European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2747

8.11.2024

REGOLAMENT (UE) 2024/2747 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Ottubru 2024

li jistabbilixxi qafas ta’ miżuri relatati ma’ emerġenzi tas-suq intern u mar-reżiljenza tas-suq intern u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2679/98 (Att dwar l-Emerġenzi u r-Reżiljenza tas-Suq Intern)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 21, 46 u 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-kriżijiet tal-passat, speċjalment il-jiem bikrija tal-kriżi tal-COVID-19, urew li l-moviment liberu tal-oġġetti, tal-persuni u tas-servizzi fis-suq intern u l-ktajjen tal-provvista tiegħu jistgħu jiġu affettwati b’mod serju. Dak jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-kummerċ transfruntier bejn l-Istati Membri, u b’hekk joħloq xkiel għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Barra minn hekk, matul dawk il-kriżijiet, l-għodod u l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni xierqa għall-immaniġġjar tal-kriżijiet jew kienu nieqsa, jew ma koprewx l-aspetti kollha tas-suq intern jew ma ppermettewx rispons f’waqtu u effettiv għal tali kriżijiet.

(2)

Fil-fażi bikrija tal-kriżi tal-COVID-19, l-Istati Membri introduċew ostakli għall-moviment liberu fis-suq intern kif ukoll miżuri diverġenti rigward il-provvista ta’ oġġetti u servizzi li kienu ta’ importanza kritika jew li kienu indispensabbli għar-rispons għall-kriżi, li mhux dejjem kienu ġġustifikati. Il-miżuri ad hoc meħuda mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi mill-ġdid il-funzjonament tas-suq intern, imsejsa fuq ir-regoli eżistenti, ma kinux biżżejjed. L-Unjoni ma kinitx imħejjija biżżejjed biex tiżgura l-manifattura, l-akkwist u d-distribuzzjoni effiċjenti ta’ oġġetti mhux mediċi rilevanti għall-kriżi, bħal pereżempju t-tagħmir ta’ protezzjoni personali. Il-miżuri sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ oġġetti mhux mediċi rilevanti għall-kriżi matul il-kriżi tal-COVID-19 kienu neċessarjament reattivi. Il-kriżi tal-COVID-19 żvelat ukoll l-insuffiċjenza tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u ħarsa ġenerali insuffiċjenti lejn il-kapaċitajiet tal-manifattura madwar l-Unjoni, kif ukoll il-vulnerabbiltajiet relatati mal-ktajjen tal-provvista fi ħdan l-Unjoni u dawk globali.

(3)

Barra minn hekk, miżuri mhux koordinati ta’ restrizzjoni tal-moviment liberu tal-persuni kellhom impatt partikolari fuq setturi li jiddependu fuq ħaddiema mobbli, inkluż ħaddiema fir-reġjuni tal-fruntiera, li kellhom rwol essenzjali fis-suq intern matul il-kriżi tal-COVID-19.

(4)

Kien possibbli għall-Kunsill, permezz tal-arranġamenti Integrati għal Rispons Politiku f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (IPCR), li jiskambja informazzjoni u jikkoordina ċerti azzjonijiet fir-rigward tal-kriżi tal-COVID-19, filwaqt li l-Istati Membri aġixxew b’mod indipendenti f’sitwazzjonijiet oħra. Madankollu, l-azzjonijiet mill-Kummissjoni ddewmu b’diversi ġimgħat minħabba n-nuqqas ta’ miżuri ta’ ppjanar ta’ kontinġenza madwar l-Unjoni u n-nuqqas ta’ ċarezza dwar liema awtorità nazzjonali kellha tiġi kkuntattjata biex jinstabu soluzzjonijiet rapidi għall-impatt tal-kriżi fuq is-suq intern. Barra minn hekk, ħareġ biċ-ċar li l-azzjonijiet restrittivi mhux ikkoordinati meħuda mill-Istati Membri jkomplu jaggravaw l-impatt tal-kriżi fuq is-suq intern. Irriżulta li hemm bżonn ta’ arranġamenti bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni fir-rigward tal-ippjanar ta’ kontinġenza, il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fil-livell tekniku, u l-iskambju ta’ informazzjoni. Barra minn hekk, ħareġ biċ-ċar li n-nuqqas ta’ koordinazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri aggrava n-nuqqasijiet ta’ oġġetti u ħoloq aktar xkiel għall-moviment liberu tas-servizzi u tal-persuni.

(5)

L-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-operaturi ekonomiċi sostnew li l-operaturi ekonomiċi ma kellhomx biżżejjed informazzjoni dwar ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu jew il-miżuri ta’ rispons għall-kriżijiet introdotti mill-Istati Membri matul il-kriżi tal-COVID-19. Dak seħħ, fost l-oħrajn, minħabba nuqqas ta’ trasparenza min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, minħabba li l-operaturi ekonomiċi ma kinux jafu fejn għandhom jiksbu tali informazzjoni, minħabba r-restrizzjonijiet lingwistiċi u minħabba l-piż amministrattiv implikat meta wieħed ikollu jagħmel mistoqsijiet b’mod ripetut fl-Istati Membri kollha, speċjalment f’ambjent regolatorju li jinbidel b’mod kostanti. Dak in-nuqqas ta’ informazzjoni żamm lill-operaturi ekonomiċi milli jieħdu deċiżjonijiet kummerċjali informati dwar sa liema punt setgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu jew ikomplu l-operazzjonijiet kummerċjali transfruntiera matul dik il-kriżi. Huwa neċessarju li tittejjeb id-disponibbiltà ta’ informazzjoni rigward ir-restrizzjonijiet tal-moviment liberu u l-miżuri ta’ rispons għall-kriżijiet fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.

(6)

Minkejja n-nuqqas inizjali ta’ koordinazzjoni, ir-regoli tas-suq intern kellhom rwol ewlieni fil-mitigazzjoni tal-impatt negattiv tal-kriżi tal-COVID-19 u fl-iżgurar ta’ rkupru rapidu tal-ekonomija tal-Unjoni, jiġifieri billi pprekludew restrizzjonijiet nazzjonali inġustifikati u sproporzjonati inklużi fir-risponsi unilaterali mill-Istati Membri u billi pprovdew inċentiv qawwi biex jinstabu soluzzjonijiet komuni, u b’hekk tiġi promossa s-solidarjetà.

(7)

L-avvenimenti marbuta mal-kriżi tal-COVID-19 enfasizzaw il-ħtieġa li l-Unjoni tieħu approċċ koordinat u tkun imħejjija aħjar għal kriżijiet futuri possibbli, speċjalment meta nikkunsidraw l-effetti li għadhom għaddejjin tat-tibdil fil-klima, li jwasslu għal diżastri naturali, kif ukoll l-instabbilitajiet ekonomiċi u ġeopolitiċi globali. Kriżijiet oħra li jistgħu jeħtieġu rispons aktar rapidu biex jipprevjenu l-ostakli għall-moviment liberu fis-suq intern u biex jiġi evitat tfixkil serju fil-ktajjen tal-provvista li huma indispensabbli fiż-żamma tal-attivitajiet fis-suq intern jinkludu, pereżempju, in-nirien forestali, it-terremoti jew l-attakki ċibernetiċi fuq skala kbira. Il-fatt li tali kriżijiet jikkostitwixxu avvenimenti eċċezzjonali u f’daqqa ta’ natura u skala straordinarji jimplika li tali avvenimenti huma raġonevolment mhux mistennija. Minħabba li ma huwiex magħruf liema tip ta’ kriżijiet jistgħu jinqalgħu u jkollhom impatt serju fuq is-suq intern u l-ktajjen tal-provvista tiegħu fil-futur, huwa neċessarju li jiġi previst strument li jkun japplika fil-każ ta’ firxa wiesgħa ta’ kriżijiet li jkollhom impatt fuq is-suq intern.

(8)

L-impatt ta’ kriżi fuq is-suq intern jista’ jtellef il-funzjonament tas-suq intern b’żewġ modi. Jista’ jwassal għal xkiel għall-moviment liberu jew jikkawża tfixkil fil-ktajjen tal-provvista. It-tfixkil fil-ktajjen tal-provvista jista’ jaggrava n-nuqqas ta’ oġġetti u servizzi fis-suq intern u jtellef il-produzzjoni, u dan iwassal għal ostakli addizzjonali għall-kummerċ u għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri u bejn l-operaturi privati, u b’hekk ifixkel il-funzjonament xieraq tas-suq intern. It-tfixkil fil-ktajjen tal-provvista jista’ jwassal ukoll għall-emerġenza jew il-possibbiltà tal-emerġenza ta’ miżuri nazzjonali diverġenti biex jiġu indirizzati dawk il-kwistjonijiet fil-ktajjen tal-provvista, u dan iwassal għall-attivazzjoni ta’ modalità ta’ emerġenza tas-suq intern. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jindirizza dawn it-tipi ta’ impatti fuq is-suq intern u jintroduċi miżuri biex jiġu evitati xkiel għall-moviment liberu jew tfixkil fil-ktajjen tal-provvista li joħolqu nuqqasijiet ta’ oġġetti jew servizzi rilevanti għall-kriżi.

(9)

Sabiex jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn fuq l-Istati Membri, l-inċidenti rrappurtati permezz ta’ allerti ad hoc għal twissija bikrija msemmija f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu definiti b’tali mod li jeskludu avvenimenti li jkollhom konsegwenza prevedibbli negliġibbli fuq il-moviment liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni, inklużi l-ħaddiema, jew fuq il-ktajjen tal-provvista ta’ oġġetti u servizzi li huma indispensabbli għaż-żamma ta’ funzjonijiet essenzjali tas-soċjetà jew attivitajiet ekonomiċi essenzjali fis-suq intern.

(10)

Sabiex jiġi żgurat li l-qafas ta’ miżuri stabbilit minn dan ir-Regolament ikun jista’ juża l-effett sħiħ tiegħu fil-kuntest tal-modalitajiet ta’ viġilanza tas-suq intern u ta’ emerġenza tas-suq intern, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tistabbilixxi arranġamenti dettaljati rigward it-tħejjija għall-kriżijiet, il-kooperazzjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-komunikazzjoni f’każ ta’ kriżi. Dawk l-arranġamenti dettaljati, li jieħdu l-forma ta’ qafas ta’ kontinġenza, jenħtieġ li jistabbilixxu l-aspetti tekniċi u operattivi speċifiċi tal-mekkaniżmi għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Barra minn hekk, jenħtieġ li jistabbilixxi arranġamenti għall-koordinazzjoni operattiva bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri rigward il-komunikazzjoni f’każ ta’ kriżi. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li jiġi stabbilit inventarju apposta tal-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istati Membri rispettivi involuti fl-implimentazzjoni tal-qafas stabbilit minn dan ir-Regolament abbażi tal-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri. Dak l-inventarju jenħtieġ li jindika, b’mod partikolari, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet assenjati lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri rispettivi tagħhom matul il-modalitajiet ta’ viġilanza tas-suq intern u ta’ emerġenza tas-suq intern f’konformità mad-dritt nazzjonali. L-arranġamenti bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jkopru wkoll l-iskambju sigur ta’ informazzjoni dwar il-konsultazzjoni tal-operaturi ekonomiċi u s-sħab soċjali fir-rigward tal-inizjattivi u l-azzjonijiet rispettivi tagħhom biex itaffu l-effetti ta’ kriżi potenzjali u jirrispondu għalihom.

(11)

Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu implimentati b’mod koerenti, trasparenti, effiċjenti, proporzjonat u f’waqtu, filwaqt li titqies kif xieraq il-ħtieġa li jinżammu l-funzjonijiet vitali tas-soċjetà, inkluż is-sigurtà pubblika, is-sikurezza pubblika, l-ordni pubblika, jew is-saħħa pubblika. Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jaffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward, pereżempju, tal-politiki nazzjonali tas-saħħa pubblika, u jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Istati Membri li jissalvagwardjaw is-sigurtà nazzjonali u s-setgħa tagħhom li jissalvagwardjaw funzjonijiet essenzjali oħrajn tal-istat, inkluż li jiżguraw l-integrità territorjali tal-Istat u li jżommu l-liġi u l-ordni. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għal kwistjonijiet relatati mas-sigurtà u d-difiża nazzjonali.

(12)

Dan ir-Regolament jipprovdi l-mezzi neċessarji biex jiġi żgurat, matul żminijiet ta’ kriżi, il-funzjonament kontinwu tas-suq intern, tan-negozji li joperaw fis-suq intern u l-ktajjen tal-provvista strateġiċi tiegħu, inkluż il-moviment liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni, tas-servizzi u tal-persuni, inkluż il-ħaddiema, u d-disponibbiltà ta’ oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżi għaċ-ċittadini, għan-negozji u għall-awtoritajiet pubbliċi. Barra minn hekk, dan ir-Regolament jistabbilixxi forum għall-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni adegwati. Barra minn hekk jipprovdi l-mezzi għall-aċċessibbiltà u d-disponibbiltà f’waqthom tal-informazzjoni meħtieġa għal rispons immirat u għal imġiba adegwata tas-suq min-negozji u miċ-ċittadini matul kriżi.

(13)

Fejn possibbli, dan ir-Regolament jenħtieġ li jippermetti l-antiċipazzjoni ta’ avvenimenti u kriżijiet billi jippermetti lill-Unjoni tkompli tibni fuq analiżi kontinwa li tikkonċerna setturi ta’ importanza kritika tal-ekonomija tas-suq intern.

(14)

Billi jsaħħaħ ir-reżiljenza u t-tħejjija tal-industrija tal-Unjoni fir-rigward tal-materja prima kritika, ir-Regolament (UE) 2024/1252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jikkomplementa dan ir-Regolament, u dan jippermetti lill-Kummissjoni, matul modalità ta’ viġilanza tas-suq intern jew modalità ta’ emerġenza tas-suq intern, tattiva miżuri mmirati meta jfeġġu theddida għall-provvista ta’ oġġetti ta’ importanza kritika jew tfixkil fiha, inkluż fir-rigward tal-materja prima kritika.

(15)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jidduplikax il-qafas eżistenti għall-prodotti mediċinali, l-apparati mediċi jew kontromiżuri mediċi oħrajn skont il-Qafas tal-UE għas-Sigurtà tas-Saħħa, inkluż ir-Regolamenti (UE) 2022/123 (5), (UE) 2022/2370 (6) u (UE) 2022/2371 (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2372 (8) fir-rigward tat-tħejjija u r-rispons għall-kriżijiet fil-qasam tas-saħħa. Il-Qafas tal-UE għas-Sigurtà tas-Saħħa jenħtieġ li jieħu preċedenza fuq dan ir-Regolament fir-rigward ta’ tfixkil fil-ktajjen tal-provvista u ta’ nuqqasijiet ta’ prodotti mediċinali, apparati mediċi jew kontromiżuri mediċi oħra meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet ta’ dak il-qafas. Għalhekk, jenħtieġ li l-prodotti mediċinali, l-apparati mediċi jew kontromiżuri mediċi oħra fit-tifsira tar-Regolamenti (UE) 2022/2371 u (UE) 2022/2372, meta jkunu inklużi fil-lista adottata f’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2022/2372, jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, ħlief fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mal-moviment liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni, inkluż il-ħaddiema, matul emerġenza tas-suq intern, u b’mod partikolari dawk imfassla biex jistabbilixxu mill-ġdid u jiffaċilitaw il-moviment liberu.

(16)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkomplementa l-arranġamenti tal-IPCR operati mill-Kunsill skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/415/UE (9) fir-rigward tal-ħidma tal-Kunsill dwar l-impatt fuq is-suq intern ta’ kriżijiet transsettorjali li jirrikjedu t-teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward ta’ pjanijiet ta’ kontinġenza u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ viġilanza u ta’ emerġenza. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti tal-IPCR operati mill-Kunsill fl-ambitu tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1993 (10).

(17)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM). Dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkomplementa l-UCPM u jenħtieġ li jappoġġah, fejn ikun meħtieġ, fir-rigward tad-disponibbiltà ta’ oġġetti kritiċi u l-moviment liberu tal-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili, inkluż it-tagħmir tagħhom, għal kriżijiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-UCPM.

(18)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), inkluż il-qafas ġenerali tiegħu għall-introduzzjoni temporanja jew l-estensjoni ta’ kontrolli fil-fruntieri interni u s-sistema ta’ notifika għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni.

(19)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) dwar l-immaniġġar tal-kriżijiet, kif stabbilit fl-Artikoli 55 sa 57 tiegħu, implimentat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/300 (13).

(20)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-Mekkaniżmu Ewropew ta’ tħejjija u rispons għall-Kriżijiet tas-Sigurtà tal-Ikel. Madankollu, il-prodotti tal-ikel jenħtieġ li jkunu rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-moviment liberu ta’ dan ir-Regolament, inklużi dawk li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet għad-dritt tal-moviment liberu. Il-miżuri li jikkonċernaw il-prodotti tal-ikel jistgħu jiġu rieżaminati wkoll għall-konformità tagħhom ma’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tad-dritt tal-Unjoni.

(21)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-ħila tal-Kummissjoni li tidħol f’konsultazzjonijiet jew li tikkoopera, f’isem l-Unjoni, mal-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiżi barra l-Unjoni, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, b’attenzjoni partikolari mogħtija lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-għan li jiġu mfittxija soluzzjonijiet kooperattivi biex jiġi evitat it-tfixkil fil-ktajjen tal-provvista, f’konformità mal-obbligi internazzjonali. Dan jista’ jinvolvi, fejn xieraq, koordinazzjoni f’fora internazzjonali rilevanti;

(22)

Waħda mill-isfidi identifikati matul il-kriżi tal-COVID-19 kienet in-nuqqas ta’ network biex jiġu żgurati ta’ tħejjija u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri, minn naħa waħda, u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, min-naħa l-oħra. Għaldaqstant, il-kisba tal-objettivi segwiti minn dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi appoġġata minn mekkaniżmu ta’ governanza. Fil-livell tal-Unjoni, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi Bord għall-Emerġenzi u r-Reżiljenza tas-Suq Intern (il-“Bord”), magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u ppresedut mill-Kummissjoni, biex jiffaċilita l-kooperazzjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-implimentazzjoni bla xkiel, effettiva u armonizzata ta’ dan ir-Regolament. Il-Bord jenħtieġ li jipprovdi pariri u jassisti lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet speċifiċi, inkluż l-implimentazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li jiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri, u jenħtieġ li janalizza u jiddiskuti temi rilevanti relatati ma’ kriżijiet imminenti jew li jkunu għaddejjin.

(23)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tippresjedi l-Bord u tipprovdi s-segretarjat tiegħu. Kull Stat Membru jenħtieġ li jaħtar rappreżentant u rappreżentant sostitut. Il-President jenħtieġ li jistieden rappreżentant mill-Parlament Ewropew bħala osservatur permanenti. Sabiex jirċievi pariri rilevanti dwar l-attivitajiet tal-Bord u jippermetti l-parteċipazzjoni xierqa tal-esperti, il-President jenħtieġ li jkun jista’ jistieden esperti biex jieħdu sehem, bħala osservaturi, fil-ħidma tal-Bord u jattendu laqgħat speċifiċi, fuq bażi ad hoc, fejn tali attendenza tkun rilevanti meta titqies l-aġenda tal-laqgħa. Bil-ħsieb li jiġi żgurat rispons koerenti u kkoordinat tal-Unjoni għal diversi kriżijiet li jista’ jkollhom impatt fuq il-funzjonament tas-suq intern, jenħtieġ li l-President jistieden ukoll rappreżentanti ta’ korpi oħra rilevanti għall-kriżi fil-livell tal-Unjoni bħala osservaturi għal-laqgħat rilevanti tal-Bord. Bil-ħsieb li tiġi promossa l-kooperazzjoni internazzjonali, il-President jenħtieġ li jistieden rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi barra mill-Unjoni biex jieħdu sehem fil-laqgħat rilevanti tal-Bord f’konformità mal-ftehimiet bilaterali jew internazzjonali rilevanti. Il-President jenħtieġ li jkun jista’ jistieden osservaturi biex jikkontribwixxu għad-diskussjonijiet b’għarfien espert, informazzjoni u għarfien rilevanti, iżda jenħtieġ li l-osservaturi ma jieħdux sehem fit-tfassil ta’ opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew pariri tal-Bord.

(24)

Il-Bord jenħtieġ li jkollu kompiti speċifiċi fil-kuntest tal-qafas ta’ kontinġenza, tal-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern u tal-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern. Dawk il-kompiti jinkludu l-iskambju ta’ fehmiet u l-għoti ta’ pariri lill-Kummissjoni fir-rigward tal-valutazzjoni tal-kriterji li għandhom jitqiesu meta jiġu attivati l-modalitajiet differenti kif ukoll rigward il-valutazzjoni ta’ jekk jiġu ssodisfati l-prekundizzjonijiet speċifiċi għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ rispons konkreti. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis għalkollox l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet jew ir-rapporti adottati mill-Bord.

(25)

Fl-interess li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni riċevuta skont dan ir-Regolament, il-Bord huwa mħeġġeġ jipprevedi fir-regoli ta’ proċedura tiegħu li l-membri u l-osservaturi tiegħu ma għandhomx jiddivulgaw sigrieti kummerċjali u tan-negozju jew informazzjoni oħra sensittiva u kunfidenzjali miksuba jew iġġenerata fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandhom jirrispettaw l-obbligi tas-segretezza professjonali ekwivalenti għal dawk applikabbli għall-membri tal-persunal tal-Kummissjoni.

(26)

Sabiex jiġu żgurati trasparenza, responsabbiltà u koordinazzjoni akbar, b’mod partikolari fi żminijiet ta’ kriżijiet, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jenħtieġ li jkun jista’ jistieden lill-President tal-Bord jidher quddiem dak il-kumitat. Il-Parlament Ewropew jenħtieġ li jiġi infurmat malajr kemm jista’ jkun dwar kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill propost jew adottat. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis l-elementi li jirriżultaw mill-fehmiet espressi permezz tad-djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza magħmul skont dan ir-Regolament, inkluż ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Parlament Ewropew.

(27)

Barra minn hekk, sabiex issaħħaħ l-involviment ta’ atturi ewlenin, b’mod partikolari r-rappreżentanti tal-operaturi ekonomiċi, is-sħab soċjali, ir-riċerkaturi u s-soċjetà ċivili, il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi pjattaforma tal-partijiet ikkonċernati biex tiffaċilita u tħeġġeġ rispons volontarju għall-emerġenzi tas-suq intern.

(28)

Sabiex jiġu żgurati koordinazzjoni u skambju ta’ informazzjoni effettivi fil-kuntest tal-qafas ta’ kontinġenza, kif ukoll fil-kuntest tal-modalitajiet ta’ viġilanza u ta’ emerġenza tas-suq intern, l-Istati Membri jenħtieġ li jaħtru uffiċċju ċentrali ta’ kollegament responsabbli għall-kuntatt mal-uffiċċju ta’ kollegament fil-livell tal-Unjoni magħżul mill-Kummissjoni u mal-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament ta’ Stati Membri oħra. L-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament jenħtieġ li jaħdmu bħala punt fokali fir-rigward tal-kuntatti mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istati Membri, filwaqt li jiġbru informazzjoni mingħand dawk l-awtoritajiet, inkluż, fejn rilevanti, l-awtoritajiet fil-livell reġjonali u lokali. L-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament jenħtieġ li jkunu responsabbli wkoll għall-koordinazzjoni u għall-iskambju ta’ informazzjoni. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jaħtru awtorità li diġà teżisti bħala l-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament tagħhom. Tali uffiċċji ta’ kollegament jenħtieġ li jittrażmettu wkoll l-informazzjoni kollha rilevanti għall-kriżi lill-punti uniċi ta’ kuntatt fl-Istati Membri, f’ħin reali meta jkun possibbli.

