|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2023/2419 |
27.10.2023 |
REGOLAMENT (UE) 2023/2419 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-18 ta’ Ottubru 2023
dwar it-tikkettar tal-ikel organiku għall-annimali domestiċi
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
Filwaqt li jitqiesu l-objettivi tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) li jiġi żgurat introjtu ġust għall-bdiewa u li jiġu indirizzati l-eżiġenzi tas-soċjetà fil-qasam tal-ikel u s-saħħa, id-domanda dejjem tikber tal-konsumatur għall-prodotti organiċi hija opportunità għal espansjoni ulterjuri tas-settur tal-ikel għall-annimali domestiċi u għal żieda fl-introjtu tal-bdiewa involuti fil-produzzjoni organika. Il-fatt li jiġu rikonoxxuti r-rwol li għandu x’jaqdi s-settur tal-ikel għall-annimali domestiċi fil-kontribut għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, kif ukoll dawk il-miżuri ġodda ta’ tikkettar previsti f’dan ir-Regolament u l-użu uniformi tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea, għandhom jgħinu fl-iżvilupp u l-promozzjoni tas-settur tal-ikel għall-annimali domestiċi, kemm permezz tal-bejgħ ta’ prodotti lill-konsumaturi li huma konxji tal-kontenut organiku tal-prodotti li jixtru, kif ukoll permezz tal-opportunità li jingħata valur miżjud lill-prodotti sekondarji u koprodotti organiċi. Is-settur tal-ikel għall-annimali domestiċi għalhekk jenħtieġ li jkun jista’ jikkontribwixxi, għalkemm b’mod modest, għall-kisba ta’ żieda fl-art agrikola tal-Unjoni intiża għall-biedja organika sal-2030, kif previst fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ April 2021 dwar Pjan ta’ Azzjoni għall-iżvilupp tal-produzzjoni organika. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi regoli dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi. Dak ir-Regolament japplika kemm għall-għalf għall-annimali li jipproduċu l-ikel kif ukoll għall-għalf għall-annimali domestiċi, jiġifieri l-ikel għall-annimali domestiċi. Skont dak ir-Regolament, ingredjenti mhux organiċi ta’ oriġini agrikola jistgħu jiġu awtorizzati għat-tipi kollha ta’ għalf organiku, filwaqt li jekk l-ingredjenti agrikoli ma jkunux kollha organiċi, ma jistax jintuża terminu li jirreferi għall-produzzjoni organika fid-deskrizzjoni tal-bejgħ, irrispettivament minn sa liema punt dan ikun il-każ. Barra minn hekk, tali l-għalf ma jistax ikollu l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, il-konsumaturi finali ma jkunux infurmati direttament dwar il-konformità tal-prodott mar-regoli tal-produzzjoni organika. |
|
(3) |
Operaturi jiġu infurmati dwar il-kompożizzjoni u l-proporzjon ta’ ingredjenti organiċi fil-fażi ta’ konverżjoni u mhux organiċi fl-għalf kompost f’konformità mal-punt 2.1.2 tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2018/848. B’kuntrast ma’ dan, meta l-għalf jinbiegħ direttament fil-livell tal-bejgħ bl-imnut lill-konsumaturi finali, bħalissa ma hemm l-ebda regola dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ingredjenti organiċi fl-għalf kompost fejn l-ingredjenti agrikoli ma jkunux kollha organiċi. Il-preżenza ta’ ingredjenti agrikoli mhux organiċi hija partikolarment rilevanti għall-ikel għall-annimali domestiċi. Il-konsumaturi finali jenħtieġ li jkunu infurmati b’mod xieraq dwar il-kompożizzjoni tal-ikel għall-annimali domestiċi li jkun fih kemm ingredjenti agrikoli organiċi kif ukoll mhux organiċi, ħaġa li tiffavorixxi l-fiduċja tal-konsumatur u kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi fis-settur tal-ikel għall-annimali domestiċi. |
|
(4) |
Qabel l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848, u f’konformità mal-Artikolu 95(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 (4), ċerti Stati Membri kienu stabbilew regoli nazzjonali jew standards privati rikonoxxuti li ppermettew l-użu ta’ terminu li jirreferi għall-produzzjoni organika fid-deskrizzjoni tal-bejgħ tal-ikel għall-annimali domestiċi meta mill-inqas 95 % tal-ingredjenti agrikoli tal-prodott skont il-piż kienu organiċi, li jirriflettu r-regoli għall-ikel organiku pproċessat. |
|
(5) |
