċess rapidu, faċli, sempliċi u traċċabbli għall-finanzjament, imfassal skont il-ħtiġijiet differenti tal-gruppi diversi kollha tal-MSMEs.

4.4.4.

Għat-titjib tal-effiċjenza fir-riżorsi tal-MSMEs, il-KESE jipproponi li jiġu stabbiliti “ċentri għaċ-ċirkolarità” (H4C) f’diversi reġjuni. Dan għandu jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn kumpaniji fl-oqsma kollha u jiffaċilita l-iżvilupp ta’ prattiki u proċessi ġodda, inkluż id-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda. Il-proċeduri ta’ akkwist fi ħdan l-UE għandhom jinkludu kriterji relatati mal-klima, soċjali u oħrajn ta’ kwalità. Dan jippromovi l-innovazzjoni mill-MSMEs u jiffaċilita l-aċċess tagħhom għall-kuntratti pubbliċi. L-organizzazzjonijiet tal-MSMEs, il-kmamar tal-kummerċ, il-qasam akkademiku, l-imsieħba soċjali, u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra għandhom ikunu parti integrali mill-proċess.

4.4.5.

Il-KESE jitlob għal kooperazzjoni mill-qrib bejn il-fornituri tal-edukazzjoni u l-MSMEs sabiex ifasslu taħriġ li jkopri l-kompetenzi u l-ħiliet meħtieġa fit-tranżizzjoni ekoloġika, inkluż permezz ta’ titjib u tiġdid tal-ħiliet kemm tal-impjegati kif ukoll tal-intraprendituri. Barra minn hekk, il-KESE jitlob għal appoġġ għal attivitajiet ta’ innovazzjoni għall-MSMEs billi tiġi inċentivata u ffaċilitata l-kooperazzjoni ma’ negozji oħrajn, l-organizzazzjonijiet tagħhom, il-kmamar tal-kummerċ, l-universitajiet u l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka.

5.   Promozzjoni ġenerali ta’ tranżizzjoni ġusta u inklużiva

5.1.   Tranżizzjoni ġusta

5.1.1.

“Tranżizzjoni ġusta” tfisser miżuri u interventi ta’ politika soċjali li jakkumpanjaw it-tranżizzjoni għal ekonomija b’newtralità karbonika u sistema ta’ produzzjoni sostenibbli. Il-KESE jenfasizza li t-“tranżizzjoni ġusta” mhijiex biss kwistjoni ta’ finanzjament tat-tranżizzjoni. Din tinkludi wkoll l-objettiv li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-ħaddiema, il-ħolqien ta’ xogħol deċenti, impjiegi ta’ kwalità għolja u sigurtà soċjali, it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni demokratika (inkluż fil-livell tal-kumpaniji), u ż-żamma u ż-żieda tal-kompetittività tan-negozji Ewropej, u tirrikjedi azzjoni speċifika fil-livelli kollha, b’mod partikolari dak reġjonali.

5.1.2.

L-impjieg f’dawk is-setturi ewlenin li huma partikolarment affettwati mill-modernizzazzjoni ambjentali u r-rivoluzzjoni industrijali lejn Ewropa newtrali għall-klima qiegħed jiffaċċja taqlib kbir li jagħmel essenzjali t-taħriġ mill-ġdid u l-investimenti edukattivi f’impjiegi ekoloġiċi ta’ kwalità għolja. F’dan il-kuntest, il-provvista ta’ għarfien aġġornat u drittijiet edukattivi huma rilevanti daqs il-promozzjoni kontinwa tal-aċċettazzjoni tan-nisa fil-professjonijiet tekniċi.

5.1.3.

Il-miżuri u l-istadji varji tat-tranżizzjoni stabbiliti fil-Pakkett Lesti għall-Mira ta’ 55 % jistgħu jwasslu għal bidliet kbar fl-ekonomija u għal taqlib soċjali. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex waqt l-evalwazzjoni tal-NECPs tagħti aktar attenzjoni lill-adegwatezza tal-Istrateġiji ta’ Tranżizzjoni Ġusta u, f’dan il-kuntest, b’mod partikolari biex jintlaħqu l-objettivi li ġejjin:

—

l-iffaċilitar tat-tranżizzjonijiet tal-impjieg;

—

l-appoġġ lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom minħabba d-dekarbonizzazzjoni (xogħol mitluf għandu tal-anqas jiġi ssostitwit b’impjieg ieħor tal-istess valur);

—

l-iżvilupp tal-potenzjal ekonomiku reġjonali li jirriżulta minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u forom ġodda ta’ involviment u parteċipazzjoni fil-produzzjoni tal-elettriku;

—

il-ġlieda effettiva kontra l-faqar enerġetiku.