(29)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà tal-Kummissjoni li tivvaluta jekk huwiex xieraq li jiġu imposti restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet tal-oġġetti f’konformità mad-drittijiet u l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2015/479 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

(30)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-miżuri meħuda skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(31)

Dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għal, u jikkomplementa, id-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), li tistabbilixxi regoli minimi armonizzati biex jiġi żgurat li s-servizzi essenzjali għaż-żamma ta’ funzjonijiet essenzjali tas-soċjetà jew attivitajiet ekonomiċi essenzjali jiġu pprovduti b’mod mhux imxekkel fis-suq intern, biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi li jipprovdu tali servizzi, u biex tittejjeb il-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet kompetenti.

(32)

Bl-objettiv li tkun imħejjija aħjar u aktar reżiljenti matul kriżijiet futuri potenzjali li jista’ jkollhom impatt negattiv serju fuq il-moviment liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni, inkluż il-ħaddiema, jew jikkawżaw tfixkil fil-ktajjen tal-provvista ta’ oġġetti u servizzi fis-suq intern, jenħtieġ li l-Kummissjoni tħeġġeġ u tiffaċilita lill-operaturi ekonomiċi fit-tfassil ta’ protokolli ta’ kriżi volontarji. L-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li jibqgħu liberi li jiddeċiedu jekk jieħdux sehem f’tali protokolli ta’ kriżi volontarji. Jenħtieġ li l-parteċipazzjoni f’tali protokolli ta’ kriżi volontarji ma twassalx għal piż amministrattiv sproporzjonat. Il-protokolli ta’ kriżi volontarji jenħtieġ li jistabbilixxu l-parametri speċifiċi tat-tfixkil li huma mistennija, kif ukoll allokazzjoni tar-rwoli speċifiċi ta’ kull parteċipant, deskrizzjoni tal-mekkaniżmi ta’ attivazzjoni ta’ tali protokolli u l-azzjonijiet assoċjati. Il-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew organizzazzjonijiet rilevanti oħra jistgħu wkoll ikunu involuti fit-tfassil ta’ tali protokolli ta’ kriżi volontarji. Fid-determinazzjoni tal-parametri tat-tfixkil li għandhom jiġu kkunsidrati, l-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li jkunu jistgħu jibnu fuq l-esperjenzi tal-passat tagħhom fir-rigward tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu u t-tfixkil fil-ktajjen tal-provvista kkawżati minn diversi kriżijiet.

(33)

Bil-ħsieb li tislet mill-esperjenza tal-kriżijiet tal-passat, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa u tagħmel disponibbli programmi u materjali ta’ taħriġ għall-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati, inklużi l-operaturi ekonomiċi. Il-parteċipazzjoni f’tali programmi ta’ taħriġ u fis-simulazzjonijiet jenħtieġ li tibqa’ volontarja.

(34)

Bħala parti mit-tħejjija għall-kriżijiet, dan ir-Regolament jenħtieġ li jippermetti l-antiċipazzjoni ta’ avvenimenti u kriżijiet li għalihom ikun possibbli li jsiru testijiet tal-istress u simulazzjonijiet, filwaqt li jibnu fuq analiżi kontinwa li tikkonċerna setturi ta’ importanza kritika tal-ekonomija tas-suq intern u l-ħidma kontinwa ta’ prospettiva tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżviluppa xenarji u parametri f’setturi speċifiċi li jaqbdu r-riskji partikolari assoċjati ma’ kriżi. Sabiex tiġi żgurata t-tħejjija għall-kriżijiet tal-atturi kollha, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar it-testijiet tal-istress, li jenħtieġ li jsiru mill-inqas kull sentejn. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiffaċilita u tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ strateġiji għat-tħejjija għall-emerġenzi, inkluż strateġiji għall-komunikazzjoni f’każ ta’ kriżi u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-restrizzjonijiet applikabbli f’ċirkostanzi diffiċli. L-identifikazzjoni tas-setturi ta’ fokus speċifiku jenħtieġ li tkun ibbażata fuq għodod eżistenti bbażati fuq l-indikaturi li jimmonitorjaw l-iżvilupp tal-ktajjen tal-provvista fl-Unjoni bil-ħsieb li tiġi identifikata diffikultà potenzjali, filwaqt li jitqiesu kriterji speċifiċi rilevanti bħall-flussi kummerċjali, id-domanda u l-provvista, il-konċentrazzjoni tal-provvista, il-produzzjoni u l-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-Unjoni u globali fi stadji differenti tal-katina tal-valur u l-interdipendenzi bejn l-operaturi ekonomiċi.

(35)

Jenħtieġ li jkun possibbli li tiġi skambjata informazzjoni relatata ma’ allerti ad hoc għal twissija bikrija permezz tan-network maħluq bejn l-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament tal-Istati Membri u l-uffiċċju ta’ kollegament fil-livell tal-Unjoni. Tali allerti ad hoc għal twissija bikrija jenħtieġ li jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni f’każijiet ta’ inċidenti sinifikanti sabiex jingħata lok lill-Unjoni li ssegwi aħjar l-iżvilupp ta’ kriżi potenzjali, imminenti jew li tkun għaddejja, u b’hekk jiġi żgurat livell aħjar ta’ tħejjija f’każ li l-kriżi titfaċċa jew tiżviluppa.

(36)

Sabiex titqies in-natura eċċezzjonali u l-konsegwenzi potenzjali fit-tul għall-funzjonament tas-suq intern matul il-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern jew matul il-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern, jenħtieġ li l-Kunsill jingħata setgħat ta’ implimentazzjoni b’mod eċċezzjonali għall-attivazzjoni tal-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern jew tal-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern skont l-Artikolu 291(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill għall-attivazzjoni tal-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern jenħtieġ li jkun fih elementi li huma intrinsikament marbuta mal-valutazzjoni tal-issodisfar tal-prekundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-attivazzjoni, jiġifieri valutazzjoni tal-impatt potenzjali tal-kriżi rilevanti fuq il-moviment liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni, inkluż il-ħaddiema, fis-suq intern u fuq il-ktajjen tal-provvista tiegħu, lista tal-oġġetti u s-servizzi ta’ importanza kritika li huma indispensabbli għaż-żamma ta’ funzjonijiet essenzjali tas-soċjetà jew attivitajiet ekonomiċi essenzjali fis-suq intern u l-miżuri ta’ viġilanza li għandhom jittieħdu. Barra minn hekk, meta l-attivazzjoni tal-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern tirrikjedi wkoll l-adozzjoni ta’ lista ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżi jew ta’ servizzi rilevanti għall-kriżi, jew tat-tnejn li huma, dik il-lista jenħtieġ li tiġi adottata fl-istess ħin li tiġi attivata l-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern u għaldaqstant jenħtieġ li tkun intrinsikament marbuta ma’ dik l-attivazzjoni. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li jingħataw ukoll setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill għall-adozzjoni ta’ dik il-lista ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżi jew servizzi rilevanti għall-kriżi u kwalunkwe aġġornament tagħha. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern jew il-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern jiġu estiżi permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni. Jekk jirriżulta li ma hemm l-ebda ħtieġa li xi waħda mill-modalitajiet tkun attiva, allura l-modalità rispettiva jenħtieġ li tiġi diżattivata.

(37)

Sabiex jiġi żgurat li l-Bord jirċievi informazzjoni xierqa dwar emerġenza potenzjali tas-suq intern, huwa meħtieġ li jiġi previst monitoraġġ. Tali monitoraġġ jenħtieġ li jikkonċerna ktajjen tal-provvista ta’ oġġetti u servizzi ta’ importanza kritika li għalihom tkun ġiet attivata l-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern u l-moviment liberu tal-persuni involuti fil-produzzjoni u l-provvista ta’ tali oġġetti u servizzi. Il-monitoraġġ tal-ktajjen tal-provvista ta’ oġġetti u servizzi ta’ importanza kritika jenħtieġ li jitwettaq mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri abbażi ta’ talbiet għall-għoti volontarju ta’ informazzjoni dwar il-fatturi li jħallu impatt fuq id-disponibbiltà tal-oġġetti u s-servizzi ta’ importanza kritika magħżula, bħall-kapaċità tal-produzzjoni, id-disponibbiltà tal-forza tax-xogħol meħtieġa, il-ħażniet, il-limitazzjonijiet tal-fornituri, il-possibbiltajiet għad-diversifikazzjoni u s-sostituzzjoni, il-kundizzjonijiet tad-domanda u l-konġestjonijiet. It-talba għall-għoti volontarju ta’ informazzjoni fil-kuntest ta’ tali monitoraġġ jenħtieġ li tiġi indirizzata lill-atturi kollha tul il-katina tal-provvista rilevanti ta’ oġġetti u servizzi ta’ importanza kritika u lil partijiet ikkonċernati rilevanti oħra stabbiliti fit-territorju tal-Istati Membri. Il-ġbir ta’ informazzjoni dwar it-tfixkil tal-moviment liberu mill-operaturi ekonomiċi rilevanti tul il-ktajjen tal-provvista ta’ oġġetti u servizzi ta’ importanza kritika huwa partikolarment importanti minħabba li n-nuqqas ta’ forza tax-xogħol xierqa huwa wieħed mill-kawżi prevalenti tat-tfixkil fil-ktajjen tal-provvista. Il-monitoraġġ, mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, tat-tfixkil fil-moviment liberu tal-persuni involuti fil-produzzjoni u l-provvista ta’ oġġetti u servizzi jenħtieġ li jinftiehem b’mod wiesa’, u jkopri l-ħaddiema, il-fornituri ta’ servizzi, ir-rappreżentanti tan-negozju u persuni oħra involuti fir-riċerka, l-iżvilupp u t-tqegħid ta’ oġġetti fis-suq. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu l-informazzjoni miġbura lill-Kummissjoni u lill-Bord permezz tal-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tippermetti lill-Bord jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa tal-attivazzjoni tal-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern.

(38)

Għal miżuri nazzjonali li mhumiex armonizzati skont dan ir-Regolament u li jaffettwaw, meta adottati u applikati b’rispons għal emerġenza tas-suq intern, il-moviment liberu tal-oġġetti u tal-persuni, jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi waqt emerġenzi tas-suq intern, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li tali miżuri jikkonformaw għalkollox mat-TFUE u dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni bħal pereżempju r-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), u d-Direttivi 2004/38/KE (18), 2005/36/KE (19), 2006/123/KE (20) u (UE) 2015/1535 (21) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Jekk l-Istati Membri jadottaw tali miżuri, jenħtieġ li dawn ikunu ġustifikati u jirrispettaw il-prinċipji tal-proporzjonalità u tan-nondiskriminazzjoni f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, f’konformità ma’ dawk il-prinċipji, jenħtieġ li tali miżuri ma joħolqux piż amministrattiv bla bżonn u l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jillimitaw kwalunkwe piż amministrattiv ikkawżat minn miżuri adottati b’rispons għal emerġenza tas-suq intern. Barra minn hekk, kwalunkwe miżura tali jenħtieġ li tqis b’mod adegwat is-sitwazzjoni tar-reġjuni tal-fruntiera u tar-reġjuni ultraperiferiċi, speċjalment għall-ħaddiema transfruntiera. Jenħtieġ li l-Istati Membri jneħħu l-miżuri meħuda biex jirrispondu għal emerġenza tas-suq intern li jirrestrinġu l-moviment liberu hekk kif ma jibqgħux meħtieġa. B’mod ġenerali, il-miżuri nazzjonali li jirrestrinġu l-moviment liberu li mhumiex armonizzati skont dan ir-Regolament fil-prinċipju ma jibqgħux ġustifikati jew proporzjonati meta l-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern tiġi diżattivata u għaldaqstant jenħtieġ li jitneħħew.

(39)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jiġix interpretat li jawtorizza jew jiġġustifika restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni li jmorru kontra t-TFUE jew dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni. Pereżempju, il-fatt li xi restrizzjonijiet huma pprojbiti b’mod espliċitu matul modalità ta’ emerġenza tas-suq intern jenħtieġ li ma jiġix interpretat bħala li jiġġustifika tali restrizzjonijiet barra minn dik il-modalità jew li jiġġustifika restrizzjonijiet possibbli oħra inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li mhumiex ipprojbiti b’mod espliċitu minn dan ir-Regolament.

(40)

L-Artikolu 21 tat-TFUE jistabbilixxi d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, suġġett għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u l-miżuri adottati biex dawn jitwettqu. Il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet dettaljati rigward dak id-dritt huma stabbiliti fid-Direttiva 2004/38/KE. Din id-Direttiva tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali applikabbli għal dawk il-limitazzjonijiet u r-raġunijiet li jistgħu jintużaw biex jiġġustifikaw tali miżuri. Dawk ir-raġunijiet huma l-politika pubblika, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika. F’dak il-kuntest, ir-restrizzjonijiet għal-libertà tal-moviment jistgħu jiġu ġġustifikati jekk ikunu proporzjonati u mhux diskriminatorji. Dan ir-Regolament ma huwiex maħsub biex jipprevedi raġunijiet addizzjonali għal-limitazzjoni tad-dritt għall-moviment liberu tal-persuni lil hinn minn dawk previsti fil-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38/KE.

(41)

Il-miżuri li jiffaċilitaw il-moviment liberu tal-persuni u kwalunkwe miżura oħra li taffettwa l-moviment liberu tal-persuni prevista skont dan ir-Regolament, huma bbażati fuq l-Artikolu 21 tat-TFUE u jikkomplementaw id-Direttiva 2004/38/KE matul emerġenzi tas-suq intern. Tali miżuri jenħtieġ li ma jirriżultawx fl-awtorizzazzjoni jew fil-ġustifikazzjoni ta’ restrizzjonijiet għall-moviment liberu li jmorru kontra t-Trattati jew liġijiet oħra tal-Unjoni.

(42)

L-Artikolu 45 tat-TFUE jistabbilixxi d-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema, suġġett għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u l-miżuri adottati biex dawn jingħataw effett. L-Artikolu 46 tat-TFUE huwa l-bażi legali għall-adozzjoni ta’ miżuri meħtieġa biex jinkiseb il-moviment liberu tal-ħaddiema, kif definit fl-Artikolu 45 tat-TFUE. Dan ir-Regolament fih dispożizzjonijiet li jikkomplementaw miżuri eżistenti sabiex jissaħħaħ aktar il-moviment liberu tal-persuni, tiżdied it-trasparenza u tiġi pprovduta assistenza amministrattiva matul emerġenzi tas-suq intern. Tali miżuri jinkludu l-istabbiliment tal-punti uniċi ta’ kuntatt u t-tqegħid tagħhom għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom fl-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni matul il-modalitajiet ta’ viġilanza u ta’ emerġenza tas-suq intern, f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

(43)

Huwa xieraq li jiġu pprojbiti ċerti miżuri nazzjonali li jirrestrinġu l-moviment liberu jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li ma għandhomx jiġu imposti matul, jew b’rispons għal, emerġenza tas-suq intern, minħabba li jkunu manifestament sproporzjonati. Għalhekk, kwalunkwe miżura bħal din meħuda mill-Istati Membri jenħtieġ li tiġi vvalutata fid-dawl ta’ dawk id-dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni u mhux it-TFUE jew liġi oħra tal-Unjoni.

(44)

B’mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li jżommu lura milli jintroduċu miżuri li jikkostitwixxu diskriminazzjoni abbazi ta’ nazzjonalità jew, fil-każ ta’ kumpaniji, tal-post tal-uffiċċju rreġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post prinċipali tan-negozju tagħhom.

(45)

L-Istati Membri jenħtieġ li jżommu lura milli jintroduċu miżuri li jagħmluha impossibbli għall-benefiċjarji tad-dritt tal-moviment liberu li jirritornaw lejn l-Istat Membru ta’ residenza tagħhom jekk isibu ruħhom fi Stat Membru ieħor meta tfaqqa’ kriżi.

(46)

L-Istati Membri jenħtieġ li jżommu lura milli jieħdu miżuri li jagħmluha impossibbli għall-benefiċjarji tad-dritt tal-moviment liberu li jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra għal raġunijiet imperattivi ta’ familja, meta tali vjaġġar jibqa’ permess fi ħdan l-Istat Membru li jadotta l-miżura fl-istess ċirkostanzi.

(47)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jipprevjenix lill-Istati Membri milli jippermettu liċ-ċittadini u lir-residenti tagħhom jirritornaw lejn it-territorju tagħhom matul emerġenzi tas-suq intern. Sabiex jiġi ffaċilitat tali vjaġġar, jenħtieġ li Stati Membri oħra jippermettu lil tali ċittadini u residenti joħorġu mit-territorju tagħhom biex jivvjaġġaw lejn l-Istat Membru tan-nazzjonalità jew tar-residenza, jew jgħaddu mit-territorju tagħhom sabiex jaslu fl-Istat Membru tan-nazzjonalità jew tar-residenza.

(48)

Ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu, inkluż fil-forma ta’ rekwiżiti u proċeduri amministrattivi bħal proċeduri ta’ dikjarazzjoni, reġistrazzjoni jew awtorizzazzjoni, huma pprojbiti, sakemm ma jikkonformawx mad-dritt tal-Unjoni. Meta jkunu ġew adottati rekwiżiti u proċeduri amministrattivi ġustifikati u proporzjonati f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri, matul emerġenza tas-suq intern, jipprijoritizzaw il-faċilitazzjoni tal-konformità ma’ tali rekwiżiti u l-ipproċessar ta’ tali proċeduri għall-persuni involuti fil-produzzjoni jew fil-provvista ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżi jew servizzi rilevanti għall-kriżi. Għal dak l-għan u meta jkun meħtieġ li jsir dan sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu ta’ tali fornituri jew ta’ ċerti kategoriji minnhom, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi arranġamenti, inkluż għodda u mudelli diġitali.

(49)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi obbligi bil-ħsieb li tiġi żgurata t-trasparenza fir-rigward tal-miżuri nazzjonali adottati matul modalità ta’ emerġenza tas-suq intern li jirrestrinġu d-dritt għall-moviment liberu tal-persuni. Kwalunkwe restrizzjoni bħal din jenħtieġ li tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 2004/38/KE. Dawk l-obbligi jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu eżistenti ta’ informazzjoni jew ta’ notifika li jkompli japplika. Il-moviment liberu tal-persuni huwa ta’ importanza kbira għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. L-esperjenza mill-kriżi tal-COVID-19 turi li r-restrizzjonijiet għal dak id-dritt tal-moviment liberu jista’ jkollhom effetti ta’ konsegwenza fuq il-libertajiet fundamentali l-oħra kollha. In-nuqqas ta’ informazzjoni dwar restrizzjonijiet relatati mal-kriżi għall-moviment liberu tal-persuni jista’ jikkawża diffikultajiet addizzjonali liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-operaturi ekonomiċi fil-ġestjoni tal-attivitajiet tagħhom matul kriżi. Bħalissa, ma hemm l-ebda sistema ta’ trasparenza applikabbli fis-seħħ li tista’ tipprovdi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-operaturi ekonomiċi b’informazzjoni dwar ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-persuni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra t-test tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji nazzjonali li jintroduċu restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu tal-persuni b’rispons għal kriżi, kif ukoll il-modifiki tagħhom, mingħajr dewmien wara l-adozzjoni tagħhom. Dak it-test jenħtieġ li jkun akkumpanjat mir-raġunijiet għal tali miżuri, inkluż raġunijiet li juru li l-miżuri huma ġustifikati u proporzjonati, kif ukoll kwalunkwe data xjentifika jew data oħra sottostanti li tappoġġa l-adozzjoni tagħhom, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali miżuri, id-dati tal-adozzjoni u tal-applikazzjoni, u t-tul ta’ żmien ta’ dawk il-miżuri. Sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni affidabbli dwar ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-pubbliku b’informazzjoni ċara, komprensiva u f’waqtha li tispjega tali miżuri, b’mod partikolari l-kamp ta’ applikazzjoni, id-data tal-adozzjoni u tal-applikazzjoni u t-tul ta’ żmien tagħhom, mill-aktar fis possibbli. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tkun ipprovduta wkoll lill-Kummissjoni. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippubblika l-informazzjoni rilevanti fuq sit web apposta disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

(50)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri speċifiċi ta’ emerġenza tas-suq intern previsti f’dan ir-Regolament jintużaw biss meta jkunu indispensabbli għar-rispons għal emerġenza partikolari tas-suq intern, tali miżuri jenħtieġ li jirrikjedu attivazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jindikaw ir-raġunijiet għal tali attivazzjoni u l-oġġetti jew is-servizzi rilevanti għall-kriżi li tali miżuri japplikaw għalihom.

(51)

Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità ta’ dawk l-atti ta’ implimentazzjoni u sabiex jiġi żgurat ir-rispett dovut għar-rwol tal-operaturi ekonomiċi fl-immaniġġar tal-kriżijiet, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrikorri biss għall-attivazzjoni tal-miżuri ta’ rispons ta’ emerġenza tas-suq intern wara li l-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern tkun ġiet attivata mill-Kunsill u jekk l-operaturi ekonomiċi ma jkunux jistgħu jipprovdu soluzzjoni fuq bażi volontarja f’qafas ta’ żmien raġonevoli (“attivazzjoni fuq żewġ livelli”). Il-ħtieġa għall-attivazzjoni ta’ miżuri ta’ rispons ta’ emerġenza tas-suq intern jenħtieġ li tkun iġġustifikata f’kull att ta’ implimentazzjoni tali, u fir-rigward tal-aspetti partikolari kollha ta’ kriżi.

(52)

Sabiex ikunu jistgħu jsiru valutazzjonijiet preċiżi ta’ jekk l-użu ta’ miżuri speċifiċi ta’ rispons għal emerġenza tas-suq intern jippermettix it-tnaqqis tan-nuqqasijiet serji ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżi jew servizzi rilevanti għall-kriżi jew it-theddida imminenti tagħhom f’emerġenza tas-suq intern, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ titlob informazzjoni mingħand l-operaturi ekonomiċi rilevanti fil-ktajjen tal-provvista ta’ oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżi. Jenħtieġ li tali talbiet għal informazzjoni, fejn xieraq, jikkonċernaw: il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u l-ħażniet ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżi f’faċilitajiet tal-produzzjoni li jinsabu kemm fl-Unjoni kif ukoll f’pajjiżi barra mill-Unjoni li dawk l-operaturi ekonomiċi joperaw fihom, jikkuntrattaw magħhom jew jixtru provvisti mingħandhom; l-iskeda jew stima tal-output tal-produzzjoni mistenni għat-tliet xhur ta’ wara għal kull faċilità tal-produzzjoni li tinsab fl-Unjoni u f’pajjiżi barra mill-Unjoni li dawk l-operaturi ekonomiċi joperaw fihom jew jikkuntrattaw magħhom; u dettalji dwar kwalunkwe tfixkil jew nuqqas rilevanti fil-ktajjen tal-provvista. Sabiex jiġi żgurat l-involviment sħiħ tal-Istat Membru fejn l-operatur ekonomiku jkollu l-faċilità tal-produzzjoni tiegħu, jenħtieġ li l-Kummissjoni tibgħat, mingħajr dewmien, kopja tat-talba għal informazzjoni lil dak l-Istat Membru u, jekk l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru titlob dan, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkondividi l-informazzjoni miksuba ma’ dak l-Istat Membru permezz ta’ mezzi siguri.

