SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)
12 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )
“Servizz pubbliku – Uffiċjal – Personnel tas-SEAE assenjat f’pajjiż terz – Kap ta’ delegazzjoni – Perijodu ta’ prova maniġerjali – Rapport finali ta’ evalwazzjoni tal-perijodu ta’ prova maniġerjali – Att li ma jikkawżax preġudizzju – Inammissibbiltà – Assenjazzjoni mill-ġdid għal kariga mhux maniġerjali fis-sede tas-SEAE – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dritt għal smigħ – Kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni għall-kapijiet ta’ delegazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5028/2, tad‑9 ta’ Settembru 2008, dwar il-persunal maniġerjali intermedju – Nuqqas ta’ inklużjoni ta’ dokumenti fil-fajl personali – Interess tas-servizz – Użu ħażin ta’ poter – Talba għal assistenza – Deċiżjoni li tiċħad it-talba – Responsabbiltà”
Fil-Kawża T‑88/21,
Sandra Paesen, residenti f’Beersel (il-Belġju), irrappreżentata minn M. Casado García-Hirschfeld, avukata,
rikorrenti,
vs
Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), irrappreżentat minn S. Marquardt u R. Spáč, bħala aġenti,
konvenut,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),
komposta minn, waqt id-deliberazzjonijiet, R. da Silva Passos, President, V. Valančius, I. Reine, L. Truchot u M. Sampol Pucurull (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tas‑7 ta’ April 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza ( 1 )
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrenti, Sandra Paesen, titlob, minn naħa, l-annullament, l-ewwel, tar-rapport finali ta’ evalwazzjoni tal-perijodu ta’ prova maniġerjali (iktar ’il quddiem ir-“rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja”) li jikkonċernaha, it-tieni, tad-deċiżjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tal‑10 ta’ April 2020 dwar assenjazzjoni mill-ġdid f’kariga barra mill-qafas maniġerjali (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kkontestata”), it-tielet, tad-deċiżjoni tas-SEAE tat‑12 ta’ Mejju 2020 li tiċħad it-talba għal assistenza tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata”) u, min-naħa l-oħra, it-tqassim tad-danni finanzjarji u morali mġarrba mir-rikorrenti. |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
2 |
Ir-rikorrenti hija uffiċjal tal-Unjoni Ewropea. Hija daħlet fis-servizz tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl‑2004 u ġiet ittrasferita lis-SEAE fl‑2011. |
|
3 |
Permezz ta’ deċiżjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (iktar ’il quddiem ir-“Rappreżentant Għoli”), tas‑17 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti nħatret Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fi ħdan ir-Repubblika tal-Malawi (iktar ’il quddiem id-“delegazzjoni fil-Malawi”) b’effett mill‑1 ta’ Settembru 2018. |
|
4 |
Fl-istess data, ir-rikorrenti ġiet issuġġettata għal perijodu ta’ prova maniġerjali ta’ disa’ xhur, konformement mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5028/2 tad‑9 ta’ Settembru 2008 dwar il-persunal maniġerjali intermedju (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 5028/2”), li saret applikabbli għas-SEAE permezz tad-deċiżjoni PROC EEAS(2011) 002 tad-Direttur Ġenerali Amministrattiv tas-SEAE tad‑29 ta’ Novembru 2011. |
|
5 |
Fit‑18 ta’ Marzu 2019, fid-dawl tar-rapport interim ta’ evalwazzjoni probatorja, li skontu l-kompetenzi fil-qasam tal-awtorità u ta’ maniġment tar-rikorrenti ġew ikkunsidrati bħala insuffiċjenti, il-perijodu ta’ prova maniġerjali ġie estiż b’sitt xhur mill‑1 ta’ Ġunju 2019. |
|
6 |
Mis‑16 sal‑25 ta’ Settembru 2019, id-dipartiment ta’ spezzjoni tas-SEAE wettaq missjoni ta’ spezzjoni ad hoc fi ħdan id-delegazzjoni. |
|
7 |
Fl‑14 ta’ Ottubru 2019, l-abbozz tar-rapport ta’ spezzjoni redatt mill-missjoni ta’ spezzjoni ad hoc (iktar ’il quddiem l-“abbozz tar-rapport ta’ spezzjoni”) ġie kkomunikat lir-rikorrenti għal osservazzjonijiet eventwali. Dan l-abbozz kien jinkludi tnax-il rakkomandazzjoni dwar il-maniġment tad-delegazzjoni, li minnhom sitta kienu indirizzati lir-rikorrenti fil-kapaċità tagħha ta’ Kap ta’ Delegazzjoni. |
|
8 |
Fis‑27 ta’ Novembru 2019, is-Segretarju Ġenerali tas-SEAE bagħat lir-rikorrenti r-rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja, li skontu l-kompetenzi fil-qasam ta’ awtorità u ta’ maniġment ta’ din tal-aħħar tqiesu li kienu insuffiċjenti. |
|
9 |
Barra minn hekk, is-Segretarju Ġenerali tas-SEAE informat ukoll lir-rikorrenti li r-Rappreżentant Għoli, minn naħa, qies li hija ma kinitx uriet il-livell meħtieġ tul dan il-perijodu probatorju u, min-naħa l-oħra, li hija kellha l-intenzjoni tassenjaha mill-ġdid għal kariga mhux maniġerjali fis-sede tas-SEAE. |
|
10 |
Fid‑29 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrenti bagħtet lis-Segretarju Ġenerali tas-SEAE l-kummenti tagħha dwar l-abbozz ta’ rapport ta’ spezzjoni. |
|
11 |
Fit‑12 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrenti bagħtet lis-Segretarju Ġenerali tas-SEAE l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja. |
|
12 |
Fit‑18 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrenti tenniet quddiem is-Segretarju Ġenerali tas-SEAE l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tar-rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja u tal-kundizzjonijiet li fihom hija kienet wettqet il-perijodu ta’ prova maniġerjali u talbet l-aċċess għad-dokumenti li fuqhom kien ibbażat l-imsemmi rapport. |
|
13 |
Fid‑19 ta’ Diċembru 2019, id-Direttur Ġenerali inkarigat mill-Afrika (iktar ’il quddiem id-“Direttur Ġenerali Afrika”), bagħat osservazzjonijiet lid-Dipartiment ta’ Spezzjoni tas-SEAE dwar l-abbozz ta’ rapport ta’ spezzjoni. |
|
14 |
