European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2439

3.12.2025

REGOLAMENT (UE) 2025/2439 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Novembru 2025

li jemenda r-Regolament (UE) 2024/2865 fir-rigward tad-dati tal-applikazzjoni u d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi ċerti rekwiżiti fir-rigward tal-klassifikazzjoni, l-ittikkettar, u l-imballaġġ ta’ sustanzi u taħlitiet. Dak ir-Regolament ġie emendat bir-Regolament (UE) 2024/2865 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li, fost l-oħrajn, introduċa regoli speċifiċi dwar l-ifformattjar tat-tikketti, l-iskadenzi għall-ittikkettar mill-ġdid f’każ ta’ bidliet fil-klassifikazzjoni, ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni għar-reklamar u għall-offerti ta’ bejgħ mill-bogħod u r-rekwiżiti tal-ittikkettar għall-istazzjonijiet tas-servizz. Ir-Regolament (UE) 2024/2865 iddiferixxa wkoll id-data tal-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli.

(2)

Ir-rapport tal-2024 intitolat “Il-futur tal-kompetittività Ewropea” (ir-rapport Draghi) enfasizza li l-għadd u l-kumplessità tar-regoli jirriskjaw li jillimitaw il-marġni ta’ manuvrar għall-impriżi tal-Unjoni u li jżommuhom milli jibqgħu kompetittivi. Analiżi dettaljata tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 indikat ukoll il-piż u l-kostijiet amministrattivi eċċessivi assoċjati mar-rekwiżiti introdotti mir-Regolament (UE) 2024/2865. Abbażi ta’ dawk is-sejbiet, il-Kummissjoni pproponiet li tissimplifika ċerti rekwiżiti u proċeduri għall-prodotti kimiċi (5). Dik il-proposta hijamaħsuba, fost l-oħrajn, biex tibbilanċja aħjar, minn naħa waħda, il-ħtieġa li l-informazzjoni fuq it-tikketti tinftiehem b’mod ċar mill-konsumaturi u, minn naħa l-oħra, il-ħtieġa li jitnaqqsu l-ostakli tas-suq u l-piż amministrattiv għall-industrija, kif espress fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Strateġija biex is-Suq Uniku jsir sempliċi, bla xkiel u b’saħħtu”. Fid-dawl ta’ dik il-proposta, huwa meħtieġ li jiġu differiti aktar l-obbligi introdotti mir-Regolament (UE) 2024/2865 dwar l-ifformattjar tat-tikketti, ir-reklamar, l-offerti ta’ bejgħ mill-bogħod u l-ittikkettar mill-ġdid. Tali differiment ulterjuri jippermetti lill-operaturi ekonomiċi jippreparaw għal bidliet fir-rekwiżiti tal-ifformattjar u tal-ittikkettar, kif ukoll għal rekwiżiti ġodda ta’ informazzjoni għar-reklamar u għall-offerti ta’ bejgħ mill-bogħod previsti fil-proposta tal-Kummissjoni.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2024/2865 introduċa dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ittikkettar tal-fjuwils fornuti fl-istazzjonijiet tas-servizz. Madankollu, ċerti rekwiżiti, inkluż ir-rekwiżit li jiġi indikat il-fornitur, il-kwantità nominali, u l-identifikatur uniku tal-formula, dehru li mhumiex prattiċi u li dawn jiġu jiswew ħafna għall-impriżi, mingħajr ma ġabu ebda benefiċċju għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Għalhekk, il-Kummissjoni biħsiebha timmodifika dawk ir-rekwiżiti sabiex tagħmilhom aktar adattati billi tneħħi r-rekwiżiti tal-ittikkettar mhux meħtieġa u ta’ piż. Fid-dawl ta’ dawk il-modifiki antiċipati, huwa xieraq li tkompli tiġi differita d-data tal-applikazzjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2024/2865 fih dispożizzjonijiet tranżizzjonali li jippermettu lill-impriżi japplikaw, fuq bażi volontarja, ir-regoli l-ġodda introdotti b’dak ir-Regolament qabel id-dati tal-applikazzjoni tagħhom fuq bażi volontarja. Biex tiġi żgurata l-konsistenza mad-differiment itwal u biex tiġi pprovduta ċarezza legali għall-operaturi ekonomiċi, huwa meħtieġ li jiġu emendati d-dati tal-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali dwar ir-rekwiżiti tal-ifformattjar obbligatorji, l-ittikkettar mill-ġdid, ir-reklamar, l-offerti ta’ bejgħ mill-bogħod u l-ittikkettar tal-istazzjonijiet tas-servizz u jiġu allinjati mad-dati differiti u estiżi tal-applikabbiltà.

