SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
19 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Direttiva 2013/32/UE – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Raġunijiet ta’ inammissibbiltà – Artikolu 2(q) – Kunċett ta’ ‘applikazzjoni sussegwenti’ – Artikolu 33(2)(d) – Ċaħda minn Stat Membru ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni preċedenti ppreżentata fi Stat Membru ieħor jew minħabba l-għeluq minn Stat Membru ieħor tal-proċedura fir-rigward tal-applikazzjoni preċedenti”
Fil-Kawżi magħquda C‑123/23 u C‑202/23 [Khan Yunis u Baabda] ( i ),
li għandha bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Minden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Minden, il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjonijiet tat‑28 ta’ Ottubru 2022, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Marzu 2023 (C‑123/23) u fit‑28 ta’ Marzu 2023 (C‑202/23), fil-proċeduri
N.A.K.,
E.A.K.,
Y.A.K. (C‑123/23),
M.E.O. (C‑202/23)
vs
Bundesrepublik Deutschland,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Gratsias (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Juhász-Tóth, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑29 ta’ Frar 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, A. Hoesch u R. Kanitz, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u J. Illouz, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma, J. Hottiaux, B. Schima u J. Vondung, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Ġunju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva. |
|
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn N.A.K., E.A.K. u Y.A.K. (Kawża C‑123/23) kif ukoll M.E.O. (Kawża C‑202/23) minn naħa, u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), min-naħa l-oħra, dwar il-legalità ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u għar-Refuġjati, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Federali”) li ċaħad l-applikazzjonijiet għall-ażil tagħhom bħala inammissibbli. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2011/95/UE
|
3 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), intitolat “Definizzjonijiet” jipprevedi: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[...]
[…]” |
Id‑Direttiva 2013/32
|
4 |
Il‑premessa 13 tad-Direttiva 2013/32 tipprovdi: “L-approssimazzjoni tar-regoli dwar il-proċeduri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandha tgħin biex tillimita l-movimenti sekondarji tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri, fejn dawn il-movimenti jkunu kkawżati mid-differenzi fl-oqsfa legali, u biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti għall-applikazzjoni tad-Direttiva [2011/95]fl-Istati Membri.” |
|
5 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]
[…]
|
|
6 |
L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Aċċess għall-proċedura”, jipprovdi: “1. Meta persuna tagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lil awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali għar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjonijiet bħal dawn, ir-reġistrazzjoni għandha sseħħ mhux iktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni. Jekk l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali issir lil awtoritajiet oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet bħal dawn, iżda mhumiex kompetenti għar-reġistrazzjoni taħt il-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ir-reġistrazzjoni għandha ssir mhux iktar tard minn sitt ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni. […] 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha opportunità effettiva biex tippreżentaha malajr kemm jista’ jkun. Fejn l-applikant ma jagħmilx l-applikazzjoni tiegħu, l-Istati Membri jistgħu japplikaw l-Artikolu 28 kif meħtieġ. […]” |
|
7 |
L-Artikolu 28 tal-istess direttiva intitolat “Proċedura f’każ ta’ rtirar impliċitu jew ta’ abbandun tal-applikazzjoni”, jipprevedi: “1. Fejn ikun hemm kawża raġonevoli sabiex jitqies li applikant ikun irtira jew abbanduna l-applikazzjoni tiegħu/tagħha b’mod impliċitu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni jew li twaqqaf l-eżami jew, sakemm l-awtorità determinanti tqis li l-applikazzjoni ma tkunx isserraħ fuq il-bażi ta’ eżami xieraq tas-sustanza tagħha f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva [2011/95], li tirrifjuta l-applikazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jassumu li l-applikant ikun impliċitament irtira jew abbanduna l-applikazzjoni tiegħu/tagħha għall- protezzjoni internazzjonali partikolarment meta jiġi aċċertat li:
[…] 2. Istati Membri għandhom jiżguraw li applikant li jerġa’ jirrapporta lill-awtorità kompetenti wara li tittieħed deċiżjoni ta’ twaqqif kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ikollu d-dritt li jitlob li jerġa’ jinfetaħ il-każ tiegħu jew li jippreżenta applikazzjoni ġdida li ma għandhiex tkun suġġetta għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 40 u 41. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu limitu ta’ żmien ta’ mill-anqas disa’ xhur li wara li tagħlaq, il-każ tal-applikant ma jkunx jista’ jerġa’ jinfetaħ jew l-applikazzjoni l-ġdida tista’ titqies bħala applikazzjoni sussegwenti u suġġetta għall-proċedura msemmija fl-Artikoli 40 u 41. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu biex il-każ tal-applikant jkun jista’ jinfetaħ mill-ġdid darba biss. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali persuna ma tiġix espulsa kuntrarjament għall-prinċipju ta’ non-refoulement. L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-awtorità determinanti terġa’ taqbad l-eżami mill-istadju fejn kien twaqqaf. 3. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 604/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-‘Regolament Dublin III’)].” |
|
8 |
Skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”: “1. Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament [Dublin III], l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95] fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu. 2. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall- protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk: [...]