5.1.4.

Il-KESE jitlob għal kooperazzjoni mill-qrib bejn il-fornituri tat-taħriġ u n-negozji sabiex ifasslu taħriġ li jipprovdi l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika tal-ekonomija, inkluż permezz ta’ titjib fil-ħiliet u taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema u tal-intraprendituri.

5.1.5.

Kif esprima f’Opinjonijiet preċedenti (13), il-KESE huwa konvint li mhux biss għandhom jintużaw ir-riżorsi għall-koeżjoni soċjali u reġjonali u ta’ rkupru b’tali mod li jappoġġjaw il-mitigazzjoni tal-klima u t-tranżizzjoni tal-enerġija, iżda l-politiki dwar il-klima u l-enerġija għandhom ukoll jitfasslu b’tali mod li jippromovu l-koeżjoni soċjali u reġjonali. Strateġiji bħal dawn diġà jeżistu, bħal proġetti għall-bini ta’ parks solari f’żoni li qabel kienu jintużaw għall-estrazzjoni tal-linjite fil-Portugall u l-Greċja, jew l-appoġġ strateġiku nnifsu tal-prosumaturi fil-Litwanja. Iżda dawn l-eżempji mhuma xejn aktar ħlief prattika jew tendenza ġenerali.

5.2.   L-iffaċilitar tal-investiment privat

5.2.1.

L-Istati Membri individwali jeħtieġu programmi għall-iżvilupp minn isfel għal fuq tar-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli, li huma indispensabbli għat-trasformazzjoni tal-enerġija u jaffettwaw b’mod sinifikanti kemm il-kwalità kif ukoll, fuq kollox, il-prezzijiet tal-enerġija fornuta. Bħala riżultat taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (li ġejjin min-networks nazzjonali tal-elettriku), diġà hemm tendenza li jiġu ssodisfati b’mod indipendenti l-ħtiġijiet tal-enerġija tan-negozji li għalihom l-enerġija ekoloġika saret kwistjoni ta’ sopravivenza. Ħafna kumpaniji diġà qed jinvestu b’mod dinamiku fl-enerġija rinnovabbli u s-sorsi tas-sħana tagħhom stess. Peress li dawn is-sorsi huma orħos, huma attraenti wkoll għall-kumpaniji u l-komunitajiet lokali li jistgħu jużaw l-enerġija żejda fornuta fil-grilja tal-elettriku. Sfortunatament, is-sistemi f’ħafna partijiet tal-Ewropa jeħtieġu żvilupp u bħalissa mhumiex lesti jaċċettaw bosta installazzjonijiet ġodda. Barra minn hekk, ħafna drabi dawn l-investimenti privati ma jkollhomx għalfejn ikunu ffukati biss fuq il-ħtiġijiet ta’ kumpanija waħda – jistgħu jipprovdu benefiċċji għall-komunitajiet lokali.

5.2.2.

Il-problema fl-iżvilupp tas-settur tal-enerġija rinnovabbli tidher li hija żieda dinamika fl-enerġija fis-settur fuq perjodu estremament qasir ta’ żmien, li hija sfida kbira għas-sistemi domestiċi tal-enerġija fl-Istati Membri, minkejja investimenti sinifikanti fl-immodernizzar tan-network u fiż-żieda tal-kapaċità ta’ trażmissjoni tas-sistemi. L-Ewropa issa teħtieġ li tiżviluppa komunitajiet tal-enerġija lokali, fejn il-gvernijiet lokali għandhom rwol dominanti ta’ investiment. Dawn huma l-hekk imsejħa kooperattivi tal-enerġija, iffurmati bil-parteċipazzjoni tar-residenti u spiss iffinanzjati minn fondi ta’ investiment lokali. Din il-forma ta’ involviment tas-soċjetajiet lokali fit-trasformazzjoni tal-enerġija tiżgura l-appoġġ għal dawn l-inizjattivi u timminimizza r-riskju ta’ reżistenza soċjali għal-lokalizzazzjoni tal-installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni, id-distribuzzjoni jew it-trażmissjoni fiż-żona lokali.

