KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl‑1 ta’ Awwissu 2025 ( 1 )

Kawża C-371/24 [Comdribus] ( i )

HW

fil-preżenza ta’:

Ministère public

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva (UE) 2016/680 – Artikolu 10 – Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data – Ħtieġa assoluta – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8 u 49”

I. Introduzzjoni

1.

It-teħid tal-marki tas-swaba’ u ta’ ritratti huwa metodu klassiku ta’ identifikazzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali. Madankollu, din id-data personali tippermetti li persuna fiżika tiġi identifikata b’mod uniku u għalhekk titqies bħala partikolarment sensittiva.

2.

Il-kompitu delikat li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, f’din il-kawża, jikkonsisti f’li jinstab bilanċ bejn, minn naħa, prattiki ta’ spiss ikkunsidrati bħala komuni mill-awtoritajiet tal-pulizija u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tad-data tas-suġġetti tad-data.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-Direttiva (UE) 2016/680

3.

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva (UE) 2016/680 ( 2 ) jipprovdi li “[d]in id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli rigward il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika”.

4.

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-data personali tkun:

(a)

ipproċessata b’mod legali u ġust;

(b)

miġbura għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessata b’mod li ma jkunx kompatibbli ma’ dawk il-finijiet;

(c)

adegwata, rilevanti, u mhux eċċessiva għall-finijiet li għalih tiġi pproċessata;

[…]

4.   Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafi 1, 2 u 3, u għandu jkun jista’ juriha.”

5.

Skont l‑Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jipprevedu li jiġu stabbiliti limiti taż-żmien għat-tħassir ta’ data personali jew għal reviżjoni perjodika tal-ħtieġa li tinħażen id-data personali. Miżuri proċedurali għandhom jiżguraw li dawk il-limiti ta’ żmien jiġu osservati:

(a)

persuni li fir-rigward tagħhom ikun hemm raġunijiet serji biex wieħed jemmen li jkunu wettqu jew li jkunu ser iwettqu reat kriminali;

(b)

persuni misjuba ħatja ta’ reat kriminali;

(c)

vittmi ta’ reat kriminali jew persuni li ċerti fatti fir-rigward tagħhom jagħtu lok għal raġunijiet biex wieħed jemmen li huma jistgħu jkunu l-vittma ta’ reat kriminali; u

(d)

partijiet oħra għal reat kriminali, bħal persuni li jistgħu jissejħu biex jixhdu f’investigazzjonijiet b’rabta ma’ reati kriminali jew proċeduri kriminali sussegwenti, persuni li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar reati kriminali, jew kuntatti jew assoċjati ta’ waħda mill-persuni msemmija fil-punti (a) u (b).”

6.

L-Artikolu 8 tal-istess direttiva jiddisponi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-ipproċessar ikun legali biss jekk u sakemm dak l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir minn awtorità kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) u li jkun ibbażat fuq il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.

2.   Il-liġi tal-Istat Membru li tirregola l-ipproċessar fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tispeċifika tal-inqas l-objettivi tal-ipproċessar, id-data personali li għandha tiġi pproċessata u l-finijiet tal-ipproċessar.”

7.

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 jipprovdi

“L-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija ma’ trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, ta’ data bijometrika bil-għan li tiġi identifika unikament persuna fiżika, ta’ data dwar is-saħħa jew ta’ data li tikkonċerna l-ħajja sesswali jew orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika għandu jiġi permess biss meta verament ikun meħtieġ, soġġett għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, u biss:

(a)

fejn awtorizzat bil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru;

(b)

biex jiġu protetti l-interessi importanti tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna fiżika oħra; jew

(c)

fejn tali pproċessar ikun relatat ma’ data li b’mod ċar tkun saret pubblika mis-suġġett tad-data.”

8.

L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jagħmel tal-inqas l-informazzjoni li ġejja disponibbli għas-suġġett tad-data:

(a)

l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kontrollur;

(b)

id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn applikabbli;

(c)

il-finijiet tal-ipproċessar li għalih id-data personali tkun maħsuba;

(d)

id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità superviżorja;

(e)

l-eżistenza tad-dritt li jintalbu mingħand il-kontrollur l-aċċess għal u r-rettifika jew it-tħassir ta’ data personali u r-restrizzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali, dwar is-suġġett tad-data.

2.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jipprevedu bil-liġi li l-kontrollur jagħti lis-suġġett tad-data, f’każijiet speċifiċi, l-informazzjoni ulterjuri li ġejja biex ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu:

(a)

il-bażi legali għall-ipproċessar;

(b)

il-perijodu li għalih ser tinħażen id-data personali, jew, fejn ma jkunx possibbli, il-kriterji użati biex jiġi determinat dak il-perijodu;

(c)

fejn applikabbli, il-kategoriji tar-riċevituri tad-data personali, inkluż f’pajjiż terz jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

(d)

fejn meħtieġ, informazzjoni ulterjuri, b’mod partikolari fejn id-data personali tinġabar mingħajr ma jkun jaf is-suġġett tad-data.

3.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi li jittardjaw, jirrestrinġu jew iħallu barra l-għoti tal-informazzjoni lis-suġġett tad-data skont il-paragrafu 2 safejn, u sakemm tali miżura ma tikkostitwixxix miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika b’kont debitu tad-drittijiet fundamentali u l-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata, sabiex:

(a)

ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali;

(b)

ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali;

(c)

tiġi protetta s-sigurtà pubblika;

(d)

tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali;

(e)

jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

[…]”

9.

L-Artikolu 54 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 52, l-Istati Membri għandhom jipprevedu għad-dritt tas-suġġett tad-data għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn huwa jqis li d-drittijiet tiegħu stipulati f’dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva inkissru bħala riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu b’nuqqas ta’ konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet.”

B. Id-dritt Franċiż

10.

L-Artikolu 55‑1 tal-code de procédure pénale (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) jipprovdi:

“L-uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja jista’ jwettaq, jew jordna li jitwettaq taħt il-kontroll tiegħu, fuq kull persuna li tista’ tipprovdi informazzjoni dwar il-fatti inkwistjoni jew dwar kull persuna li fil-konfront tagħha jkun hemm suspett jew suspetti raġonevoli li hija wettqet jew ipprovat twettaq ir-reat, l-operazzjonijiet ta’ ġbir ta’ kampjuni mhux intimi meħtieġa għat-twettiq ta’ eżamijiet tekniċi u xjentifiċi ta’ paragun mat-traċċi u l-indizji meħuda għall-ħtiġijiet tal-investigazzjoni.