[…]”. |
|
9 |
L-Artikolu 40 ta’ din id-direttiva, intitolat “Applikazzjoni sussegwenti” jipprevedi: “1. Fejn persuna li applikat għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru tagħmel sottomissjonijiet ulterjuri jew applikazzjoni sussegwenti fl-istess Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jeżamina dawn is-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-elementi tal-applikazzjoni sussegwenti fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni preċedenti jew fil-kuntest tal-eżami tad-deċiżjoni li tkun qiegħda tiġi riveduta jew appellata safejn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu kont ta’ u jikkunsidraw l-elementi kollha li fuqhom ikunu bażati s-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-applikazzjoni sussegwenti f’dan il-qafas. 2. Għall-finijiet tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali taħt l-Artikolu 33(2)(d), applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali għandha tkun suġġetta l-ewwel għal eżami preliminari dwar jekk, ikunux instabu, jew ġew ippreżentati mill-l-applikant elementi jew sejbiet ġodda dwar l-eżami jekk dan jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]. […] 5. Fejn applikazzjoni sussegwenti ma tiġix eżaminata ulterjorment taħt dan l-Artikolu, għandha titqies bħala inammissibbli, taħt l-Artikolu 33(2)(d). […] 7. Fejn persuna li fir-rigward tagħha trid tiġi infurzata deċiżjoni ta’ trasferiment skont ir-Regolament [Dublin III] tagħmel rappreżentazzjonijiet addizjonali jew applikazzjoni sussegwenti fl-Istat Membru li jitrasferixxi, dawk ir-rappreżentazzjonijiet jew applikazzjonijiet sussegwenti għandhom ikunu eżaminati mill-Istat Membru responsabli, kif definit f’dak ir-Regolament, konformement ma’ din id-Direttiva.” |
|
10 |
L-Artikolu 41 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet mid-dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju fil-każ ta’ applikazzjonijiet sussegwenti” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjoni mid-dritt li jibqa’ fit-territorju fejn persuna:
L-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjoni bħal din, biss meta l-awtorità determinanti tqis li deċiżjoni ta’ ritorn mhijiex se twassal għar-refoulement diretta jew indiretta fi ksur tal-obbligi ta’ dak l-Istat Membru taħt il-liġi internazzjonali u l-liġi tal-Unjoni.” |
Ir‑Regolament Dublin III
|
11 |
Bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48 tiegħu, ir-Regolament Dublin III ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat‑18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109), li kien issostitwixxa, konformement mal-Artikolu 24 tiegħu, il-Konvenzjoni li tiddetermina l-Istat Responsabbli biex jeżamina Applikazzjonijiet għall-Ażil iddepożitati għand wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmat f’Dublin fil‑15 ta’ Ġunju 1990 (ĠU 1997, C 254, p. 1). |
|
12 |
Skont l-Artikolu 1 intitolat “Suġġett, ir-Regolament Dublin III jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ippreżentata quddiem wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida imsejjaħ l-“Istat Membru Responsabbli”. |
|
13 |
Fil-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prinċipji Ġenerali u Salwagwardji”, l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-aċċess għall-proċedura tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.” |
|
14 |
L-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, intitolat “Klawsoli diskrezzjonali”, jipprevedi, fl-ewwel u fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu: “Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament. L- Istat Membru li jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont dan il-paragrafu għandu jsir l-Istat Membru responsabbli u għandu jassumi l-obbligi assoċjati ma’ dik ir-responsabbiltà. [...]”. |
|
15 |
L-Artikolu 18 tal-istess regolament, intitolat “Obbligi tal-Istat Membru responsabbli”, huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:
2. […] F’każijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-paragrafu 1(c), meta l-Istat Membru responsabbli ma kienx kompla bl-eżami ta’ applikazzjoni minħabba l-irtirar tagħha mill-applikant qabel ma ttieħdet deċiżjoni fl-ewwel istanza dwar is-sustanza, dak l-Istat Membru għandu jiżgura li l-applikant huwa intitolat jagħmel talba li l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu jew tagħha jitkompla jew li tiġi ddepożitata applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali, li ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala applikazzjoni sussegwenti kif previst fid-Direttiva [2013/32]. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitlesta l-eżami tal-applikazzjoni.” |
|
16 |
L-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Rimedji”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1) (c) jew (d) għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.” |
|
17 |
L-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Modalitajiet u żmien limitu”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. It-trasferiment tal-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fil-punti (c) jew (d) tal-Artikolu 18(1) mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3). […] 2. Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet.” |
Id‑dritt Ġermaniż
L‑AsylG
|
18 |
L-Artikolu 26a tal-Asylgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil) (BGBl. 2008 I, p. 1798), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AsylG”), intitolat “Pajjiżi terzi siguri”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu: “Bl-eċċezzjoni tal-Istati Membri [tal-Unjoni], l-Istati terzi siguri huma l-Istati elenkati fl-Anness I.” |
|
19 |
L-Artikolu 29 tal-AsylG, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Applikazzjoni għall-ażil tkun inammissibbli meta: […]
|
|
20 |
L-Artikolu 31 tal-AsylG, intitolat “Deċiżjonijiet tal-[Uffiċċju Federali] dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “Id-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil ammissibbli […] għandhom jispeċifikaw espressament jekk il-barrani jibbenefikax mill-istatus ta’ refuġjat jew mill-protezzjoni sussidjarja u jekk huwiex irrikonoxxut bħala benefiċjarju tad-dritt għal ażil. […]” |
