IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 21.11.2018
COM(2018) 755 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Rapport Annwali ta’ Monitoraġġ dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-2017
{SWD(2018) 465 final}
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Rapport Annwali ta’ Monitoraġġ dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-2017
INTRODUZZJONI
Sa mill-2017, il-Kummissjoni Ewropea ilha b’ġestjoni ta’ programm dedikat b’baġit inizjali ta’ EUR 142,8 miljun (li żdied għal EUR 222,8 miljun bl-emenda tar-Regolament (UE) 2017/825) bl-għan li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tar-riformi istituzzjonali, amministrattivi u li jtejbu t-tkabbir – il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP).
Min-natura tagħhom stess, ir-riformi strutturali huma proċessi kumplessi, bi tfassil u implimentazzjoni li jirrikjedu katina sħiħa ta’ għarfien u ħiliet speċjalizzati immens. F’xi Stati Membri, il-kapaċità li jingħata bidu għal riformi strutturali u li dawn jiġu implimentati, ta’ sikwit ma tkunx biżżejjed biex tindirizza l-isfidi amministrattivi, ekonomiċi u soċjali li riformi bħal dawn iġibu magħhom.
L-objettiv tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali huwa għalhekk biex jgħin lill-Istati Membri jindirizzaw dawk l-isfidi u jsaħħu l-kapaċità tagħhom li jħejju u jimplimentaw riformi istituzzjonali, amministrattivi u li jtejbu t-tkabbir, u b’hekk jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet, tal-proċessi ta’ governanza, tal-amministrazzjonijiet pubbliċi kif ukoll għat-titjib tal-prestazzjoni u tar-reżiljenza tas-setturi ekonomiċi u soċjali. L-għan huwa li jsir titjib fil-koeżjoni, il-kompetittività, il-produttività, it-tkabbir sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi u l-investiment.
IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM FIS-SENA 2017
Is-sena 2017 kienet l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet skont l-SRSP. Diġà fl-ewwel rawnd tal-Programm, id-domanda mill-Istati Membri qabżet bil-bosta l-baġit disponibbli. Sittax-il Stat Membru ppreżentaw 271 rikjesta għal appoġġ għal ammont stmat daqs erba’ darbiet aktar mill-baġit annwali disponibbli għall-SRSP 2017 ta’ EUR 22,5 miljun.
Sabiex tagħżel ir-rikjesti mill-Istati Membri għall-finanzjament taħt l-SRSP fl-2017, il-Kummissjoni vvalutat ir-rikjesti fid-dawl tal-prinċipji u l-kriterji stabbilit fir-Regolament SRSP. Dan wassal biex 159 rikjesta minn 16-il Stat Membru jintgħażlu għall-finanzjament.
Id-distribuzzjoni tar-rikjesti magħżula minn fost l-oqsma ta’ politika ewlenin kienet kif ġej:
·29 % mill-qasam tas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-politika soċjali;
·28 % mill-qasam tat-tkabbir u l-ambjent tan-negozju;
·18 % mill-qasam tal-amministrazzjoni tad-dħul u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi;
·16 % relatati mas-servizzi finanzjarji u mal-aċċess għall-finanzi; u
·9 % relatati mal-governanza u l-amministrazzjoni pubblika.
F’konformità mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba, ingħatat prijorità għall-finanzjament lil rikjesti li kienu jagħtu lok għal għoti f’qasir żmien ta’ appoġġ u implimentazzjoni rapida tar-riformi fil-post, u lil rikjesti li kienu jindirizzaw objettivi definiti, b’riżultati qawwija mistennija fil-post.
Kważi 90 % tar-rikjesti li ntgħażlu għall-finanzjament fl-2017 jirrigwardaw direttament il-prijoritajiet strateġiċi tal-UE.