Huwa għandu jwettaq, jew iqabbad lil min jagħmilhom taħt il-kontroll tiegħu, operazzjonijiet ta’ ġbir ta’ data ta’ identifikazzjoni u b’mod partikolari ta’ teħid ta’ marki tas-swaba’, tal-pala tal-id jew ta’ ritratti neċessarji għall-inklużjoni fil-fajls u għall-konsultazzjoni tal-fajls tal-pulizija skont ir-regoli speċifiċi għal kull wieħed minn dawn il-fajls.

Ir-rifjut, minn persuna li fil-konfront tagħha jkun hemm suspett jew suspetti raġonevoli t li hija wettqet jew ipprovat twettaq reat, li tissuġġetta ruħha għall-operazzjonijiet ta’ ġbir, imsemmija fl-ewwel u fit-tieni paragrafi ordnati mill-uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja huwa punibbli b’sena priġunerija u b’multa ta’ EUR 15000.

Bla ħsara għall-applikazzjoni tat-tielet paragrafu, meta t-teħid ta’ marki tas-swaba’ jew tal-pala tal-id jew ta’ ritratt jikkostitwixxi l-uniku mezz sabiex tiġi identifikata persuna li qiegħda tiġi interrogata skont l-Artikoli 61‑1 jew 62‑2 għal delitt jew reat punibbli b’mill-inqas tliet snin priġunerija u li tirrifjuta li tiġġustifika l-identità tagħha jew li tipprovdi elementi ta’ identità manifestament ineżatti, din l-operazzjoni tista’ titwettaq mingħajr il-kunsens ta’ din il-persuna, fuq awtorizzazzjoni bil-miktub tal-prosekutur tar-Repubblika li quddiemu titressaq talba motivata mill-uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja. L-uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja jew, taħt il-kontroll tiegħu, aġent tal-pulizija ġudizzjarja għandu jirrikorri għal ġegħil sa fejn ikun strettament neċessarju u b’mod proporzjonat. Għandu jqis, fejn rilevanti, il-vulnerabbiltà tal-persuna. Din l-operazzjoni hija s-suġġett ta’ proċess verbal, li jsemmi r-raġunijiet għalfejn hija tikkostitwixxi l-uniku mezz sabiex tiġi identifikata l-persuna kif ukoll il-jum u l-ħin li fihom issir din l-operazzjoni. Il-proċess verbal għandu jintbagħat lill-prosekutur tar-Repubblika, b’kopja li tkun ingħatat lis-suġġett tad-data.”

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11.

Fit‑30 ta’ Mejju 2020, iktar minn mitt attivist għall-klima okkupaw il-vjal tax-Champs‑Élysées f’Pariġi (Franza). Il-forzi tal-ordni intervjenew biex iferrxuhom u arrestaw diversi persuni, fosthom HW, għall-organizzazzjoni ta’ manifestazzjoni mhux iddikjarata u ribelljoni. Interrogat fil-kuntest tal-arrest preventiv tiegħu, HW ta l-identità tiegħu iżda rrifjuta t-teħid ta’ marki tas-swaba’ u ta’ ritratti neċessarji għall-identifikazzjoni tiegħu, minkejja li kien ġie informat li dan ir-rifjut kien reat li għalih huwa kien suġġett għal piena ta’ priġunerija u multa.

12.

Fl‑1 ta’ Ġunju 2020, fi tmiem l-arrest preventiv tiegħu, HW tressaq quddiem il-procureur de la République (il-Prosekutur tar-Repubblika) u quddiem il-juge des libertés et de la détention (il-Qorti tal-Libertajiet u tad-Detenzjoni, Franza), li poġġietu taħt stħarriġ ġudizzjarju u nnotifikatu li kellu jidher quddiem it-tribunal correctionnel de Paris (il-Qorti Kriminali ta’ Pariġi, Franza). HW kien akkużat:

–

fl-ewwel lok, talli organizza f’Pariġi, fit‑30 ta’ Mejju 2020, dimostrazzjoni fi triq pubblika li ma kinitx is-suġġett ta’ dikjarazzjoni minn qabel fil-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, f’dan il-każ, b’mod partikolari, billi inkoraġixxa lill-parteċipanti, u tahom struzzjonijiet biex ma jippreżentawx id-dokumenti tal-identità tagħhom, ma jikkoperawx mal-ordnijiet tal-forzi tal-ordni, u billi ħoloq katina umana, struzzjonijiet li ġew osservati immedjatament mill-manifestanti l-oħra;

–

fit-tieni lok, talli, fil‑31 ta’ Mejju 2020, f’Pariġi, billi kellu għarfien ta’ ftehim sigriet ta’ dekriptaġġ ta’ mezz ta’ kriptoloġija li seta’ ntuża sabiex jiġi ppreparat, iffaċilitat jew imwettaq delitt jew reat, irrifjuta li jikkonsenjah jew li jimplimentah fuq talba ġudizzjarja meħuda fil-kuntest ta’ investigazzjoni preliminari, ta’ flagranza jew ta’ investigazzjoni ġudizzjarja, f’dan il-każ billi rrifjuta li jikkomunika l-kodiċijiet tat-telefon tiegħu, u,

–

fit-tielet lok, talli, fit‑30 ta’ Mejju 2020, f’Pariġi, meta kien hemm suspett jew suspetti raġonevoli fil-konfront tiegħu li huwa kien wettaq jew ipprova jwettaq reat, irrifjuta li jissottometti ruħu għat-teħid tal-marki tas-swaba’, tal-pala tal-id jew ta’ ritratti neċessarji għall-inklużjoni fil-fajls u għall-konsultazzjoni tal-fajls tal-pulizija skont ir-regoli speċifiċi għal kull wieħed minn dawn il-fajls.

13.

Permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2021, it-tribunal correctionnel de Paris (il-Qorti Kriminali ta’ Pariġi) illiberat lil HW għall-fatti li jaqgħu taħt l-ewwel żewġ akkużi, iżda ddikjaratu ħati għall-fatti li jaqgħu taħt it-tielet akkuża u, għaldaqstant, ikkundannatu għal multa ta’ EUR 300.

14.

HW u l-Uffiċċju tal-Prosekutur appellaw minn din is-sentenza quddiem il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza), li hija l-qorti tar-rinviju.

15.

Il-qorti tar-rinviju tqis li, minkejja s-sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija) ( 3 ) ċerti mistoqsijiet jibqgħu fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (c) u mal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 8 tagħha.

16.

Fl-ewwel lok, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti I japplikaw għal proċeduri kriminali li jipprevedu l-ġbir sistematiku ta’ data bijometrika u ġenetika ta’ kwalunkwe persuna li kontriha jkun hemm biżżejjed evidenza tat-twettiq ta’ reat biex jiġi ġġustifikat li tiġi mixlija ( 4 ). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx deċiżjoni dwar sitwazzjoni legali, bħal dik prevista fl-Artikolu 55–1 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, li tipprevedi l-ġbir sistematiku ta’ data bijometrika ( 5 ) ta’ persuna li kontriha jkun hemm “suspett raġonevoli wieħed jew iktar li hija wettqet jew ipprovat twettaq reat” fil-kuntest ta’ investigazzjoni, mingħajr ma dan jinvolvi akkuża. Għalhekk huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk din il-kundizzjoni hijiex suffiċjenti sabiex tissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2016/680.

17.

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 2016/680 timponix fuq l-awtoritajiet kompetenti l-obbligu li jimmotivaw il-ħtieġa assoluta tal-ipproċessar li jwettqu.

18.

Fit-tielet lok, din il-kawża tqajjem problema ġdida fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni: skont il-leġiżlazzjoni Franċiża, ir-rifjut li wieħed jissottometti ruħu għal ġbir ta’ data ta’ identifikazzjoni jikkostitwixxi reat awtonomu li jista’ jkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni li twassal għal kundanna, anki jekk ir-reat prinċipali li fuqu tkun ibbażata l-miżura ta’ ġbir ta’ data ta’ identifikazzjoni indikat ma tax lok għal kundanna (iktar ’il quddiem il-“kundanna awtonoma”). Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżit ta’ “meta verament ikun meħtieġ” il-ġbir ta’ data bijometrika huwiex issodisfatt u jekk tali kundanna awtonoma hijiex iġġustifikata.

19.

Skont il-qorti tar-rinviju, ir-risposta għal dawn id-domandi hija essenzjali għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li HW ġie mħarrek u kkundannat biss għar-reat ta’ rifjut li jissottometti ruħu għal ġbir ta’ data ta’ identifikazzjoni, filwaqt li nħeles għar-reat prinċipali ta’ organizzazzjoni ta’ manifestazzjoni mhux iddikjarata, li fuqu kienet ibbażata l-miżura ta’ ġbir ta’ data ta’ identifikazzjoni, u mingħajr ma kienet tidher, fl-ebda mument tal-proċedura, xi motivazzjoni adegwata tal-ħtieġa assoluta ta’ din il-miżura.

20.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (c), kif ukoll mal-Artikolu 8(1) u (2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 55‑1 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Franċiż, li tipprevedi l-ġbir sistematiku ta’ data ta’ identifikazzjoni (marki tas-swaba’ u ritratti) ta’ persuni li fil-konfront tagħhom teżisti raġuni waħda jew iktar sabiex wieħed jissusspetta li wettqu jew li għamlu tentattiv li jwettqu reat?

2)

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (c), kif ukoll mal-Artikolu 8(1) u (2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 55‑1 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Franċiż, li ma tipprevedix l-obbligu għall-awtorità kompetenti li timmotiva b’mod xieraq għal kull każ partikolari kif il-ġbir ta’ data ta’ identifikazzjoni huwa verament meħtieġ?

3)

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (c), kif ukoll mal-Artikolu 8(1) u (2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 55‑1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Franċiż, li tippermetti l-prosekuzzjoni u l-kundanna b’mod awtonomu ta’ persuna li tkun irrifjutat l-ġbir ta’ data ta’ identifikazzjoni anki meta din il-persuna tal-aħħar ma tkunx ser tiġi suġġetta għal prosekuzzjoni jew kundanna għar-reat li fuqu tkun ibbażata l-miżura ta’ ġbir ta’ data ta’ identifikazzjoni?”

21.

It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Mejju 2024. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn HW, mill-Gvern Franċiż, Pollakk u Irlandiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern Franċiż, Ċek u Irlandiż, kif ukoll il-Kummissjoni kienu preżenti waqt is-seduta li nżammet fit‑30 ta’ April 2025.

IV. Analiżi

A. Fuq l-ewwel domanda preliminari

1.   Fuq il-formulazzjoni

22.

Bħala tfakkira, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, permezz tal-ewwel domanda tagħha, jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (c), kif ukoll mal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 8 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir ta’ data ta’ identifikazzjoni (marki tas-swaba’ u fotografiċi) sistematiku tal-persuni li kontrihom jkun hemm raġuni waħda jew iktar biex wieħed jissuspetta li huma wettqu jew ippruvaw iwettqu reat.

23.

Nixtieq nindika li, mill-qari tat-talba għal deċiżjoni preliminari, it-tħassib prinċipali tal-qorti tar-rinviju jidher li huwa l-fatt li l-Artikolu 55–1 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jawtorizza l-ġbir ta’ data bijometrika ta’ persuni li ma humiex formalment mixlija fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali.

24.

Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-ewwel domanda, l-użu tal-aġġettiv “sistematiku” mill-qorti tar-rinviju ( 6 ) kien is-suġġett ta’ dibattitu bejn il-partijiet fil-kuntest tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

25.

Il-Gvern Franċiż isostni li huwa żbaljat li jiġi affermat li l-leġiżlazzjoni Franċiża tipprevedi l-ġbir “sistematiku” ta’ din id-data bijometrika, peress li din ma hijiex obbligu iżda possibbiltà.

26.

