24.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 219/30


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-10 ta’ Mejju 2007

dwar għajnuna mill-Istat C 4/2006 (ex N 180/2005) Il-Portugall Għajnuna għal Djebel

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 1959)

(Il-verżjoni Portugiża biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/582/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom skond dawk id-dispożizzjonjiet (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

B'ittra bid-data tal-5 ta’ April 2005 (mibgħuta permezz tar-Rappreżentanza Permanenti tagħhom), irreġistrata mill-Kummissjoni li waslet fis-7 ta’ April, l-awtoritajiet Portugiżi nnotifikaw il-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tagħhom li jagħtu għajnuna lil Djebel - S.G.P.S., S.A. (minn hawn 'il quddiem “Djebel”) sabiex tgħin fl-iffinanzjar ta’ investiment mill-kumpanija fil-Brażil. Fuq talba tal-Kummissjoni, il-Portugall ippreżenta informazzjoni addizzjonali fl-ittri tal-25 ta’ Lulju, is-26 ta’ Settembru u t-23 ta’ Diċembru 2005 (mibgħuta permezz tar-Rappreżentanza Permanenti tagħhom), irreġistrata li waslet mill-Kummissjoni fis-27 ta’ Lulju u t-28 ta’ Settembru 2005 u t-3 ta’ Jannar 2006.

(2)

B'ittra fit-22 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni infurmat lill-Portugall li kienet iddeċidiet tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward ta’ l-għajnuna.

(3)

B'ittra tal-31 ta’ Marzu 2006 (irreġistrata li waslet fl-4 ta’ April), l-awtoritajiet Portugiżi ppreżentaw il-kummenti tagħhom fil-kuntest tal-proċedura hawn fuq imsemmija.

(4)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (2). Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom. Ma kien hemm ebda kummenti minn partijiet terzi.

II.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TA’ L-GĦAJNUNA

Il-kumpaniji involuti

(5)

Djebel hija kumpanija li tinsab f'Madeira, fil-Portugall.

(6)

Il-kumpanija hija parti mill-Grupp Pestana, li huwa l-grupp ewlieni ta’ lukandi fil-Portugall u m'huwiex kopert mid-definizzjoni ta’ SME. M'hijiex konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ April 1996 dwar id-definizzjoni ta’ l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (3) jew kriterji ta’ awtonomija stipulati fl-Artikolu 3 ta’ l-Anness tar-Rakkomandazzjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (4). Għalhekk hija kumpanija kbira.

(7)

Djebel tmexxi kumpanija holding fil-Brażil li tinvesti fi u tmexxi lukandi u attivitajiet turistiċi.

(8)

Il-Grupp Pestana diġà kien akkwista lukanda fil-Możambik qabel l-1999 u akkwista erba' lukandi oħra fil-Brażil minbarra dik koperta bin-notifika preżenti.

Il-proġett

(9)

Il-proġett jikkonsisti fl-akkwiżizzjoni minn Djebel ta’ ishma fil-kapital ta’ RASH - Administração de Hotéis de Turismo, Lda, kumpanija Brażiljana li l-uniku assi tagħha hija l-Lukanda Rio Atlântico, f'Rio de Janeiro, il-Brażil.

(10)

Il-kapital ta’ RASH ġie akkwistat f'Ottubru 1999 u l-lukanda kienet diġà f'ħidma sħiħa fiż-żmien ta’ l-akkwist.

L-għajnuna

(11)

In-nefqa għax-xiri ta’ l-ishma ta’ RASH ammontaw għal EUR 14 720 474.

(12)

Il-Portugall għandu l-intenzjoni jagħti self b'imaxx baxx ta’ EUR 3 680 119, ekwivalenti għal 25% ta’ l-ispejjeż eliġibbli, għall-proġett hawn fuq imsemmi. L-ammont ta’ l-għajnuna huwa ta’ EUR 574 466, b'intensità ta’ għajnuna netta ta’ 3.90%.

(13)

Ammont addizzjonali jingħata mill-Istat għal Djebel biex tkopri l-ispejjeż relatati ma’ l-istudji u l-assistenza teknika, garanziji finanzjarji u assistenza legali skond ir-Regolament de minimis (5).

