SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

19 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/98/UE – Drittijiet tal-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi detenturi ta’ permess uniku – Artikolu 12 – Dritt għall-ugwaljanza fit-trattament – Sigurtà soċjali – Leġiżlazzjoni nazzjonali relatata mad-determinazzjoni tad-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja – Leġiżlazzjoni li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ulied minuri tad-detentur tal-permess uniku fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni tad-dħul legali tagħhom fit-territorju nazzjonali”

Fil-Kawża C‑664/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Versailles (il-Qorti tal-Appell ta’ Versailles, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

Caisse d’allocations familiales des Hauts-de-Seine

vs

TX,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn I. Jarukaitis (Relatur), President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal‑Ħames Awla, D. Gratsias u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal TX, minn S. Potiron, avocate,

–

għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u O. Duprat‑Mazaré, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Blanc‑Simonetti u J. Hottiaux, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru (ĠU 2011, L 343, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn TX, ċittadin ta’ pajjiż terz, detentur ta’ permess uniku, u l-caisse d’allocations familiales des Hauts-de-Seine (Franza) (iktar ’il quddiem il-“CAF”) dwar iċ-ċaħda tat-talba tiegħu intiża għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-ulied minuri tiegħu mwielda barra mill-pajjiż għad-determinazzjoni tad-drittijiet tiegħu għall-benefiċċji tal-familja.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2011/98

3

Il-premessi 20, 21, 24 u 26 tad-Direttiva 2011/98 jiddikjaraw:

“(20)

Iċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu u jaħdmu legalment fl-Istati Membri għandhom igawdu mill-inqas ġabra komuni ta’ drittijiet imsejsa fuq it-trattament ugwali bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti rispettiv tagħhom, irrispettivament mill-għan inizjali tal-ammissjoni jew il-bażi għaliha. Id-dritt għat-trattament ugwali fl-oqsma speċifikati minn din id-Direttiva għandu jingħata mhux biss lil dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġew ammessi fi Stat Membru biex jaħdmu iżda wkoll lil dawk kollha li ġew ammessi għal finijiet oħra u ngħataw aċċess għas-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat Membru skont dispożizzjonijiet oħra ta’ liġi tal-Unjoni jew nazzjonali inklużi l-membri tal-familja ta’ ħaddiem ta’ pajjiż terz li huma ammessi fl-Istat Membru skont id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224)] […]

(21)

Id-dritt għat-trattament ugwali f’oqsma speċifikati għandhu jkun strettament marbut mar-residenza legali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-aċċess mogħti għas-suq tax-xogħol fi Stat Membru, li huma inklużi f’permess uniku li jinkludi l-awtorizzazzjoni għar-residenza u għax-xogħol u f’permessi ta’ residenza maħruġa għal skopijiet oħra li jkunu jinkludu informazzjoni dwar il-permess tax-xogħol.

[…]

(24)

Ħaddiema ta’ pajjiżi terzi għandhom igawdu trattament ugwali f’dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali. Il-fergħat tas-sigurtà soċjali huma definiti fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72)]. Id-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ugwali rigward is-sigurtà soċjali f’din id-Direttiva għandhom japplikaw ukoll għall-ħaddiema li jiġu ammessi fi Stat Membru direttament minn pajjiż terz. Madankollu, din id-Direttiva m’għandhiex tagħti lil ħaddiema ta’ pajjiżi terzi aktar drittijiet minn dawk diġà pprovduti fil-liġi eżistenti tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu f’sitwazzjonijiet transkonfinali. Barra minn hekk, din id-Direttiva m’għandhiex tagħti drittijiet fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li huma barra mill-ambitu tal-liġi tal-Unjoni, bħal dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ membri tal-familja li jirrisjedu f’pajjiż terz. Din id-Direttiva tagħti drittijiet biss b’rabta ma’ membri tal-familja li jingħaqdu ma’ ħaddiem tal-pajjiż terz biex jirrisjedu fi Stat Membru abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja jew membri tal-familja li jkunu diġà residenti legalment f’dak l-Istat Membru.

[…]

(26)

Il-liġi tal-Unjoni ma tillimitax is-setgħa tal-Istati Membri li jorganizzaw l-iskemi tas-sigurtà soċjali tagħhom. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni [Ewropea], l-istabbiliment tal-kondizzjonijiet li f’konformità magħhom jingħataw il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, kif ukoll l-ammont ta’ tali benefiċċji u l-perijodu li jingħataw għalih, għandu jiddependi minn kull Stat Membru. Madankollu, meta jkunu qed jeżerċitaw dik is-setgħa, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni.”