Il-Kummissjoni taqbel mal-pożizzjoni tal-Gvern Franċiż, billi tenfasizza li l-uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja għandu “marġni ta’ evalwazzjoni” fir-rigward tal-ġbir ta’ kampjuni li huwa jagħmel. Din l-istituzzjoni ssostni li dan il-ġbir ma huwiex “sistematiku”, sa fejn dawn ma jsirux fir-rigward tal-persuni kollha ssuspettati b’reat, iżda biss skont il-ħtiġijiet tal-investigazzjoni.

27.

Min-naħa tiegħu, HW isostni li, fid-dawl tal-prattika tal-awtoritajiet tal-pulizija, il-ġbir ta’ data inkwistjoni huwa sistematiku ( 7 ).

28.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni li tagħtihom il-qorti nazzjonali hijiex korretta, peress li tali kompitu jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva ta’ din tal-aħħar ( 8 ).

29.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, mitluba tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali, għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħtiha indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li ppreżentawlha ( 9 ).

30.

Jiena konxju li l-linja bejn l-għoti ta’ risposta utli u l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tista’ tkun sottili.

31.

Madankollu, għandi nippreċiża li l-użu tal-kliem “ġbir sistematiku” ta’ data, mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta mis-sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti I, li tidher li hija l-oriġini tad-domandi tagħha ( 10 ).

32.

Fil-fatt, mill-punt 113 ta’ dik is-sentenza jirriżulta li, skont il-qorti tar-rinviju f’dik il-kawża, l-Artikolu 4(1)(a) sa (c), l-Artikolu 8(1) u (2) u l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 jeżiġu li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom marġni ta’ diskrezzjoni biex tiġi ddeterminata l-ħtieġa li tinġabar data bijometrika u ġenetika. Issa, skont dik il-qorti, il-ġbir ta’ data previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kien japplika b’mod imperattiv għall-persuni kollha mixlija għal reati intenzjonali suġġetti għal prosekuzzjoni ex officio, mingħajr ma din il-leġiżlazzjoni teżiġi li tiġi kkonstatata l-ħtieġa konkreta li jsir il-ġbir ta’ dawn il-kategoriji kollha ta’ data ( 11 ).

33.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-punt 114 tas-sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti I li kien hemm lok li “r-raba’ domanda għandha tinftiehem bħala li hija intiża sabiex jiġi ddeterminat, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (c), kif ukoll mal-Artikolu 8(1) u (2) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir sistematiku ta’ data bijometrika u ġenetika ta’ kull persuna mixlija għal reat intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, mingħajr ma tipprevedi l-obbligu, għall-awtorità kompetenti, li tiddetermina jew turi, minn naħa, li dan il-ġbir huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi konkreti intiżi u, min-naħa l-oħra, li dawn l- objettivi ma jistgħux jintlaħqu permezz tal-ġbir ta’ parti biss tad-data kkonċernata” ( 12 ).

34.

Fid-dawl taż-żewġ punti preċedenti kif ukoll tal-osservazzjonijiet tal-partijiet f’din il-kawża ( 13 ) il-kunċetti ta’ “marġni ta’ evalwazzjoni” u ta’ “ġbir sistematiku” ta’ data għandhom jiġu ċċarati.

35.

Kif jirriżulta mill-punti 113 u 114 tas-sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti I, minn naħa, il-“marġni ta’ evalwazzjoni” jirrigwarda l-possibbiltà, prevista mid-dritt nazzjonali, għall-awtorità kompetenti li tiddetermina u li turi l-ħtieġa assoluta tal-ipproċessar tad-data. Min-naħa l-oħra, ġbir huwa “sistematiku” meta japplika, b’mod imperattiv, għal kull persuna li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

36.

Minn dan isegwi li, sabiex tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha qabelxejn tiddetermina jekk il-ġbir inkwistjoni f’dan il-każ huwiex “sistematiku”, fis-sens tas-sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti I.

37.

Għandu jiġi kkonstatat li n-natura “sistematika” tal-ġbir ta’ data bijometrika ma tistax tiġi dedotta mill-Artikolu 55–1 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. Fil-fatt, skont il-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, l-awtorità kompetenti ma hijiex obbligata tiġbor data fir-rigward ta’ kull persuna li fil-konfront tagħha jkun hemm suspett jew suspetti raġonevoli li hija wettqet jew ipprovat twettaq ir-reat. Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjoni jippreċiża li l-ġbir għandu jsir skont ir-regoli proprji tal-fajls tal-pulizija u sa fejn id-data inkwistjoni tkun neċessarja għall-inklużjoni fil-fajls u għall-konsultazzjoni ta’ dawn il-fajls ( 14 ).

38.

Madankollu, kif juri d-dibattitu bejn il-partijiet, il-formulazzjoni tal-ewwel domanda preliminari, billi tirreferi għan-natura “sistematika” tal-ġbir ta’ data, twassal għal konfużjoni sa fejn din tidher li tippreżumi li ġbir li ma huwiex “sistematiku” huwa konformi mad-Direttiva 2016/680. Madankollu, inqis li dan ma huwiex il-każ. Kif ser nesponi fil-kuntest tal-eżami tal-mertu, sabiex ġbir mhux “sistematiku” ta’ data bijometrika jkun konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2016/680, hemm bżonn li “[…] verament ikun meħtieġ”.

39.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tifformula mill-ġdid l-ewwel domanda preliminari fis-sens li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (c), kif ukoll mal-Artikolu 8(1) u (2) tagħha, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-ġbir ta’ data bijometrika ta’ kull persuna li fil-konfront tagħha jkun hemm suspett jew suspetti raġonevoli li hija wettqet jew ipprovat twettaq ir-reat.

2.   Fuq il-mertu

a)   Osservazzjonijiet ġenerali dwar l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja

40.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 jikkostitwixxi dispożizzjoni speċifika li tirregola l-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali (iktar ’il quddiem id-“data sensittiva”), inkluża d-data bijometrika ( 15 ). Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, l-iskop ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tiġi żgurata protezzjoni ikbar fir-rigward ta’ dan l-ipproċessar li, minħabba s-sensittività partikolari tad-data inkwistjoni u l-kuntest li fih tiġi pproċessata, jista’ joħloq, kif jirriżulta mill-premessa 37 ta’ din id-direttiva, riskji sinjifikattivi għal-libertajiet u għad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) ( 16 ).