Fil‑11 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrenti talbet lir-Rappreżentant Għoli sabiex jikkonfermaha fil-funzjonijiet tagħha ta’ Kap tad-Delegazzjoni fil-Malawi. |
|
15 |
Fis‑17 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrenti bagħtet talba għal assistenza lid-Direttriċi tar-Riżorsi Umani tas-SEAE (iktar ’il quddiem it-“talba għal assistenza”) ibbażata fuq l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), intiża għall-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva minħabba li hija kienet vittma ta’ fastidju psikoloġiku min-naħa tas-superjuri ġerarkiċi tagħha, b’mod partikolari tad-Direttur Ġenerali Afrika u l-Kap tad-Diviżjoni tal-Afrika Awstrali u tal-Oċean Indjan (iktar ’il quddiem il-“Kap ta’ Diviżjoni Afrika 2”). |
|
16 |
Fid‑29 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrenti rċeviet il-verżjoni finali tar-rapport ta’ spezzjoni ad hoc (iktar ’il quddiem ir-“rapport finali ta’ spezzjoni”). |
|
17 |
Fit‑22 ta’ Marzu 2020, ir-rikorrenti ġiet awtorizzata titlaq mill-post ta’ assenjazzjoni tagħha u tmur lura l-Belġju għal raġunijiet mediċi u tal-familja. Mill-istess data, hija sussegwentement tqiegħdet fuq leave tal-mard u fuq leave annwali sal‑1 ta’ Settembru 2020. |
|
18 |
Fit‑30 ta’ Marzu 2020, ir-rikorrenti bagħtet informazzjoni addizzjonali lid-Direttorat tar-Riżorsi Umani tas-SEAE sabiex tikkompleta t-talba għal assistenza. |
|
19 |
Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ April 2020, ir-Rappreżentant Għoli adotta l-ewwel deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha huwa assenja mill-ġdid lir-rikorrenti għal kariga mhux maniġerjali fis-sede tas-SEAE b’effett mill‑1 ta’ Mejju 2020. |
|
20 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2020, ir-rikorrenti ġiet assenjata lid-Direttorat tal-Affarijiet Ekonomiċi u Ġenerali tas-SEAE mill‑1 ta’ Mejju 2020. |
|
21 |
Fit‑12 ta’ Mejju 2020, id-Direttur tar-Riżorsi Umani tas-SEAE adottat it-tieni deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha ċaħdet it-talba għal assistenza. |
|
22 |
Fl‑10 ta’ Lulju 2020, ir-rikorrenti, minn naħa, ressqet ilment taħt l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra r-rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja u d-deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal‑10 ta’ April, tat‑30 ta’ April u tat‑12 ta’ Mejju 2020 u, min-naħa l-oħra, talbet il-kumpens, fl-ammont ta’ EUR 60000, għad-dannu morali li hija ġarrbet kif ukoll ir-rimbors tal-ispejjeż u tal-onorarji tal-avukat tagħha. |
|
23 |
Fl‑4 ta’ Novembru 2020, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”). |
It‑talbiet tal‑partijiet
|
24 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
25 |
Is-SEAE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id‑dritt
[ommissis]
Fuq it‑talbiet intiżi għall‑annullament tar‑rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja
|
38 |
Għandu jitfakkar li l-ammissibbiltà tar-rikors hija motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, Credito Fondiario vs BUR, C‑69/19 P, EU:C:2020:178, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) u tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal hija kundizzjoni indispensabbli għall-ammissibbiltà ta’ kull rikors ippreżentat mill-uffiċjali kontra l-att tal-istituzzjoni li taħtha jaqgħu. Skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-miżuri li joħolqu effetti legali vinkolanti ta’ natura li taffettwa direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod serju s-sitwazzjoni legali tiegħu, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2017, Martinez De Prins et vs SEAE, T‑575/16, EU:T:2017:911, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
B’mod partikolari, minn ġurisprudenza stabbilita sew dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament jirriżulta li għandha tingħata importanza lis-sustanza nnifisha tal-atti kkontestati kif ukoll lill-intenzjoni tal-awturi tagħhom sabiex dawn l-atti jiġu kklassifikati. F’dan ir-rigward, bħala prinċipju, jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati l-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni fi tmiem proċedura amministrattiva u li jkunu intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, bl-esklużjoni, b’mod partikolari, tal-miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, li ma għandhomx tali effetti, kif ukoll atti purament konfermatorji ta’ att preċedenti li ma jkunx ġie kkontestat qabel l-iskadenza tat-termini previsti (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, SATCEN vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
F’dan il-każ, l-ewwel, ir-rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja li tiegħu r-rikorrenti titlob l-annullament huwa rregolat mid-Deċiżjoni 5028/2 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq). |
|
42 |
Konformement mal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni 5028/2, il-persuni maħtura għall-ewwel darba f’funzjonijiet maniġerjali intermedji huma suġġetti għal perijodu ta’ prova maniġerjali ta’ disa’ xhur, li jagħti lok, wara ħames xhur, għal rapport interim ta’ evalwazzjoni probatorja u, xahar qabel l-iskadenza tiegħu, għal rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja. Dan il-perijodu ta’ prova jista’, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġi estiż għal tul massimu ta’ sitt xhur li fi tmiemu jiġi stabbilit rapport aħħari ta’ evalwazzjoni. |
|
43 |
Barra minn hekk, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Deċiżjoni 5028/2, jekk, fi tmiem il-perijodu ta’ prova (jiġifieri wara massimu ta’ ħmistax-il xahar), dan ma jagħtix eżitu pożittiv minħabba li waħda mill-kompetenzi li għandhom jiġu evalwati titqies li hija insuffiċjenti, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tipproponi l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-membru tal-persunal ikkonċernat f’kariga mhux maniġerjali. |