4

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/98, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal:

[…]

(b)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġew ammessi fi Stat Membru għal finijiet oħra apparti xogħol skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, li jkunu jistgħu jaħdmu u li jħaddnu permess ta’ residenza f’konformità mar-[Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat‑13 ta’ Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiz terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 3)]; u

(c)

ċittadini ta’ pajjiż terz li ġew ammessi fi Stat Membru għall-fini ta’ xogħol f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali.”

5

Skont l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt għal trattament ugwali”:

“1.   Il-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi, kif imsemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 3(1) għandhom igawdu minn trattament ugwali maċ-ċittadini tal-Istat Membru fejn jirrisjedu fir-rigward ta’:

[…]

(e)

fergħat tas-sigurtà soċjali, kif definiti fir-Regolament [Nru 883/2004];

[…]

2.   L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu t-trattament ugwali:

[…]

(b)

billi jillimitaw id-drittijiet konferriti fuq ħaddiema ta’ pajjiżi terzi taħt il-punt (e) tal-paragrafu 1, iżda ma jillimitawx tali drittijiet mogħtija lil ħaddiema ta’ pajjiżi terzi li jkollhom impjieg jew li jkunu f’impjeg għal mhux anqas minn sitt xhur u li jkunu reġistrati bħala qiegħda.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-punt (e) tal-paragrafu 1 rigward il-benefiċċji għall-familja ma għandux japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu awtorizzati jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru għal perijodu ta’ żmien li ma jeċċedix is-sitt xhur, għal ċittadini ta’ pajjizi terzi li ġew ammessi għall-fini ta’ studju, jew għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom il-permess jaħdmu abbażi ta’ viża.

[…]”

Ir-Regolament Nru 883/2004

6

L-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprevedi li dan tal-aħħar japplika għal-leġiżlazzjonijiet kollha relatati mal-benefiċċji tal-familja. Bis-saħħa tal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, dan ma għandux japplika għall-assistenza soċjali u medika.

7

Bis-saħħa tal-Artikolu 1(z) ta’ dan ir-regolament, it-terminu “benefiċċju marbut mal-familja” jindika l-benefiċċji kollha in natura jew fi flus maħsuba biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, minbarra għotjiet ta’ pagamenti għall-manteniment u allowances speċjali marbutin mat-twelid ta’ tarbija u ma’ adozzjoni msemmija fl-Anness I tal-imsemmi regolament.

Id‑dritt Franċiż

Il-Kodiċi tal-Azzjoni Soċjali u tal-Familji

8

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu L. 262‑5 tal-Kodiċi tal-Azzjoni Soċjali u tal-Familji:

“Sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tad-drittijiet ta’ benefiċjarju barrani mhux ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, ta’ Stat ieħor parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3)], jew tal-Konfederazzjoni Svizzera, l-ulied barranin għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu L. 512‑2 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali.”

Il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali

9

L-Artikolu L. 511‑1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali jipprovdi:

“Il-benefiċċji tal-familja jinkludu:

[…]

2°) l-allowances tal-familja;

3°) is-suppliment tal-familja;

[…]

7°) l-allowance għall-bidu tas-sena skolastika;

[…]”

10

L-Artikolu L. 512‑2 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali jipprevedi:

“Iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea, tal-Istati l-oħra partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u tal-Konfederazzjoni Svizzera li jissodisfaw il-kundizzjonijiet rikjesti biex jirrisjedu legalment fi Franza […] igawdu ipso jure mill-benefiċċji tal-familja skont il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan il-ktieb.

Il-barranin li ma humiex ċittadini ta’ Stat Membru tal-Komunità Ewropea, ta’ Stat ieħor parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Konfederazzjoni Svizzera, detenturi ta’ titolu rikjest minnhom, jew bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet ta’ liġijiet jew ta’ regolamenti, jew ta’ bis-saħħa ta’ trattati jew ftehimiet internazzjonali, biex jirrisjedu legalment fi Franza, ukoll igawdu ipso jure mill-benefiċċji tal-familja skont il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan il-ktieb.