41.

Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-kliem stess li fihom huwa stabbilit fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, ir-rekwiżit li l-ipproċessar ta’ tali data huwa “permess biss meta verament ikun meħtieġ” għandu jiġi interpretat fis-sens li jiddefinixxi kundizzjonijiet imsaħħa ta’ legalità tal-ipproċessar ta’ data sensittiva, fid-dawl ta’ dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1)(b) u (c) u mill-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, li jirreferu biss għall-“ħtieġa” ta’ pproċessar ta’ data li taqa’, b’mod ġenerali, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva ( 17 ).

42.

B’hekk, minn naħa, l-użu tal-avverbju “biss” quddiem l-espressjoni “meta verament ikun meħtieġ” jenfasizza li l-ipproċessar ta’ data sensittiva jista’ jitqies bħala “meħtieġ” biss f’numru limitat ta’ każijiet. Min-naħa l-oħra, in-natura “assoluta” tal-ħtieġa ta’ pproċessar ta’ tali data timplika li din il-ħtieġa tiġi evalwata b’mod partikolarment rigoruż ( 18 ).

b)   Il-kriterji għad-determinazzjoni tal-ħtieġa assoluta tal-ipproċessar

43.

Nosserva li d-Direttiva 2016/680 ma tiddefinixxix ir-rekwiżit ta’ “meta verament ikun meħtieġ”, previst fl-Artikolu 10 tagħha.

44.

Madankollu, ċerti indikazzjonijiet jistgħu jiġu dedotti minn dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva. Għalhekk, bla ħsara għall-kundizzjonijiet imsaħħa dwar il-legalità tal-ipproċessar ta’ data sensittiva li tipprevedi l-imsemmija direttiva, ir-rekwiżit ta’ ħtieġa assoluta għandu jinqara fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 4 u 8 tagħha ( 19 ).

45.

Dan jimplika, b’mod partikolari, li tiġi eżaminata l-ħtieġa assoluta tal-ġbir ta’ data sensittiva fid-dawl tal-finalitajiet u tal-objettivi ta’ dan il-ġbir, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ limitazzjoni tal-finalitajiet u ta’ minimizzazzjoni tad-data ( 20 ) b’din tal-aħħar tagħti espressjoni lill-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 21 ).

46.

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-premessa 26 tad-Direttiva 2016/680, ir-rekwiżit ta’ ħtieġa jkun issodisfatt meta l-objettiv imfittex mill-ipproċessar tad-data inkwistjoni ma jkunx jista’ raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant effettiv b’mezzi oħra li jippreġudikaw inqas id-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari d-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. B’mod partikolari, fid-dawl tal-protezzjoni ikbar tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data sensittiva, hemm lok, għall-kontrollur ta’ dan l-ipproċessar, li jiżgura li dan l-objettiv ma jistax jiġi ssodisfatt bl-użu ta’ kategoriji ta’ data minbarra dawk elenkati fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva ( 22 ).

47.

Fit-tieni lok, fid-dawl tar-riskji sinjifikattivi li jirriżultaw mill-ipproċessar ta’ data sensittiva għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari fil-kuntest tal-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680, ir-rekwiżit ta’ “meta verament ikun meħtieġ” jimplika li tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza partikolari tal-objettivi li tali pproċessar huwa intiż li jilħaq. Tali importanza tista’ tiġi evalwata, fost oħrajn, skont in-natura stess tal-objettiv imfittex, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-ipproċessar iservi objettiv konkret b’rabta mal-prevenzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ theddid kontra s-sigurtà pubblika li jippreżentaw ċertu livell ta’ gravità, ir-repressjoni ta’ tali reati jew il-protezzjoni kontra tali theddid, kif ukoll fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom jitwettaq dan l-ipproċessar ( 23 ).

48.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “meta verament ikun meħtieġ” l-ipproċessar ta’ data sensittiva jista’ jiġi ddeterminat biss fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, bħal, b’mod partikolari, in-natura u l-gravità tar-reat li tiegħu s-suġġett tad-data, fil-proċedura kriminali fil-kawża prinċipali, tkun issuspettata, iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan ir-reat, ir-rabta possibbli tal-imsemmi reat ma’ proċeduri oħra pendenti, il-kondotta kriminali jew il-profil individwali tal-persuna inkwistjoni ( 24 ).

49.

Nosserva, fir-rigward tal-gravità tar-reat, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-karatteristiċi speċifiċi tal-funzjonijiet tal-awtoritajiet tal-pulizija. Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bezirkshauptmannschaft Landeck, li wieħed jikkunsidra li hija biss il-ġlieda kontra l-kriminalità gravi li tista’ tiġġustifika l-aċċess għal data personali jillimita s-setgħat investigattivi tal-awtoritajiet kompetenti, fis-sens tad-Direttiva 2016/680, f’dak li jirrigwarda reati kriminali b’mod ġenerali. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, minn dan jirriżulta żieda fir-riskju ta’ impunità għal tali reati, fid-dawl tal-importanza li jista’ jkollha din id-data għall-investigazzjonijiet kriminali. Għalhekk, tali limitazzjoni tikser in-natura speċifika tal-kompiti mwettqa minn dawn l-awtoritajiet għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, enfasizzat fil-premessi 10 u 11 tagħha, u jippreġudika l-objettiv li jintlaħaq spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fi ħdan l-Unjoni li l-imsemmija direttiva trid tilħaq ( 25 ).

50.

Għalhekk, bħala prinċipju, il-fatt li reat ma jkunx ikklassifikat bħala “gravi” ma jistax, waħdu, jiġġustifika l-ħtieġa assoluta tal-ġbir ta’ data bijometrika. Fil-fatt, skont in-natura tar-reat, iktar milli l-gravità tiegħu, il-ġbir ta’ dan it-tip ta’ data jista’ jirriżulta meħtieġ għall-konstatazzjoni ta’ dan ir-reat jew għall-identifikazzjoni tal-awtur tiegħu.

51.