Għall-finijiet tal-informazzjoni għall-konsumatur, il-konsistenza u t-trasparenza fis-suq, u biex jiġi stimulat l-użu ta’ ingredjenti organiċi, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li ssir referenza, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-produzzjoni organika fid-deskrizzjoni tal-bejgħ u fil-lista ta’ ingredjenti tal-ikel għall-annimali domestiċi. Għalhekk jenħtieġ li r-regoli dwar it-tikkettar għall-ikel organiku għall-annimali domestiċi fil-livell tal-Unjoni jirriflettu dawk għall-ikel organiku, minħabba li ż-żewġ kategoriji ta’ prodotti jinbiegħu prinċipalment fil-livell tal-bejgħ bl-imnut lill-konsumaturi finali. |
|
(6) |
Għal dik ir-raġuni, huwa xieraq li jiġu previsti rekwiżiti tat-tikkettar għall-ikel għall-annimali domestiċi li jikkostitwixxu liġi oħra speċifika tal-Unjoni dwar it-tqegħid ta’ prodotti fis-suq għall-finijiet tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2018/848. Minħabba li l-ikel għall-annimali domestiċi huwa għalf għal kategorija speċifika ta’ annimali, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/848 li japplikaw għall-għalf jenħtieġ li jibqgħu applikabbli għall-ikel għall-annimali domestiċi, b’mod partikolari dawk dwar il-produzzjoni, iċ-ċertifikazzjoni, il-kontroll, il-kummerċjalizzazzjoni, u l-kummerċ ma’ pajjiżi terzi. |
|
(7) |
L-informazzjoni dwar il-konformità mar-regoli tal-produzzjoni organika jenħtieġ li tingħata permezz tat-termini li jirreferu għall-produzzjoni organika fid-deskrizzjoni tal-bejgħ u fil-lista tal-ingredjenti, kif ukoll permezz tal-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea. Sabiex tiġi ffaċilitata s-sensibilizzazzjoni dwar il-konformità mar-regoli tal-produzzjoni organika, il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li jkun obbligatorju għall-ikel għall-annimali domestiċi kollu ppakkjat bil-lest li jikkonforma mar-Regolament (UE) 2018/848 u ma’ dan ir-Regolament u prodott fl-Unjoni, kif inhu l-każ tal-ikel ippakkjat bil-lest skont l-Artikolu 32(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2018/848. |
|
(8) |
Sabiex jiġi promoss l-iżvilupp ulterjuri tas-settur tal-ikel għall-annimali domestiċi, huwa xieraq li jiġu introdotti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-tikkettar tal-ikel organiku għall-annimali domestiċi, dwar l-użu ta’ termini li jirreferu għall-produzzjoni organika fid-deskrizzjoni tal-bejgħ u fil-lista tal-ingredjenti, u dwar l-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea. Jenħtieġ li jiġu wkoll stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali dwar it-tikkettar biex il-konsumaturi finali jkunu jistgħu jidentifikaw l-ingredjenti organiċi użati fi prodotti li jikkonsistu primarjament minn ingredjent li joriġina mill-kaċċa jew mis-sajd, dment li l-ingredjenti agrikoli l-oħra kollha jkunu organiċi. |
|
(9) |
Wara l-1 ta’ Jannar 2022, l-operaturi komplew jittikkettaw l-ikel għall-annimali domestiċi f’konformità mar-regoli nazzjonali jew mal-istandards privati minħabba d-disponibbiltà ristretta taħt forma organika ta’ ċerti ingredjenti agrikoli meħtieġa bħal ċerti materjali għall-għalf u addittivi tal-għalf biex itejbu t-togħma tal-ikel għall-annimali domestiċi, jew biex jiggarantixxu l-valur nutrittiv. Huwa għalhekk xieraq li jiġi permess l-eżawriment tal-istokkijiet ta’ prodotti li kienu ġew ittikkettati skont dawk ir-regoli nazzjonali jew dawk l-istandards privati aċċettati jew rikonoxxuti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 95(5) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 bejn l-1 ta’ Jannar 2022 u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. |
|
(10) |
Huwa xieraq li tiġi prevista data differita għall-applikazzjoni tal-obbligu li jintuża l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea fuq it-tikkettar tal-ikel għall-annimali domestiċi ppakkjat bil-lest sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jippreparaw bis-sħiħ għall-applikazzjoni tar-rekwiżiti l-ġodda tat-tikkettar. |
|
(11) |
Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, partikolarment l-adozzjoni ta’ regoli uniformi għat-tikkettar tal-ikel organiku għall-annimali domestiċi, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi ta’ tikkettar għall-ikel tal-annimali domestiċi prodott f’konformità mar-regoli dwar il-produzzjoni organika tal-għalf previsti fir-Regolament (UE) 2018/848.