Dawn il-barranin igawdu minn benefiċċji tal-familja suġġett għall-ġustifikazzjoni, għall-ulied dipendenti minnhom u li għalihom jintalbu l-benefiċċju tal-familja, ta’ waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

–

it-twelid tagħhom fi Franza;

–

id-dħul legali tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ riunifikazzjoni tal-familja […]

–

in-natura tagħhom ta’ membru tal-familja ta’ refuġjat;

–

in-natura tagħhom ta’ wild ta’ barrani detentur ta’ permess ta’ residenza […]

Digriet għandu jiffissa l-lista ta’ titoli u ġustifikazzjonijiet li jiċċertifikaw in-natura legali tad-dħul u ta’ residenza tal-benefiċjarji barranin. Dan jiddetermina wkoll in-natura tad-dokumenti rikjesti biex jiġi ġġustifikat li l-ulied li tagħhom dawn il-barranin għandhom il-kustodja u li fir-rigward tagħhom qed jintalbu benefiċċji tal-familja jissoddisfaw il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi preċedenti.”

11

L-Artikolu D. 512‑2 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Il-legalità tad-dħul u ta’ residenza tal-ulied barranin li l-benefiċjarju għandu taħt kustodja u li fir-rigward tagħhom qed jitlob il-benefiċċji tal-familja għandha tiġi ġġustifikata bil-produzzjoni ta’ wieħed mid-dokumenti li ġejjn:

[…]

2°

Ċertifikat ta’ kontroll mediku tal-wild, maħruġ mill-Office français de l’immigration et de l’intégration [l-Uffiċċju Franċiż tal-Immigrazzjoni u tal-Integrazzjoni (OFII)] fi tmiem il-proċedura ta’ introduzzjoni jew ta’ ammissjoni għar-residenza minħabba riunifikazzjoni tal-familja;

[…]

5°

Dikjarazzjoni maħruġa mill-awtorità prefettorali li tippreċiża li l-wild daħal fi Franza l-iktar tard fl-istess mument bħal wieħed mill-ġenituri tiegħu li ġie ammess għal residenza […]”.

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

12

Fl‑1 ta’ April 2014, TX, ta’ nazzjonalità Armena, detentur ta’ permess ta’ residenza “ħajja privata u tal-familja” li jawtorizzah jaħdem fi Franza, talab mingħand il-CAF biex igawdi mill-benefiċċji tal-familja għat-tliet ulied tiegħu, li minnhom tnejn, imwielda barra mit-territorju Franċiż, daħlu b’mod irregolari f’dan it-territorju.

13

Għad-determinazzjoni tad-drittijiet tiegħu, il-CAF irrifjutat tieħu inkunsiderazzjoni ż-żewġ ulied tiegħu mwielda barra mill-pajjiż minħabba d-dħul irregolari tagħhom fit-territorju Franċiż.

14

Peress li dan ir-rifjut ġie kkonfermat mill-commission de recours amiable (il-Kummissjoni ta’ Appell Bonarju) tal-CAF, TX ippreżenta rikors quddiem it-tribunal des affairs de sécurité sociale de Nanterre (il-Qorti tas-Sigurtà Soċjali ta’ Nanterre, Franza).

15

Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2018, din il-qorti laqgħet ir-rikors ta’ TX u qalet li dan tal-aħħar kellu dritt għall-benefiċċji tal-familja għaż-żewġ ulied tiegħu mwielda barra mill-pajjiż mid-data tat-talba tiegħu.

16

Permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2019, il-cour d’appell de Versailles (il-Qorti tal-Appell ta’ Versailles, Franza) invalidat din is-sentenza u kkonfermat id-deċiżjoni tal-CAF.

17

Permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Ġunju 2022, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) ipproċediet għall-kassazzjoni ta’ din is-sentenza minħabba “nuqqas ta’ motivi” u reġgħet bagħtet il-kawża quddiem il-cour d’appell de Versailles (il-Qorti tal-Appell ta’ Versailles), komposta b’kulleġġ ġudikanti differenti, li hija l-qorti tar-rinviju.

18

Din l-aħħar qorti tosserva li l-legalità tar-residenza ta’ TX fit-territorju Franċiż “ma hijiex imqiegħda inkwistjoni”, ġaladarba huwa detentur ta’ permess ta’ residenza temporanja li tawtorizzah jaħdem, u li s-sempliċi kwistjoni li tirriżulta hija dik dwar jekk għandux dritt għall-benefiċċji tal-familja għaż-żewġ ulied tiegħu mwielda barra mill-pajjiż.