|
21 |
L-Artikolu 71 tal-AsylG, intitolat “Applikazzjonijet sussegwenti”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Jekk, wara li applikazzjoni għall-ażil tiġi rtirata jew miċħuda definittivament, il-barrani jressaq applikazzjoni ġdida għal ażil (applikazzjoni sussegwenti), issir proċedura ġdida għal ażil biss jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 51(1) sa (3) tal-Verwaltungsverfahrengesetz [(il-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva) (BGBl. 2003 I, p. 102, iktar ’il quddiem il-VwVfG)]; l-eżami għandu jsir mill-Uffiċċju [Federali]. […]” |
|
22 |
L-Artikolu 71a tal-AsylG, intitolat “It-tieni applikazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Jekk, wara li l-proċedura ta’ ażil tkun ingħalqet b’ċaħda f’pajjiż terz sigur (Artikolu 26a) li għalih japplikaw id-dispożizzjonijiet legali tal-[Unjoni] li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-ipproċessar tal-proċeduri ta’ ażil jew li miegħu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkun ikkonkludiet trattat internazzjonali fuq dan is-suġġett, barrani jippreżenta fit-territorju federali applikazzjoni għall-ażil (it-tieni applikazzjoni), ma jkunx hemm bżonn li ssir proċedura oħra ta’ ażil ħlief meta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkun responsabbli għall-ipproċessar tal-proċedura ta’ ażil u l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 51(1) sa (3), tal-[VwVfG] ikunu ssodisfatti; l-eżami għandu jsir mill-Uffiċċju [Federali].” |
Il-VwVfG
|
23 |
L-Artikolu 51 tal-VwVfG jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “(1) Fuq talba tal-persuna kkonċernata, l-amministrazzjoni għandha tiddeċiedi dwar l-annullament jew l-emenda ta’ att amministrattiv li ma jistax jiġi kkontestat meta
[…] (2) L-applikazzjoni tkun ammissibbli biss jekk, mingħajr ma jitwettaq żball serju, il-persuna kkonċernata ma kinitx f’pożizzjoni li tinvoka, fil-kuntest tal-proċedura preċedenti, b’mod partikolari permezz ta’ rikors, ir-raġuni għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura.” |
Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari
Il‑Kawża C‑123/23
|
24 |
N.A.K. hija omm E.A.K. u Y.A.K., ulied minuri li tagħhom hija r-rappreżentant legali. Dawn il-persuni huma Palestinjani apolidi, li joriġinaw mill-Istrixxa ta’ Gaża. Skont id-dikjarazzjonijiet tagħhom, huma daħlu fil-Ġermanja fil‑11 ta’ Novembru 2019 u talbu l-ażil fil‑15 ta’ Novembru 2019. L-applikazzjonijiet tagħhom ġew irreġistrati fit‑22 ta’ Novembru 2019. Insostenn ta’ dawn l-applikazzjonijiet, N.A.K. sostniet li hija stess u wliedha ġew ippersegwitati mill-Hamas minħabba l-attivitajiet politiċi ta’ żewġha. Barra minn hekk, il-ġenituri tagħha riedu jobbligawha tagħti lil uliedha lill-familja ta’ żewġha u tirritorna waħedha fid-dar tal-ġenituri. |
|
25 |
Mid-dikjarazzjonijiet ta’ N.A.K. u mir-riċerki mwettqa mill-Uffiċċju Federali jirriżulta li N.A.K. kienet preċedentement ippreżentat applikazzjonijiet għall-ażil quddiem l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju ta’ Spanja u tar-Renju tal-Belġju. Talba għal teħid lura indirizzata mill-Uffiċċju Federali lill-awtorità kompetenti Spanjola ġiet miċħuda minn din tal-aħħar. Ma ġiet indirizzata l-ebda talba għat-teħid lura lill-awtorità kompetenti Belġjana. |
|
26 |
Bi tweġiba għal talba għal informazzjoni magħmula mill-Uffiċċju Federali, l-awtorità kompetenti Belġjana indikat, fil‑5 ta’ Marzu 2021, li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn N.A.K. fil‑21 ta’ Awwissu 2018 kienet ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Lulju 2019, li ma kinitx ġiet appellata. L-awtorità kompetenti Belġjana qieset, b’mod partikolari, li ma kienx intwera li kien probabbli li, fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, N.A.K. kienet qiegħda tirriskja li tiġi ppersegwitata jew li ssofri dannu serju. |
|
27 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Mejju 2021, l-Uffiċċju Federali ċaħad l-applikazzjonijiet għall-ażil ta’ N.A.K., ta’ E.A.K. u ta’ Y.A.K. essenzjalment għar-raġuni li l-Artikolu 71a tal-AsylG kien applikabbli u li l-kundizzjonijiet li jistgħu jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ proċedura ġdida għall-ażil ma kinux issodisfatti. Fid‑9 ta’ Ġunju 2021, N.A.K., E.A.K. u Y.A.K ippreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Minden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Minden, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
28 |
Din il-qorti tirrileva li mis-sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2021, L.R. (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda min-Norveġja) (C‑8/20, EU:C:2021:404), u tat‑22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda mid-Danimarka) (C‑497/21, EU:C:2022:721), jirriżulta li dispożizzjoni bħall-Artikolu 71a tal-AsylG ma tistax tapplika meta l-ewwel applikazzjoni għall-ażil tal-istess persuna kkonċernata tkun ġiet miċħuda, rispettivament, minn Stat terz jew minn Stat Membru differenti minn dak li lilu ssir it-tieni applikazzjoni li ma japplikax id-Direttiva 2011/95. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja espressament ħalliet miftuħa l-kwistjoni dwar jekk tali dispożizzjoni tistax tapplika fil-każ ta’ ċaħda tal-ewwel applikazzjoni għall-ażil minn Stat Membru ieħor li japplika din id-direttiva. Issa, din il-kwistjoni hija determinanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali, peress li, fil-każ ineżami, l-applikanti ma ppreżentawx provi jew fatti ġodda li setgħu jiġġustifikaw l-eżami tal-applikazzjoni tagħhom, skont l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 71a(1) tal-AsylG, moqri flimkien mal-Artikolu 51(1) u (2) tal-VwVfG. |
|
29 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, ikopri wkoll il-każ ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata wara l-adozzjoni, minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni, ta’ deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti analoga tal-istess applikant, b’tali mod li l-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva huwa applikabbli għal tali applikazzjoni. |