(53)

It-talbiet għal informazzjoni lill-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li jintużaw mill-Kummissjoni biss meta l-informazzjoni li tkun neċessarja biex ikun hemm rispons adegwat għall-emerġenza tas-suq intern, bħall-informazzjoni neċessarja għall-akkwist mill-Kummissjoni f’isem l-Istati Membri jew għan-nom tagħhom jew għall-istima tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-manifatturi ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżi li l-ktajjen tal-provvista tagħhom ġew imfixkla, għadha mhix disponibbli għall-Kummissjoni u ma tkunx tista’ tinkiseb minn sorsi disponibbli għall-pubbliku jew bħala riżultat tal-informazzjoni pprovduta b’mod volontarju. Meta tagħmel talba għal informazzjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li l-benefiċċju għall-interess pubbliku jegħleb l-inkonvenjent possibbli li jistgħu jġarrbu l-operaturi ekonomiċi kkonċernati. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis il-piż li tali talba għal informazzjoni tista’ tirrappreżenta, b’mod partikolari għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), u jenħtieġ li tistabbilixxi l-limitu ta’ żmien għat-tweġiba skont dan. Meta l-ipproċessar ta’ talba għal informazzjoni minn operatur ekonomiku jkollu l-potenzjal li jfixkel b’mod sinifikanti l-operazzjonijiet tiegħu, dak l-operatur ekonomiku jenħtieġ li jitħalla jirrifjuta li jipprovdi l-informazzjoni mitluba. L-operatur ekonomiku jenħtieġ li jkun obbligat li jipprovdi lill-Kummissjoni r-raġunijiet għal kwalunkwe rifjut li jipprovdi l-informazzjoni mitluba. Tali raġunijiet jenħtieġ li jinkludu, b’mod partikolari, ir-riskju ta’ responsabbiltà għall-ksur ta’ obbligi kuntrattwali ta’ nondivulgazzjoni bbażati fuq kuntratti rregolati mid-dritt ta’ pajjiż barra mill-Unjoni jew ir-riskju ta’ divulgazzjoni ta’ informazzjoni relatata mas-sigurtà nazzjonali fil-każ ta’ oġġetti b’użi possibbli fil-kuntest tas-sigurtà nazzjonali, li jistgħu jinkludu riżervi nazzjonali.

(54)

Il-limitu ta’ żmien massimu biex operatur ekonomiku jwieġeb għal talba għal informazzjoni jenħtieġ li jkun 20 jum ta’ xogħol. Il-limitu ta’ żmien individwali speċifiku jenħtieġ li jiġi stabbilit fuq bażi ta’ każ b’każ u jista’, f’ċerti ċirkostanzi, ikun iqsar. L-operatur ekonomiku jenħtieġ li jitħalla jitlob estensjoni ta’ darba għal-limitu taż-żmien li tista’, suġġett għall-qbil espliċitu tal-Kummissjoni, testendi l-limitu ta’ żmien ġenerali lil hinn minn 20 jum ta’ xogħol. Jenħtieġ li jiġi previst li kwalunkwe talba għal estensjoni tal-limitu ta’ żmien mill-operatur ekonomiku tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni f’konformità mal-arranġamenti ta’ komunikazzjoni speċifikati fid-deċiżjoni individwali. Jenħtieġ li jiġi previst ukoll li, sakemm il-Kummissjoni twieġeb għat-talba għal estensjoni, il-limitu ta’ żmien inizjali jitqies li huwa applikabbli b’mod sħiħ.

(55)

L-attivazzjoni tal-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern, fejn meħtieġ, jenħtieġ li tippermetti wkoll l-iskattar tal-applikazzjoni ta’ ċerti proċeduri ta’ rispons għall-kriżijiet li jintroduċu aġġustamenti għar-regoli li jirregolaw id-disinn, il-manifattura, il-valutazzjoni tal-konformità u t-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti suġġetti għal regoli armonizzati tal-Unjoni kif ukoll għal ċerti regoli li jiggvernaw l-oġġetti suġġetti għall-qafas tal-Unjoni tas-sikurezza ġenerali tal-prodotti. Dawk il-proċeduri ta’ rispons għall-kriżijiet jenħtieġ li jippermettu li l-prodotti indikati bħala prodotti rilevanti għall-kriżi jitqiegħdu malajr fis-suq f’kuntest ta’ emerġenza. Fil-każ ta’ prodotti armonizzati, il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jenħtieġ li jagħtu prijorità lill-valutazzjoni tal-konformità ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżi fuq kwalunkwe applikazzjoni oħra li tkun għaddejja għal prodotti oħrajn. Fejn ikun hemm dewmien żejjed fil-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżi, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu joħorġu awtorizzazzjonijiet għal prodotti tali, li ma jkunux għaddew mill-proċeduri applikabbli ta’ valutazzjoni tal-konformità biex jitqiegħdu fis-suq rispettiv tagħhom, dment li jkunu konformi mar-rekwiżiti applikabbli tas-sikurezza. Tali awtorizzazzjonijiet jenħtieġ li jkunu validi biss fit-territorju tal-Istat Membru emittenti sakemm il-validità tagħhom tiġi estiża għat-territorju tal-Unjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni. Il-validità ta’ tali awtorizzazzjonijiet li jidderogaw mill-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità jenħtieġ li tkun limitata għat-tul ta’ żmien tal-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern. Barra minn hekk, bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata ż-żieda fil-provvista ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżi armonizzati u mhux armonizzati, jenħtieġ li jiġu introdotti ċerti flessibilitajiet fir-rigward tal-mekkaniżmi ta’ preżunzjoni ta’ konformità u tal-preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit ġenerali tas-sikurezza, rispettivament. Fil-kuntest ta’ emerġenza tas-suq intern, il-manifatturi ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżi jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddependu wkoll minn standards nazzjonali u internazzjonali li jipprovdu livell ekwivalenti ta’ protezzjoni għall-istandards Ewropej li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Rigward l-oġġetti rilevanti għall-kriżi armonizzati biss, f’każijiet fejn tali standards Ewropej ma jkunux jeżistu jew fejn il-konformità magħhom tkun eċċessivament diffiċli b’riżultat tat-tfixkil fis-suq intern, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ toħroġ speċifikazzjonijiet komuni li jipprovdu preżunzjoni ta’ konformità sabiex tipprovdi soluzzjonijiet tekniċi lesti għall-użu lill-manifatturi.

(56)

L-introduzzjoni ta’ dawn l-aġġustamenti rilevanti għall-kriżi fir-regoli settorjali rilevanti tal-Unjoni tirrikjedi aġġustamenti mmirati għas-16-il att li ġejjin: Id-Direttivi 2000/14/KE (22), 2006/42/KE (23), 2010/35/UE (24), 2014/29/UE (25), 2014/30/UE (26), 2014/33/UE (27), 2014/34/UE (28), 2014/35/UE (29), 2014/53/UE (30), 2014/68/UE (31) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti (UE) 2016/424 (32), (UE) 2016/425 (33), (UE) 2016/426 (34), (UE) Nru 305/2011 (35), (UE) 2023/988 (36) u (UE) 2023/1230 (37) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. L-emendi li jistabbilixxu proċeduri ta’ emerġenza f’kull wieħed mill-atti rispettivi jenħtieġ li jsiru applikabbli biss meta jiġu attivati speċifikament. L-attivazzjoni tal-proċeduri ta’ emerġenza fl-ambitu ta’ kull att rispettiv jenħtieġ li tkun bil-kundizzjoni tal-attivazzjoni tal-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament u jenħtieġ li tkun limitata għal prodotti indikati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi u limitata fiż-żmien għat-tul ta’ żmien tal-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern.

(57)

F’każijiet li fihom ikun hemm riskji sostanzjali għall-funzjonament tas-suq intern jew f’każijiet ta’ nuqqasijiet kbar u persistenti jew ta’ domanda eċċezzjonalment qawwija għal oġġetti rilevanti għall-kriżi, miżuri fil-livell tal-Unjoni mmirati biex jiżguraw id-disponibbiltà ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżi, bħal talbiet ikklassifikati bħala prijorità, jistgħu juru li huma indispensabbli biex jiżguraw il-funzjonament xieraq tas-suq intern u l-ktajjen tal-provvista tiegħu.

(58)

Bħala strument tal-aħħar istanza fl-iżgurar taż-żamma ta’ funzjonijiet essenzjali tas-soċjetà jew attivitajiet ekonomiċi essenzjali fis-suq intern fejn il-produzzjoni jew il-provvista ta’ ċerti oġġetti rilevanti għall-kriżi ma setgħetx tinkiseb permezz ta’ miżuri oħra, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tindirizza talbiet lill-operaturi ekonomiċi stabbiliti fl-Unjoni biex jipproduċu jew jipprovdu ċerti oġġetti rilevanti għall-kriżi. Meta toħroġ talba, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis l-impatt negattiv possibbli fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern u r-riskju li jiġu aggravati d-distorsjonijiet tas-suq. Barra minn hekk, l-għażla tar-riċevituri u tal-benefiċjarji tat-talbiet jenħtieġ li ma tkunx diskriminatorja.

(59)

It-talba kklassifikata bħala prijorità jenħtieġ li tkun ibbażata fuq data oġġettiva, fattwali, li tista’ titkejjel u sostanzjata. Tali talbiet jenħtieġ li jqisu l-interessi leġittimi tal-operaturi ekonomiċi u l-kost u l-isforz meħtieġa għal kwalunkwe bidla fis-sekwenza tal-produzzjoni. It-talba kklassifikata bħala prijorità jenħtieġ li tispeċifika b’mod ċar li l-għażla li talba tiġi aċċettata jew rifjutata tibqa’ kompletament f’idejn l-operatur ekonomiku. Meta l-operatur ekonomiku jagħżel li jirrifjuta t-talba kklassifikata bħala prijorità, l-operatur ekonomiku huwa liberu wkoll li jiddeċiedi jekk jipprovdix rifjut espliċitu u jekk jipprovdix ġustifikazzjoni meta jinforma lill-Kummissjoni bir-rifjut tiegħu.

(60)

Meta talba tiġi aċċettata, l-obbligu li titwettaq it-talba kklassifikata bħala prijorità jenħtieġ li jieħu preċedenza fuq kwalunkwe obbligu ta’ twettiq skont id-dritt privat jew pubbliku. Kull talba kklassifikata bħala prijorità jenħtieġ li titqiegħed bi prezz ġust u raġonevoli. Jenħtieġ li jkun possibbli li jitwettaq il-kalkolu ta’ tali prezz fuq il-bażi tal-prezzijiet medji tas-suq matul dawn l-aħħar snin, suġġett għall-għoti ta’ raġunijiet għal kwalunkwe żieda jew tnaqqis, pereżempju billi titqies l-inflazzjoni jew iż-żieda fil-kostijiet tal-input. Fid-dawl tal-importanza li tiġi żgurata l-provvista ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżi, li huma indispensabbli għaż-żamma ta’ funzjonijiet essenzjali tas-soċjetà jew attivitajiet ekonomiċi essenzjali fis-suq intern, il-konformità mal-obbligu li titwettaq talba kklassifikata bħala prijorità jenħtieġ li ma tinvolvix responsabbiltà lil partijiet terzi għal danni li jistgħu jirriżultaw minn kwalunkwe ksur tal-obbligi kuntrattwali rregolati mid-dritt ta’ Stat Membru, sal-punt li l-ksur tal-obbligi kuntrattwali kien meħtieġ għall-konformità mal-prijoritizzazzjoni obbligatorja. L-operaturi ekonomiċi potenzjalment fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ talba kklassifikata bħala prijorità jenħtieġ li jitħallew jipprevedu, fil-kundizzjonijiet tal-kuntratti kummerċjali tagħhom, il-konsegwenzi possibbli ta’ talba kklassifikata bħala prijorità. Mingħajr preġudizzju għall-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet oħrajn, jenħtieġ li r-responsabbiltà għal prodotti difettużi, prevista mid-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE (38), ma tiġix affettwata minn dik l-eżenzjoni ta’ responsabbiltà.

(61)

Meta l-operatur ekonomiku jkun espressament aċċetta talba kklassifikata bħala prijorità u l-Kummissjoni tkun adottat att ta’ implimentazzjoni wara tali aċċettazzjoni, jenħtieġ li l-operatur ekonomiku jikkonforma mal-kundizzjonijiet kollha ta’ dak l-att ta’ implimentazzjoni. In-nuqqas ta’ konformità mill-operatur ekonomiku mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-att ta’ implimentazzjoni jenħtieġ li jirriżulta f’telf tal-benefiċċju ta’ rinunzja tar-responsabbiltà kuntrattwali. Meta n-nuqqas ta’ konformità jkun intenzjonat jew attribwibbli għal negliġenza serja, l-operatur ekonomiku jista’ wkoll ikun suġġett għal multa, suġġetta għall-prinċipju tal-proporzjonalità. Jenħtieġ li ma jkunx possibbli li jiġu imposti multi fuq operaturi ekonomiċi li ma jkunux espressament aċċettaw talba kklassifikata bħala prijorità.

(62)

Meta l-Kummissjoni tiġi infurmata minn Stat Membru wieħed jew aktar dwar nuqqasijiet jew riskju ta’ nuqqasijiet ta’ oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu miżuri bl-għan li jiżguraw iż-żieda rapida tad-disponibbiltà tal-oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżi. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkunsidra l-impatt tal-miżuri previsti fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati. Tali rakkomandazzjonijiet jistgħu jinkludu miżuri bl-għan li jiffaċilitaw l-espansjoni, l-adattament għal skop differenti jew l-istabbiliment ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni għal oġġetti rilevanti għall-kriżi jew kapaċitajiet ġodda relatati ma’ attivitajiet ta’ servizzi rilevanti għall-kriżi kif ukoll li jkollhom l-għan li jaċċelleraw il-proċeduri rilevanti u applikabbli ta’ approvazzjoni, awtorizzazzjoni u reġistrazzjoni.

(63)

Meta l-Kummissjoni tiġi infurmata minn Stat Membru wieħed jew aktar dwar nuqqasijiet ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżi jew servizzi rilevanti għall-kriżi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tibgħat dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istati Membri u tissimplifika l-koordinazzjoni tar-rispons. Barra minn hekk, biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ ċerti oġġetti rilevanti għall-kriżi jew servizzi rilevanti għall-kriżi matul emerġenza tas-suq intern u bil-ħsieb li tintemm l-emerġenza tas-suq intern, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tirrakkomanda li l-Istati Membri jiddistribwixxu dawk l-oġġetti jew servizzi, filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-prinċipji ta’ solidarjetà, neċessità u proporzjonalità. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tgħin fil-koordinazzjoni ta’ dik id-distribuzzjoni.

(64)

Minbarra l-possibbiltà ta’ akkwist konġunt bejn il-Kummissjoni u Stat Membru wieħed jew aktar, u kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39) (ir-“Regolament Finanzjarju”), Stat Membru wieħed jew aktar jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tvara akkwist għan-nom tagħhom jew f’isimhom għax-xiri ta’ oġġetti jew servizzi ta’ importanza kritika jew ta’ oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżi, sabiex jiġu mmassimizzati l-kapaċità tal-akkwist u l-pożizzjoni tan-negozjar tal-Kummissjoni matul il-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern jew il-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern. Jenħtieġ li tali akkwist ikopri l-akkwist mill-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti, permezz ta’ kuntratt, ta’ xogħlijiet, provvisti jew servizzi rilevanti għall-kriżi u l-akkwist jew il-kiri ta’ art, bini jew proprjetà immobbli oħra minn operaturi ekonomiċi magħżula minn dik l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti għall-fini ta’ rispons għall-kriżi. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ twettaq il-proċedura ta’ akkwist rilevanti għan-nom tal-Istati Membri jew f’isimhom abbażi ta’ ftehim bejn il-partijiet, jew taġixxi bħala bejjiegħa bl-ingrossa, billi tixtri, taħżen u tbiegħ mill-ġdid jew tagħti provvisti u servizzi, inklużi kera ta’ art, bini jew proprjetà immobbli oħra, lill-Istati Membri parteċipanti jew l-organizzazzjonijiet sħab li tkun għażlet.

(65)

Matul il-kriżi tal-COVID-19 deher ċar li l-Kummissjoni jeħtiġilha tkun tista’ takkwista oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriż b’mod konġunt ma’ Stati tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) u ma’ pajjiżi barra mill-Unjoni, bħall- mikrostati Ewropej. Kwalunkwe proċedura ta’ akkwist konġunt varata għall-akkwist ta’ oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżi jew oġġetti u servizzi ta’ importanza kritika jenħtieġ li ma taffettwax b’mod negattiv il-funzjonament tas-suq intern u jenħtieġ li ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni jew restrizzjoni tal-kummerċ. Barra minn hekk, jenħtieġ li tali proċeduri ta’ akkwist ma jikkawżawx distorsjoni tal-kompetizzjoni u ma jkollhomx impatt finanzjarju dirett fuq il-baġit tal-pajjiżi li ma jipparteċipawx fil-proċedura ta’ akkwist konġunt. Huwa essenzjali wkoll li jiġi żgurat li l-Istati Membri jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom bl-appoġġ tal-Kummissjoni u tal-Bord qabel il-varar ta’ proċeduri għall-akkwist ta’ oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżi. Matul il-fażi ta’ kontinġenza, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema li tippermetti l-identifikazzjoni tal-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti suġġetti għad-Direttivi 2014/24/UE (40) u 2014/25/UE (41) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jkunu qed jakkwistaw l-oġġetti u s-servizzi rilevanti għall-kriżi matul l-emerġenzi. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddependu fuq l-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament għall-ġbir u t-trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar l-akkwist li jkun għaddej u dak ippjanat mill-awtoritajiet kontraenti u mill-entitajiet kontraenti fit-territorju tagħhom għall-finijiet ta’ konformità mal-klawżola ta’ koordinazzjoni skont dan ir-Regolament.

(66)

Il-ftehim li jirregola l-akkwist tal-Kummissjoni f’isem jew għan-nom ta’ Stat Membru wieħed jew aktar jew l-akkwist konġunt bejn il-Kummissjoni u Stat Membru wieħed jew aktar jenħtieġ li, fejn xieraq, jipprevedi klawżola ta’ esklużività, li skontha l-Istati Membri parteċipanti jimpenjaw ruħhom li ma jakkwistawx l-oġġetti rilevanti għall-kriżi jew is-servizzi rilevanti għall-kriżi inkwistjoni permezz ta’ mezzi oħra u li ma jwettqux negozjati paralleli. Meta tkun prevista klawżola ta’ esklużività bħal din, jenħtieġ li din tistipula li, meta l-Istati Membri jkollhom ħtiġijiet ta’ akkwist addizzjonali u tali akkwist ma jimminax l-akkwist konġunt li jkun qed isir jew l-akkwist f’isem l-Istati Membri jew għan-nom tagħhom skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, huwa possibbli għall-Istati Membri parteċipanti li jvaraw il-proċedura ta’ akkwist tagħhom stess. Għall-fini tal-akkwist konġunt, jenħtieġ li l-Istati tal-EFTA u l-pajjiżi kandidati għall-Unjoni, kif ukoll il-Prinċipat ta’ Andorra, il-Prinċipat ta’ Monaco, ir-Repubblika ta’ San Marino u l-Istat tal-Belt tal-Vatikan jiġu kkunsidrati bħala Stati Membri parteċipanti fil-każ fejn jiddeċiedu li jipparteċipaw fl-akkwist konġunt. L-iskop tal-klawżola ta’ esklużività huwa li jiġi żgurat li l-akkwist konġunt li jkun qed isir jew l-akkwist f’isem l-Istati Membri jew għan-nom tagħhom ma jiġix imminat. L-akkwist de minimis ma jaffettwax tali akkwist, u għalhekk l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew ivaraw proċedura ta’ akkwist li taqa’ taħt il-limiti tad-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE. Barra minn hekk, minħabba li l-akkwist minn operatur ekonomiku li mhux qed jipparteċipa fl-offerta li tkun għaddejja ma jimminax l-akkwist li jkun għaddej, jenħtieġ li l-klawżola ta’ esklużività stabbilita f’dan ir-Regolament ma tapplikax għal dak it-tip ta’ akkwist. Meta Stat Membru jiddeċiedi li jipparteċipa fl-akkwist konġunt jew fl-akkwist f’isem l-Istati Membri jew għan-nom tagħhom għall-akkwist ta’ oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżi, jenħtieġ li jkun jista’ juża l-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament previsti f’dan ir-Regolament biex jinforma lill-awtoritajiet kontraenti u lill-entitajiet kontraenti kollha fit-territorju tiegħu dwar l-akkwist li jkun għaddej li jiskatta l-applikazzjoni tal-klawżola ta’ esklużività.

(67)

It-trasparenza hija prinċipju ewlieni ta’ akkwist pubbliku effettiv li ttejjeb il-kompetizzjoni, iżżid l-effiċjenza u toħloq kundizzjonijiet ekwi. Il-Parlament Ewropew jenħtieġ li jiġi informat dwar proċeduri li jirrigwardaw akkwisti konġunti skont dan ir-Regolament u, fuq talba, jingħata aċċess għall-kuntratti konklużi bħala riżultat ta’ dawk il-proċeduri, suġġett għall-protezzjoni adegwata tas-segretezza u l-protezzjoni ta’ kwalunkwe data personali, is-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri u informazzjoni kummerċjalment sensittiva, inkluż sigrieti kummerċjali.

(68)

Jeħtieġ li d-detenturi tal-informazzjoni jingħataw salvagwardji li l-informazzjoni li jkunu pprovdew bħala riżultat tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi pproċessata u użata b’rispett għall-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità. Għalhekk jenħtieġ li l-informazzjoni riċevuta permezz ta’ monitoraġġ, it-talbiet għal informazzjoni u t-talbiet ikklassifikati bħala prijorità tintuża biss mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni u l-persunal tagħhom, l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-persunal tagħhom, jew kwalunkwe individwu, inkluż il-membri u l-osservaturi tal-Bord, għall-iskop li tali informazzjoni tkun intalbetgħalih.

(69)

Minħabba li l-Bord jaġixxi bħala korp ta’ konsulenza għall-Kummissjoni, jenħtieġ li jirrispetta l-prinċipji, l-istandards u r-regoli tal-Kummissjoni għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata u informazzjoni sensittiva mhux klassifikata inkluż, fost l-oħrajn, dispożizzjonijiet għall-ipproċessar u l-ħżin ta’ tali informazzjoni kif stabbilit fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (42) u (UE, Euratom) 2015/444 (43). Il-membri tal-persunal tal-Kummissjoni u ta’ istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni li għandhom aċċess għall-informazzjoni klassifikata u għall-informazzjoni sensittiva mhux klassifikata relatata mal-ħidma tal-Bord jenħtieġ li jkunu marbuta bir-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità skont l-Artikolu 339 tat-TFUE, anke wara li jkunu ntemmu dmirijiethom.