(14)

L-iskema preżenti ta’ għajnuna ġiet innotifikata taħt l-iskema ta’ għajnuna Portugiża N667/1999, approvata mill-Kummissjoni fit-8 ta’ Awissu 2000 (6). Dik l-iskema, li kienet topera bejn l-2000 u l-2006, kellha l-għan li tippromwovi strateġiji intraprenditorjali moderni u kompetittivi. Taħt din l-iskema, għajnuna għal proġetti barranin ta’ investiment dirett minn kumpaniji kbar kellha tkun innotifikata individwalment lill-Kummissjoni.

(15)

Fl-24 ta’ Mejju 1999 Djebel ippreżentat proposta lil F. Turismo – Capital de Risco, S.A. (“FCR”), li huwa fond kapitali ta’ riskju proprjetà ta’ kumpaniji pubbliċi u privati, dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-proġett ippjanat. Skond l-awtoritajiet Portugiżi, intervenzjonijiet minn dan il-fond ma fihomx element ta’ għajnuna għall-istat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE.

(16)

L-applikazzjoni formali għal għajnuna fl-iskema ta’ għajnuna ta’ l-istat N667/1999 ġiet ippreżentata fil-31 ta’ Jannar 2001. Il-Portugall spjega li d-dokument ippreżentat lil FCR fl-1999 kien l-applikazzjoni oriġinali għall-għajnuna mill-istat u li l-proġett ġie sussegwentement imwettaq fuq is-suppożizzjoni li jkun eliġibbli għall-għajnuna skond il-liġi Portugiża rilevanti. Minħabba dewmien intern, l-awtoritajiet Portugiżi nnotifikaw l-għajnuna biss f'April 2005.

III.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

(17)

Il-Kummissjoni, bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċeduri rilevanti għal dan il-każ, qalet li ser teżamina l-miżura fid-dawl tad-deroga skond l-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat tal-KE sabiex tiddetermina jekk l-għajnuna tistax tiġi kkunsidrata li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerta attività ekonomika mingħajr ma tfixkel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni.

(18)

Il-Kummissjoni qalet ukoll li ser teżamina l-miżura fuq il-bażi ta’ kriterji li normalment jintużaw fl-evalwazzjoni ta’ għajnuna lil kumpaniji kbar għal proġetti ta’ investiment barrani dirett (FDI) (7). F'dawn il-każijiet issoltu twieżen il-benefiċċji tal-miżura, rigward il-kontribuzzjoni lejn il-kompetittività internazzjonali ta’ l-industrija ta’ l-UE kkonċernata, kontra effetti negativi possibbli fil-Komunità, bħar-riskji ta’ rilokazzjoni u kwalunkwe impatt negattiv fuq l-imjiegi.

(19)

Il-Kummissjoni tqis ukoll il-ħtieġa ta’ l-għajnuna b'referenza għar-riskji assoċjati mal-proġett fil-pajjiż ikkonċernat kif ukoll in-nuqqasijiet tal-kumpanija, bħal dawk iffaċċjati mill-SMEs. Kriterju ieħor huwa dwar impatt reġjonali pożittiv li jista' jkun hemm. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni teskludi kull għajnuna għal attivitajiet relatati ma’ l-esportazzjoni.

(20)

F'din il-konnessjoni, il-Kummissjoni staqsiet dwar l-impatt tal-proġett fuq is-settur tat-turiżmu fil-Portugall (u għalhekk fl-Unjoni Ewropea) u jekk jaffettwax il-kundizzjonijiet ta’ kummerċ fl-Unjoni Ewropea sa grad kuntrarju għall-interess komuni.

(21)

Il-Kummissjoni kienet ukoll dubjuża dwar jekk l-għajnuna kinetx neċessarja u/jew kinetx tipprovdi inċentiva għall-applikant li jwettaq l-investiment billi l-proġett kien intemm anke qabel ma Djebel kienet applikat għall-għajnuna mill-istat. Talbet lill-Portugall jissottometti kummenti u jipprovdi kwalunkwe informazzjoni li tista' tgħin fl-evalwazzjoni tal-każ.