|
30 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgericht Minden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Minden) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva [2013/32], moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’dan l-Istat Membru għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli meta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata preċedentement fi Stat Membru ieħor kienet ġiet miċħuda b’mod definittiv bħala infondata minn dan l-Istat Membru ieħor?” |
Il‑Kawża C‑202/23
|
31 |
Fit‑2 ta’ Marzu 2020, M.E.O., ta’ nazzjonalità Libaniża, daħal fil-Ġermanja u ppreżenta applikazzjoni għall-ażil, irreġistrata mill-Uffiċċju Federali fit‑30 ta’ April 2020. Riċerka mwettqa minn dan tal-aħħar żvelat li, qabel id-dħul tiegħu fil-Ġermanja, M.E.O. kien ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Polonja. |
|
32 |
Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ April 2020, l-awtoritajiet Pollakki aċċettaw li jieħdu lura lil M.E.O. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2020, innotifikata lil M.E.O. fl‑1 ta’ Lulju 2020, l-Uffiċċju Federali ċaħad bħala inammissibbli l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu u ordna t-tneħħija tiegħu lejn il-Polonja. M.E.O. appella minn din id-deċiżjoni, u ppreżenta talba għal miżuri provviżorji. Din it-talba ġiet miċħuda fil‑31 ta’ Lulju 2020. Madankollu, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ M.E.O. lejn il-Polonja ma setgħetx tiġi eżegwita, mingħajr ma seta’ jitqies li M.E.O. ħarab, fis-sens tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III. |
|
33 |
Fit‑2 ta’ Frar 2021, l-Uffiċċju Federali annulla d-deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2020, minħabba li t-terminu għat-trasferiment ta’ M.E.O. lejn il-Polonja kien skada. Barra minn hekk, b’risposta għal talba tal-Uffiċċju Federali, l-awtoritajiet Pollakki informawh li l-proċedura dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn M.E.O. fil-Polonja kienet ingħalqet fl‑20 ta’ April 2020 minħabba li M.E.O. kien jirrisjedi fil-Ġermanja. Il-qorti tar-rinviju tindika li, konformement mal-leġiżlazzjoni Pollakka, din il-proċedura setgħet titkompla, fuq talba ta’ M.E.O., f’terminu ta’ disa’ xhur mill-għeluq tagħha, jiġifieri sal‑20 ta’ Jannar 2021. |
|
34 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Lulju 2021, l-Uffiċċju Federali ċaħad l-applikazzjoni għall-ażil ta’ M.E.O. bħala inammissibbli u heddu li jitneħħa lejn il-Libanu. Fis‑27 ta’ Lulju 2021, M.E.O. ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Awwissu 2021, din tal-aħħar issospendiet id-deċiżjoni ta’ tneħħija. |
|
35 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li, fid-dawl tal-fatti fil-kawża prinċipali, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 71a tal-AsylG huma ssodisfatti, b’tali mod li l-applikazzjoni għall-ażil ta’ M.E.O. għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. Fil-fatt, minn naħa, il-qorti tar-rinviju tqis li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tapplika meta l-proċedura ta’ ażil fi Stat terz sigur, fis-sens tal-Artikolu 26a tal-AsylG, tkun ingħalqet fid-data tat-trasferiment lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, konformement mal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, tar-responsabbiltà għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Dan huwa allegatament il-każ hawnhekk, peress li t-terminu għat-tkomplija tal-proċedura li tikkonċerna l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn M.E.O. fil-Polonja kien skada fl‑20 ta’ Jannar 2021, filwaqt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jidher li saret responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ M.E.O. fl-iskadenza tat-terminu, previst fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III, ta’ sitt xhur mid-deċiżjoni definittiva, meħuda fil‑31 ta’ Lulju 2020, dwar it-talba għal miżuri provviżorji ta’ M.E.O. kontra d-deċiżjoni li tordna t-tneħħija tiegħu lejn il-Polonja, jiġifieri fil‑31 ta’ Jannar 2021. |
|
36 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 51(1) u (2) tal-VwVfG ma japplikax fil-każ ineżami, sa fejn l-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn M.E.O. fil-Ġermanja hija bbażata fuq fatti li seħħew qabel it-tluq tiegħu mil-Libanu. Issa, għandu jiġi preżunt li M.E.O. invoka l-istess fatti insostenn tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata fil-Polonja jew, tal-inqas, li seta’ jagħmel dan, b’tali mod li dawn il-fatti ma setgħux jitqiesu bħala elementi ġodda li huwa ma setax jinvoka mingħajr nuqqas serju min-naħa tiegħu. |
|
37 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li, jekk jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi dispożizzjoni bħall-Artikolu 71a tal-AsylG, minħabba li applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali ma tistax titqies li hija “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, meta deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti tal-istess applikant tkun ittieħdet minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni, ir-rikors ta’ M.E.O. ikollu jintlaqa’. |
|
38 |
Fil-każ li jitqies li applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali tista’ tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(q), anki fil-każ fejn il-proċedura dwar applikazzjoni preċedenti tal-istess applikant, ippreżentata fi Stat Membru ieħor, tkun ingħalqet minn dan l-Istat Membru l-ieħor minħabba li l-applikant ikun naqas milli jkompliha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 jipprekludix iċ-ċaħda tal-applikazzjoni l-ġdida bħala inammissibbli sakemm il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fir-rigward tal-applikazzjoni preċedenti jkun għadu possibbli. Jekk dan huwa l-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk id-determinazzjoni tat-terminu li fih l-applikant jista’ jitlob il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fuq l-applikazzjoni preċedenti tiegħu taqax taħt id-dritt nazzjonali jew taħt id-dritt tal-Unjoni u, fl-ipoteżi fejn din taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, liema huwa t-terminu previst minn dan id-dritt. |