19

L-imsemmija qorti tindika li, permezz ta’ żewġ sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 2011 u permezz ta’ sentenza tal‑5 ta’ April 2013, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet f’kompożizzjoni plenarja li l-Artikoli L. 512‑2 u D. 512‑2 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali li jissuġġettaw il-ħlas tal-benefiċċji tal-familja għall-produzzjoni ta’ dokument li jiċċertifika dħul legali tal-ulied barranin fi Franza u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-ulied li daħlu minħabba riunifikazzjoni tal-familja, għall-produzzjoni ta’ ċertifikat mediku maħruġ mill-OFII, kienu ta’ natura ġġustifikata mill-ħtieġa, fi Stat demokratiku, li jiġi eżerċitat kontroll tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-ulied. Minn dan il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeduċiet li dawn l-artikoli ma kinux joħolqu preġudizzju sproporzjonat għad-dritt tal-ħajja tal-familja ggarantit fl-Artikoli 8 u 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, lanqas ma kienu jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl‑20 ta’ Novembru 1989.

20

Skont il-qorti tar-rinviju, din l-interpretazzjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fid-deċiżjoni tagħha tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Okitaloshima Okonda Osungu u Selpa Lokongo vs Franza (ECLI:CE:ECHR:2015:0908DEC007686011).

21

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tesponi li, fit-tilwima li għandha quddiemha, il-kwistjoni tirriżulta minn perspettiva differenti, li hija dik tad-Direttiva 2011/98.

22

Skont din il-qorti, din id-direttiva għandha tapplika għal din it-tilwima peress li, minn naħa, il-benefiċċji inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u, min-naħa l-oħra, TX huwa ċittadin ta’ pajjiż terz li tħalla jaħdem fi Franza peress li huwa detentur ta’ permess ta’ residenza multiannwali li jawtorizzah jaħdem u li, barra minn hekk, għandu kuntratt ta’ xogħol.

23

Il-qorti tar-rinviju tqis, barra minn hekk, li, għalkemm, bis-saħħa tal-Artikolu 12(2)(b) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti għad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament skont l-istatus ta’ ċerti ċittadini ta’ stati terzi, din id-dispożizzjoni ma tipprevedi ebda possibbiltà ta’ deroga għal dan id-dritt skont il-kundizzjonijiet li fihom il-membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ permess uniku waslu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. B’dan premess, ir-rifjut mill-CAF tat-talba ta’ TX ma hijiex ibbażata fuq l-istatus tiegħu, iżda fuq il-kundizzjonijiet tad-dħul u ta’ residenza, fit-territorju Franċiż, taż-żewġ ulied tiegħu mwielda fl-Armenja.

24

Il-qorti tar-rinviju, madankollu, tesprimi dubji fir-rigward tal-portata tal-premessa 20 u tal-aħħar sentenza tal-premessa 24 tad-Direttiva 2011/98, li jagħmlu riferiment, għad-determinazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet iggarantiti f’din id-direttiva, għall-membri tal-familja tal-ħaddiem ġejjin minn pajjiż terz li ġew ammessi fi Stat Membru minħabba r-riunifikazzjoni tal-familja.

25

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, din il-qorti tosserva li l-benefiċċji tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jitħallsux lill-membri tal-familja tal-persuna li titlobhom, iżda jingħataw lil din il-persuna skont in-numru ta’ wlied dipendenti tiegħu.

26

It-tieni nett, fir-rigward tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Istituto nazionale della previdenza sociale (Benefiċċji tal-familja għad-detenturi ta’ permess uniku) (C‑302/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza INPS, EU:C:2020:957), l-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-possibbiltà li tibbaża ruħha fuq ir-regoli dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja biex tiddetermina d-dritt għall-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali tad-detentur ta’ permess uniku.