IV.   KUMMENTI PPREŻENTATI MILL-AWTORITAJIET PORTUGIŻI

(22)

Il-Portugall ikkunsidra li l-ħtieġa ta’ l-għajnuna kienet iġġustifikata bil-fatt li l-akkwist ta’ RASH kien l-ewwel proġett ta’ investiment barrani dirett fil-Brażil mill-Grupp Pestana. Dan huwa grupp li l-attività tiegħu kienet iffukata kważi fl-intier tagħha fuq is-suq Portugiż. Il-Portugall qal li l-isfida ta’ espansjoni internazzjonali fil-Brażil, pajjiż ta’ riskju għoli imma wkoll wieħed ta’ potenzjal għoli ta’ żvilupp u b'rabtiet storiċi u kulturali stretti mal-Portugall, saret kwistjoni deċiżiva għall-iżvilupp tal-Grupp Pestana.

(23)

Il-Portugall irrimarka lill-Kummissjoni li t-talba għall-għajnuna mill-kumpanija ġiet imfassla fl-24 ta’ Mejju 1999 u ġiet ippreżentata lil F.Turismo – Capital de Risco SA, kumpanija li tiġġestixxi l-fond ta’ kapital ta’ riskju FCR F. Turismo. It-talba nnotifikata kienet it-tieni fażi fl-evalwazzjoni tal-proġett. Għalhekk, għandha tkun evalwata fid-dawl taċ-ċirkostanti prevalenti f'dak iż-żmien, jiġifieri Mejju 1999.

(24)

F'dan il-kuntest u skond l-awtoritajiet Portugiżi, il-fatt li l-investiment sar mingħajr l-għajnuna turi li l-promotur kien kunfidenti dwar il-kisba ta’ l-għajnuna u li kellu jaħtaf din l-opportunità ta’ negozju. L-awtoritajiet Portugiżi sostnew li l-benefiċjarju m'għandux ikun penalizzat minħabba li dam iktar biex jippreżenta l-applikazzjoni biex isir l-investiment. Huma rreferew wkoll għall-iżvantaġġi u riskji eċċezzjonali ta’ l-operazzjoni, bħall-volatilità għolja tal-munita Brażiljana u l-fatt li dan huwa l-ewwel investiment tal-kumpanija fil-Brażil.

(25)

Il-Portugall huwa ta’ l-opinjoni li dan l-investiment fil-Brażil ikkontribwixxa għat-titjib tal-kompetittività tal-Grupp Pestana u għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħha fis-settur tat-turiżmu globali, partikolarment permezz tar-rikonoxximent imsaħħaħ tad-ditta “Pestana Hotels and Resorts”, li ġġib magħha viżibilità msaħħa tal-Portugall bħala destinazzjoni.

(26)

Barra minn dan, l-esperjenza tal-Grupp fil-Możambik m'hija xejn komparabbli għall-esperjenza tagħha ta’ internazzjonalizzazzjoni fil-Brażil; minħabba l-karatteristiċi differenti taż-żewġ swieq. Filwaqt li s-suq Możambik, minkejja l-potenzjal għoli tiegħu, għadu f'fażi embrijonika ta’ l-iżvilupp, il-Brażil huwa suq miftuħ b'livell għoli ta’ kompetizzjoni u wieħed li jippreżenta prospett ta’ sfida ikbar milli l-Możambik. F'dak li jirrigwarda l-proċess attwali ta’ internazzjonalizzazzjoni tal-Grupp Pestana, l-esperjenza tiegħu fil-Możambik ma kkontribwietx biex ittaffi r-riskju għoli u l-ansjetà assoċjata ma’ din l-operazzjoni.

(27)

Fl-aħħarnett, l-awtoritajiet Portugiżi ddikjaraw li l-għajnuna kien ikollha effett limitat fuq il-kundizzjonijiet ta’ kummerċ fl-Unjoni Ewropea, notevolment minħabba:

—

l-ammont ta’ l-għajnuna huwa biss ta’ EUR 574 466, li jirrappreżenta 3.9% ta’ l-investiment eliġibbli;

—

il-Grupp Pestana għandu biss 2% ishma fis-suq fil-Portugall, li huwa negliġibbli f'termini Ewropej;

—

is-suq Brażiljan għandu madwar 10 000 lukanda, li minnhom madwar 7% jappartjenu lil kumpaniji barranin;