|
39 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgericht Minden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Minden) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
40 |
Fil-kawża C‑123/23, il-qorti tar-rinviju talbet li tingħata prijorità lil din tal-aħħar, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ April 2023, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ din it-talba. |
|
41 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Mejju 2023, il-Kawżi C‑123/23 u C‑202/23 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura, kif ukoll tas-sentenza. |
Fuq id‑domanda fil‑Kawża C‑123/23
|
42 |
Permezz tad-domanda tagħha fil-Kawża C‑123/23, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-possibbiltà li tiġi miċħuda bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tal-imsemmija direttiva, ippreżentata lil dan l-Istat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida li applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali preċedenti tagħha ppreżentata lil Stat Membru ieħor tkun ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni finali meħuda minn dan l-Istat Membru tal-aħħar. |
|
43 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha din tagħmel parti tkun trid tilħaq (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem), C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-formulazzjoni tal-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32, li jelenka b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jqisu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, L.R.(Applikazzjoni għall-ażil miċħuda min-Norveġja), C‑8/20, EU:C:2021:404, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi rrilevat li, fil-punt (d), din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw tali deċiżjoni meta din l-applikazzjoni tkun tikkostitwixxi “applikazzjoni sussegwenti” li fiha ma jidher jew jiġi ppreżentat mill-applikant ebda element jew fatt ġdid relatat mal-eżami intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jitlob l-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95. |
|
45 |
Il-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32 bħala applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali mressqa wara li tkun ingħatat deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti. |
|
46 |
B’hekk din id-definizzjoni tiġbor fi ħdanha l-kunċetti ta’ “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” u ta’ “deċiżjoni finali”, li huma ddefiniti wkoll fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, fil-punti (b) u (e) tiegħu, rispettivament. |
|
47 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kunċett ta’ “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” jew ta’ “applikazzjoni”, dan huwa ddefinit fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2013/32 bħala applikazzjoni għal protezzjoni magħmula lil “Stat Membru” minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, li tista’ tinftiehem bħala intiża sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fis-sens tad-Direttiva 2011/95. |
|
48 |
Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “deċiżjoni finali”, dan jirreferi, konformement mal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2013/32, għal kull deċiżjoni li tistabbilixxi jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna apolida tingħatax l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja bis-saħħa tad-Direttiva 2011/95 u li ma tistax iktar tkun is-suġġett ta’ rikors imressaq fil-kuntest tal-Kapitolu V tad-Direttiva 2013/32. |
|
49 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 45 sa 48 ta’ din is-sentenza, ma tistabbilixxix kundizzjoni li, sabiex tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti” u miċħuda bħala inammissibbli fin-nuqqas ta’ elementi jew ta’ fatti ġodda, applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali għandha tkun ġiet ippreżentata lill-awtoritajiet tal-istess Stat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti tal-istess applikant. |
|
50 |
Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
51 |
Fil-fatt, l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32, li jispeċifika l-proċedura applikabbli għall-applikazzjonijiet sussegwenti, jipprevedi, fil-paragrafu 7 tiegħu, b’mod partikolari, li, meta persuna li fir-rigward tagħha tkun trid tiġi eżegwita deċiżjoni ta’ trasferiment skont ir-Regolament Dublin III tippreżenta applikazzjoni sussegwenti fl-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment, din tal-aħħar għandha tiġi eżaminata mill-Istat Membru responsabbli fis-sens tal-imsemmi regolament. |
|
52 |
Issa, mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III jirriżulta li deċiżjoni ta’ trasferiment skont dan ir-regolament ma tistax tiġi adottata meta l-Istat Membru li fih tkun tinsab il-persuna kkonċernata jkun eżamina huwa stess applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn din il-persuna, peress li l-fatt li dan l-Istat Membru jkun wettaq tali eżami għandu l-konsegwenza li jkun sar l-“Istat Membru responsabbli”, fis-sens tal-imsemmi regolament, u ma jkun jista’ iktar jitlob it-trasferiment tal-applikant lejn Stat Membru ieħor. |
|
53 |
Minn dan isegwi loġikament li l-“applikazzjoni sussegwenti” msemmija fl-Artikolu 40(7) tad-Direttiva 2013/32 hija applikazzjoni ġdida ppreżentata fl-Istat Membru li jkun talab it-trasferiment wara li tkun ittieħdet deċiżjoni dwar applikazzjoni preċedenti tal-istess applikant mill-Istat Membru li lejh il-persuna kkonċernata tkun trid tiġi ttrasferita. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tikkonferma li l-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, jkopri wkoll il-każ ta’ applikazzjoni ġdida ppreżentata wara l-adozzjoni, minn Stat Membru ieħor, ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni preċedenti tal-istess applikant. |
|
54 |