(5)

Biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, id-dati tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament (UE) 2024/2865 jenħtieġ li jibqgħu l-istess.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2024/2865 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament (UE) 2024/2865

L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/2865 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Artikolu 1, il-punt (3)(b), l-Artikolu 1, il-punti (4) sa (7), l-Artikolu 1, il-punt (12)(a), l-Artikolu 1, il-punt (13), l-Artikolu 1, il-punti (15)(a) u (b), l-Artikolu 1, il-punti (17), (18), (22) u (23), il-punti (4), (8), (10) u (11) tal-Anness I u l-punt (1) tal-Anness II għandhom japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2026.”

;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Artikolu 1, il-punti (1) u (9), l-Artikolu 1, il-punti (24)(b) u (d) u l-Anness IV għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2027”

;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   L-Artikolu 1, il-punti (14), (15)(c), (26) u (27), il-punti (2) u (3) tal-Anness I u l-punt (2) tal-Anness II għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2028”

;

(d)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   B’deroga mill-Artikolu 5, l-Artikolu 6(3) u (4), l-Artikolu 9(3) u (4), l-Artikolu 10, l-Artikolu 25(3), l-Artikolu 29, l-Artikolu 31(1), l-Artikolu 35, l-Artikolu 40(1) u (2), l-Artikolu 42(1), it-tielet subparagrafu tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, it-taqsima 1.2.1, it-taqsima 1.5.1.2 u t-taqsima 1.5.2.4.1 tal-Anness I u l-Parti 3 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, kif applikabbli fid-9 ta’ Diċembru 2024, is-sustanzi u t-taħlitiet jistgħu sat-30 ta’ Ġunju 2026 jiġu kklassifikati, ittikkettati u imballati f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 kif emendat bl-Artikolu 1, il-punti minn (4) sa (7), l-Artikolu 1, il-punt (12)(a), l-Artikolu 1, il-punt (13), l-Artikolu 1, il-punt (15)(a) u (b), l-Artikolu 1, il-punti (18) u (22), l-Artikolu 1, il-punt (23)(a) ta’ dan ir-Regolament u l-punti (4), (8) u (10) tal-Anness I u l-punt (1) tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.”

;

(e)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   B’deroga mill-Artikolu 1(1), 18(3)(b), l-Artikolu 45(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u l-parti A, it-taqsima 1 tal-Anness VIII, il-parti A, it-taqsima 2.1, tal-Anness VIII, il-parti A, l-ewwel subparagrafu tat-taqsima 2.4 tal-Anness VIII, il-Parti B, it-taqsima 1 tal-Anness VIII, il-Parti B, it-tielet paragrafu tat-taqsima 3.1 tal-Anness VIII, il-Parti B, it-taqsima 3.6 tal-Anness VIII, il-Parti B, l-ewwel ringiela tat-Tabella 3 tat-taqsima 3.7 tal-Anness VIII, il-Parti B, l-ewwel paragrafu tat-taqsima 4.1 tal-Anness VIII, il-Parti C, it-taqsimiet 1.2 u 1.4 tal-Anness VIII, u l-Parti D, it-taqsimiet 1, 2 u 3 tal-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, kif applikabbli fid-9 ta’ Diċembru 2024, is-sustanzi u t-taħlitiet jistgħu sal-31 ta’ Diċembru 2026 jiġu kklassifikati, ittikkettati u imballati f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 kif emendat bl-Artikolu 1, il-punti (1) u (9), l-Artikolu 1, il-punt (24)(b) u (d) ta’ dan ir-Regolament u l-Anness IV ta’ dan ir-Regolament.”

;

(f)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   B’deroga mill-Artikolu 30, l-Artikolu 31(3), l-Artikolu 48 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, it-taqsima 1.2.1 tal-Anness I u l-Parti 5 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 kif applikabbli fil-9 ta’ Diċembru 2024, is-sustanzi u t-taħlitiet jistgħu sal-31 ta’ Diċembru 2027 jiġu kklassifikati, ittikkettati u imballati f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 kif emendat bl-Artikolu 1, il-punti (14), (15)(c) u (26) ta’ dan ir Regolament u l-punti (2) u (3) tal-Anness I u l-punt (2) tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Novembru 2025.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


(1)  Opinjoni tat-23 ta’ Ottubru 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2025 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2025.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1272/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2024/2865 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU L, 2024/2865, 20.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2865/oj).

(5)  Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1272/2008, (KE) Nru 1223/2009 u (UE) 2019/1009 fir-rigward tas-simplifikazzjoni ta’ ċerti rekwiżiti u proċeduri għall-prodotti kimiċi, COM(2025)0531.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2439/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)