—

Is-suq tal-Brażil huwa wieħed kompetittiv imma b'livell baxx ħafna ta’ konċentrazzjoni;

—

il-kompetituri Ewropej tal-kumpanija li joperaw fil-Brażil diġà għandhom ishma għolja ħafna fis-suq, immexxijin mill-grupp ACCOR, b'108 lukanda, u warajhom hemm il-grupp Spanjol Sol Melia, b'23;

—

minħabba d-dimensjoni tas-suq Brażiljan, il-proġett m'huwiex ta’ daqs suffiċjenti biex jipproduċi żieda apprezzabbli fil-provvista lokali jew xi effett fuq il-pożizzjonijiet ta’ kumpaniji Ewropej li diġà qed joperaw fil-Brażil.

Il-Portugall ikkonkluda li ma kienx hemm possibilità li l-investiment ikkonċernat, li kien jinvolvi x-xiri ta’ lukanda waħda, seta' jkollu impatt sinifikanti fuq il-kundizzjonijiet ta’ kummerċ fl-Unjoni Ewropea u li kien hemm inqas possibilità li impatt bħal dan seta' jkun kuntrarju għall-interess komuni.

(28)

Ma kien hemm ebda kummenti minn partijiet terzi.

V.   EVALWAZZJONI

Il-preżenza ta’ għajnuna fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE

(29)

Skond l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, “kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li wassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni”.

(30)

Il-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni tagħha tat-22 ta’ Frar 2006, ikkonkludiet li l-għajnuna kienet fl-ambitu ta’ l-iskop ta’ Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE għar-raġunijiet li ġejjin:

—

Taħt il-miżura nnotifikata, impriża kbira tirċievi fondi għall-investiment fis-settur tat-turiżmu fil-Brażil bħala parti minn strateġija ta’ internazzjonalizzazzjoni. Din il-miżura tfisser trattament preferenzjali tad-ditta benefiċjarja, tagħtiha vantaġġ u inċentiv meta mqabbla ma’ kumpaniji oħra u għalhekk toħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni.

—

Għajnuna tingħata lil ditta fis-suq tat-turiżmu ta’ l-UE, fejn hemm jew jista' jkun hemm kummerċ bejn Stati Membri jew fejn ditti minn Stati Membri oħra jkunu jixtiequ jipparteċipaw. Għalhekk il-miżura tista' taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

—

Il-miżura hija ffinanzjata permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat.

(31)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-argumenti mogħtija mill-Portugall (ara paragrafu 27) huma insuffiċjenti biex jimmodifikaw dawn il-konklużjonijiet għar-raġunijiet li ġejjin:

—

Il-Grupp Pestana kien il-grupp Portugiż ewlieni ta’ lukandi, pożizzjoni li għadu jżomm, u kellu madwar 15-il lukanda fil-Portugall meta saret it-talba għal għajnuna. Huwa evidentement ta’ vantaġġ għas-settur nazzjonali tat-turiżmu kollu li jkollu rappreżentanza ta’ wieħed mid-ditti Portugiżi l-iktar importanti fl-Amerika t'Isfel. L-iskala internazzjonali ta’ “Pestana Hotels and Restaurants” tat lill-Grupp iktar viżibilità, tejbet il-poter ta’ negozjar tiegħu u saħħet l-attività kummerċjali tiegħu fis-settur tal-lukandi. Dawn il-fatturi għenu biex il-grupp jikber fid-daqs u jsaħħaħ il-kapaċità tiegħu fl-investiment fis-suq Portugiż.

—

Mindu beda l-proċess ta’ internazzjonalizzazzjoni, il-Grupp Pestana għamel għadd ta’ investimenti fil-Portugall, jiġifieri (i) il-bini ta’ tliet lukandi ġodda, (ii) it-teħid tal-ġestjoni tan-netwerk Pousadas de Portugal, (iii) ix-xiri ta’ żewġ kumpaniji ta’ lukandi ineffiċjenti u l-modernizzazzjoni sussegwenti tal-lukandi tagħhom, u (iv) l-iżvilupp ta’ proġetti turistiċi mdaqqsa, bħal Cidade da Criança fir-reġjun Awtonomu ta’ Madeira.