5.2.3.

Inizjattivi bħal dawn għandhom jiġu inklużi fir-regolamenti tal-UE mill-aktar fis possibbli u jiġu appoġġjati minn sistema ta’ finanzjament mill-Istat għal dan it-tip ta’ investiment. F’dan il-każ, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ linji ta’ vultaġġ medju u baxx fil-grilja tal-elettriku hija kritika sabiex l-infrastruttura tal-grilja tkun tista’ tinbena wkoll bil-parteċipazzjoni ta’ investituri privati. L-iżvilupp tal-fotovoltajċi ċiviċi juri l-potenzjal kbir ta’ investiment tas-soċjetà u tal-imprendituri. Leġiżlazzjoni adegwata f’dan il-qasam issolvi kemm problemi ta’ finanzjament kif ukoll problemi ta’ konnessjoni ta’ investimenti bħal dawn mas-sistema tal-elettriku.

5.3.   Faqar enerġetiku

5.3.1.

L-iżgurar ta’ aċċess ugwali għall-enerġija u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija bi spiża affordabbli trid tkun prijorità assoluta għall-UE u l-Istati Membri tagħha. Minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, aktar u aktar ċittadini konsumaturi tal-UE qed jiġu affettwati mill-faqar enerġetiku madwar l-Ewropa. Dawk li diġà kienu qed jiffaċċjaw il-faqar enerġetiku qed jaraw li s-sitwazzjonijiet tagħhom qegħdin jaggravaw u dawk il-konsumaturi li fil-passat ma ffaċċjawx problemi biex iħallsu l-kontijiet tal-enerġija, issa qegħdin f’riskju li jispiċċaw fil-faqar.

5.3.2.

Fid-dawl tal-importanza tal-kwistjoni, il-KESE jħeġġeġ lill-UE tippromovi approċċ komuni għall-faqar enerġetiku. Attwalment, kull Stat Membru jista’ jiddefinixxi t-terminu ta’ faqar enerġetiku skont il-kriterji tiegħu stess, u n-nuqqas ta’ approċċ komuni jista’ jwassal għal sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni ma tkunx kapaċi tevalwa s-sitwazzjoni b’mod adegwat u l-Istati Membri ma jifhmuhx bl-istess mod u jirreaġixxu b’mod differenti. Id-definizzjoni pprovduta fil-proposta għal riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u l-indikaturi stabbiliti preċedentement mill-Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku huma bidu tajjeb. Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni, il-KESE jemmen li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jippromovu approċċ komuni li jipprovdi fehim komuni speċifiku ta’ faqar enerġetiku u li jippermetti l-ġbir ta’ data statistika.

5.3.3.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jsir investiment fi provvista ta’ enerġija ġusta u effiċjenti biex jittaffa l-faqar enerġetiku fit-tul. Biex jinkiseb dan, huwa importanti li jiġi żgurat li l-investimenti fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika, kif ukoll ir-rinnovazzjonijiet komprensivi tal-bini, jappoġġjaw lill-gruppi bl-aktar introjtu baxx. Huwa biss billi jiġi żgurat li l-unitajiet domestiċi finanzjarjament aktar dgħajfa jkollhom il-mezzi biex jagħmlu l-investimenti meħtieġa li l-prosumaturi jistgħu jiksbu “awtonomija strateġika” għalihom infushom personalment jew bħala parti minn komunità ma’ oħrajn – fl-aħħar mill-aħħar l-aktar mod sostenibbli biex jingħeleb il-faqar enerġetiku.

5.3.4.