It-tqassim tar-rikjesti magħżula maqsuma skont iċ-ċirkostanzi rilevanti li jistgħu jiġu preżentati taħthom skont ir-Regolament SRSP (l-Artikolu 7(3)) kien kif ġej:
·51 % tar-rikjesti magħżula jirrigwardaw l-implimentazzjoni tar-riformi b’reazzjoni għall-isfidi identifikati fil-proċess tas-Semestru Ewropew (ir-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, ir-rapporti dwar il-pajjiżi);
·27 % tar-rikjesti magħżula jirrigwardaw l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet strateġiċi tal-Unjoni (l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, l-Unjoni tal-Enerġija u l-klima, eċċ.);
·7 % tar-rikjesti magħżula jirrigwardaw l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni; u
·4 % tar-rikjesti magħżula jirrigwardaw l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ aġġustament ekonomiku tal-UE.
Filwaqt li l-evalwazzjoni tal-impatt reali tal-miżuri ta’ appoġġ ma taqax taħt il-kompitu ta’ dan ir-rapport, irid jingħad li diġà wara 14-il xahar mill-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ appoġġ magħżula għall-finanzjament, il-Programm kien beda jagħti l-eżiti mistennija – kemm fl-għamla ta’ konsulenza strateġika u ġuridika, kif ukoll studji, taħriġ, workshops, rakkomandazzjonijiet, pjanijiet ta’ azzjoni, eċċ.
Sal-31 ta’ Ottubru 2018, 12 % tal-proġetti ta’ appoġġ għar-riformi diġà kienu twettqu (iffinalizzati), 82 % kienu bdew jiġu implimentati fil-post u 6 % kienu fil-fażi ta’ tħejjija.
L-akbar proporzjon ta’ miżuri ta’ appoġġ implimentati fl-2017 għandu l-għan li:
·itejjeb it-tħaddim tal-amministrazzjonijiet nazzjonali tad-dħul (11 %);
·jippromovi l-iżvilupp ta’ swieq kapitali nazzjonali u transfruntiera (9 %);
·jagħmel is-sistemi tal-kura tas-saħħa aktar aċċessibbli, effettivi u reżiljenti (9 %);
·jirriforma l-oqfsa tal-enerġija, inklużi t-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, il-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli (6 %);
·it-tisħiħ tal-edukazzjoni u l-iskemi ta’ taħriġ (5 %); u
·it-titjib tal-effiċjenza u l-effettività tas-settur pubbliku (5 %).
PROGRESS F’RABTA MAL-OBJETTIVI TAL-PROGRAMM
Il-Programm miexi fit-triq it-tajba anki fir-rigward tat-twettiq tal-objettiv ġenerali tiegħu
. Qegħdin jiġu implimentati miżuri ta’ appoġġ f’dawk is-setturi ta’ politika li għalihom kienu previsti riformi istituzzjonali, amministrattivi u/jew strutturali u/jew għandhom jitwettqu mill-Istati Membri, anki bis-saħħa tal-appoġġ ipprovdut. B’mod partikolari, il-miżuri ta’ appoġġ kollha magħżula taħt ir-rawnd tal-SRSP 2017 jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tar-riformi istituzzjonali, amministrattivi u strutturali li jwettqu l-Istati Membri f’diversi setturi ekonomiċi u soċjali, u li qed jitwettqu b’reazzjoni għall-isfidi ekonomiċi u soċjali.
Kumplessivament, l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-SRSP tindika li l-SRSP jista’ joffri kontribut sinifikanti biex jagħti daqqa ta’ id lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jidentifikaw u jegħlbu ċerti dgħufijiet strutturali li huma ta’ ostaklu għat-tfassil u għall-implimentazzjoni tar-riformi. Il-Programm, pereżempju, kien ta’ għajnuna fir-rieżami tal-proċeduri attwali ta’ tfassil tal-liġijiet, fl-identifikazzjoni tad-dgħufijiet u fl-għoti ta’ rakkomandazzjonijiet għal titjib. Bl-istess mod, il-Programm wera li kien għodda importanti biex jgħin fit-titjib tal-kapaċità tal-Istati Membri biex jiddefinixxu proċessi u metodoloġiji aktar effiċjenti (titjib fl-effiċjenza ta’ sistema tas-saħħa) u/jew biex javvanzaw lejn ġestjoni aktar effettiva tar-riżorsi umani (skambju ta’ esperjenzi fost imħallfin minn Stati Membri differenti biex jaqsmu l-prattiċi nazzjonali tagħhom mal-Istat Membru rikjedenti).