|
44 |
Għalhekk, mill-formulazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Deċiżjoni 5028/2, kif jammetti s-SEAE fit-tweġiba bil-miktub tiegħu għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jirriżulta li rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorju li jikkonstata tal-inqas kompetenza maniġerjali waħda insuffiċjenti ma jimplikax l-adozzjoni, mill-Awtorità tal-Ħatra li tistabbilixxi dan ir-rapport, ta’ deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-uffiċjal ikkonċernat f’kariga mhux maniġerjali, iżda biss proposta, indirizzata lir-Rappreżentant Għoli bħala Awtorità tal-Ħatra kompetenti għall-assenjazzjoni mill-ġdid tal-imsemmi uffiċjal, u dan inkluż wara estensjoni tal-perijodu ta’ prova maniġerjali. |
|
45 |
It-tieni, ġie deċiż li r-raġuni wara l-perijodu ta’ prova skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 44 tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ sal‑31 ta’ Diċembru 2013, kienet qrib biżżejjed għal dik li tiġġustifika l-perijodu ta’ prova impost fuq il-membri tal-persunal temporanji skont l-Artikolu 14 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-oħra tal-Unjoni, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ sal‑31 ta’ Diċembru 2013, b’tali mod li kien possibbli li wieħed jispira ruħu mill-ġurisprudenza relatata miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2016, FS vs KESE, F‑50/15, EU:F:2016:119, punt 97). |
|
46 |
Tali prossimità teżisti wkoll fir-rigward tal-perijodu ta’ prova imposta lill-kapijiet ta’ delegazzjoni l-ġodda tas-SEAE taħt id-Deċiżjoni 5028/2. B’hekk, rapport bħar-rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja ma jistax jiġi pparagunat mar-rapporti annwali ta’ evalwazzjoni li huma stabbiliti tul il-karriera ta’ uffiċjal u li jikkostitwixxu, fir-rigward tagħhom, atti li jikkawżaw preġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, XH vs Il‑Kummissjoni, T‑511/18, EU:T:2020:291, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Fil-fatt, ir-rapporti dwar il-perijodu ta’ prova, li l-għan tagħhom jikkonsisti fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni tal-amministrazzjoni dwar il-ħatra bħala uffiċjal permanenti tal-persuna kkonċernata fi tmiem il-perijodu ta’ prova jew it-tkeċċija tagħha, għandhom bħala sempliċi għan li jħejju deċiżjoni speċifika tal-amministrazzjoni, li magħha għalhekk jintrabtu mill-qrib, u, konsegwentement, ma għandhomx in-natura ta’ atti li jikkawżaw preġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, XH vs Il‑Kummissjoni, T‑511/18, EU:T:2020:291, punt 134). |
|
48 |
Għalhekk, bl-istess mod, ir-rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja għandu l-uniku għan, meta jkun negattiv, li jħejji deċiżjoni speċifika tal-amministrazzjoni, jiġifieri d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid għal impjieg ieħor f’kariga mhux maniġerjali, li magħha dan ir-rapport huwa marbut mill-qrib. |
|
49 |
It-tielet, huwa minnu, kif jenfasizza s-SEAE, li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 44 tar-Regolamenti tal-Persunal jissuġġetta l-avvanz fl-iskala li din id-dispożizzjoni tipprevedi favur l-uffiċjali maħtura, b’mod partikolari, bħala kapijiet ta’ diviżjoni, għall-kundizzjoni li dawn l-uffiċjali jkunu wettqu l-funzjonijiet tagħhom b’mod sodisfaċenti fis-sens tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal matul l-ewwel disa’ xhur wara l-ħatra tagħhom. |
|
50 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-avvanz eċċezzjonali fl-iskala previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 44 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa applikabbli għall-uffiċjali maħtura bħala kapijiet ta’ diviżjoni, ta’ diretturi jew ta’ diretturi ġenerali, u mhux għall-membri tal-persunal tas-SEAE li, bħar-rikorrenti, jinħatru għall-ewwel darba għal funzjonijiet ta’ kapijiet ta’ delegazzjoni, li huma ddefiniti fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2010/427/UE tas‑26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE (ĠU 2010, L 201, p. 30). |
|
51 |
Konsegwentement, il-fatt li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 44 tar-Regolamenti tal-Persunal jagħmel riferiment għall-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal ma għandux effett fuq in-natura ta’ att preparatorju li għandu r-rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja tal-kapijiet ta’ delegazzjoni tas-SEAE. |
|
52 |
Ir-raba’, huwa minnu wkoll li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Deċiżjoni 5028/2 jirreferi għall-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal billi jipprevedi li r-rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja għandu jiġi anness mar-rapport annwali ta’ evalwazzjoni rregolat minn din l-aħħar dispożizzjoni. |
|
53 |
Madankollu, rapport ta’ evalwazzjoni ta’ perijodu ta’ prova maniġerjali li jinsab fil-fajl individwali ta’ uffiċjal ma jistax, bħala prinċipju, jibqa’ jipproduċi xi tip ta’ effett wara d-deċiżjoni meħuda fi tmiem dan il-perijodu ta’ prova, li fir-rigward tagħha ġie redatt u li ma kellu ebda għan ieħor ħlief li jaqdi funzjoni ta’ tħejjija (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, XH vs Il‑Kummissjoni, T‑511/18, EU:T:2020:291, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
54 |