F’dan il-kuntest, il-KESE jfakkar il-pożizzjoni tiegħu li soċjetà tal-enerġija fuq żewġ livelli għandha tiġi evitata akkost ta’ kollox. Mhuwiex aċċettabbli li familji mgħammra tajjeb finanzjarjament u teknikament biss jibbenefikaw mit-tranżizzjoni enerġetika u li l-familji l-oħra kollha jkollhom iġarrbu l-ispejjeż. Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-inċentivi u l-għodod għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika biex jiġu megħjuna l-klijenti u l-unitajiet domestiċi vulnerabbli, u jirrimarka li miri ambizzjużi għat-tisħin/tkessiħ distrettwali jistgħu jaggravaw il-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni soċjali. Għalhekk, il-Kumitat jilqa’ l-proposta li jinħoloq Fond Soċjali għall-Klima, u jitlob li jkun hemm konformità mal-prinċipju ta’ “tranżizzjoni ġusta” sabiex jitqiesu s-sitwazzjonijiet differenti tal-Istati Membri.

5.3.5.

Peress li l-faqar enerġetiku għandu l-għeruq tiegħu fil-faqar ġenerali, huwa essenzjali wkoll li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkomplu jiffukaw biex inaqqsu l-faqar inġenerali. Din il-kriżi tenfasizza l-ħtieġa ta’ titjib kontinwu tal-aċċess għall-impjieg u l-inklużjoni soċjali, biex jiġi żgurat livell ta’ ħajja adegwat u biex jiġi promoss it-tkabbir ekonomiku fl-Istati Membri.

5.4.   Żoni rurali

5.4.1.

Il-KESE jemmen li strateġija kkombinata tat-tranżizzjoni tal-enerġija u d-diġitalizzazzjoni fiż-żoni rurali ma ngħatatx il-livell mistenni ta’ attenzjoni u appoġġ. Huwa jsejjaħ għall-implimentazzjoni malajr tal-viżjoni fit-tul tal-Kummissjoni għaż-żoni rurali tal-UE u l-mobilizzazzjoni tal-partijiet interessati permezz tal-Patt Rurali tal-UE.

5.4.2.

Il-KESE ripetutament enfasizza li t-tranżizzjoni tal-enerġija (il-bidla minn faċilitajiet ta’ produzzjoni kbar u ċentralizzati għal strutturi iktar deċentralizzati) toffri opportunitajiet reali għal sorsi ġodda ta’ introjtu u impjiegi ġodda f’żoni rurali (14). Hawn, ukoll, il-Kumitat huwa ddiżappuntat ħafna bl-ideat imressqa sa issa mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri.

5.4.3.

Ir-rwol tal-komunitajiet tal-enerġija lokali u reġjonali għandu għaldaqstant jiġi rikonoxxut u ingranat biex tinkiseb tranżizzjoni tal-enerġija ġusta flimkien mal-iżvilupp tal-komunità, permezz tal-istabbiliment u l-espansjoni tal-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadini li jinkludu l-kollaborazzjoni volontarja taċ-ċittadini, l-awtoritajiet lokali u l-MSMEs biex jiġu promossi l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi.

5.4.4.

Il-KESE jikkonkludi li l-użu tat-teknoloġiji diġitali fiż-żoni rurali huwa rekwiżit essenzjali biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni tal-enerġija. Is-sistema tal-enerġija rurali trid tkun deċentralizzata, li timplika ħtieġa kbira għal interkonnessjoni akbar aħjar, li minnha nnifisha tirrikjedi l-użu ta’ teknoloġiji diġitali biex tiġi ssodisfata l-provvista u d-domanda u jiġu żgurati flussi effiċjenti tal-enerġija.

6.   Kummenti speċifiċi

6.1.

Iż-żamma ta’ bażi industrijali soda fi ħdan l-UE se tiżgura prosperità, impjiegi ta’ kwalità tajba u impenn għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għas-soċjetà Ewropea. L-industrija Ewropea trid tinvesti fl-Ewropa, kemm fir-RŻI, kif ukoll fl-impjanti u t-tagħmir, sabiex iżżomm il-pożizzjoni kompetittiva tagħha. Dan jeħtieġ qafas regolatorju adegwat.