—

Minħabba d-daqs tal-Grupp Pestana, żieda sinifikanti fin-numru ta’ impjiegi maħluqa fil-Portugall ma tkunx l-unika konsegwenza tax-xiri ta’ lukanda fil-Brażil. Żieda bħal din fil-fatt diġà saret, imma primarjament bħala riżultat ta’ l-investimenti varji hawn fuq imsemmija li għamel il-Grupp reċentement fil-Portugall u li huma riżultati fil-parti l-kbira tal-momentum iġġenerat mill-proċess ta’ internazzjonalizzazzjoni tiegħu. Fl-1999 il-Grupp kellu forza tax-xogħol totali ta’ biss 1 800, filwaqt li sa l-2005, sitt snin biss wara, iċ-ċifra diġà kienet taqbeż it-3 500.

—

Billi tgħin fl-akkwist ta’ lukanda bħala parti mill-inizjattiva ta’ internazzjonalizzazzjoni ta’ kumpanija Portugiża fil-Brażil, il-miżura nnotifikata tiffavorixxi ċerta impriża jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna mogħtija lill-impriżi ta’ l-Unjoni Ewropea għal investiment barrani diretti huwa komparabbli ma’ l-għajnuna mogħtija lil impriżi li jesportaw kważi l-produzzjoni kollha tagħhom barra l-Komunità. F'każijiet bħal dawn, minħabba l-interdipendenza bejn is-swieq li fihom joperaw impriżi tal-Komunità, ma jistax ikun eskluż li l-għajnuna tista' toħloq distorsjoni għall-kompetizzjoni fi ħdan il-Komunità (8).

Kompatibilità ta’ l-għajnuna mat-Trattat tal-KE

Effett inċentiv

(32)

Il-Kummissjoni indikat li ser tevalwa l-kompatibilità ta’ l-għajnuna mat-Trattat tal-KE fid-dawl tad-deroga skond l-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat, li jawtorizza għajnuna “biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi” fejn din l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad kuntrarju għall-interess komuni. Il-Kummissjoni indikat ukoll li ser tqis ċerti kriterji li kienet applikat f'każijiet preċedenti għal kumpaniji kbar għal proġetti ta’ investiment barrani dirett ta’ ħruġ (ara paragrafu 18) bil-għan li tikseb bilanċ bejn il-benefiċċji tal-miżura, f'dak li jirrigwarda l-kontribuzzjoni għall-kompetittività internazzjonali ta’ l-industrija ta’ l-UE kkonċernata (eżempju dwar jekk l-għajnuna hijiex neċessarja b'referenza għar-riskji assoċjati mal-proġett fil-pajjiż ta’ investiment), u l-effetti negattivi possibbli tiegħu fuq is-suq ta’ l-UE (9).

(33)

Il-Kummissjoni nnotat f'dan il-kuntest li, f'dak li jirrigwarda l-effett ta’ l-inċentiv ta’ l-għajnuna, jidher li hemm indikazzjonijiet li l-għajnuna ma laħqitx dan il-kriterju. Barra minn hekk, kellha d-dubji dwar l-impatt tal-miżura fis-suq komuni. Dan inkluda inter alia n-neċessità ta’ l-għajnuna b'referenza għar-riskji assoċjati mal-proġett fil-pajjiż ikkonċernat kif ukoll in-nuqqasijiet tal-kumpanija (bħal dawk li jistgħu jiffaċċjaw l-SMEs).

(34)

Bħala prinċipju ġenerali tal-leġiżlazzjoni dwar għajnuna mill-istat, sabiex l-għajnuna tkun kumpatibbli mas-suq komuni, irid ikun ippruvat li l-għajnuna twassal għal attività addizzjonali mill-benefiċjarju li ma ssirx mingħajr l-għajnuna. Jekk le, l-għajnuna sempliċiment tfixkel il-kompetizzjoni mingħajr ma jkollha kontro-effett pożittiv.

(35)

Fid-deċiżjoni tagħha sabiex tibda l-proċedura fil-każ preżenti, il-Kummissjoni diġà iddubitat li l-għajnuna kienet neċessarja biex Djebel twettaq dan l-investiment.