Għalhekk, rapport interim jew finali ta’ evalwazzjoni probatorja, anki jekk jinkludi ċertu numru ta’ osservazzjonijiet dwar il-kapaċitajiet ta’ xogħol tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal, la jista’, bħala prinċipju, jittieħed inkunsiderazzjoni minn kumitat ta’ promozzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, XH vs Il-Kummissjoni, T‑511/18, EU:T:2020:291, punt 137), la, kif ammetta s-SEAE waqt is-seduta, mill-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħatriet (iktar ’il quddiem il- KKĦ”) previst mid-deċiżjoni PROC HR(2011) 005 tar-Rappreżentant Għoli tad‑9 ta’ Marzu 2011, u lanqas mill-Awtorità tal-Ħatra, fl-okkażjoni ta’ proċedura ġdida ta’ selezzjoni tal-kapijiet ta’ delegazzjoni. |
|
55 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, fl-okkażjoni ta’ rikors kontra d-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura li tikkostitwixxi l-perijodu ta’ prova maniġerjali, huwa permess li r-rikorrent jinvoka l-irregolarità tal-atti preċedenti marbuta miegħu mill-qrib u, b’mod partikolari, l-irregolaritajiet li, fil-fehma tiegħu, jaffettwaw ir-rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2015, Sesma Merino vs UASI, T‑127/14 P, EU:T:2015:927, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għalkemm l-ewwel deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha r-rikorrenti tiġi assenjata mill-ġdid f’kariga mhux maniġerjali, sa fejn din tistabbilixxi b’mod definittiv il-kariga tal-amministrazzjoni u, b’hekk, taffettwa direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrenti, tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju lil din tal-aħħar, dan ma japplikax għar-rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja, li jikkostitwixxi biss att preparatorju għal din id-deċiżjoni. |
|
57 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talbiet għall-annullament tar-rapport finali ta’ evalwazzjoni huma inammissibbli u għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq it‑talbiet intiżi għall‑annullament tal‑ewwel deċiżjoni kkontestata
|
58 |
Insostenn ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, sitt motivi bbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tieni, fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tad-dritt għal smigħ, it-tielet, fuq ksur tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni 5028/2 u tad-Deċiżjoni ADMIN (2019) 31 tas-SEAE, tal‑15 ta’ Novembru 2019, dwar l-eżerċizzju u s-subdelega tas-setgħat mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra u lill-ASTK (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ADMIN (2019) 31”), ir-raba’, fuq ksur tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-ħames, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u, is-sitt, fuq użu ħażin ta’ poter. [omissis] |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tad-dritt għal smigħ
|
71 |
Ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, l-ewwel, irregolarità fl-okkażjoni tal-konsultazzjoni tal-KKĦ, it-tieni, ksur tad-dritt għal smigħ u, it-tielet, ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba. [omissis] |
– Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur tad-dritt għal smigħ
|
79 |
Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, l-erba’ lmenti li ġejjin. |
|
80 |
L-ewwel, ir-rikorrenti ssostni li, bi tweġiba għall-ittra tas-Segretarju Ġenerali tas-SEAE tas‑27 ta’ Novembru 2019 li tinnotifikaha bir-rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja, hija ssottomettiet osservazzjonijiet li ma ngħatawx segwitu. Hija tafferma li ma kinitx f’pożizzjoni li tinfluwenza l-proċess deċiżjonali tal-Awtorità tal-Ħatra, kif jixhdu ċ-ċirkustanzi, minn naħa, li l-ewwel deċiżjoni kkontestata ma tirrigwardax l-osservazzjonijiet li hija ressqet fit‑12 ta’ Diċembru 2019 u fit‑30 ta’ Jannar 2020 u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija deċiżjoni b’ebda mod ma turi li l-Awtorità tal-Ħatra kienet realment eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha fid-dawl tal-osservazzjonijiet imressqa minnha fuq l-imsemmi rapport. |
|
81 |
It-tieni, ir-rikorrenti tqis li r-rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja jinkludi allegazzjonijiet suġġettivi li ma humiex issostanzjati minn dokumenti probatorji, b’tali mod li l-assenza ta’ dawn id-dokumenti bla dubju kienet ipprekludietha milli tkun f’qagħda li tieħu pożizzjoni b’mod eżawrjenti fuq il-fatti u d-dokumenti kollha li fuqhom hija bbażata l-ewwel deċiżjoni kkontestata. |
|
82 |
It-tielet, ir-rikorrenti tippreċiża li, konformement mad-Deċiżjoni ADMIN (2019) 31, hija kellha tinstema’ mir-Rappreżentant Għoli. |
|
83 |
Ir-raba’, ir-rikorrenti ssostni li hija ma kellhiex l-opportunità li tiddiskuti l-kontenut tar-rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja mas-superjuri tagħha qabel ma dan ir-rapport intbagħat lilha mis-Segretarju Ġenerali tas-SEAE fis‑27 ta’ Novembru 2019 – liema fatt imur kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-leġiżlazzjoni interna applikabbli. |
|
84 |
Is-SEAE jikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti. |
|
85 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 41(2) tal-Karta, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed fir-rigward tagħha kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament. |
|
86 |
Għalhekk, id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa l-interessi tagħha negattivament (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Il‑Parlament vs UZ, C‑894/19 P, EU:C:2021:863, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
87 |