Jekk, b’kuntrast ma’ dan, il-ħtieġa assoluta tal-ġbir ta’ data bijometrika ma hijiex ibbażata fuq in-natura tar-reat, hija għandha tibbaża ruħha fuq elementi oħra.

c)   Ir-relazzjoni mal-ġbir ta’ data inkwistjoni fil-kawża prinċipali

1) L-objettivi tal-ġbir tad-data

52.

Il-Gvern Franċiż indika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-ġbir ta’ data ta’ identifikazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu l-għan, b’mod partikolari, li jqabbel il-marki tas-swaba’ mat-traċċi miġbura waqt l-investigazzjoni li tkun għaddejja, li jidentifika lill-persuna inkwistjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni li tkun għaddejja sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ omonimija jew ta’ serq ta’ identità, jew ukoll li tiġi identifikata il-persuna fil-kuntest ta’ rikonċiljazzjonijiet ma’ proċeduri oħra, pendenti jew futuri, pereżempju sabiex ikun jista’ jsir paragun bejn il-marki tas-swaba’ u t-traċċi miġbura matul investigazzjonijiet oħra ( 26 ).

53.

Dawn l-objettivi huma marbuta, minn naħa, mal-użu tad-data miġbura fil-kuntest ta’ proċedura kriminali speċifika u, min-naħa l-oħra, mal-ipproċessar għall-finijiet ta’ proċeduri oħra. Il-ħtieġa li jitwettaq dan l-ipproċessar tirriżulta espressament mill-premessa 27 tad-Direttiva 2016/680 ( 27 ).

54.

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-ġbir ta’ data bijometrika huwa rilevanti u adegwat fid-dawl tal-objettivi stabbiliti ( 28 ). Madankollu, il-ħtieġa tagħha tiddependi, b’mod partikolari, mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, kif iddefinit mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

2) Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġbir tad-data

55.

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż, jeżisti nuqqas ta’ qbil dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġbir inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Skont il-qorti tar-rinviju, l-uffiċjali tal-pulizija ġudizzjarja jistgħu jipproċedu għall-ġbir ta’ data bijometrika ta’ kull persuna li kontriha jkun hemm “suspett raġonevoli wieħed jew iktar li hija wettqet jew ipprovat twettaq reat” ( 29 ). B’kuntrast ma’ dan, skont il-Gvern Franċiż, l-imsemmi ġbir jista’ jkopri, minn naħa, il-persuni li kontrihom hemm preżenti, mhux sempliċi suspetti, iżda indizji gravi jew konkordanti li jirrendu probabbli li huma setgħu jipparteċipaw, bħala awturi jew kompliċi, fit-twettiq ta’ delitt, jew ta’ reat punibbli b’piena ta’ priġunerija u, min-naħa l-oħra, il-persuni li l-identifikazzjoni ċerta tagħhom tirriżulta neċessarja ( 30 ).

56.

Dan in-nuqqas ta’ qbil iwassalni sabiex neżamina żewġ aspetti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni: l-istadju tal-proċedura li fih jitwettaq il-ġbir (f’dan il-każ, mingħajr ma s-suġġett tad-data jkun ġie mixli formalment) u l-portata ta’ dan il-ġbir.

57.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-istadju tal-proċedura, inqis li l-objettivi tal-ġbir ta’ data bijometrika jimplikaw li dan jista’ jseħħ fi stadju bikri tal-investigazzjoni kriminali. Il-limitazzjoni ta’ din il-possibbiltà għall-istadju tal-akkuża tas-suġġett tad-data tmur kontra ċerti finalitajiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2016/680.

58.

Fir-realtà, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti I, jekk ikunu jeżistu raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li l-persuna inkwistjoni wettqet reat kriminali, li jiġġustifika li tiġi mixlija, li jippreżupponi li jkunu diġà nġabru biżżejjed provi tal-involviment ta’ din il-persuna fir-reat, jista’ jkun li, f’ċerti każijiet, il-ġbir tad-data bijometrika ma jissodifa ebda ħtieġa konkreta għall-finijiet tal-proċedura kriminali pendenti ( 31 ).

59.

Nenfasizza wkoll li l-leġiżlazzjoni kriminali taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri ( 32 ). B’mod partikolari, l-istadji differenti tal-proċeduri kriminali, kif ukoll id-drittijiet u l-garanziji relatati għas-suġġett tad-data, jistgħu jvarjaw skont l-Istat Membru. Minn dan isegwi li dan l-element ma jistax ikun deċiżiv għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680.

60.

Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/680. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi obbligu li ssir distinzjoni, jekk ikun il-każ u sa fejn ikun possibbli, bejn id-data personali tad-diversi kategoriji ta’ suġġetti tad-data, b’mod li l-istess grad ta’ ndħil fid-dritt fundamentali tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom ma jiġix impost fuqhom mingħajr distinzjoni ( 33 ). Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża li tiddetermina l-kategoriji ta’ persuni li d-data tagħhom tista’ tinġabar ( 34 ).

61.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-portata tal-ġbir ta’ data bijometrika inkwistjoni fil-kawża prinċipali, infakkar li, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni li d-dritt nazzjonali huwa obbligat josserva, id-determinazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern applikabbli kif ukoll l-interpretazzjoni tagħhom li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati nazzjonali ( 35 ).

62.

Fi kwalunkwe każ, jiena tal-fehma li anki l-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-ġbir ta’ data bijometrika invokat mill-Gvern Franċiż, għalkemm limitat għar-reati punibbli b’piena ta’ priġunerija, għandu portata wiesgħa ( 36 ), li jippermetti, b’mod partikolari, il-ġbir tad-data ta’ kull persuna li l-identifikazzjoni ċerta tagħha tirriżulta meħtieġa, u dan indipendentement min-natura u mill-gravità tal-ksur inkwistjoni.

3) L-obbligu, għall-awtorità kompetenti, li tevalwa l-ħtieġa assoluta tal-ġbir ta’ data

63.

Minkejja din il-portata wiesgħa, kuntrarjament għal-leġiżlazzjoni Bulgara inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti I, mil-leġiżlazzjoni Franċiża jirriżulta li l-awtoritajiet tal-pulizija ma għandhomx l-obbligu li jipproċedu għall-ġbir ta’ data fir-rigward ta’ kull persuna li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni u li dan il-ġbir jaqa’, għall-kuntrarju, taħt l-evalwazzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet każ b’każ ( 37 ).