27

It-tielet nett, l-istess qorti tosserva li l-Kummissjoni Ewropea ppreżentat, fis‑27 ta’ April 2022, il- Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru (riformulazzjoni) [COM(2022) 655 final], li tipprevedi t-tqegħid tal-premessa 24 tad-Direttiva 2011/98 f’konformità mas-sentenza INPS billi tħassar l-aħħar żewġ sentenzi ta’ din il-premessa.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel de Versailles (il-Qorti tal-Appell ta’ Versailles) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Wara s-sentenza INPS […] l-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva [2011/98] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħalma hi [r-Repubblika Franċiża], li tipprojibixxi għad-determinazzjoni tad-drittijiet għal benefiċċju tas-sigurtà soċjali, biex jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tfal, imwielda f’pajjiż terz, tad-detentur ta’ permess uniku, fis-sens tal-Artikolu 2(c) [ta’ din id-]direttiva, meta dawn it-tfal, li għalihom huwa responsabbli, ma daħlux fit-territorju tal-Istat Membru għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja jew id-dokumenti biex jiġġustifikaw il-legalità tad-dħul tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat ma ġewx prodotti, peress li din il-kundizzjoni ma tapplikax għat-tfal ta’ persuni eliġibbli għall-benefiċċji li huma minn dak il-pajjiż jew li huma ċittadini ta’ Stat Membru ieħor?”

Fuq id‑domanda preliminari

29

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, detentur ta’ permess uniku, l-ulied imwielda f’pajjiż terz li tiegħu huma dipendenti jittieħdu inkunsiderazzjoni biss bil-kundizzjoni li jiġi ġġustifikat id-dħul legali tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

30

Għandu jitfakkar li, hekk kif issemmi l-premessa 26 tad-Direttiva 2011/98, id-dritt tal-Unjoni ma jillimitax il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw l-iskemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, kull Stat Membru għandu jipprevedi l-kundizzjonijiet li fihom għandhom jingħataw il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, kif ukoll l-ammont ta’ dawn il-benefiċċji u l-perijodu li matulu dawn għandhom jingħataw. Madankollu, meta jeżerċitaw din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw ruħhom mal-liġi tal-Unjoni (ara s-sentenza INPS, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

B’dan premess, mill-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(c) tagħha, jirriżulta li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġew ammessi fi Stat Membru sabiex jaħdmu hemmhekk konformement mad-dritt tal-Unjoni jew mad-dritt nazzjonali jgawdu mill-ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini tal-Istat Membru fejn jirrisjedu fir-rigward tal-fergħat tas-sigurtà soċjali hekk kif huma ddefiniti fir-Regolament Nru 883/2004.

32

Sabiex ikunu jistgħu jgawdu mill-ugwaljanza fit-trattament bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għaldaqstant huwa neċessarju, minn naħa, li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun tħalla jidħol fi Stat Membru sabiex jaħdem hemmhekk konformement mad-dritt tal-Unjoni jew mad-dritt nazzjonali. Issa, dan huwa l-każ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, huwa detentur ta’ permess uniku, fis-sens tal-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva, peress li, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, dan il-permess jippermetti lil tali ċittadin jirrisjedi legalment fit-territorju tal-Istat Membru li ħareġ dan il-permess, sabiex jaħdem hemmhekk (ara s-sentenza INPS, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Min-naħa l-oħra huwa neċessarju li l-benefiċċji kkonċernati jaqgħu taħt il-fergħat tas-sigurtà soċjali kif iddefiniti fir-Regolament Nru 883/2004. B’dan premess, huwa paċifiku, u ma huwiex ikkontestat mill-gvern Franċiż, li l-benefiċċji inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu benefiċċji tas-sigurtà soċjali li jiffurmaw parti mill-benefiċċji tal-familja msemmija fl-Artikolu 3(1)(j) ta’ dan ir-regolament.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li persuna mqiegħda fis-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għandha d-dritt, konformement mal-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98, li tgawdi mill-ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini Franċiżi.

35

Fir-rigward tal-punt jekk id-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament ġiex ippreġudikat minn dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għad-determinazzjoni tad-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja tad-detentur ta’ permess uniku, teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ulied dipendenti tiegħu li fir-rigward tagħhom id-dħul legali fit-territorju Franċiż ma ġiex iġġustifikat, għandu jiġi kkonstatat, suġġett għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, li mill-Artikolu L. 512‑1(1) u mill-Artikolu L. 512‑2(1) tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali jirriżulta li ċ-ċittadini Franċiżi kif ukoll iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni, tal-Istati l-oħra partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u tal-Konfederazzjoni Svizzera li jirrisjedu legalment fi Franza għandhom igawdu ipso jure mill-benefiċċji tal-familja fil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Ktieb V ta’ dan il-kodiċi. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu L. 512‑2(2) tal-imsemmi kodiċi jissuġġetta d-dritt għall-benefiċċji tal-familja taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fi Franza għal kundizzjoni addizzjonali, imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu L. 512‑2, li tikkonsisti fil-ġustifikazzjoni tad-dħul legali fit-territorju Franċiż tal-ulied li għalihom qed jintalbu l-benefiċċji tal-familja.