B’mod partikolari, deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ta’ uffiċjal fis-servizz f’pajjiż terz taffettwa s-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu peress li tbiddel il-post u l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet kif ukoll in-natura tagħhom. Hija tista’ wkoll ikollha effett fuq il-karriera ta’ dan l-uffiċjal sa fejn tista’ teżerċita influwenza fuq il-perspettivi professjonali tiegħu, peress li ċerti funzjonijiet jistgħu, fuq bażi ugwali, iwasslu aħjar minn oħrajn għal promozzjoni minħabba n-natura tal-funzjonijiet eżerċitati. Barra minn hekk, hija tista’ twassal għal tnaqqis fir-remunerazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, C‑59/06 P, EU:C:2007:756, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
88 |
Minn dan jirriżulta li deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid kontra r-rieda tal-uffiċjal, ikkunsidrata f’kuntest ikkaratterizzat minn nuqqasijiet fil-funzjonijiet maniġerjali bħal dak inkwistjoni, jeħtieġ l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, anki fl-assenza ta’ kull leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-proċesura inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, C‑59/06 P, EU:C:2007:756, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
89 |
Huwa fir-rigward ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat il-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ. |
|
90 |
F’dan il-każ, l-ewwel, huwa paċifiku li, permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Novembru 2019, is-Segretarju Ġenerali tas-SEAE bagħat lir-rikorrenti r-rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja u informatha li, fuq il-bażi ta’ dan ir-rapport, ir-Rappreżentant Għoli kellu l-intenzjoni li jassenjaha mill-ġdid għal funzjonijiet mhux maniġerjali, fis-sede tas-SEAE, konformement mal-Artikolu 11(4) tad-Deċiżjoni 5028/2. |
|
91 |
Barra minn hekk, permezz ta’ din l-istess ittra, is-Segretarju Ġenerali tas-SEAE stiednet lir-rikorrenti tressaq l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, sa mhux iktar tard minn erbatax-il jum, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni definittiva. |
|
92 |
It-tieni, minbarra l-osservazzjonijiet bil-miktub, tat‑12 ta’ Diċembru 2019 u tal‑11 ta’ Jannar 2020, li r-rikorrenti bagħtet, rispettivament, lis-Segretarju Ġenerali tas-SEAE u lir-Rappreżentant Għoli, mill-proċedura jirriżulta li r-rikorrenti kellha konverżazzjoni telefonika mas-Segretarju Ġenerali fis‑17 ta’ Diċembru 2019 u li, l-għada, ir-rikorrenti bagħtitilha osservazzjonijiet bil-miktub ġodda. |
|
93 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tesprimi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha qabel l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata u li tesponi l-elementi li, fl-opinjoni tagħha, kienu jiġġustifikaw li tali deċiżjoni ma tittiħidx. Għalhekk, hija ssostni b’mod żbaljat li d-dritt għal smigħ tagħha qabel l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata nkiser. |
|
94 |
L-argumenti mressqa mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali ma humiex tali li jqiegħdu din il-konklużjoni inkwistjoni. |
|
95 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ma hijiex fondata meta ssostni li hija kellha tinstema’ mill-Awtorità tal-Ħatra qabel l-adozzjoni tar-rapport finali ta’ evalwazzjoni. |
|
96 |
Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni 5028/2 b’ebda mod ma timponi tali obbligu fuq l-Awtorità tal-Ħatra. |
|
97 |
Min-naħa l-oħra, huwa minnu li ġie deċiż fil-punt 75 tas-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, Wurster vs EIGE (F‑20/12 u F‑43/12, EU:F:2013:129), fir-rigward ta’ rapport ta’ evalwazzjoni tal-kapaċitajiet maniġerjali rregolat mid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw il-persunal maniġerjali intermedjarju tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), li kull persuna li tkun is-suġġett ta’ rapport ta’ evalwazzjoni li jista’ jipproduċi konsegwenzi fuq il-karriera tagħha għandu jkollha l-possibbiltà li tressaq l-osservazzjonijiet tagħha qabel ma dan ir-rapport isir definittiv, u dan anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni espliċita. |
|
98 |
Madankollu, din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq il-ġurisprudenza dwar ir-rapporti annwali ta’ evalwazzjoni. Peress li dawn ir-rapport jikkostitwixxu elementi li jistgħu jeżerċitaw influwenza tul il-karriera ta’ uffiċjal, huma jikkostitwixxu atti li jikkawżaw preġudizzju (ara l-punt 46 iktar ’il fuq), li ma huwiex il-każ tar-rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja (ara l-punti 56 u 57 iktar ’il fuq). |
|
99 |
L-istess japplika għas-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2013, Wahlström vs Frontex (F‑116/12, EU:F:2013:143), invokata wkoll mir-rikorrenti insostenn tal-argumenti tagħha. |
|
100 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 86 sa 88 iktar ’il fuq jirriżulta li, għalkemm id-dritt għal smigħ jiggarantixxi li kull persuna li kontriha huwa indirizzat att li jikkawża preġudizzju tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ dan l-att, madankollu dan id-dritt ma huwiex iggarantit lilha fir-rigward ta’ att ta’ tħejjija (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Brahma vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, T‑603/16, EU:T:2018:820, punt 71 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
101 |
Għalhekk, f’dan il-każ, kien suffiċjenti li r-rikorrenti nstemgħet qabel l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha ġie deċiż l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha f’kariga mhux maniġerjali, mingħajr ma l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tiġi kkritikata li ma semgħethiex qabel l-adozzjoni tar-rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja, li jikkostitwixxi att preparatorju għal din id-deċiżjoni (ara l-punt 56 iktar ’il fuq). |
|
102 |