L-industrija tal-enerġija tirrappreżenta settur kbir ħafna tal-ekonomija. Din il-parti hija kkaratterizzata mill-fatt li hija lieva essenzjali għas-setturi l-oħra tal-ekonomija. Madankollu, l-aspetti kollha tas-settur tal-enerġija huma sterjotipati ħafna f’dak li jirrigwarda l-ġeneru, fejn l-irġiel għandhom pożizzjoni dominanti, li jwassal għal żbilanċi professjonali kbar bejn l-irġiel u n-nisa kemm fis-settur privat kif ukoll fis-settur pubbliku tal-enerġija (15).

Il-KESE jirrakkomanda li:

—

tissaħħaħ u tiġi infurzata l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-ugwaljanza kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali;

—

jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għal taħriġ għal karrieri fil-qasam tal-enerġija fl-Istati Membri u fil-livell Ewropew u jiġi stabbilit “Kulleġġ Ewropew STEM”.

—

tiġi żgurata l-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol fis-settur tal-enerġija billi jiġu esplorati opportunitajiet għan-nisa, filwaqt li jiġi evitat li t-tranżizzjonijiet tal-enerġija u dawk diġitali jkunu ta’ xkiel għall-karrieri u l-pagi tan-nisa, u billi jiġu żviluppati d-djalogu soċjali u ftehimiet kollettivi dwar l-ugwaljanza fil-kumpaniji tal-enerġija madwar l-Ewropa.

Brussell, is-26 ta’ Ottubru 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 486, 21.12.2022, p. 67; ĠU C 486, 21.12.2022, p. 88; ĠU C 486, 21.12.2022, p. 53; ĠU C 486, 21.12.2022, p. 1; ĠU C 486, 21.12.2022, p. 59; ĠU C 486, 21.12.2022, p. 23; ĠU C 486, 21.12.2022, p. 198.

(2)  ĠU C 486, 21.12.2022, p. 1.

(3)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 1.

(4)  ĠU C 152, 6.4.2022, p. 158.

(5)  Ara ĠU C 429, 11.12.2020, p. 85.

(6)  Din hija l-konklużjoni tal-federazzjoni għall-industrija tal-elettriku Ewropea, Eurelectric.

(7)  ĠU C 275, 18.7.2022, p. 50.

(8)  Ammont kbir ħafna ta’ EUR 80 biljun fil-Ġermanja fl-2021.

(9)  TRL: il-Livelli ta’ Tħejjija Teknoloġika huma punti differenti fuq skala użata biex jitkejjel il-progress jew il-livell ta’ maturità ta’ teknoloġija.

(10)  ĠU C 123, 9.4.2021, p. 30.

(11)  ĠU C 123, 9.4.2021, p. 22.

(12)  ĠU C 486, 21.12.2022, p. 1.

(13)  Ara ĠU C 47, 11.2.2020, p. 30 u ĠU C 62, 15.2.2019, p. 269.

(14)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 1.

(15)  L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti Nri 5, 7 u 8; Joy Clancy, Università ta’ Twente, Give women a chance: engendering the energy supply chain.


ANNESS

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti mixħuta:

Punt 2.6

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni tas-sezzjoni

Emenda

Il-kriżi (tal-prezz) tal-enerġija attwali u n-nuqqas ta’ sigurtà, stabbiltà u prevedibbiltà fl-provvista qegħdin jagħmlu pressjoni enormi fuq l-Unjoni Ewropea. Il-kriżi kienet tkun inqas severa kieku ttieħdet aktar azzjoni speċifika aktar kmieni u, pereżempju, kieku l-objettivi tal-UE nnifisha (bħal dawk tal-Unjoni Ewropea tal-Enerġija) ittieħdu aktar bis-serjetà. Il-KESE jilqa’ l-miżuri proposti fil-komunikazzjoni tar-REPowerEU u l-pjan tar-REPowerEU għal żieda fil-produzzjoni tal-enerġija ekoloġika, fid-diversifikazzjoni tal-provvista u t-tnaqqis fid-domanda għall-gass Russu, peress li s-soluzzjonijiet li jissuġġerixxu huma konformi mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u l-Unjoni Ewropea tal-Enerġija. Fil-fehma tal-Kumitat, dan ma għandux ikun primarjament kwistjoni ta’ diversifikazzjoni tad-dipendenzi iżda , sa fejn possibbli, kwistjoni ta’ “indipendenza u awtonomija strateġiċi tal-enerġija”. Fir-rigward tar-riżorsi biex jissostitwixxu l-gass Russu, il-KESE jwissi li l-UE għandha tkun kawta b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt ta’ dawn ir-riżorsi fuq l-ambjent, u dipendenzi ġodda fuq pajjiżi terzi li ma jikkondividux il-valuri Ewropej.