L-azzjonijiet magħżula taħt l-SRSP 2017 huma mfassla biex jiżguraw valur miżjud Ewropew, fost l-oħrajn permezz tal-kumplimentarjetà u s-sinerġiji ma’ programmi oħra u politiki fil-livell nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali, u/jew permezz tal-kontribut tagħhom għall-promozzjoni tal-fiduċja reċiproka u tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri benefiċjarji u l-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-azzjonijiet għandhom l-għan ukoll li jagħtu lok għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi nazzjonali iżda għandhom ukoll impatt pożittiv fuq l-isfidi fl-Unjoni kollha u dawk transfruntiera. Jistgħu jiġu individwalizzati dawn il-miżuri ta’ appoġġ, bħala eżempju:
·miżuri ta’ appoġġ li jsaħħu l-iżvilupp tas-swieq reġjonali tal-kapital u li jiffaċilitaw l-introduzzjoni ta’ qafas panreġjonali tal-bonds koperti;
·appoġġ għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-sistemi tas-saħħa b’mod parallel f'żewġ pajjiżi, bis-saħħa tat-tagħlim reċiproku u tal-kooperazzjoni fil-livell tal-UE u abbażi tal-esperjenza minn Stat Membru wieħed li sservi ta’ għajnuna biex jingħata appoġġ imfassal apposta lil Stat Membru ieħor;
·fiduċja reċiproka stabbilita biex tippermetti l-iskambju ta’ esperti bejn awtorità ministerjali nazzjonali tal-enerġija u amministrazzjoni oħra biex il-faqar enerġetiku jkun jista’ jinftiehem, jitkejjel u jiġi miġġieled aħjar; jew
·lok għall-iskambju tal-aħjar prattika bejn diversi pajjiżi dwar l-introduzzjoni ta’ skemi tal-pensjoni differenti.
Billi l-Kummissjoni tinsab f’pożizzjoni aħjar minn kwalunkwe Stat Membru individwali biex tidentifika u tikkanalizza l-prattiċi t-tajba, il-miżuri ta’ appoġġ mogħtija lill-Istati Membri, f’diversi każijiet, kienu jikkonsistu fi skambju ta’ prattiċi tajba fost l-Istati Membri u minn organizzazzjonijiet internazzjonali jew ġew ikkumplimentati bih. Dan wassal ukoll għal titjib fl-effiċjenza, billi r-riżultati pożittivi fi Stat Membru wieħed ta’ sikwit jistgħu jiġu implimentati f’ieħor.
KONKLUŻJONI
Kumplessivament, l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-SRSP tindika li dan jista’ jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-isforzi kontinwi tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri biex jidentifikaw u jegħlbu ċerti dgħufijiet strutturali u ostakli fit-tfassil jew fl-implimentazzjoni tar-riformi, u fil-prijoritizzazzjoni tar-riformi. Bl-istess mod, sa issa, il-Programm wera li kien għodda importanti biex itejjeb il-kapaċità tal-Istati Membri li jiddefinixxu proċessi u metodoloġiji aktar effiċjenti u/jew biex javvanzaw lejn ġestjoni aktar effettiva tar-riżorsi umani.
Madankollu, filwaqt li r-riżultati tal-azzjonijiet ta’ appoġġ jirrigwardaw il-proġetti speċifiċi, is-segwitu effettiv ta’ tali azzjonijiet f’termini ta’ implimentazzjoni tar-riformi konkreti jibqa’ prerogattiva tal-Istat Membru destinatarju.
Fis-snin li ġejjin, il-Kummissjoni se tibqa’ twettaq monitoraġġ tal-assorbiment tal-miżuri ta’ appoġġ, kif ukoll tal-implimentazzjoni tar-riformi istituzzjonali, amministrattivi u li jtejbu t-tkabbir (il-kisba tal-objettiv tal-Programm).