L-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2013/32, li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-eventwali preżentazzjoni, minn persuna li tkun talbet li tibbenefika minn protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru partikolari, ta’ “applikazzjoni sussegwenti f’dak l-Istat Membru”, jikkonferma wkoll l-interpretazzjoni esposta fil-punt 49 tas-sentenza preżenti. Fil-fatt, jekk, sabiex tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tkun ġiet ippreżentata lill-awtoritajiet kompetenti tal-istess Stat Membru bħal dak li jkun ħa deċiżjoni dwar applikazzjoni preċedenti tal-istess applikant, ir-riferiment, fl-Artikolu 40(1) tal-imsemmija direttiva, għal applikazzjoni sussegwenti ppreżentata “f’dak l-Istat Membru” kien ikun superfluwu. |
|
55 |
Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 fis-sens li Stat Membru jista’ jikklassifika bħala “applikazzjoni sussegwenti” u jiċħad bħala inammissibbli, jekk ma tkunx sostnuta minn elementi jew fatti ġodda, applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn applikant li applikazzjoni preċedenti tiegħu tkun ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni finali meħuda minn Stat Membru ieħor hija wkoll konformi mal-għan tal-limitazzjoni tal-movimenti sekondarji tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri, għan imfittex minn din id-direttiva, hekk kif jirriżulta mill-premessa 13 tagħha. |
|
56 |
Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment fil-punti 82 sa 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 fis-sens li applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ma tistax tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti” u tiġi miċħuda bħala inammissibbli fin-nuqqas ta’ elementi jew ta’ fatti ġodda ħlief fil-każ fejn applikazzjoni preċedenti tal-istess applikant tkun ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni finali meħuda mill-istess Stat Membru, tista’ tinkoraġġixxi lill-applikanti li l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali jkunu ġew definittivament miċħuda mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru sabiex jiċċaqalqu lejn it-tieni wieħed, jew saħansitra t-tielet Stat Membru sabiex hemmhekk jippreżentaw applikazzjoni analoga ġdida, bit-tama li l-eżami komplet tagħha li, skont din l-interpretazzjoni, għandu jsir mill-awtoritajiet ta’ dawn l-Istati Membri l-oħra, iwassal għal riżultat li jkun favorevoli għalihom. |
|
57 |
Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-possibbiltà li tiġi miċħuda bħala inammissibbli applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali li ma hijiex ibbażata fuq elementi jew fatti ġodda u lanqas ma turi tali elementi jew tali fatti, fil-każ fejn applikazzjoni preċedenti tal-istess applikant tkun ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni meħuda minn Stat Membru ieħor, hija konformi mal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, li fuqu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija bbażata s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u li għandha, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li tippermetti l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Minister for Justice and Equality (Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Irlanda) (C‑616/19, EU:C:2020:1010, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
58 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 esposta fil-punt 55 tas-sentenza preżenti hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda mid-Danimarka) (C‑497/21, EU:C:2022:721). |
|
59 |
Huwa minnu li f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) tagħha, kif ukoll mal-Artikolu 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru minbarra r-Renju tad-Danimarka li tipprevedi l-possibbiltà li tiġi miċħuda bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, magħmula lil dan l-Istat Membru l-ieħor minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida li fir-rigward tiegħu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali preċedenti, magħmula lir-Renju tad-Danimarka, tkun ġiet miċħuda minn dan l-aħħar Stat Membru. |
|
60 |
Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 35 u 43 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja mmotivat din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 permezz tal-istatus partikolari li jgawdi minnu, skont il-Protokoll imsemmi fil-punt preċedenti, ir-Renju tad-Danimarka f’dak li jirrigwarda t-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, li taħtu jaqgħu, b’mod partikolari, il-politiki dwar il-kontrolli fil-fruntieri, l-ażil u l-immigrazzjoni. Fil-fatt, skont l-imsemmi protokoll, id-Direttiva 2011/95 ma tapplikax għal dan l-Istat Membru, b’tali mod li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti tal-imsemmi Stat Membru ma tistax tikkostitwixxi applikazzjoni intiża “li tfittex status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja”, fis-sens tad-Direttiva 2011/95. |
|
61 |
Mill-bqija, fil-punt 46 tas-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda mid-Danimarka) (C‑497/21, EU:C:2022:721), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 magħmula f’dik is-sentenza kienet bla ħsara għall-kwistjoni distinta dwar jekk il-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” japplikax għal applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lil Stat Membru wara ċ-ċaħda, permezz ta’ deċiżjoni finali, ta’ applikazzjoni preċedenti minn Stat Membru ieħor li ma huwiex ir-Renju tad-Danimarka. |
|
62 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domanda fil-Kawża C‑123/23 għandha tkun li l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-possibbiltà li tiġi miċħuda bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tal-imsemmija direttiva, ippreżentata lil dan l-Istat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali preċedenti tagħha ppreżentata lil Stat Membru ieħor li għalih tapplika d-Direttiva 2011/95 tkun ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni finali meħuda minn dan l-Istat Membru tal-aħħar. |