Tali konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt, irrilevat fil-punti 45 u 46 iktar ’il fuq, li r-raġuni wara perijodu ta’ prova analogu għal dak impost, bħal f’dan il-każ, fuq il-kapijiet il-ġodda ta’ delegazzjoni, hija simili biżżejjed għal dik li tiġġustifika l-perijodu ta’ prova impost fuq l-uffiċjali l-ġodda b’tali mod li l-Qorti Ġenerali tispira ruħha mill-ġurisprudenza f’dan il-qasam. |
|
103 |
Fil-fatt, minn din il-ġurisprudenza dwar ir-rapporti dwar il-perijodu ta’ prova, applikabbli b’analoġija, jirriżulta li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-uffiċjal bi prova mkeċċi jimplika li dan tal-aħħar tqiegħed f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva li twassal għad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, li jesprimi b’mod utli l-fehma tiegħu dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li fuq il-bażi tagħhom l-Awtorità tal-Ħatra adottat id-deċiżjoni tagħha. B’hekk, ladarba r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni jistrieħu fuq l-evalwazzjonijiet li jinsabu fir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ dan l-uffiċjal, id-dritt għal smigħ huwa ggarantit meta dan l-uffiċjal esprima ruħu dwar l-imsemmija evalwazzjonijiet u kellu l-possibbiltà li jieħu pożizzjoni dwar kull dokument li l-istituzzjoni għandha l-intenzjoni li tuża kontrih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2019, Bonnafous vs EACEA, T‑614/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:381, punti 79, 80 u 93 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
104 |
F’dan il-każ, kif huwa indikat fil-punt 63 iktar ’il fuq, ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-ewwel deċiżjoni kkontestata jistrieħu fuq l-evalwazzjonijiet li jinsabu fir-rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja tar-rikorrenti, u huwa paċifiku li r-rikorrenti esprimiet ruħha fuq l-imsemmija evalwazzjonijiet. |
|
105 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti tqiegħdet f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-ewwel deċiżjoni kkontestata, li tesprimi b’mod utli l-fehma tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li fuq il-bażi tagħhom l-Awtorità tal-Ħatra adottat id-deċiżjoni tagħha. |
|
106 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma tistax issostni b’mod utli li hija ma kinitx f’qagħda li tieħu pożizzjoni fuq dokumenti li huma neċessarji, fl-opinjoni tagħha, sabiex tissostanzja l-evalwazzjonijiet suġġettivi li jinsabu fir-rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja, filwaqt li l-eżistenza ta’ tali dokumenti ma hijiex stabbilita u ma tirriżultax mill-annessi tal-proċess. |
|
107 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni li hija kellha tibbenefika minn laqgħa mar-Rappreżentant Għoli, peress li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-iskambju li permezz tiegħu l-uffiċjal ikkonċernat għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jesprimi b’mod effettiv il-fehma tiegħu dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod negattiv l-interessi tagħha jista’ jkun orali jew bil-miktub (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, C‑59/06 P, EU:C:2007:756, punt 47, u tas‑6 ta’ April 2022, FC vs EUAA, T‑634/19, mhux ippubblikata, EU:T:2022:222, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
108 |
Barra minn hekk, għalkemm id-Deċiżjoni ADMIN (2019) 31, applikabbli mis‑16 ta’ Novembru 2019, kienet tipprevedi li r-Rappreżentant Għoli kien l-awtorità kompetenti għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-kapijiet ta’ delegazzjoni fl-interess tas-servizz, mill-kliem ta’ din id-deċiżjoni ma jirriżultax li din tipprevedi l-obbligu għas-SEAE li jorganizza laqgħa bejn ir-Rappreżentant Għoli u kap ta’ delegazzjoni f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ. |
|
109 |
Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni li l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ma ngħatawx segwitu, li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tinfluwenza l-proċess deċiżjonali tal-Awtorità tal-Ħatra u li l-ewwel deċiżjoni kkontestata b’ebda mod ma turi li l-Awtorità tal-Ħatra kienet realment eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha fid-dawl tal-osservazzjonijiet bil-miktub li hija ressqet. |
|
110 |
Fil-fatt, għalkemm ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ jeżiġi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jippermettu lill-persuna kkonċernata minn att li jikkawża preġudizzju tesponi l-fehma tagħha b’mod utli, ma jistax jiġi impost fuq l-imsemmija istituzzjonijiet li jaqblu miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 2017, Arbuzov vs Il‑Kunsill, T‑221/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:478, punt 84, u tas‑27 ta’ Settembru 2018, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑288/15, EU:T:2018:619, punt 330). |
|
111 |
Barra minn hekk, l-ewwel deċiżjoni kkontestata tirreferi espressament għall-osservazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tat‑12 ta’ Diċembru 2019. Għalkemm din id-deċiżjoni ssemmi wkoll osservazzjonijiet tar-rikorrenti tal‑1 ta’ Jannar 2020, mill-proċedura, kif jindika s-SEAE, jirriżulta li dan huwa żball tal-pinna u li r-Rappreżentant Għoli kellu l-intenzjoni li jirreferi għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tal‑11 ta’ Jannar 2020. |
|
112 |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lir-Rappreżentant Għoli talli ma semmiex, fl-ewwel deċiżjoni kkontestata, l-osservazzjonijiet tat‑30 ta’ Jannar 2020 li hija kienet bagħtet lill-Kap tal-uffiċċju ta’ dan tal-aħħar bi tweġiba għall-ittra tad‑19 ta’ Diċembru 2019 tad-Direttur Ġenerali Afrika msemmija fil-punt 13 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dawn l-osservazzjonijiet ma kinux relatati, tal-inqas b’mod dirett, mal-proċedura mibdija mis-SEAE sabiex jiġi ggarantit id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti qabel l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata. |
