14.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 132/103


P9_TA(2022)0355

Approċċ tal-UE għall-Immaniġġjar tat-Traffiku fl-Ispazju – kontribut tal-UE li jindirizza sfida globali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2022 dwar Approċċ tal-UE għall-Immaniġġjar tat-Traffiku fl-Ispazju – Kontribut tal-UE li jindirizza sfida globali (2022/2641(RSP))

(2023/C 132/14)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-15 ta' Frar 2022 bit-titolu “Approċċ tal-UE għall-Immaniġġjar tat-Traffiku fl-Ispazju – Kontribuzzjoni tal-UE li tindirizza sfida globali” (JOIN(2022)0004),

—

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Novembru 2020 dwar l-orjentazzjonijiet dwar il-kontribut Ewropew fl-istabbiliment ta' prinċipji ewlenin għall-ekonomija spazjali globali,

—

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Frar 2021 bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni għas-sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża, u spazjali” (COM(2021)0070),

—

wara li kkunsidra l-linji gwida dwar is-sostenibbiltà fit-tul tal-attivitajiet fl-ispazju ekstratmosferiku adottati fl-20 ta' Ġunju 2019 mill-Kumitat tan-NU dwar l-Użu Paċifiku tal-Ispazju Ekstratmosferiku ,

—

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju (O-000035/2022 – B9-0022/2022),

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija,

A.

billi l-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju huwa ta' importanza strateġika għall-Unjoni u jikkontribwixxi biex jiggarantixxi aċċess sikur, sigur u awtonomu għall-ispazju, ir-ritorn minnu u l-użu tiegħu, filwaqt li jiggarantixxi s-sostenibbiltà fit-tul tal-ispazju ekstratmosferiku u jippromwovi u jiżgura l-kompetittività kontinwa tal-industrija spazjali tal-UE;

B.

billi f'dawn l-aħħar snin, l-għadd ta' operazzjonijiet spazjali, satelliti fl-orbita u skart spazjali żdiedu b'mod sinifikanti; billi dan l-iżvilupp wassal għal żieda esponenzjali fir-riskju għas-sikurezza tal-operazzjonijiet spazjali fl-orbita u s-sostenibbiltà tal-ispazju ekstratmosferiku; billi dan potenzjalment jipperikola s-servizzi pprovduti mill-komponenti tal-programm spazjali tal-Unjoni;

C.

billi tfaċċaw xejriet industrijali ġodda, li wasslu għall-formazzjoni ta' aktar approċċi kummerċjali fir-rigward tal-użu tal-ispazju, atturi ġodda mhux pubbliċi li daħlu fis-settur spazjali, illanċjar ippjanat u kontinwu tal-hekk imsejħa megakostellazzjonijiet f'orbita dinjija baxxa u xejriet kummerċjali oħra, bħall-estrazzjoni spazjali;

D.

billi għadd ta' teknoloġiji jipprovdu soluzzjonijiet affidabbli fir-rigward tat-traffiku spazjali, il-konġestjoni u r-riskji ta' kolliżjoni; billi ġew żviluppati għadd ta' innovazzjonijiet tal-UE u inizjattivi privati u pubbliċi għall-identifikazzjoni u t-traċċar tal-iskart spazjali; billi l-evitar (awtomatizzat) ta' kolliżjonijiet ta' inġenji spazjali, l-evitar tal-iskart spazjali, il-mitigazzjoni tal-iskart spazjali u r-rimedju għalih u t-tekniki għat-tneħħija tal-iskart spazjali huma għodod effiċjenti li jeħtieġu qafas regolatorju u ta' implimentazzjoni adegwat;

E.

billi l-programm spazjali tal-Unjoni jinkludi komponent dwar l-għarfien tas-sitwazzjoni spazjali, li fih subkomponent dwar is-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju (SST) li jikkostitwixxi l-pilastru operazzjonali għall-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju;

F.

billi għall-kuntrarju ta' setturi oħra (tat-trasport), qafas regolatorju internazzjonali komprensiv b'regoli dettaljati u speċifikazzjonijiet tekniċi għall-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju ma jeżistix bl-istess mod u huwa limitat għal linji gwida volontarji;

1.

Jilqa' l-azzjonijiet ippjanati deskritti fil-komunikazzjoni konġunta bit-titolu “Approċċ tal-UE għall-Immaniġġjar tat-Traffiku fl-Ispazju – Kontribuzzjoni tal-UE li tindirizza sfida globali”;

2.

Jilqa' l-iżviluppi reċenti fis-settur spazjali, bid-dħul fis-suq ta' kumpaniji ġodda u l-adozzjoni mis-suq tas-servizzi pprovduti mid-diversi komponenti tal-programm spazjali tal-Unjoni;

3.

Jissottolinja li ż-żieda fl-operazzjonijiet spazjali, l-għadd ta' atturi spazjali u ż-żieda bla preċedent fid-daqs tal-kostellazzjonijiet satellitari huma aspetti kwantitattivi li jippreżentaw sfidi serji li jeħtieġ li jiġu indirizzati, b'mod partikolari permezz ta' miżuri preventivi u l-iżvilupp u l-użu ta' tekniki awtomatizzati avvanzati bħall-evitar awtomatizzat ta' kolliżjonijiet; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-intelliġenza artifiċjali, il-computing ta' prestazzjoni għolja u t-tagħlim awtomatiku jikkostitwixxu teknoloġiji abilitanti għall-proċessi meħtieġa ta' awtomatizzazzjoni u traċċar;

4.