36

Minn dan jirriżulta li tali leġiżlazzjoni nazzjonali tirriżerva għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi detenturi ta’ permess uniku trattament inqas favorevoli minn dak li minnu jgawdu ċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti. Konsegwentement, tali leġiżlazzjoni hija kuntrarja għad-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98.

37

Madankollu l-qorti tar-rinviju għandha dubji, fid-dawl tal-premessi 20 u 24 tad-Direttiva 2011/98, dwar il-kwistjoni jekk id-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament jistax jillimita ruħu għas-sempliċi wlied tad-detentur tal-premess uniku li ngħaqdu ma’ dan tal-aħħar minħabba riunifikazzjoni tal-familja. Dawn id-dubji jirriżultaw mill-fatt li l-premessa 20 ta’ din id-direttiva tindika, b’mod partikolari, fost il-benefiċjarji tal-ugwaljanza fit-trattament, lill-membri tal-familja tal-ħaddiem li ġew minn pajjiż terz li ġew ammessi fi Stat Membru minħabba r-riunifikazzjoni tal-familja, filwaqt li l-aħħar sentenza tal-premessa 24 tal-imsemmija direttiva tipprevedi li d-drittijiet mogħtija minn din tal-aħħar għandhom jingħataw biss lill-membri tal-familja li jingħaqdu mal-ħaddiema wara li jkunu ġew minn pajjiż terz biex jirrisjedu fi Stat Membru minħabba riunifikazzjoni tal-familja jew li jirrisjedu legalment f’dan l-Istat Membru.

38

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, minn naħa, li mill-formulazzjoni tal-premessa 20 tad-Direttiva 2011/98 jirriżulta li din tirrigwarda, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni li fiha l-membri tal-familja ta’ ħaddiem ċittadin ta’ pajjiż terz detentur ta’ permess uniku jgawdu direttament mid-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, fejn dan id-dritt jingħata lil dawn il-persuni fil-kapaċità speċifika tagħhom ta’ ħaddiema, minkejja li l-wasla tagħhom fl-Istat Membru ospitanti kienet dovuta għall-fatt li kienu membri tal-familja ta’ ħaddiem ċittadin ta’ pajjiż terz (ara s-sentenza INPS, punt 30).

39

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kontenut tal-premessa 24 tad-Direttiva 2011/98 ma jissemma f’ebda waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u fakkret li l-preambolu ta’ att tal-Unjoni ma għandux valur legali vinkolanti u ma jistax jiġi invokat biex wieħed jidderoga mid-dispożizzjonijiet innifishom tal-att (ara s-sentenza INPS, punti 31 u 32).

40

Konsegwentement, minn dawn il-premessi ma jistax jirriżulta li d-Direttiva 2011/98 għandha tiġi interpretata fis-sens li d-detentur ta’ permess uniku, li fir-rigward tiegħu l-membri tal-familja ma jiġġustifikawx id-dħul legali tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat minħabba r-riunifikazzjoni tal-familja, huwa eskluż mid-dritt għal ugwaljanza fit-trattament previst minn din id-direttiva filwaqt li ebda dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva, b’mod partikolari l-Artikolu 12(1) tagħha, ma tissuġġetta t-tgawdija ta’ dan id-dritt għal tali kundizzjoni.

41

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, ma jistax jinsilet argument mill-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni nnifsu ssuġġetta d-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-benefiċċji tal-familja għal-legalità ta’ residenza tal-persuna li titlob dawn il-benefiċċji fit-territorju ta’ Stat Membru.

42

Huwa, ċertament, minnu li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2011/98 jirrikonoxxi d-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament biss favur ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri. Dan ir-rekwiżit jissodisfa l-għan, iddikjarat fil-premessa 21 ta’ din id-direttiva, li d-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament jintrabat mar-residenza legali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fi Stat Membru.