(70)

Meta l-attivitajiet li għandhom jitwettqu skont dan ir-Regolament ikunu jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali, tali pproċessar jenħtieġ li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, jiġifieri r-Regolamenti (UE) 2016/679 (44) u (UE) 2018/1725 (45) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(71)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar l-għodod diġitali sabiex tiġi żgurata t-tħejjija għar-rispons għal emerġenzi futuri possibbli b’mod f’waqtu u effiċjenti biex jiġi ggarantit il-funzjonament kontinwu tas-suq intern, il-moviment liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni fi żminijiet ta’ kriżi u d-disponibbiltà ta’ oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżi għaċ-ċittadini, għan-negozji u għall-awtoritajiet pubbliċi. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli għall-għodod diġitali li jiżguraw il-prijoritizzazzjoni u l-aċċellerazzjoni tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, reġistrazzjoni jew dikjarazzjoni biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-persuni u t-trażmissjoni u l-iskambju siguri tal-informazzjoni. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jużaw mill-ġdid l-għodod diġitali eżistenti tagħhom jew jespanduhom kemm jista’ jkun. Meta dan ma jkunx possibbli, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu, meta jkun meħtieġ u ġġustifikat, għodod diġitali ġodda. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-aspetti tekniċi ta’ għodod jew infrastrutturi tali permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni.

(72)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni rigward l-ispeċifikazzjonijiet tal-qafas ta’ kontinġenza fir-rigward tat-tħejjija, il-kooperazzjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-komunikazzjoni f’każ ta’ kriżi għall-modalità ta’ viġilanza u ta’ emerġenza tas-suq intern. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-possibbiltà li tadotta miżuri ta’ mitigazzjoni, jiġifieri arranġamenti amministrattivi, għodod u mudelli diġitali, li jiffaċilitaw il-moviment liberu tal-persuni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-attivazzjoni ta’ miżuri speċifiċi ta’ rispons ta’ emerġenza fi żmien ta’ modalità ta’ emerġenza tas-suq intern, biex tippermetti rispons rapidu u koordinat. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-istabbiliment ta’ aspetti tekniċi ta’ għodod diġitali speċifiċi li jappoġġaw l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (46).

(73)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih meta, f’każijiet debitament ġustifikati marbuta mal-impatti tal-kriżi fuq is-suq intern, dan ikun meħtieġ għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza.

(74)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”). B’mod partikolari, jirrispetta d-dritt għall-privatezza tal-operaturi ekonomiċi stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għall-protezzjoni tad-data stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Karta, il-libertà ta’ intrapriża u l-libertà kuntrattwali, li huma protetti mill-Artikolu 16 tal-Karta, id-dritt għall-proprjetà, protett mill-Artikolu 17 tal-Karta, id-dritt għal negozjar kollettiv u d-dritt għal azzjoni kollettiva protett mill-Artikolu 28 tal-Karta u d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv u għal proċess imparzjali kif previst fl-Artikolu 47 tal-Karta.

(75)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jaffettwax l-awtonomija tas-sħab soċjali kif rikonoxxuta mit-TFUE.

(76)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jiġix interpretat bħala li jaffettwa d-dritt għall-protezzjoni ambjentali, id-dritt għal negozjar kollettiv u d-dritt għal azzjoni kollettiva f’konformità mal-Karta, inkluż id-dritt tal-ħaddiema u tal-impjegaturi li jieħdu azzjoni kollettiva biex jiddefendu l-interessi tagħhom, inkluż azzjoni ta’ strajk, u d-dritt jew il-libertà tal-istrajkjar jew li jieħdu azzjoni oħra koperta mis-sistemi speċifiċi tar-relazzjonijiet industrijali fl-Istati Membri f’konformità mad-dritt jew il-prassi nazzjonali.

(77)

Atti legali oħra tal-Unjoni, bħal dawk li jipprevedu obbligi fuq l-operaturi ekonomiċi biex jagħmlu d-data disponibbli għall-korpi tas-settur pubbliku, ma jaffettwawx dan ir-Regolament. Għalhekk, meta atti legali oħra tal-Unjoni jkun fihom ukoll dispożizzjonijiet dwar talbiet għal informazzjoni mill-Kummissjoni li jkollhom l-istess skop bħal dawk previsti skont dan ir-Regolament, wara li l-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern tkun ġiet attivata mill-Kunsill, jenħtieġ li japplikaw biss id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament relatati mat-talbiet għal informazzjoni.

(78)

L-Unjoni tibqa’ impenjata bis-sħiħ fir-rigward tas-solidarjetà internazzjonali u tappoġġa bis-sħiħ il-prinċipju li kwalunkwe miżura meqjusa neċessarja meħuda skont dan ir-Regolament, inklużi dawk neċessarji għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis ta’ nuqqasijiet kritiċi, tiġi implimentata b’mod li jkun immirat, trasparenti, proporzjonat, temporanju u konsistenti mal-obbligi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

(79)

Il-qafas tal-Unjoni jenħtieġ li jinkludi elementi interreġjonali biex jiġu stabbiliti miżuri ta’ rispons ta’ kontinġenza, ta’ viġilanza u ta’ emerġenza tas-suq intern koerenti, transsettorjali u transfruntiera, b’mod partikolari billi jitqiesu r-riżorsi, il-kapaċitajiet u l-vulnerabbiltajiet fir-reġjuni ġirien, b’mod partikolari fir-reġjuni tal-fruntieri.

(80)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni regolari tal-funzjonament u tal-effettività ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, inkluż evalwazzjoni tal-ħidma tal-Bord, testijiet tal-istress, protokolli ta’ taħriġ u ta’ kriżi, il-kriterji għall-attivazzjoni tal-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern u l-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern kif ukoll l-użu ta’ għodod diġitali. Barra minn hekk, ir-rapporti jenħtieġ li jiġu ppreżentati sa erba’ xhur wara d-diżattivazzjoni tal-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern jew il-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern, kif applikabbli. Dawk ir-rapporti jenħtieġ li jinkludu evalwazzjoni tal-miżuri implimentati skont dan ir-Regolament fir-rigward tal-kriżi li tkun wasslet għall-attivazzjoni ta’ dik il-modalità, b’mod partikolari dwar l-effettività ta’ dawk il-miżuri. Dawk ir-rapporti jistgħu jissuġġerixxu kwalunkwe titjib jekk ikun meħtieġ, u jkunu akkumpanjati, fejn xieraq, minn proposti leġiżlattivi rilevanti.

(81)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2679/98 (47) jipprevedi mekkaniżmu għal diskussjonijiet bilaterali u notifika tax-xkiel għall-funzjonament tas-suq intern. Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tar-regoli fejn tkun ġiet attivata l-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern, jenħtieġ li dak ir-Regolament jiġi emendat skont dan. Jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 2679/98 ma jaffettwa bl-ebda mod l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali kif rikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni u fl-Istati Membri, inkluż id-dritt jew libertà tal-istrajkjar jew li jittieħdu azzjonijiet oħra koperti bis-sistemi speċifiċi ta’ relazzjonijiet industrijali fl-Istati Membri f’konformità mad-dritt jew il-prassi nazzjonali. Jenħtieġ li jkun ukoll mingħajr preġudizzju għad-dritt li wieħed jinnegozja, jikkonkludi ftehimiet kollettivi u li jieħu azzjoni kollettiva f’konformità mad-dritt jew il-prassi nazzjonali.

(82)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi żgurat il-funzjonament mingħajr xkiel u mingħajr tfixkil tas-suq intern permezz tal-istabbiliment ta’ miżura ta’ kontinġenza, ta’ viġilanza u ta’ emerġenza fis-suq intern sabiex tkun faċilitata l-koordinazzjoni tal-miżuri ta’ rispons fil-każ ta’ kriżi, ma jistgħax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jista’, minħabba l-iskala jew l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

KAPITOLU I

Suġġett, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

Artikolu 1

Suġġett u objettivi

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas ta’ miżuri armonizzati biex jantiċipaw, iħejju u jirrispondu b’mod effettiv għall-impatt tal-kriżijiet fuq is-suq intern.

2.   Il-qafas imsemmi fil-paragrafu 1 għandu l-għan li:

(a)

jissalvagwardja u jiffaċilita l-moviment liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni, inkluż il-ħaddiema;

(b)

jiżgura d-disponibbiltà ta’ oġġetti u servizzi ta’ importanza kritika u ta’ oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżi fis-suq intern meta l-Istati Membri jkunu adottaw jew aktarx li jadottaw miżuri nazzjonali diverġenti; u

(c)

jipprevjeni l-ħolqien ta’ xkiel għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

3.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi, b’mod partikolari:

(a)

regoli dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ Bord għall-Emerġenzi u r-Reżiljenza tas-Suq Intern biex jassisti u jagħti pariri lill-Kummissjoni fir-rigward tal-antiċipazzjoni, il-prevenzjoni jew ir-rispons għall-impatt ta’ kriżi fuq is-suq intern;

(b)

miżuri ta’ kontinġenza relatati mal-antiċipazzjoni, l-ippjanar u r-reżiljenza;

(c)

miżuri, matul il-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern, biex jiġi indirizzat l-impatt ta’ theddida ta’ kriżi li għandha l-potenzjal li teskala f’emerġenza tas-suq intern;

(d)

miżuri, matul il-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern, biex jiġi indirizzat l-impatt ta’ kriżi fuq is-suq intern, inkluż miżuri li jiffaċilitaw il-moviment liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni, inkluż il-ħaddiema, matul dik il-modalità;

(e)

regoli dwar l-akkwist pubbliku matul il-modalitajiet ta’ viġilanza u ta’ emerġenza tas-suq intern;

(f)

regoli dwar il-forniment ta’ għodod diġitali u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-oġġetti, is-servizzi u l-persuni, inkluż il-ħaddiema, fi ħdan is-suq intern.

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal dan li ġej:

(a)

prodotti mediċinali kif definiti fl-Artikolu 1, il-punt (2), tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (48);

(b)

apparati mediċi kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2022/123;

(c)

kontromiżuri mediċi oħra kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (10), tar-Regolament (UE) 2022/2371 u inkluż fil-lista stabbilita f’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2022/2372;

(d)

semikondutturi kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2023/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (49);

(e)

il-prodotti tal-enerġija skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-paragrafu 1, tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (50), l-elettriku skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-paragrafu 2, ta’ dik id-Direttiva u prodotti oħrajn kif imsemmi fl-Artikolu 2, il-paragrafu 3, ta’ dik id-Direttiva;

(f)

servizzi finanzjarji, bħas-settur bankarju, il-kreditu, l-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni, il-pensjonijiet okkupazzjonali jew personali, it-titoli, il-fondi ta’ investiment, il-pariri dwar il-pagamenti u l-investiment, inklużi s-servizzi u l-attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (51), kif ukoll l-attivitajiet ta’ saldu u ta’ kklerjar u l-konsulenza, l-intermedjazzjoni u servizzi finanzjarji awżiljarji oħrajn;

(g)

prodotti relatati mad-difiża kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt 1, tad-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (52) jew kif definiti mid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2, il-punti (a), (b) u (c), ta’ dan l-Artikolu, l-Artikoli 20 sa 23 u l-Artikolu 44 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-prodotti msemmija f’dawk il-punti.

4.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal atti legali oħra tal-Unjoni li jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar ir-rispons għall-kriżijiet jew l-immaniġġjar tal-kriżijiet, bħal:

(a)

Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (53) li tistabbilixxi l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili;

(b)

id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2015/479 relatati mas-setgħa tal-Kummissjoni li tivvaluta jekk huwiex xieraq li jiġu imposti restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti f’konformità mad-drittijiet u l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni;

(c)

Ir-Regolamenti (UE) 2022/2371 u (UE) 2022/2372 relatati mal-Qafas tal-UE għas-Sigurtà tas-Saħħa;

(d)

Id-Deċiżjoni 2014/415/UE li tistabbilixxi l-arranġamenti Integrati għal Rispons Politiku f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (“IPCR”), inkluż ir-rwol ta’ koordinazzjoni politika tal-IPCR, u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1993 li tistabbilixxi regoli dwar l-operat ta’ dawk l-arranġamenti.

5.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, inklużi r-regoli dwar l-antitrust, il-fużjoni u l-għajnuna mill-Istat.

6.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri li jissalvagwardjaw is-sigurtà nazzjonali jew is-setgħa tagħhom li jissalvagwardjaw funzjonijiet tal-Istat essenzjali, inkluż l-iżgurar tal-integrità territorjali tal-Istat u ż-żamma tal-ordni pubbliku. B’mod partikolari, is-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru.

7.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”). B’mod partikolari, dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa d-dritt tal-istrajkjar jew id-dritt li tittieħed azzjoni oħra koperta mis-sistemi speċifiċi ta’ relazzjonijiet industrijali fl-Istati Membri, f’konformità mad-dritt u l-prassi nazzjonali. Lanqas ma għandu jaffettwa d-dritt li wieħed jinnegozja, jikkonkludi u jinforza ftehimiet kollettivi, jew li jieħu azzjoni kollettiva f’konformità mad-dritt u l-prassi nazzjonali.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“kriżi” tfisser avveniment eċċezzjonali, mhux mistenni u f’daqqa, naturali jew magħmul mill-bniedem ta’ natura u skala straordinarja li jseħħ fi ħdan l-Unjoni jew barra minnha, li jkollu jew jista’ jkollu impatt negattiv qawwi fuq il-funzjonament tas-suq intern u li jfixkel il-moviment liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni u jfixkel il-funzjonament tal-ktajjen tal-provvista tiegħu;

(2)

“modalità ta’ viġilanza tas-suq intern” tfisser qafas għall-indirizzar tat-theddida ta’ kriżi li għandha l-potenzjal li teskala f’emerġenza tas-suq intern fis-sitt xhur li ġejjin;

(3)

“modalità ta’ emerġenza tas-suq intern” tfisser qafas għall-indirizzar ta’ kriżi b’impatt negattiv sinifikanti fuq is-suq intern li tfixkel serjament il-moviment liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni jew, fejn tali tfixkil serju kien suġġett jew x’aktarx ikun suġġett għal miżuri nazzjonali diverġenti, il-funzjonament tal-ktajjen tal-provvista tiegħu;

(4)

“setturi ta’ importanza kritika” tfisser setturi b’importanza sistemika u vitali għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha biex jinżammu s-sigurtà pubblika, is-sikurezza pubblika, l-ordni pubbliku jew is-saħħa pubblika, u li t-tfixkil, il-falliment, it-telf jew il-qerda tagħhom jista’ jkollhom impatt negattiv sinifikanti fuq il-funzjonament tas-suq intern fi żminijiet ta’ theddida ta’ kriżi;

(5)

“oġġetti ta’ importanza kritika” jew “servizzi ta’ importanza kritika”, flimkien imsejħa “oġġetti u servizzi ta’ importanza kritika”, tfisser oġġetti jew servizzi li mhumiex sostitwibbli, mhumiex diversifikabbli jew huma indispensabbli fiż-żamma ta’ funzjonijiet essenzjali tas-soċjetà jew attivitajiet ekonomiċi essenzjali sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-ktajjen tal-provvista tiegħu f’setturi ta’ importanza kritika u li huma elenkati f’att ta’ implimentazzjoni adottat mill-Kunsill skont l-Artikolu 14(1);

(6)

“oġġetti rilevanti għall-kriżi” jew “servizzi rilevanti għall-kriżi”, flimkien imsejħa “oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżi”, tfisser oġġetti jew servizzi li mhumiex sostitwibbli, mhumiex diversifikabbli jew huma indispensabbli fiż-żamma ta’ funzjonijiet essenzjali tas-soċjetà jew attivitajiet ekonomiċi essenzjali sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-ktajjen tal-provvista tiegħu u li jitqiesu essenzjali għar-rispons għal kriżi u li huma elenkati f’att ta’ implimentazzjoni adottat mill-Kunsill skont l-Artikolu 18(4);

(7)

“inċidenti sinifikanti” tfisser inċidenti li jfixklu b’mod sinifikanti jew li għandhom il-potenzjal li jfixklu b’mod sinifikanti l-funzjonament tas-suq intern u l-ktajjen tal-provvista tiegħu;

(8)

“operatur ekonomiku rilevanti” tfisser operatur ekonomiku tul il-katina tal-provvista li għandu l-ħila jew il-kapaċità li jipproduċi jew jiddistribwixxi kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(a)

oġġetti ta’ importanza kritika jew servizzi ta’ importanza kritika;

(b)

oġġetti rilevanti għall-kriżi jew servizzi rilevanti għall-kriżi;

(c)

komponenti tal-oġġetti msemmija fil-punti (a) u (b);

(9)

“intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju” jew “SMEs” tfisser intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju kif definiti fl-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE. (54)

KAPITOLU II

Governanza

Artikolu 4

Bord għall-Emerġenzi u r-Reżiljenza tas-Suq Intern

1.   Huwa stabbilit Bord għall-Emerġenzi u r-Reżiljenza tas-Suq Intern (“il-Bord”).

2.   Il-Bord għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u rappreżentant wieħed mill-Kummissjoni. Kull Stat Membru għandu jaħtar rappreżentant u rappreżentant sostitut. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jaħtru rappreżentant ad hoc speċifiku għas-settur jekk ikun xieraq, u dan jiddependi min-natura tal-kriżi.

3.   Rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jippresiedi l-Bord, u l-Kummissjoni għandha tipprovdi s-segretarjat tal-Bord.

4.   Il-President tal-Bord (il-“President”) għandu jistieden rappreżentant mill-Parlament Ewropew bħala osservatur permanenti għall-Bord.

5.   Il-President jista’ jistieden esperti b’għarfien speċifiku biex jieħdu sehem, bħala osservaturi, fil-ħidma tal-Bord u biex jattendu laqgħat speċifiċi, fuq bażi ad hoc, fejn tali attendenza tkun rilevanti meta titqies l-aġenda tal-laqgħa. Tali esperti jistgħu jinkludu rappreżentanti ta’ operaturi ekonomiċi, organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u sħab soċjali.

6.   Il-President għandu jistieden lir-rappreżentanti ta’ korpi oħrajn rilevanti għall-kriżi fil-livell tal-Unjoni bħala osservaturi għal-laqgħat rilevanti tal-Bord.

7.   Il-President għandu jistieden rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi barra mill-Unjoni għal laqgħat rilevanti tal-Bord f’konformità mal-ftehimiet bilaterali jew internazzjonali rilevanti.

8.   L-osservaturi ma għandhomx ikollhom drittijiet tal-vot u ma għandhomx jieħdu sehem fit-tfassil ta’ opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew pariri tal-Bord. Fejn xieraq, il-President jista’ jistieden lil dawk l-osservaturi biex jikkontribwixxu informazzjoni u għarfien.

9.   Il-Bord għandu jiltaqa’ mill-inqas tliet darbiet fis-sena. Fl-ewwel laqgħa tiegħu, fuq proposta tal-Kummissjoni u bi qbil magħha, il-Bord għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

10.   Il-Bord jista’ jadotta opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew rapporti fil-kuntest tal-kompiti tiegħu stabbiliti fl-Artikolu 5. Il-Kummissjoni għandha, b’mod trasparenti, tqis bl-akbar reqqa dawk l-opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew rapporti.

Artikolu 5

Kompiti tal-Bord

1.   Għall-finijiet tal-ippjanar ta’ kontinġenza tas-suq intern skont l-Artikoli 9 sa 13, il-Bord għandu jassisti u jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar il-kompiti li ġejjin:

(a)

il-proposti ta’ arranġamenti għall-kooperazzjoni amministrattiva biex jiġi faċilitat l-iskambju tal-informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri matul il-modalitajiet ta’ viġilanza u ta’ emerġenza tas-suq intern li jkunu inklużi fil-qafas ta’ kontinġenza msemmi fl-Artikolu 9;

(b)

il-valutazzjoni ta’ inċidenti li l-Istati Membri jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 13 u l-impatt tagħhom fuq is-suq intern u l-ktajjen tal-provvista tiegħu;

(c)

il-ġbir ta’ informazzjoni għall-finijiet li tinkiseb prospettiva dwar il-possibbiltà li sseħħ kriżi, it-twettiq ta’ analiżi tad-data u l-forniment ta’ intelligence tas-suq;

(d)

il-konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-operaturi ekonomiċi, inklużi l-SMEs, u tal-industrija, kif ukoll, meta jkun rilevanti, tas-sħab soċjali, sabiex tinġabar intelligence tas-suq f’konformità mal-Artikolu 43;

(e)

l-analiżi ta’ data aggregata li tasal mingħand korpi rilevanti għall-kriżi oħrajn fil-livell tal-Unjoni u dak internazzjonali;

(f)

iż-żamma ta’ repożitorju ta’ miżuri ta’ kriżi nazzjonali u tal-Unjoni li ntużaw fi kriżijiet preċedenti u li kellhom impatt fuq is-suq intern u l-ktajjen tal-provvista tiegħu; u

(g)

l-għoti ta’ pariri dwar liema miżuri għandhom jintgħażlu għall-antiċipazzjoni u l-ippjanar għal kriżi, filwaqt li tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-suq intern, u l-għoti ta’ pariri dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri magħżula.

2.   Għall-finijiet tal-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern kif imsemmi fl-Artikolu 14, il-Bord għandu jassisti lill-Kummissjoni fil-kompiti li ġejjin u jagħtiha pariri dwarhom:

(a)

l-istabbiliment ta’ jekk il-kriterji għall-attivazzjoni jew id-diżattivazzjoni tal-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern ġewx issodisfati sabiex jiġi ddeterminat jekk it-theddida ta’ kriżi msemmija fl-Artikolu 3, il-punt (2), hijiex preżenti, u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali theddida;

(b)

il-koordinazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-iskambji u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, inkluż ma’ korpi rilevanti oħrajn u korpi oħrajn rilevanti għall-kriżi fil-livell tal-Unjoni, u, skont il-każ, ma’ pajjiżi barra l-Unjoni, b’attenzjoni partikolari mogħtija lill-pajjiżi kandidati għall-Unjoni u lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali; u

(c)

l-analiżi u d-diskussjoni tal-impatt tat-theddida ta’ kriżi fuq is-suq intern, b’kunsiderazzjoni xierqa għas-sitwazzjoni fir-reġjuni tal-fruntiera, bil-ħsieb li jinstabu soluzzjonijiet possibbli.