Fuq id‑domandi fil‑Kawża C‑202/23
|
63 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’dan il-kuntest, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid, jekk ikun meħtieġ, id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo,C‑742/19, EU:C:2021:597, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
64 |
Fil-fatt, il-fatt li, fuq livell formali, il-qorti tar-rinviju indikat, fid-domandi tagħha, ċerti dispożizzjonijiet partikolari tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali, billi tislet mill-elementi kollha pprovduti minn din il-qorti, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia,C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
65 |
Fil-każ ineżami, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, miġbura fil-qosor fil-punti 31 sa 35 tas-sentenza preżenti, jirriżulta li M.E.O., qabelxejn, ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lill-awtoritajiet Pollakki, u sussegwentement, fit‑2 ta’ Marzu 2020, daħal fil-Ġermanja u ppreżenta hemmhekk applikazzjoni għall-ażil, irreġistrata mill-Uffiċċju Federali fit‑30 ta’ April 2020. Fil-frattemp, fl‑20 ta’ April 2020, l-awtorità kompetenti Pollakka kienet għalqet il-proċedura mibdija permezz tal-applikazzjoni ppreżentata minn M.E.O. minħabba li dan tal-aħħar kien jirrisjedi fil-Ġermanja. |
|
66 |
Min-naħa tiegħu, l-Uffiċċju Federali, permezz tad-deċiżjoni tiegħu tal‑14 ta’ Lulju 2021, inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑202/23, ċaħad bħala inammissibbli l-applikazzjoni għall-ażil ta’ M.E.O., minħabba li, fid-data tat-trasferiment lejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, konformement mal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, tar-responsabbiltà għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ M.E.O., jiġifieri fil‑31 ta’ Jannar 2021, l-awtorità kompetenti Pollakka kienet diġà, permezz ta’ deċiżjoni finali, konformement mal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2013/32, għalqet il-proċedura dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali preċedenti ta’ dan l-applikant, peress li, skont din l-awtorità, l-imsemmija applikazzjoni kienet ġiet irtirata b’mod impliċitu. |
|
67 |
Minn dan jirriżulta li, sabiex tiġi miċħuda bħala inammissibbli l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ M.E.O., l-Uffiċċju Federali bbaża ruħu fuq il-premessa li, f’ċirkustanzi bħal dawk deskritti fil-punti 65 u 66 tas-sentenza preżenti, kien possibbli li l-applikazzjoni l-ġdida għal protezzjoni internazzjonali ta’ M.E.O. tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, u li jiġi applikat, fir-rigward tiegħu, l-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva. Id-domandi magħmula fil-Kawża C‑202/23 huma bbażati fuq din l-istess premessa. |
|
68 |
F’dan il-kuntest, id-domandi magħmula fil-Kawża C‑202/23 għandhom jiġu fformulati mill-ġdid u għandu jitqies li, permezz tagħhom, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-possibbiltà li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda bħala inammissibbli, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tal-imsemmija direttiva, ippreżentata lil dan l-Istat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida li tkun diġà ppreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lil Stat Membru ieħor, meta l-applikazzjoni l-ġdida tkun ġiet ippreżentata qabel ma l-awtorità kompetenti tat-tieni Stat Membru tkun ħadet, konformement mal-Artikolu 28(1) tal-istess direttiva, id-deċiżjoni li tagħlaq l-eżami tal-applikazzjoni preċedenti minħabba l-irtirar impliċitu tagħha. |
|
69 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi espressament il-possibbiltà li applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti” meta din tiġi “ppreżentata” wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali, fis-sens tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, fuq applikazzjoni preċedenti, inkluż il-każ fejn l-applikant ikun irtira b’mod espliċitu l-applikazzjoni tiegħu u l-każ fejn l-awtorità determinanti, fis-sens tal-Artikolu 2(f) tal-imsemmija direttiva, tkun ċaħdet applikazzjoni wara l-irtirar impliċitu tagħha, skont l-Artikolu 28(1) tal-istess direttiva. |
|
70 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi li meta jkun hemm kawża raġonevoli sabiex jitqies li applikant ikun irtira b’mod impliċitu l-applikazzjoni tiegħu jew ikun irrinunzja għaliha b’mod impliċitu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni jew li twaqqaf l-eżami tal-applikazzjoni jew, sakemm l-awtorità determinanti tqis li l-applikazzjoni ma tkunx isserraħ fuq il-bażi ta’ eżami xieraq tas-sustanza tagħha f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95/UE, li tirrifjuta l-applikazzjoni. |
|
71 |
Konformement mal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2013/32, l-Istati Membri jistgħu jippreżumu li l-applikant ikun impliċitament irtira l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali jew ikun impliċitament irrinunzja għaliha meta jiġi stabbilit li huwa ħarab jew telaq mingħajr awtorizzazzjoni mill-post fejn huwa kien jgħix jew tqiegħed f’detenzjoni, mingħajr ma kkuntattja lill-awtorità kompetenti fi żmien raġonevoli jew li ma osservax, fi żmien raġonevoli, l-obbligu li jirrapporta regolarment lill-awtoritajiet jew obbligi oħra ta’ komunikazzjoni, sakemm l-applikant ma jurix li dan kien dovut għal ċirkustanzi li ma humiex fil-kontroll tiegħu. |
|
72 |
Barra minn hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li applikant li jerġa’ jippreżenta ruħu quddiem l-awtorità kompetenti wara li tkun ittieħdet deċiżjoni ta’ għeluq l-eżami msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jkollu d-dritt li jitlob il-ftuħ mill-ġdid tal-fajl tiegħu jew li jippreżenta applikazzjoni ġdida li ma tkunx suġġetta għall-proċedura msemmija fl-Artikoli 40 u 41 ta’ din id-direttiva. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(2) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri jistgħu, minn naħa, jipprevedu terminu ta’ mill-inqas disa’ xhur li fi tmiemu l-fajl tal-applikant ma jkunx jista’ jinfetaħ mill-ġdid jew l-applikazzjoni l-ġdida tista’ tiġi ttrattata bħala applikazzjoni sussegwenti u tista’ tiġi suġġetta għall-proċedura msemmija fl-Artikoli 40 u 41 tal-istess direttiva u, min-naħa l-oħra, jipprevedu li l-fajl tal-applikant jista’ jinfetaħ mill-ġdid darba biss. |