43

Madankollu, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex ikkontestata sa fejn tissuġġetta d-dritt għall-benefiċċji tal-familja għal kundizzjoni ta’ legalità tar-residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz detentur ta’ permess uniku, li jitlob li jgawdi minn dawn il-benefiċċji, iżda sa fejn tipprevedi kundizzjoni ta’ dħul legali li tirrigwarda wlied dan iċ-ċittadin, li għalihom qed jintalbu l-imsemmija benefiċċji.

44

Il-gvern Franċiż lanqas ma jista’ joġġezzjona li l-kundizzjoni magħmula mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn din hija intiża li ma tevitax il-proċedura ta’ riunifikazzjoni tal-familja, tagħmel parti mis-sanzjonijiet li jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Direttiva 2003/86 u li hija ta’ natura oġġettiva ġġustifikata mill-ħtieġa li jiġu vverifikati l-kundizzjonijiet li fihom il-membri tal-familja tar-riunifikant ikunu ser jintlaqgħu.

45

Għandu jiġi osservat li d-Direttiva 2011/98 tipprevedi, favur ċerti ċittadini ta’ pajjiżi terzi, dritt għall-ugwaljanza fit-trattament, li jikkostitwixxi r-regola ġenerali, u telenka d-derogi għal dan id-dritt li l-Istati Membri għandhom il-jedd li jistabbilixxu, li għandhom jiġu interpretati b’mod strett (sentenza INPS, punt 26).

46

B’hekk, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2011/98, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu limiti għad-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-benefiċċji soċjali, ħlief fir-rigward tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jkollhom impjieg jew li kellhom impjieg għal perijodu minimu ta’ sitt xhur u li jkunu rreġistrati bħala persuni qiegħda. Barra minn hekk, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(2)(b) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li dan id-dritt ma għandux japplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġew awtorizzati jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru għal perijodu ta’ żmien li ma jeċċedix is-sitt xhur, u lanqas ma għandu japplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġew ammessi għall-finijiet ta’ studju, jew għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom il-permess jaħdmu billi jkunu koperti b’viża.

47

Għaldaqstant, minbarra s-sitwazzjonijiet elenkati b’mod eżawrjenti, li fihom l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-ugwaljanza fit-trattament bejn ċittadini ta’ pajjiżi terzi detenturi ta’ permess uniku u ċittadini nazzjonali, differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ċittadini tikkostitwixxi, fiha nnifisha, ksur tal-Artikolu 12(1)(e) ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, CU u ND (Assistance sociale –Diskriminazzjoni indiretta), C‑112/22 u C‑223/22, EU:C:2024:636, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48

B’dan premess, minn naħa, minn ebda waħda mid-derogi mid-drittijiet mogħtija fl-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98 ma tirriżulta possibbiltà għall-Istati Membri li jeskludu mid-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament lill-ħaddiem detentur ta’ permess uniku li tiegħu l-ulied, imwielda f’pajjiż terz, ma jiġġustifikawx li daħlu legalment fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

49

Min-naħa l-oħra, anki li kieku kellu jitqies li tali possibbiltà ġiet irrikonoxxuta, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-derogi mid-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament jistgħu jiġu invokati biss jekk l-istanzi kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat għall-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva jkunu esprimew b’mod ċar li kellhom l-intenzjoni jagħmlu użu minnhom (sentenza INPS, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, il-gvern Franċiż, hekk kif jirrikonoxxi huwa stess, ma kellux intenzjoni jagħmel użu mill-possibbiltà li jillimita d-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament billi jirrikorri għad-derogi previsti fl-Artikolu 12(2)(b) tal-imsemmija direttiva.

50

Għalhekk, Stat Membru ma jistax jinvoka l-obbligu tiegħu li jħares li l-ksur tad-Direttiva 2003/86 jiġi ssanzjonat biex jiġġustifika deroga mid-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament mhux prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-Direttiva 2011/98.

51

Fid-dawl tal-punti kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkun detentur ta’ permess uniku, l-ulied imwielda f’pajjiż terz li tiegħu huma dipendenti jittieħdu inkunsiderazzjoni biss bil-kundizzjoni li jiġi ġġustifikat id-dħul legali tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

Fuq l‑ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkun detentur ta’ permess uniku, l-ulied imwielda f’pajjiż terz li tiegħu huma dipendenti jittieħdu inkunsiderazzjoni biss bil-kundizzjoni li jiġi ġġustifikat id-dħul legali tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.