3.   Għall-finijiet tal-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern kif imsemmi fl-Artikolu 18, il-Bord għandu jassisti lill-Kummissjoni fil-kompiti li ġejjin u jagħtiha pariri dwarhom;

(a)

l-analiżi ta’ informazzjoni rilevanti għall-kriżi miġbura mill-Istati Membri jew mill-Kummissjoni;

(b)

l-istabbiliment ta’ jekk il-kriterji għall-attivazzjoni jew għad-diżattivazzjoni tal-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern ġewx issodisfati;

(c)

l-għoti ta’ pariri dwar liema miżuri għandhom jintgħażlu biex ikun hemm reazzjoni għal emerġenza tas-suq intern fil-livell tal-Unjoni, u l-għoti ta’ pariri dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri magħżula;

(d)

it-twettiq ta’ rieżami tal-miżuri nazzjonali ta’ kriżi;

(e)

il-koordinazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-iskambji u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, inkluż ma’ korpi oħrajn rilevanti għall-kriżi fil-livell tal-Unjoni, u, skont il-każ, ma’ pajjiżi barra l-Unjoni, b’attenzjoni partikolari mogħtija lill-pajjiżi kandidati għall-Unjoni u lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali;

(f)

l-analiżi u d-diskussjoni tal-impatt tal-kriżi fuq is-suq intern, b’kunsiderazzjoni xierqa għas-sitwazzjoni fir-reġjuni tal-fruntiera, bil-ħsieb li jinstabu soluzzjonijiet possibbli; u

(g)

l-istabbiliment, fejn xieraq, ta’ lista ta’ kategoriji ta’ persuni involuti fil-produzzjoni jew fil-provvista ta’ oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżi li għalihom huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti mudelli u formoli komuni li jistgħu jintużaw mill-Istati Membri fuq bażi volontarja.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-involviment fil-ħidma tal-Bord tal-korpi kollha fil-livell tal-Unjoni li huma rilevanti għall-kriżi rispettiva. Il-Bord għandu jikkoopera u jikkoordina mill-qrib, fejn xieraq, ma’ korpi oħra rilevanti għall-kriżi fil-livell tal-Unjoni u mal-Bord Ewropew għall-Materja Prima Kritika stabbilit bir-Regolament (UE) 2024/1252. Il-Kummissjoni għandha tiżgura koordinazzjoni mal-miżuri implimentati permezz ta’ mekkaniżmi oħrajn tal-Unjoni, bħall-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM), l- IPCR, il-Qafas tal-UE għas-Sigurtà tas-Saħħa u l-qafas Ewropew tal-materja prima kritika. Il-Bord għandu jiżgura skambju ta’ informazzjoni maċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza fl-ambitu tal-UCPM u l-Kapaċità ta’ Għarfien u ta’ Analiżi Integrati tas-Sitwazzjoni fl-ambitu tal-IPCR.

5.   Il-Bord għandu, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jadotta rapport ta’ attività annwali u jgħaddih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 6

Djalogu dwar l-emerġenzi u r-reżiljenza

1.   Sabiex jissaħħaħ id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u jiġu żgurati trasparenza, obbligu ta’ rendikont u koordinazzjoni akbar, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-Kummissjoni fil-kapaċità tagħha bħala President tal-Bord biex tidher quddiem dak il-kumitat biex tipprovdi informazzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari wara kull laqgħa tal-Bord u wara kull deattivazzjoni tal-modalità ta’ viġilanża jew ta’ emerġenza tas-suq intern.

2.   Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat malajr kemm jista’ jkun bi kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill propost jew adottat skont dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe element li jirriżulta mill-fehmiet espressi permezz tad-djalogu dwar l-emerġenza u r-reżiljenza, inkluż ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Parlament Ewropew.

Artikolu 7

Pjattaforma tal-emerġenzi u r-reżiljenza

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi pjattaforma għall-partijiet ikkonċernati sabiex tiffaċilita d-djalogu u s-sħubijiet speċifiċi għas-settur billi tlaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati ewlenin, jiġifieri r-rappreżentanti tal-operaturi ekonomiċi, is-sħab soċjali, ir-riċerkaturi u s-soċjetà ċivili. B’mod partikolari, dik il-pjattaforma għandha tipprovdi funzjonalità li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati interessati li:

(a)

jindikaw l-azzjonijiet volontarji meħtieġa biex jirrispondu b’suċċess għal emerġenza tas-suq intern;

(b)

jipprovdu parir xjentifiku, opinjonijiet jew rapporti dwar kwistjonijiet relatati mal-kriżi;

(c)

jikkontribwixxu għall-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki, b’mod partikolari fir-rigward tal-moviment liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni, u tal-evitar ta’ miżuri nazzjonali diverġenti li jistgħu joħolqu restrizzjonijiet transfruntiera.

2.   Il-Kummissjoni u l-Bord għandhom iqisu l-eżiti tad-djalogu u s-sħubijiet speċifiċi għas-settur imsemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll kwalunkwe kontribut rilevanti pprovdut mill-partijiet ikkonċernati f’konformità ma’ dak il-paragrafu, fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Uffiċċji ta’ kollegament

1.   Kull Stat Membru għandu jagħżel uffiċċju ċentrali ta’ kollegament.

2.   L-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament ta’ Stat Membru għandu jkun responsabbli għall-kuntatt, il-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni ma’:

(a)

l-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament ta’ Stati Membri oħra u l-uffiċċju ta’ kollegament fil-livell tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 4;

(b)

l-awtoritajiet kompetenti rilevanti ta’ dak l-Istat Membru, b’mod partikolari mal-punti uniċi ta’ kuntatt nazzjonali msemmija fl-Artikolu 24.

3.   Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu skont dan ir-Regolament, l-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament ta’ Stat Membru għandu jiġbor flimkien il-kontribut tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti ta’ dak l-Istat Membru.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħżel uffiċċju ta’ kollegament fil-livell tal-Unjoni.

5.   L-uffiċċju ta’ kollegament fil-livell tal-Unjoni għandu jkun responsabbli għall-iżgurar tal-koordinazzjoni u tal-iskambju ta’ informazzjoni, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti għall-kriżi, mal-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament tal-Istati Membri għall-ġestjoni tal-modalitajiet ta’ viġilanza u ta’ emerġenza tas-suq intern.

TITOLU II

IPPJANAR TA’ KONTINĠENZA TAS-SUQ INTERN

Artikolu 9

Qafas ta’ kontinġenza

1.   Il-Kummissjoni, filwaqt li tqis kif jixraq l-opinjoni tal-Bord u l-kontribut tal-korpi rilevanti fil-livell tal-Unjoni, tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni biex jistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati għal qafas ta’ kontinġenza rigward it-tħejjija għall-kriżijiet, il-kooperazzjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-komunikazzjoni f’każ ta’ kriżi għall-modalitajiet ta’ viġilanza u ta’ emerġenza tas-suq intern. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati għal dawn li ġejjin:

(a)

il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-korpi fil-livell tal-Unjoni matul il-modalitajiet ta’ viġilanza u ta’ emerġenza tas-suq intern;

(b)

skambju sigur ta’ informazzjoni; u

(c)

approċċ koordinat għall-komunikazzjoni f’każ ta’ kriżi matul il-modalitajiet ta’ viġilanza u ta’ emerġenza tas-suq intern fir-rigward tal-pubbliku, bi rwol ta’ koordinazzjoni għall-Kummissjoni.

2.   L-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 45(2).

3.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm arranġamenti biex jiżguraw kooperazzjoni f’waqtha u skambju sigur ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni, il-korpi rilevanti fil-livell tal-Unjoni u l-Istati Membri dwar:

(a)

inventarju tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament magħżula f’konformità mal-Artikolu 8 u l-punti uniċi ta’ kuntatt imsemmija fl-Artikolu 24, inkluż id-dettalji ta’ kuntatt tagħhom, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet assenjati lilhom matul il-modalitajiet ta’ viġilanza u ta’ emerġenza fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament f’konformità mad-dritt nazzjonali;

(b)

il-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-operaturi ekonomiċi, inklużi l-SMEs, dwar l-inizjattivi u l-azzjonijiet tagħhom biex jimmitigaw u jirrispondu għall-kriżijiet potenzjal tas-suq intern;

(c)

il-konsultazzjoni tas-sħab soċjali dwar l-implikazzjonijiet, għall-moviment liberu tal-ħaddiema, tal-inizjattivi u l-azzjonijiet tagħhom biex itaffu u jirrispondu għal kriżi potenzjali;

(d)

kooperazzjoni fil-livell tekniku matul il-modalitajiet ta’ viġilanza u ta’ emerġenza tas-suq intern;

(e)

komunikazzjoni ta’ riskju u ta’ emerġenza, bi rwol ta’ koordinazzjoni għall-Kummissjoni, billi jitqiesu l-istrutturi eżistenti.

4.   Sabiex tiżgura l-operat tal-qafas stabbilit f’konformità mal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ twettaq testijiet tal-istress, simulazzjonijiet u rieżamijiet waqt l-azzjoni u wara l-azzjoni mal-Istati Membri, u tipproponi lill-korpi rilevanti fil-livell tal-Unjoni u lill-Istati Membri sabiex jaġġornaw il-qafas kif meħtieġ.

5.   Sabiex tippromwovi u tiffaċilita l-moviment liberu tal-oġġetti u tas-servizzi matul modalità ta’ emerġenza tas-suq intern, il-Kummissjoni għandha tassisti lill-Istati Membri fil-koordinazzjoni tal-isforzi tagħhom fl-istabbiliment ta’ formoli diġitali uniċi għall-fini ta’ dikjarazzjoni, reġistrazzjoni jew awtorizzazzjoni tal attivitajiet imwettqa bejn l-Istati Membri.

Artikolu 10

Protokolli ta’ kriżi volontarji

1.   Il-Bord jista’ jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tibda t-tfassil ta’ protokolli ta’ kriżi volontarji mill-operaturi ekonomiċi biex jindirizzaw kriżijiet fil-qafas tal-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi u tiffaċilita t-tfassil ta’ dawk il-protokolli ta’ kriżi volontarji mill-operaturi ekonomiċi. L-operaturi ekonomiċi jistgħu jiddeċiedu, fuq bażi volontarja, jekk jipparteċipawx fi protokolli ta’ kriżi volontarji.

3.   Il-protokolli ta’ kriżi volontarji għandhom jistabbilixxu:

(a)

il-parametri speċifiċi tat-tfixkil li l-protokoll ta’ kriżi volontarju jfittex li jindirizza u l-objettivi li jsegwi;

(b)

ir-rwol ta’ kull parteċipant skont il-protokoll ta’ kriżi volontarju u l-miżuri preparatorji li għandhom jistabbilixxu ladarba l-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern tkun ġiet attivata biex timmitiga l-kriżi u tirrispondi għaliha;

(c)

proċedura ċara għad-determinazzjoni tal-mument tal-attivazzjoni u l-perjodu li matulu għandhom jittieħdu l-miżuri ladarba jiġi attivat il-protokoll ta’ kriżi;

(d)

azzjonijiet biex jiġu mmitigati u jingħata rispons għal kriżijiet potenzjali fil-qafas tal-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern, li huma strettament limitati għal dak li hu neċessarju biex jiġu indirizzati;

4.   Il-Kummissjoni għandha, kif xieraq, tinvolvi lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, u lill-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni fit-tfassil tal-protokolli ta’ kriżi volontarji. Il-Kummissjoni tista’, fejn neċessarju u xieraq, tinvolvi wkoll lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew organizzazzjonijiet rilevanti oħra.

Artikolu 11

Taħriġ u simulazzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa u torganizza regolarment taħriġ dwar it-tħejjija għal kriżijiet, il-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-persunal tal-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament. Hija għandha torganizza simulazzjonijiet li jinvolvu l-persunal tal-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament mill-Istati Membri kollha abbażi ta’ xenarji potenzjali ta’ emerġenzi tas-suq intern.

2.   B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa u timmaniġġja programm ta’ taħriġ miksub mit-tagħlimiet meħuda minn kriżijiet preċedenti, inklużi aspetti taċ-ċiklu sħiħ tal-ġestjoni ta’ emerġenzi, sabiex tipprovdi rispons rapidu għall-kriżijiet fil-qafas tal-modalità ta’ viġilanza u ta’ emerġenza tas-suq intern. Dak il-programm jista’ jinkludi, b’mod partikolari, dan li ġej:

(a)

il-monitoraġġ, l-analiżi u l-evalwazzjoni tal-azzjonijiet rilevanti kollha biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni;

(b)

il-promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki fil-livell tal-Unjoni u fil-livell nazzjonali, u, fejn xieraq, l-aħjar prattiki, żviluppati minn pajjiżi barra mill-Unjoni u minn organizzazzjonijiet internazzjonali;

(c)

l-iżvilupp ta’ gwida dwar it-tixrid tal-għarfien u l-implimentazzjoni ta’ kompiti differenti fil-livell nazzjonali u, fejn rilevanti, dak reġjonali u lokali;

(d)

it-tħeġġiġ tal-użu ta’ teknoloġiji u għodod diġitali ġodda rilevanti għall-fini ta’ rispons għal emerġenzi tas-suq intern.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa u tagħmel disponibbli programmi u materjali ta’ taħriġ għall-partijiet ikkonċernati, inklużi l-operaturi ekonomiċi. Fejn rilevanti, il-Kummissjoni tista’ tistieden lill-partijiet ikkonċernati biex jipparteċipaw fit-taħriġ u s-simulazzjonijiet.

4.   Fuq talba ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ tagħti pariri u appoġġ dwar it-tħejjija għal kriżijiet u l-miżuri ta’ rispons għal kriżijiet, filwaqt li tqis b’mod partikolari l-ħtiġijiet u l-interessi ta’ dak l-Istat Membru.

Artikolu 12

Ittestjar tal-istress

1.   Il-Kummissjoni, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Bord, għandha twettaq u tikkoordina testijiet tal-istress, inklużi simulazzjonijiet li għandhom l-għan li jantiċipaw u jħejju għal kriżi fis-suq intern.

2.   B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha:

(a)

tiżviluppa xenarji u parametri f’settur speċifiku li jaqbdu r-riskji partikolari assoċjati ma’ kriżi, sabiex jiġi vvalutat l-impatt potenzjali fuq il-moviment liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni f’dak is-settur;

(b)

tiffaċilita u tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ strateġiji għat-tħejjija f’każ ta’ emerġenza;

(c)

tidentifika, b’kooperazzjoni mal-atturi kollha involuti, miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji wara t-tlestija tat-testijiet tal-istress.

3.   Sabiex tidentifika s-settur speċifiku msemmi fil-paragrafu 2, il-punt (a), il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Bord, għandha tagħmel użu mill-għodod eżistenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi l-eżerċizzji ta’ mmappjar.

4.   Il-Kummissjoni għandha twettaq testijiet tal-istress b’mod regolari, u mill-inqas darba kull sentejn, fil-livell tal-Unjoni. Għal dak il-fini, il-Kummissjoni għandha tistieden persunal mill-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament tal-Istati Membri kollha biex jipparteċipaw fis-simulazzjonijiet. Il-Kummissjoni tista’ tistieden ukoll atturi rilevanti oħra involuti fil-prevenzjoni ta’ emerġenzi tas-suq intern, fit-tħejjija u fir-rispons għalihom biex jipparteċipaw fuq bażi volontarja;

5.   Abbażi ta’ talba minn żewġ Stati Membri jew aktar, il-Kummissjoni tista’ twettaq testijiet tal-istress f’żoni ġeografiċi jew reġjuni tal-fruntiera speċifiċi f’dawk l-Istati Membri.

6.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika r-riżultati tat-testijiet tal-istress immexxija skont dan l-Artikolu lill-Bord u tippubblika rapport dwarhom.

Artikolu 13

Allerti ad hoc għal twissija bikrija

1.   L-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament ta’ Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament ta’ Stati Membri oħrajn mingħajr dewmien żejjed bi kwalunkwe inċident sinifikanti.

2.   L-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament u kwalunkwe awtorità kompetenti rilevanti tal-Istati Membri għandhom, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali li tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni, jadottaw il-miżuri kollha neċessarji biex jittrattaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 b’mod li jirrispetta l-kunfidenzjalità tagħha, jipproteġi s-sigurtà u l-ordni pubbliku tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, u jipproteġi s-sigurtà u l-interessi kummerċjali tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

3.   Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-inċidenti għandhomx ikunu l-oġġett ta’ twissija kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament ta’ Stat Membru għandu jqis dan li ġej:

(a)

il-pożizzjoni fis-suq jew l-għadd ta’ operaturi ekonomiċi affettwati mill-inċident;

(b)

it-tul ta’ żmien jew it-tul ta’ żmien antiċipat tal-inċident;

(c)

iż-żona ġeografika u l-proporzjon tas-suq intern affettwat mill-inċident u l-effetti transfruntiera tiegħu, kif ukoll l-impatt tiegħu fuq żoni ġeografiċi partikolarment vulnerabbli jew esposti, bħar-reġjuni ultraperiferiċi; u

(d)

l-impatt ta’ dawk l-inċidenti fuq oġġetti mhux diversifikabbli u mhux sostitwibbli.

TITOLU III

VIĠILANZA TAS-SUQ INTERN

KAPITOLU I

Modalità ta’ viġilanza tas-suq intern

Artikolu 14

Kriterji għall-attivazzjoni

1.   Meta l-Kummissjoni, filwaqt li tqis l-opinjoni pprovduta mill-Bord, tqis li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3, il-punt (2), huma Ssodisfati hija għandha tipproponi lill-Kunsill biex il-Kunsill jattiva l-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern. Il-Kunsill jista’ jattiva l-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill. It-tul ta’ żmien ta’ dik l-attivazzjoni għandu jiġi speċifikat fl-att ta’ implimentazzjoni, u għandu jkun ta’ massimu ta’ sitt xhur. Tali att ta’ implimentazzjoni għandu jkun fih dan li ġej:

(a)

valutazzjoni tal-impatt potenzjali tal-kriżi fuq il-moviment liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni, inklużi l-ħaddiema, fis-suq intern u fuq il-ktajjen tal-provvista tiegħu;

(b)

lista tal-oġġetti u s-servizzi ta’ importanza kritika kkonċernati; u

(c)

il-miżuri ta’ viġilanza li għandhom jittieħdu, inkluża ġustifikazzjoni fir-rigward tal-ħtieġa u l-proporzjonalità ta’ tali miżuri.

2.   Meta jivvalutaw jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3, il-punt (2) humiex issodisfati sabiex tiġi ddeterminata l-ħtieġa li tiġi attivata l-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom iqisu mill-inqas il-kriterji li ġejjin:

(a)

iż-żmien antiċipat qabel it-theddida ta’ ta’ kriżi teskala għal emerġenza tas-suq intern;

(b)

l-għadd jew il-pożizzjoni fis-suq tal-operaturi ekonomiċi li mistennija jiġu affettwati mill-kriżi;

(c)

il-punt sa fejn l-oġġetti u s-servizzi ta’ importanza kritika huma mistennija li jiġu affettwati mill-kriżi; u

(d)

iż-żona ġeografika li mistennija tiġi affettwata mill-kriżi, b’mod partikolari l-impatt fuq ir-reġjuni tal-fruntiera u r-reġjuni ultraperiferiċi.

Artikolu 15

Estensjoni u diżattivazzjoni

1.   Fil-każ li l-Kummissjoni tqis li r-raġunijiet għall-attivazzjoni tal-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern skont l-Artikolu 14(1) jibqgħu validi, u filwaqt li tqis l-opinjoni pprovduta mill-Bord, hija għandha tipproponi lill-Kunsill li jestendi l-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern. Soġġett għal bidliet urġenti u eċċezzjonali fiċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha kollha biex tagħmel dan sa mhux aktar tard minn 30 jum qabel l-iskadenza tal-perjodu li għalih tkun ġiet attivata l-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern. Fuq il-bażi ta’ dik il-proposta, il-Kunsill jista’ jestendi l-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern b’mhux aktar minn sitt xhur kull darba permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill.

2.   Meta l-Kummissjoni, filwaqt li tqis l-opinjoni pprovduta mill-Bord, issib li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3, il-punt (2), ma għadhomx issodisfati, fir-rigward ta’ xi miżuri ta’ viġilanza jew il-miżuri kollha ta’ viġilanza jew għal xi wħud mill-oġġetti u servizzi ta’ importanza kritika, hija għandha tipproponi lill-Kunsill li jiddiżattiva l-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern bis-sħiħ jew parzjalment. Abbażi ta’ dik il-proposta, il-Kunsill jista’ jiddiżattiva l-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill.

KAPITOLU II

Miżuri ta’ viġilanza

Artikolu 16

Monitoraġġ

1.   Meta l-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern tkun ġiet attivata f’konformità mal-Artikolu 14, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw il-ktajjen tal-provvista tal-oġġetti u tas-servizzi ta’ importanza kritika u l-moviment liberu tal-persuni, inklużi l-ħaddiema, involuti fil-produzzjoni u l-provvista ta’ dawk l-oġġetti u s-servizzi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprevedi mezzi elettroniċi standardizzati u siguri għall-ġbir tal-informazzjoni miġbura permezz tal-monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 1 u l-ipproċessar ta’ dik l-informazzjoni b’mod aggregat. Mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali li tirrikjedi, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, li tali informazzjoni, inklużi s-sigrieti kummerċjali tinżamm kunfidenzjali, għandha tiġi żgurata l-kunfidenzjalità fir-rigward tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva u l-informazzjoni relatata mas-sigurtà u l-ordni pubbliku tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

3.   L-Istati Membri għandhom, fejn possibbli, jistabbilixxu, jaġġornaw u jżommu inventarju tal-operaturi ekonomiċi rilevanti stabbiliti fit-territorju nazzjonali rispettiv tagħhom li joperaw tul il-ktajjen tal-provvista ta’ oġġetti u servizzi ta’ importanza kritika. Il-kontenut ta’ dak l-inventarju għandu jkun kunfidenzjali f’kull ħin.

4.   Abbażi tal-inventarju stabbilit skont il-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom, fejn ma jkunx possibbli li l-informazzjoni tinkiseb minn sorsi oħra, jindirizzaw talbiet għall-għoti volontarju ta’ informazzjoni lill-aktar operaturi ekonomiċi rilevanti tul il-ktajjen tal-provvista ta’ oġġetti u servizzi ta’ importanza kritika u li joperaw fit-territorju nazzjonali rispettiv tagħhom. Tali talbiet għandhom jiddikjaraw b’mod partikolari liema informazzjoni dwar fatturi li jaffettwaw id-disponibbiltà tal-oġġetti u s-servizzi identifikati ta’ importanza kritika hija mitluba. L-operatur ekonomiku indirizzat għandu jipprovdi l-informazzjoni mitluba fuq bażi volontarja, f’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni li jirregolaw l-iskambju ta’ informazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jibagħtu s-sejbiet rilevanti lill-Kummissjoni u lill-Bord mingħajr dewmien żejjed permezz tal-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament rispettiv.

5.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom iqisu kif xieraq il-piż amministrattiv fuq l-operaturi ekonomiċi, u b’mod partikolari fuq l-SMEs, li jista’ jiġi ġġenerat minħabba t-talbiet għall-informazzjoni, u jiżguraw li tali piż amministrattiv jinżamm baxx kemm jista’ jkun u li l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni tiġi rrispettata.

6.   Abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ imwettqa f’konformità mal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar is-sejbiet aggregati lill-Bord.

7.   Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Bord jiddiskuti s-sejbiet aggregati u l-prospetti ta’ żvilupp abbażi tal-informazzjoni miksuba mill-Istati Membri skont il-paragrafi 1 u 4 rigward il-monitoraġġ tagħhom tal-ktajjen tal-provvista tal-oġġetti u s-servizzi ta’ importanza kritika, u f’dak il-każ għandha tiżgura l-kunfidenzjalità u tirrispetta s-sensittività kummerċjali tal-informazzjoni kkonċernata.

8.   Il-Kummissjoni tista’ wkoll tikkondividi informazzjoni rilevanti mal-Istati Membri, miksuba permezz ta’ mezzi jew sistemi oħra ta’ monitoraġġ.

TITOLU IV

EMERĠENZA TAS-SUQ INTERN

KAPITOLU I

Modalità ta’ emerġenza tas-suq intern

Artikolu 17

Kriterji għall-attivazzjoni

1.   Meta jivvalutaw jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3, il-punt (3), humiex issodisfati sabiex tiġi ddeterminata l-ħtieġa li tiġi attivata l-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom, abbażi ta’ evidenza konkreta u affidabbli, jivvalutaw jekk il-kriżi toħloqx ostaklu wieħed jew aktar għall-moviment liberu ta’ oġġetti, servizzi jew persuni, b’impatt fuq mill-inqas settur wieħed ta’ funzjonijiet tas-soċjetà jew attivitajiet ekonomiċi vitali fis-suq intern.