Il-kriżi (tal-prezz) tal-enerġija attwali u n-nuqqas ta’ sigurtà, stabbiltà u prevedibbiltà fl-provvista qegħdin jagħmlu pressjoni enormi fuq l-Unjoni Ewropea. Il-kriżi kienet tkun inqas severa kieku ttieħdet aktar azzjoni speċifika aktar kmieni u, pereżempju, kieku l-objettivi tal-UE nnifisha (bħal dawk tal-Unjoni Ewropea tal-Enerġija) ittieħdu aktar bis-serjetà. Il-KESE jilqa’ l-miżuri proposti fil-komunikazzjoni tar-REPowerEU u l-pjan tar-REPowerEU għal żieda fil-produzzjoni tal-enerġija ekoloġika, fid-diversifikazzjoni tal-provvista u t-tnaqqis fid-domanda għall-gass Russu, peress li s-soluzzjonijiet li jissuġġerixxu huma konformi mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u l-Unjoni Ewropea tal-Enerġija. Fil-fehma tal-Kumitat, dan għandu jkun primarjament kwistjoni ta’ diversifikazzjoni tar-riżorsi u l-iżgurar , sa fejn possibbli, ta’ “indipendenza u awtonomija strateġiċi tal-enerġija miftuħa ”. Fir-rigward tar-riżorsi biex jissostitwixxu l-gass Russu, il-KESE jwissi li l-UE għandha tkun kawta b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt ta’ dawn ir-riżorsi fuq l-ambjent, u dipendenzi ġodda fuq pajjiżi terzi li ma jikkondividux il-valuri Ewropej . Fl-istess ħin, fis-sitwazzjoni attwali, irridu nżommu s-sorsi tal-enerġija kollha tagħna, għaliex fil-fatt, il-periklu għalina bħalissa mhuwiex l-impatt possibbli ta’ sorsi sostituti fuq l-ambjent, iżda n-nuqqas ta’ enerġija u l-qtugħ fil-provvista tal-elettriku. Il-kapaċità tal-produzzjoni tal-enerġija li bħalissa tforni s-suq Ewropew tal-enerġija ma tistax tintilef .

Riżultat tal-votazzjoni fuq l-emenda:

Voti favur:

77

Voti kontra:

113

Astensjonijiet:

14

Punt 4.3.1

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni tas-sezzjoni

Emenda

Biex tirnexxi, it-tranżizzjoni ekoloġika fl-industrija tal-manifattura teħtieġ bażi ta’ taħlita adatta, suffiċjenti u stabbli ta’ enerġija rinnovabbli għall-elettrifikazzjoni u għall-produzzjoni tal-idroġenu ekoloġiku . Qegħdin jiġu żviluppati teknoloġiji tal-ħżin u l-opportunitajiet offruti mid-diġitalizzazzjoni qegħdin jiġu sfruttati bis-sħiħ. Għaldaqstant xorta għad hemm ħtieġa konsiderevoli għar-riċerka u l-iżvilupp.

Biex tirnexxi, it-tranżizzjoni ekoloġika fl-industrija tal-manifattura teħtieġ bażi ta’ taħlita adatta, suffiċjenti u stabbli ta’ enerġija rinnovabbli għall-elettrifikazzjoni u għall-produzzjoni tal-idroġenu. Qegħdin jiġu żviluppati teknoloġiji tal-ħżin u l-opportunitajiet offruti mid-diġitalizzazzjoni qegħdin jiġu sfruttati bis-sħiħ. Għaldaqstant xorta għad hemm ħtieġa konsiderevoli għar-riċerka u l-iżvilupp.