64.

Issa, sabiex dan il-marġni ta’ evalwazzjoni josserva r-rekwiżiti tad-Direttiva 2016/680, il-leġiżlazzjoni Franċiża għandha tipprevedi l-obbligu, għall-awtoritajiet kompetenti, li jevalwaw il-ħtieġa assoluta li tinġabar id-data bijometrika tas-suġġetti tad-data ( 38 ).

65.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huma biss l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jiżguraw l-osservanza ta’ dan il-kriterju ( 39 ).

66.

F’dan il-każ, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż jirriżulta li l-Artikoli 6 u 88 tal-loi no. 78-17 du 6 janvier 1978, relative à l’informatique, aux fichiers et aux libertés (il-Liġi Nruo78–17 tas‑6 ta’ Jannar 1978, dwar l-Informatika, il-Fajls u l-Libertajiet) ( 40 ) jittrasponu l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, billi jirriproduċu espressament il-kriterju ta’ ħtieġa assoluta tagħha. Dan il-gvern iżid jgħid li l-ġbir ta’ data bijometrika abbażi tal-Artikolu 55–1 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali ma jistax jikser dawn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi.

67.

Kieku dan kien il-każ, dan il-kuntest ġuridiku nazzjonali jista’ jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-awtorità kompetenti tevalwa “meta verament ikun meħtieġ” il-ġbir li hija twettaq.

68.

Minkejja dan, fid-dawl tas-separazzjonijiet tal-funzjonijiet bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qorti tar-rinviju, hija din tal-aħħar li għandha tiżgura li dan huwa effettivament il-każ, b’mod partikolari billi tosserva l-obbligu tagħha li tinterpreta d-dritt nazzjonali, sa fejn ikun possibbli, b’mod konformi mat-test u mal-finalità tad-Direttiva 2016/680 ( 41 ).

69.

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali dwar il-ġbir tad-data bijometrika ta’ persuna mqiegħda taħt arrest preventiv għall-organizzazzjoni u parteċipazzjoni f’manifestazzjoni mhux awtorizzata, il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura wkoll li l-applikazzjoni tal-liġi mill-awtorità kompetenti tibqa’ konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2016/680 ( 42 ).

70.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (c) kif ukoll mal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 8 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-ġbir ta’ data bijometrika ta’ kull persuna li fil-konfront tagħha jkun hemm suspett jew suspetti raġonevoli li hija wettqet jew ipprovat twettaq ir-reat, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni tipprevedi l-obbligu, għall-awtorità kompetenti, li tevalwa l-ħtieġa assoluta ta’ kull ġbir.

B. Fuq it-tieni domanda preliminari

71.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-awtorità kompetenti hijiex obbligata timmotiva d-deċiżjoni li jitwettaq il-ġbir ta’ data bijometrika, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ ħtieġa assoluta li jirriżulta mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680.

72.

Fil-fehma tiegħi, tali obbligu jirriżulta mis-sentenzi Ministerstvo na vatreshnite raboti II u Bezirkshauptmannschaft Landeck u ma narax raġuni għalfejn wieħed għandu jitbiegħed minn din il-ġurisprudenza.

73.

Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti II, il-kwistjoni li qamet kienet dik dwar jekk, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedix l-obbligu, għall-awtorità kompetenti, li tivverifika u li turi l-ħtieġa assoluta tal-ġbir ta’ data sensittiva, konformement mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, l-osservanza ta’ tali obbligu tistax tiġi żgurata mill-qorti adita minn din l-awtorità kompetenti għall-finijiet tal-eżekuzzjoni forzata tal-imsemmi ġbir ( 43 ).

74.

B’risposta, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-assenza ta’ obbligu għall-awtorità kompetenti, skont id-dritt nazzjonali, li twettaq l-evalwazzjoni ta’ “meta verament ikun meħtieġ” l-ipproċessar li hija tkun wettqet jew li hija jkollha l-intenzjoni li twettaq, qorti adita sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tali pproċessar ta’ data personali mwettaq minn din l-awtorità kompetenti ma tistax tiżgura, minflok din tal-aħħar, l-osservanza tal-obbligu impost fuq l-imsemmija awtorità skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 ( 44 ).

75.

Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma semmietx, b’mod espress, l-obbligu ta’ motivazzjoni, tali obbligu jirriżulta, fil-fehma tiegħi, minn din is-sentenza.

76.

Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2016/680, li jagħti espressjoni lill-Artikolu 47 tal-Karta, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li suġġett tad-data għandu dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv meta jqis li d-drittijiet tiegħu previsti fid-dispożizzjonijiet adottati skont din id-direttiva jkunu nkisru b’riżultat ta’ pproċessar tad-data personali tagħha magħmul bi ksur tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

77.

Fit-tieni lok, skont il-ġurisprudenza, id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta, jeżiġi, bħala prinċipju, li s-suġġett tad-data jista’ jkun jaf bir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fil-konfront tiegħu, jew permezz tal-qari tad-deċiżjoni nnifisha, jew permezz ta’ komunikazzjoni ta’ dawn il-motivi, sabiex ikun jista’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u jiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk huwiex utli li jadixxi lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni, kif ukoll sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni ( 45 ).

78.

Dan jippresupponi neċessarjament, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li qorti ma tistax tissostitwixxi ruħha għall-awtorità kompetenti għal dak li jirrigwarda l-eżami tal-ħtieġa assoluta tal-ġbir ta’ data, id-dritt li dan l-eżami jiġi evalwat ulterjorment minn qorti.

79.

Għalkemm dan id-dritt ma jikkostitwixxix prerogattiva assoluta u, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għalkemm jistgħu jsiru limitazzjonijiet, dan huwa bil-kundizzjoni li dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, li dawn josservaw il-kontenut essenzjali tad-drittijiet u tal-libertajiet inkwistjoni u li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu meħtieġa u jissodisfaw effettivament objettivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor ( 46 ).

80.