Meta l-kriżi twassal għal tfixkil fil-funzjonament tal-ktajjen tal-provvista, minbarra l-kriterji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jivvalutaw jekk l-oġġetti jew is-servizzi jistgħux jiġu diversifikati jew sostitwiti jew jekk il-ħaddiema kkonċernati jistgħux jiġu sostitwiti.

2.   Meta japplikaw il-paragrafu 1, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom, b’mod partikolari, iqisu l-indikaturi li ġejjin:

(a)

l-għadd ta’ inċidenti sinifikanti notifikati skont l-Artikolu 13(1);

(b)

il-fatt li l-kriżi skattat l-attivazzjoni ta’ kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

mekkaniżmu rilevanti tal-Kunsill ta’ rispons għall-kriżijiet, inkluż l-IPCR;

(ii)

il-UCPM; jew

(iii)

kwalunkwe wieħed mill-mekkaniżmi stabbiliti fil-Qafas tal-UE għas-Sigurtà tas-Saħħa, inkluż il-qafas ta’ emerġenza stabbilit bir-Regolament (UE) 2022/2372;

(c)

stima tal-għadd jew il-pożizzjoni fis-suq ta’ operazzjonijiet ekonomiċi u d-domanda tas-suq għalihom, kif ukoll stima tal-għadd ta’ utenti, li jiddependu fuq is-settur jew is-setturi tas-suq intern li jkunu ġew imfixkla għall-provvista tal-oġġetti jew tas-servizzi kkonċernati;

(d)

stima tat-tipi ta’ oġġetti u servizzi jew l-għadd ta’ persuni, inklużi l-ħaddiema, affettwati mill-kriżi;

(e)

l-impatt jew l-impatt potenzjali tal-kriżi f’termini ta’ grad u tul ta’ żmien fuq il-funzjonijiet soċjali u l-attivitajiet ekonomiċi vitali, l-ambjent u s-sikurezza pubblika;

(f)

il-fatt li l-operaturi ekonomiċi affettwati mill-kriżi ma setgħux jipprovdu soluzzjoni fi żmien raġonevoli għall-aspetti partikolari tal-kriżi fuq bażi volontarja;

(g)

iż-żoni ġeografiċi, inklużi r-reġjuni tal-fruntiera u r-reġjuni ultraperifieriċi, li huma affettwati u li jistgħu jiġu affettwati mill-kriżi, inkluż kwalunkwe impatt transfruntier fuq il-funzjonament tal-ktajjen tal-provvista li huma indispensabbli għall-funzjonijiet tas-soċjetà u l-attivitajiet ekonomiċi vitali fis-suq intern;

(h)

l-importanza tal-operaturi ekonomiċi affettwati fiż-żamma ta’ livell suffiċjenti ta’ provvista tal-oġġetti jew tas-servizzi, filwaqt li titqies id-disponibbiltà ta’ mezzi alternattivi għall-forniment ta’ dawk l-oġġetti jew is-servizzi; u

(i)

l-assenza jew in-nuqqas ta’ sostituti għall-oġġetti u s-servizzi.

Artikolu 18

Attivazzjoni

1.   Il-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern għandha tiġi attivata biss jekk jiġu ssodisfati l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 17(1).

2.   Il-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern tista’ tiġi attivata mingħajr ma tkun ġiet attivata l-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern fir-rigward tal-istess oġġetti jew servizzi.

L-attivazzjoni tal-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern fir-rigward ta’ ċerti oġġetti u servizzi ma tipprevjenix l-attivazzjoni jew l-applikazzjoni kontinwa tal-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern jew l-introduzzjoni tal-miżuri ta’ viġilanza stabbiliti fl-Artikoli 16 rigward l-istess oġġetti u servizzi. Meta l-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern tkun ġiet attivata qabel, il-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern tista’ tissostitwiha parzjalment jew kompletament.

3.   Meta l-Kummissjoni, filwaqt li tqis l-opinjoni pprovduta mill-Bord, tqis li hemm emerġenza tas-suq intern, hija għandha tipproponi lill-Kunsill biex il-Kunsill jattiva l-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern u, fejn applikabbli, jadotta lista ta’ oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżijiet.

4.   Il-Kunsill jista’ jattiva l-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern u, fejn applikabbli, jadotta lista ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżijiet jew servizzi rilevanti għall-kriżijiet, jew tat-tnejn, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni. It-tul ta’ żmien tal-attivazzjoni, għandu jiġi speċifikat fl-att ta’ implimentazzjoni, u ma għandux ikun aktar minn sitt xhur. Il-lista ta’ oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżijiet tista’ tiġi emendata permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu 19

Estensjoni u diżattivazzjoni

1.   Fil-każ li l-Kummissjoni tqis li r-raġunijiet għall-attivazzjoni tal-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern skont l-Artikolu 17(1) jibqgħu validi, u filwaqt li tqis l-opinjoni pprovduta mill-Bord, hija għandha tipproponi lill-Kunsill biex jestendi l-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern. Soġġett għal bidliet urġenti u eċċezzjonali fiċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha kollha biex tagħmel dan mhux aktar tard minn 30 jum qabel l-iskadenza tal-perjodu li għalih tkun ġiet attivata l-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern. Abbażi ta’ dik il-proposta, il-Kunsill jista’ jestendi l-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern b’mhux aktar minn sitt xhur kull darba permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill.

2.   Meta l-Bord ikollu evidenza konkreta u affidabbli li l-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern għandha tiġi diżattivata, dan jista’ jifformula opinjoni għal dak il-għan u jibgħatha lill-Kummissjoni. Meta l-Kummissjoni, filwaqt li tqis l-opinjoni pprovduta mill-Bord, tqis li l-emerġenza tas-suq intern ma għadhiex teżisti, hija għandha tipproponi lill-Kunsill, mingħajr dewmien, id-diżattivazzjoni tal-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern.

3.   Il-miżuri meħuda f’konformità mal-Artikoli 27 sa 35 għandhom jieqfu japplikaw mad-diżattivazzjoni tal-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern.

KAPITOLU II

Moviment liberu matul emerġenza tas-suq intern

Taqsima I

Miżuri għall-iffaċilitar tal-moviment liberu

Artikolu 20

Restrizzjonijiet għall-moviment liberu matul il-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21, meta jadottaw u japplikaw miżuri nazzjonali b’reazzjoni għal emerġenza tas-suq intern, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali miżuri jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni, inkluż fir-rigward tan-nondiskriminazzjoni, il-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, b’mod partikolari, li l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 jitneħħew hekk kif ma jibqgħux ġustifikati jew proporzjonati.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe rekwiżit impost fuq iċ-ċittadini jew l-operaturi ekonomiċi ma joħloqx piż amministrattiv żejjed jew mhux neċessarju.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati affettwati kollha jiġu informati b’mod ċar u mhux ambigwu b’miżuri li jirrestrinġu l-moviment liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni, inklużi l-ħaddiema u l-fornituri tas-servizzi, qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw djalogu kontinwu mal-partijiet ikkonċernati, inkluża komunikazzjoni mas-sħab soċjali u mas-sħab internazzjonali.

Artikolu 21

Restrizzjonijiet projbiti fuq id-dritt għal-libertà tal-moviment matul emerġenza tas-suq intern

Matul il-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern u meta jirrispondu għal emerġenza tas-suq intern, l-Istati Membri għandhom iżommu lura milli jintroduċu kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

kwalunkwe miżura li mhijiex limitata fiż-żmien;

(b)

projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni intra-Unjoni, jew miżuri b’effett ekwivalenti, ta’ oġġetti jew servizzi rilevanti għall-kriżijiet, jew projbizzjonijiet fuq it-tranżitu ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżijiet, jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti;

(c)

miżuri li jirrestrinġu l-esportazzjoni intra-Unjoni ta’ oġġetti, jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti, jew miżuri li jirrestrinġu l-forniment transfruntier jew il-wasla ta’ servizzi, fejn dawk ir-restrizzjonijiet jikkawżaw kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

tfixkil fil-ktajjen tal-provvista tal-oġġetti u s-servizzi rilevanti għall-kriżijiet; jew

(ii)

nuqqasijiet, jew żieda fin-nuqqasijiet, ta’ tali oġġetti u servizzi fis-suq intern;

(d)

miżuri li jiddikriminaw bejn benefiċjarji tad-dritt għal-libertà tal-moviment skont id-dritt tal-Unjoni abbażi tan-nazzjonalità jew, fil-każ ta’ kumpaniji, il-post tal-uffiċċju rreġistrat tagħhom, l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post prinċipali tan-negozju;

(e)

miżuri li jiċħdu lill-benefiċjarji tad-dritt għal-libertà tal-moviment skont id-dritt tal-Unjoni dawn li ġejjin: id-dritt li jidħlu fit-territorju tal-Istat Membru tan-nazzjonalità jew tar-residenza tagħhom; id-dritt li joħorġu mit-territorju ta’ Stat Membru sabiex jivvjaġġaw lejn l-Istat Membru ta’ nazzjonalità jew ta’ residenza tagħhom; jew id-dritt ta’ tranżitu minn Stat Membru sabiex jaslu fl-Istat Membru ta’ nazzjonalità jew ta’ residenza tagħhom;

(f)

miżuri li jipprojbixxu l-ivvjaġġar fuq negozju marbuta mar-riċerka u l-iżvilupp, mal-produzzjoni, mat-tqegħid fis-suq jew l-ispezzjonijiet u l-manutenzjoni relatati ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżijiet;

(g)

miżuri li jipprojbixxu l-ivvjaġġar bejn l-Istati Membri għal raġunijiet imperattivi tal-familja, meta tali vjaġġar ikun permess fl-Istat Membru li jintroduċi tali miżura;

(h)

miżuri li jimponu restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fuq il-fornituri tas-servizzi, ir-rappreżentanti tan-negozju u l-ħaddiema, li jżommuhom milli jivvjaġġaw bejn l-Istati Membri sabiex jiksbu aċċess għall-post tal-attività jew il-post tax-xogħol tagħhom meta ma jkun hemm ebda tali restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar fl-Istat Membru li jintroduċi tali miżura;

(i)

miżuri li jimponu restrizzjonijiet li jipprevjenu:

(i)

l-ivvjaġġar tal-fornituri ta’ servizzi rilevanti għall-kriżijiet, tar-rappreżentanti tan-negozju u tal-ħaddiema involuti fil-produzzjoni ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżijiet, jew fil-forniment ta’ servizzi rilevanti għall-kriżijiet, jew ta’ ħaddiema tal-protezzjoni ċivili; jew

(ii)

it-trasport tat-tagħmir tal-persuni msemmija fil-punt (i) lejn il-post tal-attivitajiet tagħhom.

Artikolu 22

Miżuri ta’ mitigazzjoni għal-libertà tal-moviment ta’ persuni

1.   Matul il-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern u għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-moviment liberu tal-persuni msemmija fl-Artikolu 21, il-punti (f) sa (i), il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta arranġamenti amministrattivi jew tipprovdi lill-Istati Membri b’għodod diġitali biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni tal-kategoriji ta’ persuni u l-verifika tal-fatti msemmija f’dawk id-dispożizzjonijiet mill-Istati Membri b’kooperazzjoni mal-Istati Membri rilevanti l-oħra u mal-Kummissjoni.

2.   Matul il-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern, meta l-Kummissjoni tistabbilixxi li l-Istati Membri jkunu stabbilew mudelli għall-attestazzjoni li individwu jew operatur ekonomiku jissodisfa r-rekwiżiti ġenerali stabbiliti fil-miżuri nazzjonali ta’ emerġenza u tqis li l-użu ta’ mudelli differenti minn kull Stat Membru huwa ostaklu għall-moviment liberu ta’ dawk l-individwi jew l-operaturi ekonomiċi u t-tagħmir tagħhom, il-Kummissjoni tista’ toħroġ, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, mudelli li jistgħu jintużaw mill-Istati Membri fuq bażi volontarja.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt rilevanti tal-Unjoni u għal-liġi u l-proċeduri nazzjonali applikabbli, l-Istati Membri għandhom jipprijoritizzaw il-proċeduri ta’ dikjarazzjoni, ta’ reġistrazzjoni jew ta’ awtorizzazzjoni fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi rilevanti għall-kriżijiet.

4.   Il-Kummissjoni għandha tidentifika l-kategoriji ta’ persuni involuti fil-produzzjoni jew fil-provvista ta’ oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżijiet li għalihom huwa neċessarju li tiġi ffaċilitata l-libertà tal-moviment billi tistabbilixxi mudelli permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, wara konsultazzjoni mal-Bord, u dawn jistgħu jintużaw mill-Istati Membri fuq bażi volontarja.

5.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 45(2). Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati marbuta mal-impatt tal-kriżi fis-suq intern, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 45(3).

6.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni dwar il-miżuri ta’ mitigazzjoni li tkun adottat skont dan l-Artikolu disponibbli għall-pubbliku fuq sit web iddedikat.

Taqsima II

Trasparenza u assistenza amministrattiva

Artikolu 23

Trasparenza

1.   Meta l-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern tkun ġiet attivata f’konformità mal-Artikolu 18(4), l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-test ta’ kwalunkwe miżura ta’ emerġenza meħuda b’rispons għall-kriżi, mingħajr dewmien u wara l-adozzjoni tagħha, lill-Kummissjoni u lil Stati Membri oħra permezz tal-uffiċċju ta’ kollegament fil-livell tal-Unjoni. Dak l-obbligu għandu japplika biss meta dawk il-miżuri jintroduċu restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-moviment tal-persuni bejn l-Istati Membri u ma jkunux diġà koperti minn obbligu ta’ informazzjoni jew ta’ notifika previst f’leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni. Tali komunikazzjoni għandha tinkludi:

(a)

ir-raġunijiet għal tali miżuri, inklużi raġunijiet li juru li l-miżuri huma ġustifikati u proporzjonati, kif ukoll kwalunkwe data xjentifika jew data oħra sottostanti li tappoġġa l-adozzjoni tagħhom;

(b)

l-ambitu ta’ tali miżuri;

(c)

id-data tal-adozzjoni u d-data tal-applikazzjoni u t-tul ta’ żmien ta’ dawk il-miżuri.

2.   L-Istati Membri jistgħu jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lil Stati Membri oħra permezz tal-uffiċċju ta’ kollegament fil-livell tal-Unjoni l-abbozz tat-test ta’ kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1 qabel l-adozzjoni tagħha, flimkien mal-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (c) tal-paragrafu 1.

3.   Il-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jadottaw il-miżuri inkwistjoni.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-pubbliku u, fl-istess ħin, lill-Kummissjoni b’informazzjoni ċara, komprensiva u f’waqtha li tispjega l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 malajr kemm jista’ jkun.

5.   Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u, abbażi tal-informazzjoni li tirċievi skont dan l-Artikolu, tippubblika fuq sit web iddedikat, disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, informazzjoni rilevanti dwar kwalunkwe restrizzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-moviment, inkluża informazzjoni dwar l-ambitu u t-tul ta’ żmien tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni, u, fejn possibbli, informazzjoni f’ħin reali. Is-sit web iddedikat jista’ jinkludi mappa interattiva b’informazzjoni rilevanti f’ħin reali dwar dawk il-miżuri.

6.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni riċevuta skont il-paragrafi 1, 2 u 4 disponibbli għall-Bord.

7.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 4 għandha tintbagħat permezz ta’ għodda sikura pprovduta mill-Kummissjoni.

Artikolu 24

Punti uniċi ta’ kuntatt fl-Istati Membri

1.   Kull Stat Membru għandu jopera punt uniku ta’ kuntatt li għandu jipprovdu liċ-ċittadini, lill-konsumaturi, lill-operaturi ekonomiċi u lill-ħaddiema u lir-rappreżentanti tagħhom b’dan li ġej:

(a)

assistenza fit-talba u l-ksib ta’ informazzjoni dwar ir-restrizzjonijiet nazzjonali fuq il-moviment liberu tal-oġġetti, tas-servizzi, tal-persuni u tal-ħaddiema introdotti matul il-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern;

(b)

assistenza fit-twettiq ta’ kwalunkwe proċedura u formalità ta’ kriżi fil-livell nazzjonali li jkunu ġew stabbiliti minħabba l-attivazzjoni tal-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun possibbli għaċ-ċittadini, għall-konsumaturi, għall-operaturi ekonomiċi u għall-ħaddiema u għar-rappreżentanti tagħhom li jirċievu, fuq talba tagħhom u permezz tal-punt uniku ta’ kuntatt rilevanti, informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti dwar il-mod li bih il-miżuri nazzjonali rispettivi ta’ rispons għall-kriżijiet jiġu interpretati u applikati b’mod ġenerali. Fejn xieraq, tali informazzjoni għandha tinkludi gwida pass b’pass. Dik l-informazzjoni għandha tingħata b’lingwaġġ ċar u li jinftiehem. Din għandha tkun aċċessibbli faċilment b’mod remot u b’mezzi elettroniċi, u għandha tinżamm aġġornata.

3.   L-Istati Membri għandhom ukoll jagħmlu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 aċċessibbli b’lingwa uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li tinftiehem b’mod wiesa’ mill-akbar għadd possibbli ta’ utenti transfruntiera u għandhom jagħmlu l-aħjar sforzi biex jipprovdu tali informazzjoni b’lingwi uffiċjali oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tar-reġjuni tal-fruntiera.

Artikolu 25

Punt uniku ta’ kuntatt fil-livell tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u topera punt uniku ta’ kuntatt fil-livell tal-Unjoni.

2.   Il-punt uniku ta’ kuntatt fil-livell tal-Unjoni għandu:

(a)

jipprovdi liċ-ċittadini, lill-konsumaturi, lill-operaturi ekonomiċi, lill-ħaddiema u lir-rappreżentanti tagħhom b’assistenza fit-talba u fil-ksib ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ miżuri ta’ rispons għall-kriżijiet fil-livell tal-Unjoni li huma rilevanti jew li jaffettwaw l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni, inklużi l-ħaddiema, matul il-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern;

(b)

jipprovdi liċ-ċittadini, lill-konsumaturi, lill-operaturi ekonomiċi, lill-ħaddiema u lir-rappreżentanti tagħhom b’assistenza fit-twettiq ta’ kwalunkwe proċedura u formalità ta’ kriżi li jkunu ġew stabbiliti fil-livell tal-Unjoni minħabba l-attivazzjoni tal-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern;

(c)

jiġbor flimkien u jippubblika lista tal-miżuri nazzjonali kollha ta’ kriżi u tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali kollha.

3.   Għandhom jiġu allokati biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji lill-punt uniku ta’ kuntatt fil-livell tal-Unjoni.

KAPITOLU III

Miżuri ta’ rispons f’emerġenza tas-suq intern

Taqsima I

Talbiet għal informazzjoni, proċeduri ta’ emerġenza skont leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar prodotti u talbiet ikklassifikati bħala prijorità

Artikolu 26

Rekwiżit ta’ attivazzjoni fuq żewġ livelli

1.   Il-miżuri skont din it-Taqsima għandhom jiġu adottati biss mill-Kummissjoni meta tkun ġiet attivata modalità ta’ emerġenza tas-suq intern u tkun ġiet stabbilita lista mill-Kunsill skont l-Artikolu 18(4).

2.   Att ta’ implimentazzjoni li jintroduċi miżura taħt din it-Taqsima għandu jidentifika b’mod ċar u speċifiku, mill-oġġetti rilevanti għall-kriżijiet jew is-servizzi rilevanti għall-kriżijiet, dawk li għalihom tapplika tali miżura. Dik il-miżura għandha tapplika biss għat-tul ta’ żmien tal-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern.

Artikolu 27

Talbiet għal informazzjoni lill-operaturi ekonomiċi

1.   Il-Kummissjoni tista’ tistieden lill-operaturi ekonomiċi rilevanti fil-ktajjen tal-provvista ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżijiet jew servizzi rilevanti għall-kriżijiet biex jipprovdu, fuq bażi volontarja f’limitu ta’ żmien stabbilit, informazzjoni speċifika fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

ikun hemm nuqqasijiet kbar ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżijiet jew servizzi rilevanti għall-kriżijiet jew theddida imminenti tagħhom;

(b)

l-informazzjoni mitluba tkun strettament neċessarja biex jiġi vvalutat jekk xi waħda mill-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 28, jew fl-Artikoli 34 sa 39 hijiex kapaċi tnaqqas tali nuqqasijiet jew it-theddida imminenti tagħhom;

(c)

l-informazzjoni pprovduta permezz tal-Bord jew miksuba permezz ta’ mezzi oħra mill-Istati Membri fil-fażi ta’ kontinġenza jew fil-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern ma tkunx biżżejjed; u

(d)

il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tikseb tali informazzjoni minn sorsi oħra.

Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord, għandha tivvaluta l-eżistenza tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tagħmel talba għal informazzjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni fil-każ li:

(a)

ma tingħata l-ebda informazzjoni lill-Kummissjoni fuq bażi volontarja fil-limitu ta’ żmien stabbilit skont il-paragrafu 1; jew

(b)

l-informazzjoni li tirċievi l-Kummissjoni, permezz tal-għoti volontarja ta’ informazzjoni skont il-paragrafu 1, jew minn kwalunkwe sors ieħor disponibbli matul il-fażi ta’ kontinġenza jew il-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern, tkun għadha insuffiċjenti biex jiġi vvalutat jekk l-użu tal-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 28 jew fl-Artikoli 34 sa 39 huwiex se jnaqqas in-nuqqasijiet severi ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżijiet jew ta’ servizzi rilevanti għall-kriżijiet jew it-theddida imminenti ta’ tali nuqqasijiet u jekk għandhiex tittieħed kwalunkwe miżura bħal din.

3.   Qabel ma tadotta att ta’ implimentazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2, u filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Bord, il-Kummissjoni għandha:

(a)

tivvaluta l-ħtieġa u l-proporzjonalità ta’ tali talba għal informazzjoni għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 1, il-punt (b); u

(b)

tqis b’mod dovut il-piż amministrattiv li tali talba tista’ tinvolvi għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati, b’mod partikolari għall-SMEs, u tistabbilixxi l-limitu ta’ żmien għas-sottomissjoni tal-informazzjoni kif xieraq.

4.   It-talbiet għal informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu limitati għal informazzjoni mmirata dwar dan li ġej:

(a)

Il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u l-ħażniet eżistenti possibbli tal-oġġetti rilevanti għall-kriżijiet f’faċilitajiet ta’ produzzjoni li jinsabu fl-Unjoni jew f’pajjiżi barra mill-Unjoni li l-operatur ekonomiku rilevanti jopera, jikkuntratta jew jixtri provvisti mingħandhom, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ is-sigrieti kummerċjali u tan-negozju;

(b)

fejn disponibbli, l-iskeda tal-output mistenni ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżijiet fil-faċilitajiet ta’ produzzjoni, li jinsabu fl-Unjoni u f’pajjiżi barra mill-Unjoni li l-operatur ekonomiku rilevanti jopera magħhom jew jikkuntratta magħhom, għat-tliet xhur wara l-wasla tat-talba għal informazzjoni;

(c)

kwalunkwe tfixkil jew nuqqas rilevanti fil-ktajjen tal-provvista ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżijiet jew servizzi rilevanti għall-kriżijiet.