|
113 |
Konsegwentement, din il-parti hija infondata u għandha tiġi miċħuda. [omissis] |
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni 5028/2 u tad-Deċiżjoni ADMIN (2019) 31
|
129 |
Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, ħames ilmenti bbażati, l-ewwel, fuq l-irregolarità tar-rapport interim ta’ evalwazzjoni probatorja, it-tieni, fuq in-natura anormali tal-kundizzjonijiet li fihom twettaq il-perijodu ta’ prova maniġerjali, it-tielet, fuq l-assenza ta’ għanijiet u ta’ indikaturi matul il-perijodu ta’ prova maniġerjali, ir-raba’, fuq l-irregolarità tar-rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja u, il-ħames, fuq il-fatt li l-ewwel deċiżjoni kkontestata kienet taqa’ taħt il-kompetenza tar-Rappreżentant Għoli. |
|
130 |
Is-SEAE jikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti. [omissis] |
– Fuq it-tielet ilment tat-tielet motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ għanijiet u ta’ indikaturi matul il-perijodu ta’ prova maniġerjali
|
157 |
Ir-rikorrenti tilmenta dwar l-assenza ta’ segwitu regolari min-naħa tal-ġerarkija tagħha u tad-Direttorat tar-Riżorsi Umani, b’mod partikolari l-assenza ta’ ffissar ta’ għanijiet u ta’ programm ta’ azzjoni, li ċaħditha minn kull indikatur li jippermetti li titkejjel il-prestazzjonijiet tagħha u li tirrimedja n-nuqqasijiet eventwali tagħha, u dan bi ksur tal-Artikolu 11(3) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Deċiżjoni 5028/2. |
|
158 |
F’dan ir-rigward, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tad-Deċiżjoni 5028/2 jirriżulta li l-evalwazzjoni interim għandha ssir fuq il-bażi ta’ dokument approvat minn qabel li jinkludi għanijiet u indikaturi ta’ prestazzjoni inekwivokabbli, marbuta ma’ kompiti jew ma’ kompetenzi maniġerjali standard. |
|
159 |
Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ kontinwità tal-evalwazzjoni tal-perijodu ta’ prova maniġerjali, li huwa msemmi fl-Artikolu 11(2) tad-Deċiżjoni 5028/2, jimplika neċessarjament li l-evalwazzjoni finali għandha titwettaq fuq il-bażi tal-istess dokument li jinkludi għanijiet u indikaturi ta’ prestazzjoni inekwivokabbli minn dak li huwa stabbilit għall-evalwazzjoni interim. |
|
160 |
Għandu jiġi rrilevat qabel kollox li, f’din il-kawża, is-SEAE u r-rikorrenti ma approvawx dokument formali, li jinkludi għanijiet u indikaturi ta’ prestazzjoni mhux ekwivoċi, marbuta ma’ kompiti jew ma’ kompetenzi maniġerjali standard, qabel il-perijodu ta’ prova tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tad-Deċiżjoni 5028/2 ġie miksur. |
|
161 |
L-ewwel, fir-rigward tal-iffissar tal-għanijiet, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, meta jeżistu regoli interni tal-istituzzjoni li jippreskrivu l-istabbiliment ta’ għanijiet għal uffiċjal fil-bidu tal-perijodu ta’ evalwazzjoni, il-ksur ta’ dawn ir-regoli għandu natura sostanzjali u jiġġustifika ċ-ċensura tal-evalwazzjoni kontenzjuża minħabba li d-deskrizzjoni tal-kariga ma kinitx suffiċjenti f’termini ta’ ffissar ta’ għanijiet (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2016, FS vs KESE, F‑50/15, EU:F:2016:119, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
162 |
Madankollu, il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 161 iktar ’il fuq, li tikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ uffiċjal, għandha tiġi applikata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ responsabbiltà marbut mal-kariga li fiha dan huwa assenjat kif ukoll l-esperjenza preċedenti tal-uffiċjal maħtur f’din il-kariga. F’dan il-każ, ir-rikorrenti nħatret bħala kap ta’ delegazzjoni bil-kompitu li tiżgura r-rappreżentanza tal-Unjoni fil-pajjiż fejn hija akkreditata d-delegazzjoni, li jimplika neċessarjament, minn naħa, livell għoli ta’ responsabbiltà u, min-naħa l-oħra, kapaċità solida ta’ ġestjoni u awtonomija kbira, indipendentement mill-iffissar ta’ għanijiet konkreti. |
|
163 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-funzjonijiet mogħtija lil kap ta’ delegazzjoni, li huma ddefiniti fl-Artikolu 5(2) sa (4) u (8) tad-Deċiżjoni 2010/427, ma humiex strettament paragunabbli mal-funzjonijiet maniġerjali intermedji fdati lil kap ta’ diviżjoni u li huma deskritti fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 5028/2. |
|
164 |
B’mod partikolari, kuntrarjament għal kap ta’ diviżjoni, il-kap ta’ delegazzjoni għandu jiżgura missjoni ta’ rappreżentanza tal-Unjoni fil-pajjiż fejn hija kkreditata d-delegazzjoni, kemm mal-awtoritajiet tal-imsemmi pajjiż kif ukoll mas-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali. |
|
165 |
Barra minn hekk, is-separazzjoni, b’mod partikolari ta’ natura ġeografika, bejn l-amministrazzjoni ċentrali tas-SEAE u d-delegazzjonijiet, teħtieġ neċessarjament min-naħa ta’ kap ta’ delegazzjoni kapaċità ikbar li jeżerċita l-funzjonijiet maniġerjali tiegħu b’mod awtonomu, b’paragun ma’ kap ta’ diviżjoni li jgawdi mis-superviżjoni immedjata tal-ġerarkija tiegħu. |
|
166 |
F’dan il-każ, sabiex tinħatar bħala l-Kap tad-Delegazzjoni fil-Malawi, ir-rikorrenti bagħtet il-kandidatura fid-dawl, minn naħa, ta’ deskrizzjoni tal-kariga u, min-naħa l-oħra, ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti, li kienu jsemmu għanijiet speċifiċi fil-qasam maniġerjali. |
|
167 |
