|
22.12.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 458/514 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/2293
tal-20 ta’ Diċembru 2021
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni mar-Renju Unit fir-rigward tal-estensjoni tad-deroga mill-obbligu li titħassar id-data tal-passiġġieri tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri wara t-tluq tagħhom mir-Renju Unit
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 16(2) u l-Artikolu 87(2), il-punt (a), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (1),
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (2) (“it-TCA”) jistabbilixxi regoli li skonthom id-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (“PNR”) tista’ tiġi ttrasferita lil, ipproċessata u użata mill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit għal titjiriet bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, u jistabbilixxi salvagwardji speċifiċi f’dak ir-rigward. |
|
(2) |
It-Titolu III tal-Parti Tlieta tat-TCA jistabbilixxi regoli li skonthom id-data tal-PNR tista’ tiġi ttrasferita lil, ipproċessata u użata mill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit għal titjiriet bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, u jistabbilixxi salvagwardji speċifiċi f’dak ir-rigward. |
|
(3) |
L-Artikolu 552(4) tat-TCA jipprovdi li r-Renju Unit għandu jħassar id-data tal-PNR tal-passiġġieri wara t-tluq tagħhom mill-pajjiż sakemm valutazzjoni tar-riskju ma tindikax il-ħtieġa li tali data tal-PNR tinżamm. |
|
(4) |
L-Artikolu 552(11) tat-TCA jipprovdi li r-Renju Unit jista’ jidderoga mill-Artikolu 552(4) tat-TCA fuq bażi temporanja għal perjodu interim, sakemm l-aġġustamenti tekniċi jiġu implementati mir-Renju Unit malajr kemm jista’ jkun. Matul dak il-perjodu interim, l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit għandha tevita l-użu tad-data tal-PNR li trid titħassar f’konformità mal-Artikolu 552(4) tat-TCA billi tapplika s-salvagwardji addizzjonali għal dik id-data tal-PNR elenkati fl-Artikolu 552(11), il-punti (a) sa(d), tat-TCA. |
|
(5) |
L-Artikolu 552(10) tat-TCA jiddikjarali l-Artikolu 552(11) tat-TCA japplika minħabba ċ-ċirkostanzi speċjali li jipprevjenu lir-Renju Unit milli jagħmel l-aġġustamenti tekniċi meħtieġa biex jittrasforma s-sistemi ta’ pproċessar tal-PNR li kienu joperaw fir-Renju Unit meta kien japplika għalih id-dritt tal-Unjoni f’sistemi li jippermettu li d-data tal-PNR titħassar f’konformità mal-Artikolu 552(4) tat-TCA. |
|
(6) |
L-Artikolu 552(13) tat-TCA jipprovdi li jekk iċ-ċirkostanzi speċjali msemmija fl-Artikolu 552(10) tat-TCA jippersistu, il-Kunsill ta’ Sħubija għandu jestendi l-perjodu interim imsemmi fl-Artikolu 552(11) tat-TCA b’sena. |
|
(7) |
Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (3) tapplika fl-Unjoni skont it-Trattati. |
|
(8) |
Fl-1 ta’ Ottubru 2021, ir-Renju Unit ippreżenta lill-Kumitat Speċjalizzat dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja stabbilit mit-TCAil-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 552(12), il-punt (b), tat-TCA. |
|
(9) |
Fil-valutazzjoni tiegħu, ir-Renju Unit ikkonkluda li ċ-ċirkostanzi speċjali msemmija fl-Artikolu 552(10) tat-TCA jippersistu, b’referenza għas-sitwazzjoni speċifika li qed jiffaċċja r-Renju Unit li jrid jadatta s-sistemi tal-ipproċessar tad-data tal-PNR ikkonfigurati għall-konformità mad-dritt tal-Unjoni bħala Stat Membru f’sistema kkonfigurata biex tissodisfa r-rekwiżiti tat-TCA fir-rigward tat-trasferimenti internazzjonali tad-data tal-PNR mill-Unjoni lejn pajjiżi terzi. Ir-Renju Unit iddeskriva l-isforzi tiegħu biex jittrasforma s-sistemi ta’ pproċessar tal-PNR tiegħu f’sistemi li jippermettu li d-data tal-PNR titħassar skont l-Artikolu 552(4) tat-TCA. Ir-Renju Unit innota li kien qed iwettaq analiżi tar-rekwiżiti legali, tekniċi u operazzjonali, inkluż ir-rekwiżiti kemm funzjonali kif ukoll mhux funzjonali, bil-ħsieb li jiġi żgurat li s-sistemi tal-ipproċessar tad-data tal-PNR tar-Renju Unit jikkonformaw mal-Artikolu 552(4) tat-TCA. F’konformità mal-Artikolu 552(13) tat-TCA il-Kumitat Speċjalizzat dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja kkunsidra l-valutazzjoni tar-Renju Unit fit-19 ta’ Ottubru 2021. |
|
(10) |
Fl-1 ta’ Ottubru 2021, ir-Renju Unit ippreżenta wkoll lill-Kumitat Speċjalizzat dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja, ir-rapport mill-korp amministrattiv indipendenti msemmi fl-Artikolu 552(12), il-punt (a), tat-TCA, inkluż anness mill-awtorità superviżorja tar-Renju Unit kif imsemmi fl-Artikolu 525(3) ta’ dak il-ftehim, dwar jekk is-salvagwardji previsti fl-Artikolu 552(11) ta’ dak il-ftehim ġewx applikati b’mod effettiv. |
|
(11) |
F’konformità mal-Artikolu 552(13) tat-TCA, il-Kumitat Speċjalizzat dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja kkunsidra r-rapport tar-Renju Unit fit-19 ta’ Ottubru 2021. F’dik l-okkażjoni, ir-Renju Unit iddikjara li kellu l-intenzjoni li jikkomplementa l-anness għal dak ir-rapport u li dan kellu jsir f’Novembru 2021, qabel ma l-Kunsill ta’ Sħubija jieħu deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-perjodu interim skont l-Artikolu 552(13) tat-TCA. |
|
(12) |
Għalhekk, huwa kkunsidrat li ċ-ċirkostanzi speċjali msemmija fl-Artikolu 552(10) tat-TCA jippersistu, u li, skont l-Artikolu 552(13) tat-TCA, jenħtieġ li l-Kunsill ta’ Sħubija jestendi l-perjodu interim imsemmi fl-Artikolu 552(11) tat-TCA b’sena, sal-31 ta’ Diċembru 2022. |
|
(13) |
Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni huwa vinkolanti għall-Istati Membri kollha bis-saħħa tad-Deċiżjoni (UE) 2021/689, li hija bbażata fuq l-Artikolu 217 TFUE bħala l-bażi ġuridika sostantiva tagħha. |
|
(14) |
Id-Danimarka u l-Irlanda huma marbuta bil-Parti III tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bis-saħħa tad-Deċiżjoni (UE) 2021/689 u għalhekk qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, li timplimenta l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Sħubija skont l-Artikolu 552(13) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għandha tkun li taqbel li l-perjodu interim li matulu r-Renju Unit jista’ jidderoga mill-obbligu li jħassar id-data tal-PNR tal-passiġġieri wara t-tluq tagħhom mir-Renju Unit jiġi estiż b’sena, sal-31 ta’ Diċembru 2022.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
A. VIZJAK
(1) ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2.