(36)

Fid-deċiżjoni tagħha tat-22 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni enfasizzat li l-proġett innotifikat ma kienx l-ewwel proġett ta’ internazzjonalizzazzjoni tal-Grupp Pestana, li jifforma parti minnu Djebel. Il-Grupp diġà kien attiv fil-Możambik u għalhekk kien dubjuż dwar jekk l-għajnuna kinetx neċessarja biex issir l-ewwel esperjenza ta’ internazzjonalizzazzjoni tal-Grupp Pestana fil-Brażil (10).

(37)

Barra minn hekk, Djebel hija l-proprjetà tal-grupp ewlieni ta’ lukandi fil-Portugall. Mill-1999, id-ditta espandiet l-attività fil-Brażil, fejn bħalissa għandha disa' lukandi u hija fost l-ikbar għaxar katini ta’ lukandi. Dan jindika li l-investiment kien isir anke mingħajr il-prospett li tinkiseb l-għajnuna. Barra minn hekk, għajnuna li tingħata issa għal investiment li sar iktar minn seba' snin ilu x'aktarx li ma jkollhiex rabta prattika ma’ l-investiment.

(38)

Sabiex l-għajnuna jkollha effett ta’ l-inċentiv, irid ikun stabbilit ukoll li talba għall-għajnuna kienet introdotta qabel ma beda l-investiment.

(39)

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-investiment sar f'Ottubru 1999, iktar minn sena qabel ma l-benefiċjarju applika għall-għajnuna taħt l-iskema ta’ għajnuna mill-istat N667/1999 (fil-31 ta’ Jannar 2001) u għalhekk ma kkonformax mal-kriterju “effett ta’ l-inċentiv” normalment meħtieġ mir-regoli tal-Komunità dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali (11).

(40)

L-awtoritajiet Portugiżi sostnew li l-proposta għall-parteċipazzjoni ta’ FCR fl-investiment, li saret fl-24 ta’ Mejju 1999 (qabel l-investiment), hija prova suffiċjenti li dan il-kriterju jintlaħaq. Il-Kummissjoni ma tikkunsidrax li proposta bħal din għall-parteċipazzjoni ta’ ditta ta’ riskju kapitali fl-investiment tista', waħedha, tiġi meqjusa bħala applikazzjoni għall-għajnuna mill-istat kapaċi li tiġġustifika l-effett ta’ l-inċentiv tagħha.

(41)

Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-investiment sar madwar ħames snin u nofs qabel ma n-notifika ġiet ippreżentata lilha mill-awtoritajiet Portugiżi.

(42)

Fuq il-bażi ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li m'hemmx evidenza li l-għajnuna proposta mill-Portugall kienet neċessarja biex tikkumpensa kwalunkwe riskji speċifiċi assoċjati mal-proġett. Għalhekk, hija tikkunsidra li għajnuna ma kinetx neċessarja sabiex il-Grupp Pestana jwettaq l-investiment fil-Brażil u biex jibda dak l-investiment. Fid-dawl ta’ dan, l-għajnuna ma għandha l-ebda effett ta’ l-inċentiv.

(43)

Il-Kummissjoni sostniet ukoll f'każijiet preċedenti li l-għajnuna għal investiment barrani dirett x'aktarx jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-pożizzjoni finanzjarja u strateġika globali tal-benefiċjarju u għalhekk taffettwa l-pożizzjoni relativa tiegħu meta mqabbel mal-kompetituri fis-suq ta’ l-UE (12).

(44)

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Grupp Pestana żied l-attività kummerċjali tiegħu fis-settur tal-lukandi wara l-investiment ikkonċernat, li ma kienx l-ewwel investiment barrani tiegħu. Skond l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Portugiżi, għalkemm ma bbenefikax mill-għajnuna, l-investiment fil-Brażil għen biex isaħħaħ il-kompetittività u l-viżibilità tal-Grupp Pestana fis-suq ġenerali tat-turiżmu, permezz b'mod partikolari għall-projezzjoni tad-ditta “Pestana Hotels and Resorts”.

(45)

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tinnota li, anke li kieku l-investiment minn Djebel kellu impatt pożittiv fil-Portugall, dan ma jistax, bħala prinċipju, ikun attribwit għall-għajnuna minħabba li, kif spjegat hawn fuq, ma kellha ebda effett ta’ l-inċentiv f'dan il-każ minħabba li l-proġett ġie konkluż qabel ma Djebel talab l-għajnuna u ma kienx neċessarju biex isir l-investiment.

