European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/472

11.3.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/472

tat-2 ta’ Settembru 2024

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 691/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tar-referenzi għall-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi tan-NACE stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) stabbilixxa klassifikazzjoni statistika komuni tal-attivitajiet ekonomiċi fl-Unjoni (“NACE Rev. 2”), li bdiet tapplika fl-1 ta’ Jannar 2008.

(2)

Wara li bdiet tapplika n-NACE Rev. 2, il-globalizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni biddlu progressivament il-mod li bih ħafna attivitajiet ekonomiċi jipprovdu l-oġġetti u s-servizzi madwar id-dinja.

(3)

Bħala riżultat ta’ dawk il-bidliet, in-NACE Rev. 2 kellha tiġi aġġornata, biex tibqa’ komparabbli u konsistenti mal-istandards għall-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi użati fil-livell internazzjonali. Għaldaqstant, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/137 (3) emenda r-Regolament (KE) Nru 1893/2006 u stabbilixxa l-klassifikazzjoni aġġornata (“NACE Rev. 2.1”).

(4)

Biex l-utenti jkunu jistgħu jivvalutaw il-bidliet dettaljati tal-kontenut fin-NACE u biex iqabblu l-verżjoni preċedenti tal-klassifikazzjoni mal-verżjoni aġġornata tagħha, fl-1 ta’ Awwissu 2023 ġiet ipprovduta tabella ta’ korrispondenza (4)flimkien ma’ xi noti ta’ spjegazzjoni (5) għall-utenti tal-klassifikazzjoni.

(5)

Il-korp kbir ta’ leġiżlazzjoni li jistabbilixxi r-rekwiżiti tat-trażmissjoni tad-data li jirreferu għal taqsimiet, diviżjonijiet, gruppi jew klassijiet speċifiċi tan-NACE jinkludi r-Regolament (UE) Nru 691/2011. Sabiex jiġi żgurat li dawk ir-rekwiżiti tat-trażmissjoni jiġu espressi f’termini kompatibbli mal-klassifikazzjoni aġġornata (NACE Rev. 2.1), ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 jenħtieġ li jiġi emendat.

(6)

Peress li l-granularità tal-klassifikazzjoni aġġornata hija simili għal dik tal-verżjoni oriġinali tal-klassifikazzjoni, l-emendi tar-Regolament (UE) Nru 691/2011 stabbiliti f’dan ir-Regolament ma jimponu l-ebda piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq ir-rispondenti.

(7)

Il-konformità mal-klassifikazzjoni aġġornata jenħtieġ li ma tkunx meħtieġa minnufih, peress li huwa meħtieġ ċertu perjodu ta’ żmien biex il-fornituri tad-data jkunu jistgħu jadattaw għar-rekwiżiti regolatorji l-ġodda. Ta’ min ifakkar li r-Regolament Delegat (UE) 2023/137, li emenda r-Regolament (KE) Nru 1893/2006, jistabbilixxi dati differiti tal-applikazzjoni għal ċerti dominji statistiċi. Għalhekk jenħtieġ li d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun differita wkoll.

(8)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 691/2011 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Anness IV, it-Taqsima 5, il-punt 1, it-tielet inċiż, it-test introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Id-diżaggregazzjonijiet tan-NACE li ġejjin għall-produzzjoni anċillari ta’ servizzi għall-protezzjoni ambjentali: NACE Taqsimiet B, C, D u Diviżjoni 36. Id-data għat-taqsima C għandha tiġi ppreżentata kif ġej:”;

(2)

fl-Anness V, it-Taqsima 5, il-punt 1, l-ewwel inċiż huwa sostitwit kif ġej:

“—

klassifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi, NACE miġbura kif ġej:

—

NACE A

—

NACE B

—

NACE C

—

NACE D

—

NACE E

—

NACE F

—

NACE J + NACE K

—

NACE N

—

NACE P

—

NACE Q

—

Somma tan-NACE G + NACE H + NACE I + NACE L + NACE M + NACE O + NACE R + NACE S + NACE T + NACE U + NACE V”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026, fir-rigward tat-trażmissjonijiet tad-data lill-Kummissjoni (Eurostat), relatati ma’ kull perjodu ta’ referenza li jibda f’dik id-data jew wara.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Settembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 192, 22.7.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/691/oj.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1893/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/137 tal-10 ta’ Ottubru 2022 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 (ĠU L 19, 20.1.2023, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/137/oj).

(4)   https://europa.eu/!f6H9nX.

(5)   https://europa.eu/!FNRFFB.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/472/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)