Dan ir-Regolament jikkostitwixxi liġi oħra speċifika tal-Unjoni dwar it-tqegħid ta’ prodotti fis-suq għall-iskopijiet tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2018/848.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“ikel għall-annimali domestiċi” tfisser għalf fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (46), tar-Regolament (UE) 2018/848 li huwa intiż għall-annimali domestiċi kif definit fl-Artikolu 3(2), il-punt (f), tar-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5); |
|
(2) |
“ikel għall-annimali domestiċi ppakkjat bil-lest” tfisser kull oġġett ta’ ikel għall-annimali domestiċi għall-preżentazzjoni bħala tali lill-konsumatur finali, li jikkonsisti f’ikel għall-annimali domestiċi u l-pakkett li tpoġġa fih qabel ma tqiegħed għall-bejgħ, sew jekk dak il-pakkett jgħatti l-ikel għall-annimali domestiċi kollu sew jekk parzjalment biss, iżda fi kwalunkwe każ b’tali mod li l-kontenut ma jistax jiġi mibdul mingħajr ma jinfetaħ jew jinbidel il-pakkett; “ikel għall-annimali domestiċi ppakkjat bil-lest” ma jkoprix ikel għall-annimali domestiċi ppakkjat fil-postijiet fejn jinbiegħ fuq talba tal-konsumatur finali jew ikel għall-annimali domestiċi ppakkjat bil-lest għall-bejgħ dirett. |
Artikolu 3
L-użu ta’ termini li jirreferu għall-produzzjoni organika fuq it-tikkettar tal-ikel għall-annimali domestiċi
1. Għall-ikel tal-annimali domestiċi, jistgħu jintużaw it-termini msemmija fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2018/848:
|
(a) |
fid-deskrizzjoni ta’ bejgħ u fil-lista ta’ ingredjenti, dment li:
|
|
(b) |
biss fil-lista ta’ ingredjenti, dment li:
|
2. Għall-ikel għall-annimali domestiċi li fih ingredjenti li ġejjin mill-kaċċa jew mis-sajd, it-termini msemmija fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2018/848 jistgħu jintużaw fid-deskrizzjoni tal-bejgħ u fil-lista ta’ ingredjenti dment li:
|
(a) |
l-ingredjent prinċipali jkun prodott mill-kaċċa jew mis-sajd; |
|
(b) |
dawk it-termini jkunu relatati b’mod ċar fid-deskrizzjoni tal-bejgħ ma’ ingredjent organiku għajr l-ingredjent ewlieni; |
|
(c) |
l-ingredjenti agrikoli kollha l-oħra jkunu organiċi; |
|
(d) |
fl-ipproċessar tal-ikel għall-annimali domestiċi jintużaw biss addittivi tal-għalf u għajnuniet għall-ipproċessar awtorizzati skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2018/848; u |
|
(e) |
l-ikel għall-annimali domestiċi jkun konformi mar-regoli tal-produzzjoni dettaljati stipulati fil-punti 1.5, 2.1, 2.2 u 2.4 tal-Parti V tal-Anness II għar-Regolament (UE) 2018/848 u mat-tekniki tal-ipproċessar stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 17(3) ta’ dak ir-Regolament. |
3. Il-lista ta’ ingredjenti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tindika liema ingredjenti huma organiċi. Ir-referenzi għall-produzzjoni organika jistgħu jidhru biss b’rabta mal-ingredjenti organiċi.
4. Il-lista ta’ ingredjenti msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), u fil-paragrafu 2 għandha tinkludi indikazzjoni tal-perċentwal totali ta’ ingredjenti organiċi bħala proporzjon tal-kwantità totali ta’ ingredjenti agrikoli.
5. It-termini msemmija fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2018/848 u l-indikazzjoni tal-perċentwal imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom jidhru bl-istess kulur, udaqs u stil ta’ kitba identiċi bħall-indikazzjonijiet l-oħra fil-lista ta’ ingredjenti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 4
L-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea fuq it-tikkettar tal-ikel għall-annimali domestiċi
1. Il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea msemmi fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2018/848 jista’ jintuża biss fit-tikkettar, fil-preżentazzjoni u fir-reklamar ta’ ikel għall-annimali domestiċi li jikkonforma mal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament.
2. Fil-każ ta’ ikel għall-annimali domestiċi ppakkjat bil-lest li jikkonforma mal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1), il-punt (a), il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea għandu jidher fuq il-pakkett.
Artikolu 5
Miżuri tranżizzjonali
Ikel organiku għall-annimali domestiċi ttikkettat skont ir-regoli nazzjonali jew, fin-nuqqas ta’ tali regoli, skont l-istandards privati aċċettati jew rikonoxxuti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 95(5) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 bejn l-1 ta’ Jannar 2022 u t-30 ta’ Ottubru 2023 jista’ jitqiegħed fis-suq sa ma jiġu eżawriti l-istokkijiet.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Madankollu, l-Artikolu 4(2) għandu japplika mill-1 ta’ Mejju 2024.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, it-18 ta’ Ottubru 2023.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
J. M. ALBARES BUENO
(1) ĠU C 140, 21.4.2023, p. 55.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Settembru 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2023..
(3) Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1).
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1).
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ għalf, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/511/KEE, id-Direttivi tal-Kunsill 82/471/KEE, 83/228/KEE, 93/74/KEE, 93/113/KE u 96/25/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/217/KE (ir-Regolament dwar it-tqegħid fis-suq ta’ għalf) (ĠU L 229, 1.9.2009, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2419/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)