|
73 |
Minkejja li l-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32 ma jsemmix espressament l-ipoteżi fejn l-Istat Membru li lilu l-applikant ikun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali jkun ħa d-deċiżjoni li jagħlaq l-eżami ta’ din l-applikazzjoni wara l-irtirar impliċitu tagħha, applikazzjoni ġdida ppreżentata wara l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni tista’ wkoll tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, li kieku dan ma kienx il-każ, ma kienx ikun neċessarju li jiġi previst, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(2) ta’ din id-direttiva, li applikazzjoni ġdida, ippreżentata minn applikant li jippreżenta ruħu mill-ġdid quddiem l-awtorità kompetenti wara li tkun ittieħdet deċiżjoni ta’ għeluq l-eżami msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 28, ma tkunx suġġetta għall-proċedura prevista fl-Artikoli 40 u 41 tal-imsemmija direttiva, li tikkonċerna l-applikazzjonijiet sussegwenti. |
|
74 |
Madankollu, mill-kliem stess tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali, ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida li tkun diġà ppreżentat tali applikazzjoni, tista’ tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti” u tiġi miċħuda bħala inammissibbli, konformement mal-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva, biss jekk tkun ġiet ippreżentata wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar din l-applikazzjoni preċedenti. Konsegwentement, il-klassifikazzjoni bħala “applikazzjoni sussegwenti” ta’ applikazzjoni ġdida tal-istess applikant hija eskluża meta din l-applikazzjoni l-ġdida tkun ġiet ippreżentata qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali fir-rigward tal-applikazzjoni preċedenti ta’ dan l-applikant. |
|
75 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 jiddistingwi bejn il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, ir-reġistrazzjoni tagħha, li hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, u l-preżentata tagħha, li teżiġi, bħala prinċipju, li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jimla formola prevista għal dan l-għan, konformement mal-paragrafi 3 u 4 tal-imsemmi artikolu (ara, f’dan l-istess sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Ministerio Fiscal (Awtorità li tista’ tirċievi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali) (C‑36/20 PPU, EU:C:2020:495, punti 87 u 93). |
|
76 |
Hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-azzjoni li “ssir” applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma teħtieġ ebda formalità amministrattiva, peress li l-imsemmija formalitajiet għandhom jiġu osservati waqt il-“preżentata” tal-applikazzjoni (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Ministerio Fiscal (Awtorità li tista’ tirċievi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali),C‑36/20 PPU, EU:C:2020:495, punt 93). |
|
77 |
Issa, fir-rigward tal-użu tal-kelma “magħmula” fl-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, għandu jiġi kkonstatat li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija rilevanti biss id-data li fiha tiġi ppreżentata. |
|
78 |
Barra minn hekk, id-deċiżjoni meħuda mill-awtorità determinanti, konformement mal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2013/32, li tagħlaq l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali minħabba li l-applikant ikun irtira impliċitament l-applikazzjoni tiegħu ma tistax titqies bħala deċiżjoni finali, fis-sens tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, sakemm l-applikant ikollu l-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 28(2) tal-imsemmija direttiva, li jitlob il-ftuħ mill-ġdid tal-fajl tiegħu jew li jippreżenta applikazzjoni ġdida li ma tkunx suġġetta għall-proċedura prevista fl-Artikoli 40 u 41 tad-Direttiva 2013/32. Għaldaqstant, applikazzjoni ġdida ppreżentata minn applikant f’din is-sitwazzjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva u tiġi miċħuda bħala inammissibbli, konformement mal-Artikolu 33(2)(d) tal-imsemmija direttiva. |
|
79 |
Fil-każ ineżami, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li M.E.O. ressaq applikazzjoni għall-ażil quddiem l-awtoritajiet Ġermaniżi fit‑2 ta’ Marzu 2020, filwaqt li d-deċiżjoni tal-awtorità Pollakka kompetenti li tagħlaq il-proċedura dwar l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lill-awtoritajiet Pollakki ġiet adottata biss fl‑20 ta’ April 2020 u li din il-proċedura setgħet, barra minn hekk, tkun is-suġġett ta’ ftuħ mill-ġdid. Jekk dan huwa effettivament il-każ, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi konkluż li l-klassifikazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata lill-awtoritajiet Ġermaniżi minn M.E.O. bħala “applikazzjoni sussegwenti” u ċ-ċaħda ta’ din l-applikazzjoni bħala inammissibbli, fin-nuqqas ta’ M.E.O. li jippreżenta elementi jew fatti ġodda fir-rigward tal-applikazzjoni preċedenti tiegħu, ma hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(q) u tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32. |
|
80 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-possibbiltà li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda bħala inammissibbli, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tal-imsemmija direttiva, ippreżentata lil dan l-Istat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida li tkun diġà ppreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lil Stat Membru ieħor, meta l-applikazzjoni l-ġdida tkun ġiet ippreżentata qabel ma l-awtorità kompetenti tat-tieni Stat Membru tkun ħadet, konformement mal-Artikolu 28(1) tal-istess direttiva, id-deċiżjoni li tagħlaq l-eżami tal-applikazzjoni preċedenti minħabba l-irtirar impliċitu tagħha. |
Fuq l‑ispejjeż
|
81 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.