(46)

Fl-evalwazzjoni tal-kompatibilità ta’ l-għajnuna, il-Kummissjoni tħares fil-qrib lejn il-bilanċ bejn l-effetti pożittivi u negattivi tagħha u tiddetermina jekk l-effetti benefiċjali għall-Komunità humiex ikbar mill-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-suq tal-Komunità. Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, m'hemm l-ebda raġuni li twassalha biex temmen li l-għoti ta’ għajnuna lil Djebel f'dak li jirrigwarda l-investiment fil-Brażil kien jgħin biex itejjeb il-kompetittività ta’ l-industrija Ewropea jew kien ikollu effett pożittiv fuq ir-reġjuni ta’ l-UE kkonċernati. Bil-kuntrarju, l-għajnuna kienet issaħħaħ il-pożizzjoni tal-benefiċjarju għad-danni tal-kompetituri tiegħu li jirċievu għajnuna mill-istat f'suq li huwa kkaratterizzat minn kompetizzjoni intensiva. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna ma kien ikollha l-ebda effetti pożittivi fuq il-Komunità li setgħu jegħlbu l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni.

VI.   KONKLUŻJONI

(47)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Portugall naqas milli juri li, mingħajr l-għajnuna, Djebel ma kinetx twettaq il-proġett ikkonċernat. Għalhekk l-għajnuna kien ikollha biss effett ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni fis-suq komuni mingħajr ma tikkontribwixxi għal attività addizzjonali min-naħa tal-benefiċjarju. Fuq il-bażi ta’ dan, l-għajnuna ma tistax tiġi kkunsidrata li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività ekononika fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) u għalhekk hija inkompatibbli mas-suq komuni.

(48)

Meta jitqies dan li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax li huwa meħtieġ li tevalwa aspetti oħra li jagħtu dubji dwar il-kompatibilità ta’ l-għajnuna imsemmija fid-Deċiżjoni tagħha tat-22 ta’ Frar 2006,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-self b'imgħax baxx innotifikat ta’ EUR 3 680 119 propost mill-Portugall għal Djebel għall-investiment tagħha fil-Brażil huwa inkompatibbli mas-suq komuni minħabba li ma jissodisfax il-kriterji stipulati fl-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat tal-KE u għalhekk m'għandux jingħata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Portugall.

Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Mejju 2007.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 91, 19.4.2006, p. 25.

(2)  Ara n-nota nru 1 ta’ qiegħ il-paġna.

(3)   ĠU L 107, tat-30.4.1996.

(4)   ĠU L 124, ta’ l-20.5.2003.

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE ta’ l-għajnuna de minimis (ĠU L 10, 13.1.2001, p 30) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 006 (ĠU L 379, 28,12,2006), dwar l-istess suġġett.

(6)  B'ittra SG(2000) D/106085 (ĠU C 266, 16.09.2000, p. 4).

(7)  Ara l-Każijiet C 77/ 97 - Austrian LiftGmbH – Doppelmayr (ĠU L 142, 5.6.1999, p. 32) u C 47/02 - Vila Galé-Cintra (ĠU L 61, 27.2.2004, p. 76).

(8)  Ara s-Sentenza mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fil-Każ C-142/87, Tubermeuse [1990] ECR I-959, paragrafu 35.

(9)  Ara l-Każijiet C 41/04 – Orfama (Deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2007) u C 36/04, Cordex (Deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2007).

(10)  Ara l-Każ C 47/02 – Villa Galé Cintra, li kienet dwar l-ewwel esperjenza ta’ internazzjonalizzazzjoni.

(11)  Ara punt 4.2 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali, li jistipula li applikazzjoni għall-għajnuna għandha tkun ippreżentata qabel ma jibda x-xogħol fuq il-proġett sabiex tiżgura li l-effett ta’ l-inċentiv jeżisti (ĠU C 74, 10.3.1998, p. 13).

(12)  Ara l-Każ C 77/97 - Austrian Lift GmbH-Doppelmayr (ĠU L 142, 5.6.1999, p. 32).