5.   L-att ta’ implimentazzjoni li jipprevedi talba għal informazzjoni mill-Kummissjoni lill-operaturi ekonomiċi skont il-paragrafu 2 għandu:

(a)

jispeċifika l-oġġetti u s-servizzi rilevanti għall-kriżijiet li huma rilevanti għat-talba għal informazzjoni;

(b)

jispeċifika l-operaturi ekonomiċi rilevanti li joperaw tul il-ktajjen tal-provvista ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżijiet jew servizzi rilevanti għall-kriżijiet u li huma kkonċernati mit-talba għal informazzjoni;

(c)

jispeċifika l-informazzjoni li qed tintalab, inkluż billi jipprovdi, fejn neċessarju, mudell b’mistoqsijiet li jistgħu jiġu indirizzati lill-operaturi ekonomiċi rilevanti individwali;

(d)

juri l-eżistenza tal-ħtieġa eċċezzjonali msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), li għaliha tintalab l-informazzjoni u jinkludi l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (a);

(e)

jispjega l-iskop tat-talba, l-użu maħsub tal-informazzjoni mitluba, u t-tul ta’ żmien ta’ dak l-użu; u

(f)

jispeċifika l-perjodu li matulu l-operatur ekonomiku jista’ jitlob lill-Kummissjoni timmodifika t-talba.

It-talba għal informazzjoni prevista mill-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu għandha tiġi espressa b’lingwaġġ ċar, konċiż u li jinftiehem u tqis il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u l-isforz neċessarju min-naħa tal-operatur ekonomiku sabiex jagħmel l-informazzjoni disponibbli fuq bażi volontarja, speċjalment jekk ikun SME.

6.   Wara t-talba tal-Kummissjoni għal informazzjoni mill-operaturi ekonomiċi permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tindirizza deċiżjoni individwali lil kull wieħed mill-operaturi ekonomiċi kkonċernati mill-kategorija speċifikata f’dak l-att ta’ implimentazzjoni, u titlobhom jew jipprovdu l-informazzjoni speċifikata f’dak l-att ta’ implimentazzjoni jew jispjegaw għaliex ma jistgħux jipprovdu tali informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tibbaża, fejn possibbli, fuq l-inventarju rilevanti u disponibbli tal-operaturi ekonomiċi rilevanti, ikkompilati mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 16(3). Il-Kummissjoni tista wkoll, fejn rilevanti, tikseb l-informazzjoni neċessarja dwar l-operaturi ekonomiċi kkonċernati mill-Istati Membri.

7.   Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jkun fihom talbiet għal informazzjoni individwali adottati skont il-paragrafu 6 għandhom ikunu debitament ġustifikati u proporzjonati f’termini tal-volum, in-natura u l-granularità tad-data mitluba, kif ukoll il-frekwenza tal-aċċess għal dik id-data, u għandha tkun neċessarja għall-ġestjoni tal-emerġenza;

Tali deċiżjonijiet għandu jkun fihom l-elementi kollha li ġejjin:

(a)

referenza għall-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 li fuqu jkunu bbażati;

(b)

deskrizzjoni tas-sitwazzjonijiet ta’ nuqqasijiet severi relatati mal-kriżijiet jew ma’ theddida imminenti tagħhom li tkun tat lok għad-deċiżjoni;

(c)

salvagwardji għall-protezzjoni tad-data personali f’konformità mal-Artikolu 42, għan-nuqqas ta’ divulgazzjoni ta’ informazzjoni sensittiva dwar in-negozju, għan-nuqqas ta’ divulgazzjoni ta’ sigrieti kummerċjali u għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali inkluża fit-tweġiba f’konformità mal-Artikolu 43;

(d)

informazzjoni dwar il-possibbiltà li d-deċiżjoni tiġi kkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni;

(e)

limitu ta’ żmien raġonevoli li ma jaqbiżx 20 jum tax-xogħol li fih għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni jew il-ġustifikazzjoni għar-rifjut li tiġi pprovduta tali informazzjoni.

Meta tistabbilixxi l-limitu ta’ żmien imsemmi fil-punt (e) tat-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, id-daqs tal-operatur ekonomiku kkonċernat f’termini ta’ impjegati u l-isforz neċessarju biex tinġabar u ssir disponibbli l-informazzjoni.

L-operatur ekonomiku jista’ jitlob estensjoni ta’ darba għal-limitu ta’ żmien sa jumejn qabel l-iskadenza tiegħu fil-każ li l-gravità tas-sitwazzjoni tirrikjedi tali estensjoni. Il-Kummissjoni għandha twieġeb, fi żmien jum tax-xogħol, għal kwalunkwe talba bħal din għal estensjoni tal-limitu ta’ żmien.

8.   Meta l-ipproċessar ta’ talba għal informazzjoni minn operatur ekonomiku jkollu l-potenzjal li jfixkel b’mod sinifikanti l-operazzjonijiet tiegħu, dak l-operatur ekonomiku jista’ jirrifjuta li jipprovdi l-informazzjoni mitluba u għandu jagħti r-raġunijiet għal tali rifjut lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ma għandha tiddivulga l-ebda rifjut bħal dan li tiġi pprovduta l-informazzjoni mitluba jew ir-raġunijiet għal tali rifjut.

9.   Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tgħaddi kopja ta’ kwalunkwe talba għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 lill-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab l-operatur ekonomiku. Jekk l-awtorità kompetenti titlob dan, il-Kummissjoni għandha tittrażmetti l-informazzjoni miksuba mill-operatur ekonomiku rispettiv f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

10.   Il-Kummissjoni, wara li tirċievi informazzjoni fuq talba għal informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, għandha:

(a)

tuża biss l-informazzjoni b’mod li jkun kompatibbli mal-iskop li għalih tkun intalbet l-informazzjoni;

(b)

tiżgura, sa fejn ikun neċessarju l-ipproċessar tad-data personali, l-implimentazzjoni ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi li jippreservaw il-kunfidenzjalità u l-integrità tal-informazzjoni mitluba, b’mod partikolari d-data personali, u li jissalvagwardjaw id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data;

(c)

tħassar l-informazzjoni hekk kif ma tibqax neċessarja għall-iskop iddikjarat u tinforma lill-operatur ekonomiku u lill-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat mingħajr dewmien żejjed li l-informazzjoni tkun tħassret, sakemm l-arkivjar tal-informazzjoni ma jkunx meħtieġ għal finijiet ta’ trasparenza f’konformità mal-liġi nazzjonali.

11.   Kull operatur ekonomiku kkonċernat, jew kwalunkwe persuna debitament awtorizzata li tirrappreżenta lill-operatur ekonomiku, għandha tipprovdi l-informazzjoni mitluba fuq bażi individwali f’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni li jirregolaw l-iskambju ta’ informazzjoni.

12.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 45(2). Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati relatati mal-impatt tal-kriżi fis-suq intern, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 45(3).

13.   It-talbiet għal informazzjoni maħruġa skont dan l-Artikolu ma għandhomx ikunu relatati ma’ informazzjoni li d-divulgazzjoni tagħha tmur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri.

Artikolu 28

Attivazzjoni ta’ proċeduri ta’ emerġenza f’leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar prodotti

1.   Meta l-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern tkun ġiet attivata permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill adottat skont l-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament u jkun hemm nuqqas ta’ ċerti oġġetti rilevanti għall-kriżijiet, il-Kummissjoni tista’ tattiva, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-proċeduri ta’ emerġenza inklużi fl-atti legali tal-Unjoni emendati bir-Regolament (UE) 2024/2748 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (55) u d-Direttiva (UE) 2024/2749 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (56) fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti rilevanti għall-kriżijiet. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jindikaw l-oġġetti rilevanti għall-kriżijiet u l-proċeduri ta’ emerġenza li huma soġġetti għall-attivazzjoni, jipprovdu raġunijiet għal tali attivazzjoni u l-proporzjonalità tagħha, u jindikaw it-tul ta’ żmien ta’ tali attivazzjoni.

2.   Attivazzjoni tal-proċeduri ta’ emerġenza kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tapplika biss għat-tul ta’ żmien tal-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern.

3.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 45(2). Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati marbuta mal-impatt tal-kriżi fis-suq intern, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 45(3).

Artikolu 29

Talbiet ikklassifikati bħala prijorità

1.   Il-Kummissjoni tista’, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri li fihom ikunu stabbiliti l-operaturi ekonomiċi, u filwaqt li tqis bis-sħiħ il-fehmiet tagħhom, tindirizza talba lil operatur ekonomiku wieħed jew aktar stabbiliti fl-Unjoni biex jaċċettaw u jipprijoritizzaw il-produzzjoni jew il-provvista ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżijiet (“talbiet ikklassifikati bħala prijorità”) meta:

(a)

ikun hemm nuqqas serju u persistenti tal-oġġetti rilevanti għall-kriżiijiet soġġetti għat-talba; u

(b)

il-produzzjoni jew il-provvista ta’ tali oġġetti ma setgħetx tinkiseb permezz ta’ miżuri oħra previsti f’dan ir-Regolament, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 35 jew fit-Titolu V.

2.   Il-Kummissjoni għandha turi li l-għażla tar-riċevituri u tal-benefiċjarji tat-talbiet ikklassifikati bħala prijorità msemmija f’dan l-Artikolu hija nondiskriminatorja u tikkonforma mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tibbaża t-talbiet ikklassifikati bħala prijorità msemmija f’dan l-Artikolu fuq data oġġettiva, fattwali, li tista’ titkejjel u sostanzjata, li turi li tali prijoritizzazzjoni hija indispensabbli sabiex tiġi żgurata ż-żamma ta’ funzjonijiet tas-soċjetà jew attivitajiet ekonomiċi vitali fis-suq intern, kif ukoll b’kont meħud tal-interessi leġittimi tal-operatur ekonomiku u l-kost u l-isforz neċessarji għal kwalunkwe bidla fis-sekwenza tal-produzzjoni tal-katina tal-provvista. Il-Kummissjoni għandha tindika b’mod espliċitu fit-talba kklassifikata bħala prijorità li l-operatur ekonomiku jibqa’ liberu li jirrifjuta dik it-talba.

4.   Meta l-operatur ekonomiku li lilu tkun indirizzata t-talba kklassifikata bħala prijorità msemmija fil-paragrafu 1 ikun aċċetta espressament dik it-talba, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jipprevedi:

(a)

il-bażi ġuridika tat-talba kklassifikata bħala prijorità li l-operatur ekonomiku għandu jkun konformi magħha;

(b)

l-oġġetti soġġetti għat-talba kklassifikata bħala prijorità u l-kwantità li fiha għandhom jiġu fornuti;

(c)

il-limiti ta’ żmien li fihom għandha titlesta t-talba kklassifikata bħala prijorità;

(d)

il-benefiċjarji tat-talba kklassifikata bħala prijorità; kif ukoll

(e)

ir-rinunzja tar-responsabbiltà kuntrattwali taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 6.

5.   It-talba kklassifikata bħala prijorità magħmula skont il-paragrafu 4 għandha titqiegħed bi prezz ġust u raġonevoli filwaqt li jitqiesu b’mod adegwat il-kostijiet tal-opportunità tal-operatur ekonomiku meta jissodisfa t-talba kklassifikata bħala prijorità meta mqabbla mal-obbligi ta’ prestazzjoni eżistenti. Dik it-talba kklassifikata bħala prijorità għandha tieħu preċedenza fuq kwalunkwe obbligu ta’ prestazzjoni, skont il-liġi privata jew pubblika, relatat mal-oġġetti soġġetti għat-talba kklassifikata bħala prijorità.

6.   L-operatur ekonomiku soġġett għal talba kklassifikata bħala prijorità skont il-paragrafu 4 ma għandu jkun responsabbli għall-ebda ksur tal-obbligu kuntrattwali li jkun irregolat mil-liġi ta’ Stat Membru, dment li:

(a)

il-ksur tal-obbligu kuntrattwali jkun neċessarju għall-konformità mal-prijoritizzazzjoni meħtieġa;

(b)

ikun hemm konformità mal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 4; u

(c)

l-aċċettazzjoni tat-talba kklassifikata bħala prijorità ma kellhiex l-uniku skop li tevita b’mod mhux xieraq obbligu kuntrattwali preċedenti.

7.   It-talbiet ikklassifikati bħala prijorità ma għandhomx jinkludu oġġetti li l-produzzjoni jew il-provvista tagħhom imorru kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà nazzjonali jew tad-difiża tal-Istati Membri.

8.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 4 f’konformità mad-dritt applikabbli tal-Unjoni, inklużi l-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità, u l-obbligi tal-Unjoni skont id-dritt internazzjonali.

9.   L-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafi 4 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 45(2).

10.   Meta operatur ekonomiku, wara li jkun aċċetta espressament talba kklassifikata bħala prijorità, ma jikkonformax, intenzjonalment jew permezz ta’ negliġenza serja, ma’ dik it-talba, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, fejn jitqies neċessarju u proporzjonat, timponi multa fuq l-operatur ekonomiku kkonċernat. Dik il-multa ma għandhiex taqbeż EUR 100 000. Il-multi imposti fuq l-SMEs ma għandhomx jaqbżu EUR 25 000.

Artikolu 30

Impożizzjoni ta’ multi fuq operaturi ekonomiċi għan-nuqqas ta’ konformità ma’ talba kklassifikata bħala prijorità aċċettata espressament

1.   Meta jiġi stabbilit l-ammont tal-multa msemmi fl-Artikolu 29(10), il-Kummissjoni għandha tqis id-daqs u r-riżorsi ekonomiċi tal-operatur ekonomiku kkonċernat, kif ukoll in-natura, il-gravità u t-tul ta’ żmien tan-nuqqas ta’ konformità mat-talba kklassifikata bħala prijorità aċċettata espressament, filwaqt li jitqiesu l-prinċipji tal-proporzjonalità u l-adegwatezza.

2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġuriżdizzjoni mingħajr limiti sabiex tirrieżamina d-deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tkun stabbiliet multa f’konformità mal-Artikolu 29(10). Hija tista’ tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta.

Artikolu 31

Perjodu ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi

1.   Is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi f’konformità mal-Artikolu 29(10) għandha tkun soġġetta għall-perjodi ta’ limitazzjoni ta’ sentejn.

2.   Iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih il-Kummissjoni ssir konxja tan-nuqqas ta’ konformità mat-talba kklassifikata bħala prijorità aċċettata espressament. Madankollu, f’każ ta’ ksur kontinwu jew ripetut ta’ nuqqas ta’ konformità, iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih jintemm in-nuqqas ta’ konformità.

3.   Kwalunkwe azzjoni meħuda mill-Kummissjoni jew mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għall-finijiet li tiġi żgurata l-konformità mat-talba kklassifikata bħala prijorità għandha tinterrompi l-perjodu ta’ limitazzjoni.

4.   L-interruzzjoni tal-perjodu ta’ limitazzjoni għandha tapplika għall-partijiet kollha li jinżammu responsabbli għall-parteċipazzjoni fin-nuqqas ta’ konformità.

5.   Kull interruzzjoni għandha terġa’ tibda l-perjodu ta’ limitazzjoni. Madankollu, il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jiskadi mhux aktar tard mill-jum li fih ikun għadda perjodu ekwivalenti għal darbtejn dak tal-perjodu ta’ limitazzjoni mingħajr ma l-Kummissjoni tkun imponiet multa. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż biż-żmien li matulu l-perjodu ta’ limitazzjoni jiġi sospiż minħabba li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċedimenti pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 32

Perjodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar tal-ħlas ta’ multi

1.   Is-setgħa tal-Kummissjoni li tinforza deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 29(10) għandha tkun soġġetta għal perjodu ta’ limitazzjoni ta’ ħames snin.

2.   Iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih id-deċiżjoni ssir finali.

3.   Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar tal-ħlas ta’ multi għandu jiġi interrott:

(a)

permezz ta’ notifika ta’ deċiżjoni li tvarja l-ammont oriġinali tal-multa jew li tirrifjuta applikazzjoni għal varjazzjoni;

(b)

bi kwalunkwe azzjoni tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru, li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, imfassla biex tinforza l-ħlas tal-multa.

4.   Kull interruzzjoni għandha terġa’ tibda l-perjodu ta’ limitazzjoni.

5.   Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar tal-ħlas ta’ multi għandu jiġi sospiż sakemm:

(a)

huwa permess iż-żmien għall-ħlas;

(b)

l-infurzar tal-ħlas jiġi sospiż skont deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 33

Id-dritt li wieħed jinstema’ rigward l-impożizzjoni ta’ multi

1.   Qabel ma tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 29(10), il-Kummissjoni għandha tagħti lill-operatur ekonomiku kkonċernat l-opportunità li jinstema’ dwar:

(a)

sejbiet preliminari li tkun għamlet il-Kummissjoni, inkluża kwalunkwe kwistjoni li għaliha l-Kummissjoni tkun għamlet oġġezzjonijiet;

(b)

miżuri li l-Kummissjoni jaf tieħu fid-dawl tas-sejbiet preliminari skont il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu.

2.   L-operaturi ekonomiċi kkonċernati jistgħu jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar is-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 1, il-punt (a), f’limitu ta’ żmien li għandu jiġi ffissat mill-Kummissjoni fis-sejbiet preliminari tagħha u li ma jistax ikun anqas minn 21 jum.

3.   Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li l-operaturi ekonomiċi kkonċernati setgħu jikkummentaw dwarhom.

4.   Id-drittijiet tad-difiża tal-operatur ekonomiku kkonċernat għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ fi kwalunkwe proċedura. L-operatur ekonomiku kkonċernat għandu jkun intitolat li jkollu aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont it-termini ta’ divulgazzjoni nnegozjata, soġġett għall-interess leġittimu tal-operaturi ekonomiċi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali u għal dokumenti interni tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet tal-Istati Membri. B’mod partikolari, id-dritt ta’ aċċess ma għandux jestendi għall-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Xejn f’dan il-paragrafu ma għandu jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tiddivulga u tuża l-informazzjoni neċessarja biex tagħti prova ta’ nuqqas ta’ konformità.

Taqsima II

Miżuri oħra biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżijiet

Artikolu 34

Solidarjetà u distribuzzjoni kkoordinata ta’ oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżijiet

1.   F’każ ta’ nuqqas ta’ oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżijiet li jaffettwaw Stat Membru wieħed jew aktar, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan u jindikaw il-kwantitajiet neċessarji u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra. Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti u tissimplifika l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta’ rispons tal-Istati Membri.

2.   F’każ li l-Kummissjoni, skont il-paragrafu 1, tiġi infurmata li oġġetti rilevanti għall-kriżijiet u servizzi rilevanti għall-kriżijiet ma humiex suffiċjenti fi Stat Membru biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet relatati mal-emerġenza tas-suq intern, il-Kummissjoni, filwaqt li tqis l-opinjoni pprovduta mill-Bord u l-informazzjoni miġbura skont dan ir-Regolament, tista’ tirrakkomanda lil Stati Membri oħra biex jiddistribwixxu dawk l-oġġetti jew is-servizzi b’mod immirat, fejn possibbli, filwaqt li titqies il-ħtieġa li ma jiġix aggravat ulterjorment it-tfixkil fis-suq intern, inkluż f’żoni ġeografiċi partikolarment affettwati minn tali tfixkil u f’konformità mal-prinċipji tan-neċessità, tal-proporzjonalità u tas-solidarjetà, u billi jiġi stabbilit l-użu effiċjenti ta’ dawk l-oġġetti jew is-servizzi bil-għan li tintemm l-emerġenza tas-suq intern.

Artikolu 35

Miżuri biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-provvista tal-oġġetti rilevanti għall-kriżijiet jew s-servizzi rilevanti għall-kriżijiet

1.   Meta l-Kummissjoni tiġi infurmata, skont l-Artikolu 34(1), li hemm riskju li oġġetti rilevanti għall-kriżijiet jew servizzi rilevanti għall-kriżijiet ma jkunux suffiċjenti fi Stat Membru biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet relatati mal-emerġenza tas-suq intern, hija tista’, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Bord, tirrakkomanda lill-Istati Membri jieħdu miżuri speċifiċi. Dawk il-miżuri għandhom, malajr kemm jista’ jkun, jiżguraw ir-riorganizzazzjoni effiċjenti tal-ktajjen tal-provvista u tal-linji tal-produzzjoni u l-użu ta’ stokkijiet eżistenti biex jiżdiedu d-disponibbiltà u l-provvista ta’ tali oġġetti jew servizzi.

2.   B’mod partikolari, il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinkludu miżuri:

(a)

li jiffaċilitaw l-espansjoni jew l-għoti ta’ skop ġdid ta’ kapaċitajiet tal-produzzjoni eżistenti jew l-istabbiliment ta’ kapaċitajiet tal-produzzjoni ġodda għall-oġġetti rilevanti għall-kriżijiet;

(b)

li jiffaċilitaw l-espansjoni ta’ kapaċitajiet eżistenti jew l-istabbiliment ta’ kapaċitajiet ġodda relatati mal-attivitajiet ta’ servizz;

(c)

li jkollhom l-għan li jaċċelleraw il-proċeduri rilevanti ta’ approvazzjoni u awtorizzazzjoni, inklużi permessi ambjentali, rigward il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżijiet jew li jaffettwawhom;

(d)

li jkollhom l-għan li jaċċelleraw il-proċeduri tal-awtorizzazzjoni u reġistrazzjoni għal servizzi rilevanti għall-kriżijiet.

(e)

li jkollhom l-għan li jaċċelleraw il-proċeduri rilevanti tal-approvazzjoni tal-prodotti fid-dawl tal-introduzzjoni fis-suq ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżijiet li ma huma soġġetti għall-ebda leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tarmonizza l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti.

TITOLU V

AKKWIST PUBBLIKU

KAPITOLU I

L-akkwist pubbliku mill-Kummissjoni f’isem l-Istati Membri jew għan-nom tagħhom matul modalità ta’ viġilanza tas-suq intern jew modalità ta’ emerġenza tas-suq intern

Artikolu 36

Talba tal-Istati Membri lill-Kummissjoni biex takkwista oġġetti u servizzi f’isimhom jew għan-nom tagħhom

1.   Żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jitolbu li l-Kummissjoni tniedi akkwist f’isem l-Istati Membri jew għan-nom tagħhom li jkunu jixtiequ jkunu rrappreżentati mill-Kummissjoni (“Stati Membri parteċipanti”), għax-xiri ta’ oġġetti u servizzi ta’ importanza kritika jew ta’ oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżijiet.

2.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta, mingħajr dewmien u b’konsultazzjoni mal-Bord, in-neċessità u l-proporzjonalità tat-talba msemmija fil-paragrafu 1. Meta l-Kummissjoni ma jkunx beħsiebha tilqa’ dik it-talba, hija għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati u lill-Bord u tagħti raġunijiet għar-rifjut tagħha.

3.   Meta l-Kummissjoni taqbel li twettaq akkwisti f’isem l-Istati Membri parteċipanti jew għan-nom tagħhom, hija għandha:

(a)

tinforma lill-Istati Membri kollha u lill-Bord bl-intenzjoni tagħha li twettaq il-proċedura ta’ akkwist u tistieden lill-Istati Membri interessati biex jipparteċipaw;

(b)

tfassal proposta għal ftehim li għandu jiġi konkluż mal-Istati Membri parteċipanti li jippermetti lill-Kummissjoni twettaq akkwisti f’isimhom jew għan-nom tagħhom.

