|
16.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 332/40 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-15 ta' Diċembru 2010
li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE biex testendi d-deroga dwar il-kondizzjonijiet tal-importazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott minn pajjiżi terzi
(notifikata bid-dokument numru C(2010) 8992)
(2010/777/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE tad-29 ta' Settembru 2008 dwar il-marketing tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(2) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Il-Kummissjoni hija obbligata skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/90/KE li tiddeċiedi jekk il-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u l-pjanti tal-frott prodotti f’pajjiż terz u li joffru l-istess garanziji rigward l-obbligi tal-fornitur, l-identità, il-karatteristiċi, is-saħħa tal-pjanti, il-mezz tat-tkabbir, l-imballaġġ, l-arranġamenti għall-ispezzjoni, l-immarkar u l-issiġillar humiex ekwivalenti f’dawn l-aspetti kollha għall-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u l-pjanti tal-frott prodotti fl-Unjoni u li jħarsu l-ħtiġijiet u l-kondizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva. |
|
(2) |
Madankollu, l-informazzjoni disponibbli attwalment dwar il-kondizzjonijiet li japplikaw f'pajjiżi terzi għadha mhijiex biżżejjed biex tħalli lill-Kummissjoni tadotta xi deċiżjoni bħal din dwar xi pajjiż terz f'dan l-istadju. |
|
(3) |
Sabiex jiġi evitat li jitħarbtu x-xejriet kummerċjali, l-Istati Membri li jimportaw il-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u pjanti tal-frott minn pajjiżi terzi għandhom jitħallew ikomplu japplikaw kondizzjonijiet ekwivalenti għal dawk applikabbli għal prodotti simili tal-Unjoni skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2008/90/KE. |
|
(4) |
Huwa xieraq li tiġi permessa l-applikazzjoni ta' kondizzjonijiet bħal dawn għal perjodu li jkun konsistenti mal-perjodu tranżitorju msemmi fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2008/90/KE. |
|
(5) |
Il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-deroga stipulat fid-Direttiva 2008/90/KE għal importazzjonijiet bħal dawn għandu għalhekk jiġi estiż sal-31 ta' Diċembru 2018. |
|
(6) |
Għalhekk, id-Direttiva 2008/90/KE għandha tiġi emendata skont dan. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Materjal tal-Propagazzjoni u l-Ġenera u l-Ispeċji tal-Pjanti tal-Frott, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2008/90/KE, id-data “il-31 ta' Diċembru 2010” hija sostitwita bi “il-31 ta' Diċembru 2018”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2010.
Għall-Kummissjoni
John DALLI
Membru tal-Kummissjoni