Riżultat tal-votazzjoni fuq l-emenda:

Voti favur:

92

Voti kontra:

112

Astensjonijiet:

9

Punt 4.3.4

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni tas-sezzjoni

Emenda

Huwa inkontestabbli li fil-futur l-idroġenu ekoloġiku se jagħti kontribut għal sistema ta’ enerġija Ewropea sigura. Il-KESE jirreferi għall-Opinjonijiet tiegħu dwar l-istrateġija għall-idroġenu (1) u l-istrateġija dwar l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija (2).

Huwa inkontestabbli li fil-futur l-idroġenu se jagħti kontribut għal sistema ta’ enerġija Ewropea sigura. Il-KESE jirreferi għall-Opinjonijiet tiegħu dwar l-istrateġija għall-idroġenu (1) u l-istrateġija dwar l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija (2).

Riżultat tal-votazzjoni fuq l-emenda:

Voti favur:

92

Voti kontra:

112

Astensjonijiet:

9

Punt 1.4

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni tas-sezzjoni

Emenda

Il-potenzjal li għandha l-Ewropa fil-qasam tal-enerġiji rinnovabbli għandu jiġi identifikat b’mod kemm jista’ jkun preċiż u kkomunikat b’mod ġenerali sabiex jiġi promoss fehim komuni tal-massimu tal-indipendenza mill-importazzjonijiet tal-enerġija li jista’ jinkiseb. B’mod partikolari, għandhom jitqiesu l-elettrifikazzjoni tas-setturi tas-sħana u tat-trasport u l-ħtieġa għal idroġenu ekoloġiku prodott domestikament.

Il-potenzjal li għandha l-Ewropa fil-qasam tal-enerġiji rinnovabbli għandu jiġi identifikat b’mod kemm jista’ jkun preċiż u kkomunikat b’mod ġenerali sabiex jiġi promoss fehim komuni tal-massimu tal-indipendenza mill-importazzjonijiet tal-enerġija li jista’ jinkiseb. B’mod partikolari, għandhom jitqiesu l-elettrifikazzjoni tas-setturi tas-sħana u tat-trasport u l-ħtieġa għal idroġenu prodott domestikament.

Riżultat tal-votazzjoni fuq l-emenda:

Voti favur:

92

Voti kontra:

112

Astensjonijiet:

9

Punt 1.6

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni tas-sezzjoni

Emenda

Fl-istess ħin, se jkunu neċessarji miżuri fuq terminu ta’ żmien qasir u possibbilment ta’ żmien medju wkoll biex jikkumpensaw għal provvisti ta’ enerġija mitlufa mir-Russja. Miżura minnhom hija l-importazzjoni tal-LNG. Il-KESE jemmen, madankollu, li huwa importanti li dan ma joħloqx dipendenzi ġodda ta’ terminu twil fuq fjuwils fossili. Dan għandu jitqies minn qabel fiċ-ċiklu tal-investiment. B’mod ġenerali, l-għan ma huwiex li jiġu ddiversifikati d-dipendenzi , iżda li jinkiseb l-ogħla livell possibbli ta’ “awtonomija strateġika”.

Fl-istess ħin, se jkunu neċessarji miżuri fuq terminu ta’ żmien qasir u possibbilment ta’ żmien medju wkoll biex jikkumpensaw għal provvisti ta’ enerġija mitlufa mir-Russja. Miżura minnhom hija l-importazzjoni tal-LNG. Il-KESE jemmen, madankollu, li huwa importanti li dan ma joħloqx dipendenzi ġodda ta’ terminu twil fuq fjuwils fossili. Dan għandu jitqies minn qabel fiċ-ċiklu tal-investiment. B’mod ġenerali, l-għan huwa li jiġu diversifikati s-sorsi u fl-istess ħin li jitnaqqsu d-dipendenzi għoljin fuq importatur wieħed sabiex jinkiseb l-ogħla livell possibbli ta’ “awtonomija strateġika” miftuħa .

Riżultat tal-votazzjoni fuq l-emenda:

Voti favur:

77

Voti kontra:

113

Astensjonijiet:

14


(1)  ĠU C 123, 9.4.2021, p. 30

(2)  ĠU C 123, 9.4.2021, p. 22.

(1)  ĠU C 123, 9.4.2021, p. 30

(2)  ĠU C 123, 9.4.2021, p. 22.