B’mod partikolari, id-dokumentazzjoni deskrittiva tal-kariga ta’ Kap tad-Delegazzjoni fil-Malawi kienet tinkludi, fi ħdan it-taqsima dwar il-funzjonijiet relatati ma’ dan l-impjieg, subparti relatata mal-ġestjoni tar-riżorsi umani, li kienet telenka l-missjonijiet li ġejjin: evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet individwali tal-persunal tal-imsemmija delegazzjoni, identifikazzjoni tal-bżonnijiet ta’ taħriġ tal-persunal, eżerċizzju ta’ responsabbiltà maniġerjali fil-qasam ta’ inkompetenza professjonali, ta’ fastidju u ta’ problemi ta’ natura dixxiplinari u osservanza tal-proċeduri dwar dawn il-kwistjonijiet, eżerċizzju ta’ responsabbiltà soċjali u etika fir-rigward tal-persunal. |
|
168 |
Barra minn hekk, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kien jindika li l-impjieg ta’ Kap tad-Delegazzjoni fil-Malawi kien jelenka b’mod partikolari bħala missjonijiet: li jiġu żgurati l-ġestjoni tajba tad-delegazzjoni, inkluża l-ġestjoni finanzjarja u l-applikazzjoni korretta tar-regoli eżistenti dwar is-sigurtà tal-persuni, tal-beni mobbli u immobbli u tal-informazzjoni, il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-kontinwità tal-operazzjonijiet tal-imsemmija delegazzjoni, b’mod partikolari fil-qafas tal-kontinwità tas-servizz. |
|
169 |
Għalhekk, kemm id-deskrizzjoni tal-kariga kif ukoll l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti li jikkonċernaw l-impjieg ta’ Kap tad-Delegazzjoni fil-Malawi kienu jinkludu preċiżazzjonijiet dwar il-missjonijiet fdati lil dan l-impjieg fil-qasam tal-ġestjoni tar-riżorsi umani u ta’ maniġment. |
|
170 |
F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li d-dokumentazzjoni deskrittiva tal-kariga u avviż ta’ pożizzjoni vakanti għandhom, bħala prinċipju, għanijiet u karatteristiċi differenti minn dokument li jistabbilixxi l-għanijiet ta’ uffiċjal, ma jistax jiġi eskluż a priori li għanijiet maniġerjali li jistgħu jiġu stabbiliti għall-evalwazzjoni tat-twettiq ta’ perijodu ta’ prova maniġerjali ma jistgħux ikunu inklużi fid-dokumentazzjoni deskrittiva u fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti tal-impjieg li mtela mill-kap ta’ delegazzjoni suġġett għal tali perijodu ta’ prova. |
|
171 |
Għalhekk, f’din il-kawża, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-missjonijiet maniġerjali li jinsabu fid-deskrizzjoni tal-kariga u l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti dwar l-impjieg ta’ Kap tad-Delegazzjoni fil-Malawi kienu ddefiniti hemmhekk b’mod suffiċjentement preċiż sabiex jiġu kkostitwiti għanijiet speċifiċi fil-kuntest tal-perijodu ta’ prova maniġerjali tar-rikorrenti. |
|
172 |
Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti kienet kandidata għall-impjieg ta’ Kap tad-Delegazzjoni fil-Malawi fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-kariga u tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti li jikkonċernaw dan l-impjieg, hija kellha neċessarjament għarfien ta’ dawn l-għanijiet u, fid-dawl tal-applikazzjoni ta’ kandidatura tagħha, hija għandha titqies li approvathom qabel id-dħul tagħha fil-funzjonijiet. |
|
173 |
Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat, f’din il-kawża, li l-preċiżjonijiet dwar il-kompiti maniġerjali li jinsabu fid-deskrizzjoni tal-kariga u l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti dwar l-impjieg ta’ Kap tad-Delegazzjoni fil-Malawi setgħu servew bħala għanijiet maniġerjali fis-sens u għall-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 5028/2. |
|
174 |
It-tieni, fir-rigward tal-iffissar minn qabel ta’ indikaturi ta’ prestazzjoni inekwivokabbli, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni PROC EEAS(2011) 002, tad‑29 ta’ Novembru 2011, jirriżulta “mutatis mutandis” li d-dispożizzjonijiet li jinsabu, b’mod partikolari, fid-Deċiżjoni 5028/2, japplikaw għall-persunal tas-SEAE. |
|
175 |
F’dan il-każ, minn naħa, mill-kriterji ta’ selezzjoni li jinsabu fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti dwar l-impjieg ta’ Kap tad-Delegazzjoni fil-Malawi jirriżulta li l-kandidati għal dan l-impjieg kellhom jiġġustifikaw esperjenza pprovata fit-tmexxija u l-motivazzjoni tat-timijiet, b’mod partikolari f’ambjent multidixxiplinari u multikulturali, kif ukoll ta’ kompetenzi solidi fil-qasam maniġerjali, ta’ komunikazzjoni u ta’ analiżi, flimkien ma’ kapaċità ta’ ġudizzju tajba. |
|
176 |
Min-naħa l-oħra, mill-proċess jirriżulta li, fid-data tal-ħatra tar-rikorrenti bħala Kap tad-Delegazzjoni fil-Malawi, id-Direttorat tar-Riżorsi Umani tas-SEAE kien ippubblika dokument li kien jistabbilixxi l-kompetenzi meħtieġa mill-karigi maniġerjali kollha tas-SEAE u li kien isemmi eżempji konkreti ta’ sitwazzjonijiet, sabiex dawn il-maniġers ikunu jistgħu jevalwaw jekk kellhomx l-erbatax-il kompetenza elenkati f’dan id-dokument u jekk kinux jeżerċitawhom b’mod effettiv. |
|
177 |
Fl-aħħar nett, miċ-ċirkustanzi tal-kawża suġġetta għall-eżami tal-Qorti Ġenerali ma jirriżultax li r-rikorrenti talbet lis-superjuri ġerarkiċi tagħha sabiex dawn jiddefinixxu indikaturi ta’ prestazzjoni sabiex tevalwa l-kompetenzi maniġerjali tagħha fi tmiem il-perijodu ta’ prova, u dan filwaqt li d-Deċiżjoni 5028/2 tipprovdi li tali indikaturi għandhom jiġu approvati mill-uffiċjal suġġett għall-perijodu ta’ prova maniġerjali. |
|
178 |
F’dan il-kuntest, jidher li r-rikorrenti kellha għarfien suffiċjenti ta’ dak li kien mistenni, fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tagħha matul il-perijodu ta’ prova tagħha bħala Kap tad-Delegazzjoni fil-Malawi. |
|
179 |
Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud. [omissis] |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
da Silva Passos Valančius Reine Truchot Sampol Pucurull Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑12 ta’ Ottubru 2022. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
( 1 ) Huma riprodotti biss il-punti minn din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li huma utli għall-pubblikazzjoni.