Jirrimarka li sabiex jiġi mmaniġġjat kif xieraq it-traffiku spazjali, hija meħtieġa data bbażata fuq metriċi kwantitattivi u għodod ta' kejl u għal dan il-għan huma meħtieġa wkoll żieda fl-għadd u l-kwalità tas-sensuri, il-kondiviżjoni robusta tad-data u avvanzi fl-iskart spazjali;

5.

Jisħaq li l-iżvilupp tas-settur spazjali jeħtieġ li l-UE tadotta approċċ strateġiku u ambizzjuż li jkopri l-aspetti regolatorji, id-dimensjoni internazzjonali u s-servizzi tal-SST;

6.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa definizzjoni rikonoxxuta internazzjonalment tal-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju sabiex jiġi żgurat fehim komuni tal-parametri kollha u b'hekk jingħata kontribut għas-sikurezza tal-operazzjonijiet spazjali fl-ispazju ekstratmosferiku dejjem aktar konġestjonat;

7.

Iqis li sabiex jiġu garantiti operazzjonijiet spazjali sikuri u siguri, qafas regolatorju ċar għall-attivitajiet spazjali għandu jservi bħala bażi għal kundizzjonijiet ekwi fl-UE kollha għall-attivitajiet spazjali u għal qafas komprensiv għal leġiżlazzjoni vinkolanti Ewropea dwar l-ispazju; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa sett ta' regoli, standards, speċifikazzjonijiet tekniċi u linji gwida tal-UE u tippromwovi b'mod attiv dawn ir-regoli fil-livell internazzjonali;

8.

Jissottolinja li s-sigurtà u s-sikurezza jeħtieġ li jitqiesu mill-istadju tad-disinn, l-illanċjar u l-assi spazjali jeħtieġ li jkunu bbażati fuq disinn sostenibbili, filwaqt li l-aħjar prattiki u l-linji gwida attwali mhumiex qed jintużaw biżżejjed u li l-frammentazzjoni ma twassalx għal approċċ effiċjenti fuq skala kbira; jissottolinja li dawn il-bidliet għandhom jiġu abbozzati bir-reqqa u b'mod ċar biex jappoġġjaw l-adozzjoni internazzjonali rapida u jipprevjenu piżijiet amministrattivi eċċessivi fuq l-industrija tas-settur spazjali;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis kemm il-ħtiġijiet ċivili kif ukoll dawk tad-difiża u s-sigurtà, tevalwa l-impatt tal-iżvilupp tal-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju fuq il-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati Ewropej u tikkonsulta wkoll mal-partijiet ikkonċernati minn barra l-UE;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkomunika ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tal-Unjoni;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb is-servizzi tal-SST tal-Unjoni fir-rigward tad-data miġbura, l-analiżijiet tad-dħul mill-ġdid u tal-frammentazzjoni u tkompli tiżviluppa l-bażi tad-data tal-SST tal-UE, inklużi l-movimenti identifikati, ikkatalogati u previsti ta' oġġetti spazjali;

12.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' kapaċitajiet imtejba tal-SST u li tingħata spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni fl-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju;

13.

Jissottolinja li l-iskart spazjali huwa problema urġenti u li huma meħtieġa operazzjonijiet tal-iskart spazjali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tkompli tinvesti fir-riċerka u l-użu ta' teknoloġiji għat-tnaqqis tal-iskart spazjali billi tuża l-opportunitajiet kollha għall-finanzjament tal-UE ta' attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni permezz ta' Orizzont Ewropa, il-missjoni ta' riċerka spazjali Cassini-Huygens, proġetti pilota, inkluż is-sinerġija bejn programmi differenti tal-UE u fondi nazzjonali u t-taħlit tagħhom, u, sa fejn ikun possibbli, il-fondi tal-Aġenzija Spazjali Ewropea;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-isforzi politiċi u diplomatiċi kollha, inkluż l-involviment man-NU, biex tiżviluppa approċċ internazzjonali komprensiv għall-applikazzjoni ta' standards u regoli komuni u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet konkreti tal-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju fil-livell globali;

15.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-UE fil-Ftehim tan-NU dwar is-Salvataġġ (1), il-Konvenzjoni tan-NU dwar ir-Responsabbiltà (2) u l-Konvenzjoni tan-NU dwar ir-Reġistrazzjoni (3);

16.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni dwar l-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju qabel l-2024, inkluż dwar il-governanza tas-sistema u r-responsabbiltajiet tal-Aġenzija proposta tal-UE għall-Programm Spazjali u, abbażi tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u l-programm spazjali attwali tal-Unjoni, l-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju jkun integrat fil-programm spazjali li jmiss;

17.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  Il-Ftehim dwar is-Salvataġġ tal-Astronawti, ir-Ritorn tal-Astronawti u r-Ritorn tal-Oġġetti Mibgħuta fl-Ispazju Ekstratmosferiku tal-1967.

(2)  Il-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Internazzjonali għall-Ħsara Kkawżata minn Oġġetti Spazjali tal-1971.

(3)  Il-Konvenzjoni dwar ir-Reġistrazzjoni ta' Oġġetti Mibgħuta fl-Ispazju Ekstratmosferiku tal-1974.