Il-ftehim ibbażat fuq il-proposta msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet dettaljati għall-akkwist, inklużi l-arranġamenti prattiċi, il-kwantitajiet massimi proposti, il-kundizzjonijiet tax-xiri jew tal-kiri komuni f’isem l-Istati Membri parteċipanti jew għan-nom tagħhom, inklużi l-prezzijiet u l-perjodi ta’ żmien għall-konsenja.

4.   Meta l-Kummissjoni tikkanċella l-proċedura ta’ akkwist f’konformità mal-Artikolu 174 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 (ir-“Regolament Finanzjarju”), hija għandha tinforma minnufih lill-Istati Membri parteċipanti b’dan, sabiex ikunu jistgħu jibdew il-proċeduri ta’ akkwist tagħhom stess mingħajr dewmien.

Artikolu 37

Stabbiliment u implimentazzjoni tal-mandat ta’ negozjar tal-Kummissjoni

1.   Il-ftehim imsemmi fl-Artikolu 36(3), it-tieni subparagrafu, għandu jistabbilixxi mandat ta’ negozjar biex il-Kummissjoni twettaq akkwist, f’isem l-Istati Membri parteċipanti jew għan-nom tagħhom, ta’ oġġetti u servizzi rilevanti ta’ importanza kritika jew oġġetti u s-servizzi rilevanti għall-kriżijiet permezz tal-konklużjoni ta’ kuntratti ġodda. Dak il-mandat ta’ negozjar għandu jinkludi l-kriterji tal-għoti.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istati Membri parteċipanti biex jinnominaw rappreżentanti biex jieħdu sehem fin-negozjar tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 36(3), il-punt (b), kif ukoll fit-tħejjija tal-proċedura ta’ akkwist pubbliku.

3.   Taħt dak il-ftehim, il-Kummissjoni għandha tkun intitolata, meta twettaq akkwist f’isem l-Istati Membri parteċipanti jew għan-nom tagħhom, li tidħol f’kuntratti ma’ operaturi ekonomiċi, inklużi produtturi individwali ta’ oġġetti u servizzi ta’ importanza kritika jew oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżijiet, dwar il-forniment ta’ tali oġġetti jew servizzi.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 174 tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha twettaq il-proċeduri ta’ akkwist f’isem l-Istati Membri parteċipanti jew għan-nom tagħhom, inkluża l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-għoti u tikkonkludi l-kuntratti li jirriżultaw mal-operaturi ekonomiċi.

5.   Meta timplimenta l-ftehimiet li jirriżultaw u meta twettaq il-proċeduri ta’ akkwist, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Istati Membri parteċipanti jiġu ttrattati b’mod mhux diskriminatorju.

Artikolu 38

Arranġamenti għall-akkwist mill-Kummissjoni f’isem l-Istati Membri jew għan-nom tagħhom

1.   L-akkwist skont dan ir-Regolament għandu jitwettaq mill-Kummissjoni f’konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju għall-akkwist tagħha stess.

2.   Meta jkun debitament ġustifikat b’urġenza estrema jew strettament neċessarju sabiex ikun hemm adattament għal ċirkostanzi mhux previsti fl-iżvilupp tal-emerġenza tas-suq intern, u dment li l-modifika ma tibdilx b’mod sostanzjali s-suġġett tal-kuntratt, il-Kummissjoni tista’ bi qbil mal-kuntrattur:

(a)

tippermetti li l-kuntratt li jkun ġie ffirmat jiġi mmodifikat,‘il fuq mil-limitu minimu ta’ 50 % u sa 100 % tal-valur inizjali tal-kuntratt; jew

(b)

bi qbil komuni mal-maġġoranza sempliċi tal-Istati Membri parteċipanti, tippermetti lil Stati Membri oħra jissieħbu f’kuntratt li jkun ġie ffirmat, jew tiffirma kuntratt addizzjonali mal-kuntrattur magħżul.

3.   Modifika għandha titqies li qed tbiddel b’mod sostanzjali s-suġġett tal-kuntratt meta tagħmel il-kuntratt materjalment differenti fis-sustanza minn dak inizjalment konkluż, jiġifieri meta tiġi ssodisfata waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-modifika tintroduċi jew tneħħi kundizzjonijiet sinifikanti li, kieku kienu parti mill-proċedura ta’ akkwist inizjali, kienu jippermettu l-ammissjoni ta’ offerenti oħra minbarra dawk inizjalment magħżula, jew għall-aċċettazzjoni ta’ offerta minbarra dik aċċettata oriġinarjament jew kienu jattiraw parteċipanti addizzjonali fil-proċedura ta’ akkwist, jew li ma kinux iwasslu għall-għażla tal-offerent li jirbaħ il-kuntratt;

(b)

il-modifika tibdel b’mod sinifikanti l-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt favur il-kuntrattur b’mod li ma kienx previst fil-kuntratt inizjali;

(c)

il-modifika testendi b’mod sinifikanti l-ambitu tal-kuntratt.

KAPITOLU II

Akkwist konġunt matul modalitajiet ta’ viġilanza tas-suq intern u ta’ emerġenza tas-suq intern

Artikolu 39

Proċedura ta’ akkwist konġunt

1.   Il-Kummissjoni, u awtorità kontraenti jew entità kontraenti waħda jew aktar, kif definiti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/25/UE, mill-Istati Membri parteċipanti, jistgħu jwettqu proċedura ta’ akkwist konġunt f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 168(2) tar-Regolament Finanzjarju bil-ħsieb tal-forniment ta’ oġġetti u servizzi ta’ importanza kritika jew oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżijiet. L-Istati Membri jistgħu jakkwistaw jew jikru kompletament il-kapaċitajiet akkwistati b’mod konġunt.

2.   Il-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ akkwist konġunt għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri, l-Istati tal-EFTA u l-pajjiżi kandidati għall-Unjoni kollha, kif ukoll il-Prinċipat ta’ Andorra, il-Prinċipat ta’ Monaco, ir-Repubblika ta’ San Marino u l-Istat tal-Belt tal-Vatikan. Għall-fini ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 41, jenħtieġ li dawk il-pajjiżi jitqiesu bħala Stati Membri parteċipanti f’każ li jiddeċiedu li jipparteċipaw fl-akkwist konġunt.

3.   Il-proċedura ta’ akkwist konġunt għandha tkun preċeduta minn ftehim ta’ akkwist konġunt bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri parteċipanti sabiex jiġu determinati l-arranġamenti prattiċi li jirregolaw l-akkwist u l-kriterji tal-għoti, f’konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew dwar il-proċeduri ta’ akkwist konġunt imwettqa f’konformità ma’ dan l-Artikolu u, fuq talba, tagħti aċċess għall-kuntratti li jiġu konklużi b’riżultat ta’ dawk il-proċeduri, soġġett għall-protezzjoni adegwata ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva, inklużi sigrieti tan-negozju, relazzjonijiet kummerċjali u l-interessi tal-Unjoni.

KAPITOLU III

Akkwist mill-Istati Membri matul il-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern

Artikolu 40

Konsultazzjoni u koordinazzjoni rigward l-akkwist individwali mill-Istati Membri

Meta l-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern tkun ġiet attivata skont l-Artikolu 18, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-aħjar sforzi biex jinfurmaw lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ akkwist li jkunu għaddejjin ta’ oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżijiet.

Qabel it-tnedija ta’ kwalunkwe proċedura ġdida ta’ akkwist f’konformità mad-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jinfurmaw lil xulxin dwar l-intenzjoni ta’ kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet kontraenti jew mill-entitajiet kontraenti tagħhom li jniedu proċeduri ta’ akkwist għal oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżijiet;

(b)

jikkonsultaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar l-aktar mod xieraq ta’ akkwist; u

(c)

jikkoordinaw il-proċeduri ta’ akkwist tagħhom fi żmien l-emerġenza tas-suq intern fl-ispirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri.

Artikolu 41

Klawżola ta’ esklużività

1.   Matul modalità ta’ emerġenza tas-suq intern, il-ftehim li jirregola l-akkwist tal-Kummissjoni f’isem Stat Membru parteċipanti wieħed jew aktar jew għan-nom tagħhom, jew l-akkwist konġunt bejn il-Kummissjoni u Stat Membru parteċipanti wieħed jew aktar għandu, fejn xieraq, jipprevedi klawżola ta’ esklużività, li tgħid li l-Istati Membri parteċipanti jimpenjaw ruħhom li ma jakkwistawx l-oġġetti rilevanti għall-kriżijiet jew is-servizzi rilevanti għall-kriżijiet inkwistjoni permezz ta’ mezzi oħra u li ma jwettqux negozjati paralleli.

Meta tiġi prevista klawżola ta’ esklużività, hija għandha tistipula li l-Istati Membri parteċipanti jitħallew iniedu l-proċedura ta’ akkwist tagħhom stess għall-akkwist ta’ kwantitajiet addizzjonali ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżijiet jew għas-servizzi rilevanti għall-kriżijiet li jkunu soġġetti għall-akkwist konġunt jew għall-akkwist kontinwu mill-Kummissjoni f’isem l-Istati Membri jew għan-nom tagħhom b’mod li ma jimminax l-akkwist li jkun għaddej, soġġett għall-qbil tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Istati Membri parteċipanti l-oħra kollha. It-talba għal tali ftehim għandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni, li għandha tgħaddiha lill-Istati Membri parteċipanti l-oħra għall-kunsiderazzjoni tagħhom.

2.   Il-klawżola ta’ esklużività għandha tapplika fir-rigward ta’ kwalunkwe kuntratt ġdid, inkluż kuntratti speċifiċi f’kuntratti qafas, li l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti tal-Istati Membri parteċipanti jikkunsidraw li jikkonkludu matul l-attivazzjoni tal-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern.

TITOLU VI

PROTEZZJONI TAD-DATA, KUNFIDENZJALITÀ, REGOLI TA’ SIGURTÀ U GĦODOD DIĠITALI

Artikolu 42

Protezzjoni tad-data personali

1.   Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-ipproċessar tagħhom ta’ data personali skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (57) dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika, jew l-obbligi tal-Kummissjoni u, fejn xieraq, istituzzjonijiet u korpi oħrajn tal-Unjoni, relatati mal-ipproċessar tagħhom ta’ data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, meta jkunu qegħdin iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom.

2.   Id-data personali ma għandhiex tiġi pproċessata jew ikkomunikata ħlief f’każijiet li fihom dan ikun strettament neċessarju għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. F’tali każijiet, għandhom japplikaw kif xieraq il-kundizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 u tar-Regolament (UE) 2018/1725.

3.   Meta l-ipproċessar ta’ data personali ma jkunx strettament neċessarju għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmi stabbiliti b’dan ir-Regolament, id-data personali għandha ssir anonima b’tali mod li s-suġġett tad-data ma jkunx identifikabbli.

Artikolu 43

Kunfidenzjalità u regoli ta’ sigurtà dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni li tasal

1.   L-informazzjoni li tasal b’riżultat tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-iskop li għalih tkun intalbet.

2.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw il-protezzjoni tas-sigrieti ta’ negozju u kummerċjali u informazzjoni sensittiva u kunfidenzjali oħra miksuba u ġġenerata bl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż b’relazzjoni ma’ rakkomandazzjonijiet u miżuri li għandhom jittieħdu, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali.

3.   Il-Kummissjoni ma għandha tikkondividi l-ebda informazzjoni li tkun waslitilha skont dan ir-Regolament b’mod li jista’ jwassal għall-identifikazzjoni ta’ operatur ekonomiku individwali meta l-kondiviżjoni tal-informazzjoni tirriżulta fi ħsara potenzjali kummerċjali jew għar-reputazzjoni lil dak l-operatur ekonomiku jew fid-divulgazzjoni ta’ sigrieti kummerċjali.

4.   Il-Bord għandu jkun marbut bir-regoli ta’ sigurtà tal-Kummissjoni għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata u informazzjoni sensittiva mhux ikklassifikata tal-Unjoni Ewropea.

5.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-informazzjoni kklassifikata pprovduta jew skambjata skont dan ir-Regolament ma tiġix degradata jew deklassifikata mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-oriġinatur ta’ dik l-informazzjoni.

Artikolu 44

Għodod diġitali

1.   Sad-29 ta’ Mejju 2026, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom, meta ma jkun hemm ebda għodda xierqa eżistenti jew infrastruttura tal-IT, jistabbilixxu, iżommu u jaġġornaw regolarment għodod diġitali interoperabbli jew infrastrutturi tal-IT li jappoġġaw l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Tali għodod jew infrastrutturi għandhom jiġu żviluppati barra mit-tul ta’ żmien ta’ modalità ta’ emerġenza tas-suq intern sabiex jirrispondu għal emerġenzi futuri possibbli fil-ħin u b’mod effiċjenti. Dawn għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, għodod diġitali standardizzati, siguri u effettivi għall-ġbir u l-iskambju siguri ta’ informazzjoni, kif ukoll portal diġitali uniku jew sit web iddedikati fejn iċ-ċittadini u n-negozji jistgħu jsibu u jissottomettu formoli ta’ dikjarazzjoni, reġistrazzjoni jew awtorizzazzjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-aspetti tekniċi ta’ tali għodod jew infrastrutturi billi tuża, fejn possibbli, għodod tal-IT u portali eżistenti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 45(2).

TITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 45

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat bl-isem “Kumitat għall-Emerġenza u r-Reżiljenza tas-Suq Intern”. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

Artikolu 46

Rapportar, rieżami u evalwazzjoni

1.   Sad-29 ta’ Novembru 2029, u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’, u tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament u l-effettività ta’ dan ir-Regolament.

2.   Barra minn hekk, sa erba’ xhur wara d-diżattivazzjoni tal-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern jew tal-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern, kif applikabbli, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tal-miżuri implimentati skont dan ir-Regolament fir-rigward tal-kriżi li wasslet għall-attivazzjoni ta’ dik il-modalità, b’mod partikolari dwar l-effettività ta’ dawk il-miżuri u tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dawk il-miżuri.

3.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu akkumpanjati, fejn xieraq, minn proposti leġiżlattivi rilevanti.

4.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jinkludu, b’mod partikolari, evalwazzjoni ta’ dan li ġej:

(a)

il-kontribut ta’ dan ir-Regolament għall-funzjonament bla xkiel u effiċjenti tas-suq intern, b’mod partikolari fir-rigward tal-moviment liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni u l-evitar ta’ miżuri nazzjonali diverġenti li joħolqu restrizzjonijiet transfruntiera;

(b)

il-miżuri implimentati skont dan ir-Regolament, inkluża valutazzjoni tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u proporzjonalità, b’mod partikolari:

(i)

l-impatt tal-miżuri implimentati fil-qafas tal-fażi ta’ kontinġenza, b’mod partikolari miżuri rigward it-testijiet tal-istress, it-taħriġ u l-protokolli ta’ kriżi, l-għodod diġitali, ir-reżiljenza u d-disponibbiltà tal-oġġetti;

(ii)

l-impatt tal-miżuri implimentati fil-qafas tal-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern;

(iii)

l-impatt tal-miżuri implimentati matul il-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern, u b’mod partikolari fuq id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta, jiġifieri fir-rigward tal-libertà ta’ intrapriża, il-libertà li wieħed ifittex impjieg u li jaħdem, u fuq id-dritt għal negozjar u azzjoni kollettivi, inkluż id-dritt tal-istrajkjar;

(c)

il-ħidma tal-Bord, inkluża l-ħidma tiegħu fir-rigward tal-ħidma ta’ korpi rilevanti oħra rilevanti għall-kriżijiet fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari l-IPCR, l-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa u l-UCPM;

(d)

l-adegwatezza tal-kriterji għall-attivazzjoni tal-modalità ta’ viġilanza tas-suq intern jew tal-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern, kif applikabbli.

5.   Għall-fini tal-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Bord għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni fuq t-talba tagħha.

Fejn neċessarju, il-Kummissjoni tista’ titlob u tikseb ukoll kwalunkwe għarfien speċjalizzat jew xjentifiku rilevanti minn korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti tal-Unjoni.

Artikolu 47

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 2679/98

Ir-Regolament (KE) Nru 2679/98 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Dan ir-Regolament ma għandu bl-ebda mod jaffettwa l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali kif rikonoxxuti fl-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni, inkluż id-dritt jew il-libertà tal-istrajkjar jew li jittieħdu azzjonijiet oħra koperti bis-sistemi speċifiċi ta’ relazzjonijiet industrijali fl-Istati Membri, f’konformità mal-liġi jew mal-prattika nazzjonali. Ma għandux jaffettwa d-dritt tal-ħaddiema u l-imjegaturi, f’konformità mal-liġi jew il-prattika nazzjonali, li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi u, f’każijiet ta’ kunflitti ta’ interess, li jieħdu azzjoni kollettiva biex jiddefendu l-interessi tagħhom, inkluż azzjoni ta’ strajk.”

;

(2)

jiżdied l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 5a

1.   Meta l-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern kif definita fl-Artikolu 3, il-punt (3), tar-Regolament (UE) 2024/2747 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) tkun ġiet attivata f’konformità mal-Artikolu 18 ta’ dak ir-Regolament, l-Artikoli 3, 4 u 5 ta’ dan ir-Regolament għandhom jieqfu japplikaw fir-rigward tal-oġġetti rilevanti għall-kriżijiet elenkati f’att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 18(4) ta’ dak ir-Regolament għat-tul ta’ żmien tal-modalità ta’ emerġenza tas-suq intern.

2.   Meta l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu japplika, l-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-Regolament qabel l-attivazzjoni tal-modalità ta’ emerġenza f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/2747 jibqgħu mhux affettwati.

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2024/2747 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2024 li jistabbilixxi qafas ta’ miżuri relatati ma’ emerġenza tas-suq intern u mar-reżiljenza tas-suq intern u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2679/98 (Att dwar l-Emerġenzi u r-Reżiljenza tas-Suq Intern) (ĠU L, 2024/2747, 8.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2747/oj)”."

Artikolu 48

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mid-29 ta’ Mejju 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, id-9 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(1)   ĠU C 100, 16.3.2023, p. 95.

(2)   ĠU C 157, 3.5.2023, p. 82.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Settembru 2024.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2024/1252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jistabbilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1724 u (UE) 2019/1020 (ĠU L, 2024/1252, 3.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1252/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2022/123 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Jannar 2022 dwar rwol imsaħħaħ għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini fit-tħejjija għall-kriżijiet u fil-maniġġar tagħhom għall-prodotti mediċinali u għall-apparati mediċi (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2022/2370 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 851/2004 li jistabbilixxi ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard (ĠU L 314, 6.12.2022, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE (ĠU L 314, 6.12.2022, p. 26).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2372 tal-24 ta’ Ottubru 2022 dwar qafas ta’ miżuri għall-iżgurar tal-provvista ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi fil-każ ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell tal-Unjoni (ĠU L 314, 6.12.2022, p. 64).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/415/UE tal-24 ta’ Ġunju 2014 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni mill-Unjoni tal-klawżola ta’ solidarjetà (ĠU L 192, 1.7.2014, p. 53).

(10)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1993 tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar l-Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (ĠU L 320, 17.12.2018, p. 28).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(13)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/300 tad-19 ta’ Frar 2019 li tistabbilixxi pjan ġenerali għall-immaniġġjar ta’ kriżijiet fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf (ĠU L 50, 21.2.2019, p. 55).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2015/479 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar regoli komuni għall-esportazzjoni (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 34).

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(16)  Id-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza ta’ entitajiet kritiċi u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 164).

(17)  Ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 141, 27.5.2011, p. 1).

(18)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(19)  Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).

(20)  Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

(21)  Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

(22)  Id-Direttiva 2000/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar emissjoni tal-ħoss fl-ambjent minn tagħmir għall-użu ta’ barra (ĠU L 162, 3.7.2000, p. 1).

(23)  Id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24).

(24)  Id-Direttiva 2010/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2010 dwar apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 76/767/KEE, 84/525/KEE, 84/526/KEE, 84/527/KEE u 1999/36/KE (ĠU L 165, 30.6.2010, p. 1).

(25)  Id-Direttiva 2014/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-twettiq tad-disponibilità fis-suq ta’ reċipjenti sempliċi taħt pressjoni (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 45).

(26)  Id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 79).

(27)  Id-Direttiva 2014/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għal liftijiet u komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 251).

(28)  Id-Direttiva 2014/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għal tagħmir u sistemi ta’ protezzjoni maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment esplużivi (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 309).

(29)  Id-Direttiva 2014/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mad-disponibbiltà fis-suq ta’ tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 357).

(30)  Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).

(31)  Id-Direttiva 2014/68/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mat-tqegħid fis-suq ta’ apparat ta’ pressjoni (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 164).

(32)  Ir-Regolament (UE) 2016/424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar l-installazzjonijiet tal-funikular u li jħassar id-Direttiva 2000/9/KE (ĠU L 81, 31.3.2016, p. 1).

(33)  Ir-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar tagħmir ta’ protezzjoni personali u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (ĠU L 81, 31.3.2016, p. 51).

(34)  Ir-Regolament (UE) 2016/426 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar tagħmir li jaħraq karburanti gassużi u li jħassar id-Direttiva 2009/142/KE (ĠU L 81, 31.3.2016, p. 99).

(35)  Ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5).

(36)  Ir-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE (ĠU L 135, 23.5.2023, p. 1).

(37)  Ir-Regolament (UE) 2023/1230 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2023 dwar il-makkinarju u li jħassar id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 73/361/KEE (ĠU L 165, 29.6.2023, p. 1).

(38)  Id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU L 210, 7.8.1985, p. 29).

(39)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).

(40)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(41)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(42)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

(43)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

(44)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(45)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(46)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(47)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2679/98 tas-7 ta’ Diċembru 1998 dwar il-ħidma tas-suq intern b’relazzjoni mal-moviment liberu tal-oġġetti fost l-Istati Membri (ĠU L 337, 12.12.1998, p. 8).

(48)  Id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67).

(49)  Ir-Regolament (UE) 2023/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar li jistabbilixxi qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/694 (l-Att dwar iċ-Ċipep) (ĠU L 229, 18.9.2023, p. 1).

(50)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51).

(51)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(52)  Id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1).

(53)  Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).

(54)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(55)  Ir-Regolament (UE) 2024/2748 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2024 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 305/2011, (UE) 2016/424, (UE) 2016/425, (UE) 2016/426, (UE) 2023/988 u (UE) 2023/1230 fir-rigward tal-proċeduri ta’ emerġenza għall-valutazzjoni tal-konformità, il-preżunzjoni tal-konformità, l-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet komuni u s-sorveljanza tas-suq minħabba emerġenza tas-suq intern (ĠU L, 2024/2748, 8.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2748/oj).

(56)  Id-Direttiva (UE) 2024/2749 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2024 li temenda d-Direttivi 2000/14/KE, 2006/42/KE, 2010/35/UE, 2014/29/UE, 2014/30/UE, 2014/33/UE, 2014/34/UE, 2014/35/UE, 2014/53/UE u 2014/68/UE fir-rigward tal-proċeduri ta’ emerġenza għall-valutazzjoni tal-konformità, il-preżunzjoni tal-konformità, l-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet komuni u s-sorveljanza tas-suq minħabba emerġenza tas-suq intern (ĠU L, 2024/2749, 8.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/2749/oj).

(57)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2747/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)