Il-gvernijiet li pparteċipaw fis-seduta sostnew li l-fatt li jiġi impost, fuq l-awtoritajiet kompetenti, l-obbligu li tingħata motivazzjoni għal kull deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 taffettwa l-iżvolġiment tajjeb tal-investigazzjonijiet kriminali, kif ukoll il-ġlieda kontra l-kriminalità. Anki jekk dawn huma objettivi ta’ interess ġenerali, inqis li l-limitazzjoni tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv inkwistjoni ma hijiex limitata għal dak li huwa strettament neċessarju.

81.

Fl-ewwel lok, sa fejn il-ġbir ta’ data inkwistjoni ma huwiex sistematiku, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jidhirlix li jikkostitwixxi oneru tqil wisq għall-awtoritajiet kompetenti. Barra minn hekk, jekk l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom ċertu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jilħqu l-finalitajiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680, l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tagħhom, previst fl-Artikolu 10 tagħha, huwa iktar u iktar essenzjali.

82.

Fit-tieni lok, kif irrilevat, essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bezirkshauptmannschaft Landeck, l-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 54 tagħha, jimponi obbligu ta’ informazzjoni tas-suġġett tad-data. Għalkemm l-Artikolu 13(3) ta’ din id-direttiva jippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri leġiżlattivi intiżi li jdewmu, jillimitaw jew saħansitra jneħħu l-provvista ta’ informazzjoni lis-suġġett tad-data, leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, b’mod ġenerali, kull dritt għall-informazzjoni ma tkunx konformi mad-dritt tal-Unjoni ( 47 ).

83.

F’dan ir-rigward, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, il-Gvern Franċiż u dak Ċek sostnew li s-sentenza Bezirkshauptmannschaft Landeck ma tapplikax għal din il-kawża peress li din is-sentenza tikkonċerna l-istħarriġ minn qabel, minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti, tal-aċċess, mill-awtoritajiet tal-pulizija, għad-data li tinsab fit-telefon ċellulari tas-suġġett tad-data.

84.

Madankollu, għandi dubji dwar ir-rilevanza ta’ dawn l-argumenti. L-ewwel nett, fil-fehma tiegħi, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa iktar u iktar neċessarju meta l-ġbir ta’ data ma jkunx suġġett għal kontroll minn qabel. Sussegwentement, nirrileva li, filwaqt li t-telefon ċellulari jista’, evidentement, jinkludi data sensittiva, fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 ( 48 ) is-sentenza Bezirkshauptmannschaft Landeck ma tikkonċernax, speċifikament, dan it-tip ta’ data. Minn dan isegwi li l-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta minn din is-sentenza japplika a fortiori għaċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, li jikkonċernaw il-ġbir ta’ data sensittiva.

85.

Fl-aħħar nett, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni meta rrispondiet għall-istess domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2016/680 jirriżulta li l-awtorità kompetenti għandha tkun f’pożizzjoni li turi, b’mod partikolari, il-ħtieġa tal-ipproċessar ta’ data li hija twettaq. Dan il-prinċipju ta’ responsabbiltà, li huwa previst ukoll fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) 2016/679 ( 49 ) għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 54 ta’ din id-direttiva. Minn dan isegwi li l-obbligu ta’ motivazzjoni jirriżulta mill-istruttura ġenerali tal-imsemmija direttiva.

86.

Fit-tielet lok, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi miċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull sitwazzjoni ( 50 ). Għalkemm motivazzjoni iktar iddettaljata tista’ tkun neċessarja, b’mod partikolari, għal reati inqas serji, hija tista’ tkun konċiża fir-rigward ta’ kriminalità serja. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ reati li għalihom huwa b’mod ċar neċessarju li jiġi identifikat l-awtur, bħal serq mid-djar, ma neskludix li l-ħtieġa assoluta tal-ġbir ta’ data bijometrika tista’ tiġi dedotta mill-elementi kollha tal-fajl. Fil-fatt, is-suġġett tad-data jista’ faċilment jifhem ir-raġunijiet għal dan l-indħil fid-drittijiet tiegħu għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali.

87.

B’differenza minn dan, ir-raġuni għalfejn il-ġbir tad-data bijometrika ta’ persuna ssuspettata li pparteċipat f’manifestazzjoni mhux awtorizzata hija assolutament meħtieġa, b’mod partikolari meta ma jkun hemm ebda dubju dwar l-identità tagħha, ma tidhirx b’mod evidenti, tal-inqas għall-finijiet ta’ din il-proċedura speċifika. F’tali sitwazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha għalhekk timmotiva b’mod adegwat id-deċiżjoni tagħha, sabiex is-suġġett tad-data jkun jista’ jifhem ir-raġunijiet għal tali ġbir, mingħajr ma s-sempliċi riferiment għall-elementi kollha tal-proċess jista’, bħala prinċipju, ikun suffiċjenti ( 51 ).

88.

Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (c), kif ukoll mal-Artikolu 8(1) u (2) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix obbligu, għall-awtorità kompetenti, li timmotiva b’mod adegwat, f’kull każ partikolari, ir-raġuni għalfejn il-ġbir ta’ data ta’ identifikazzjoni huwa assolutament meħtieġ.

C. Fuq it-tielet domanda preliminari

1.   Fuq l-ammissibbiltà

89.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (c), kif ukoll mal-Artikolu 8(1) u (2) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-prosekuzzjoni u l-kundanna b’mod awtonomu ta’ persuna li rrifjutat il-ġbir ta’ data ta’ identifikazzjoni, anki jekk din ma tkunx is-suġġett ta’ prosekuzzjoni jew kundanna għar-reat li fuqu kienet ibbażata l-miżura ta’ ġbir ta’ data ta’ identifikazzjoni.

90.

Skont il-Gvern Franċiż, din id-domanda hija inammissibbli sa fejn id-Direttiva 2016/680 ma tinkludix regoli dwar ksur minħabba rifjut ta’ sottomissjoni għall-ġbir ta’ data ta’ identifikazzjoni. Minn dan isegwi li din il-kundanna ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u lanqas, konsegwentement, taħt id-dritt tal-Unjoni.

91.

Barra minn hekk, dan il-gvern u l-Kummissjoni jsostnu li l-qorti tar-rinviju ma tindikax ir-raġunijiet li għalihom id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/680 jista’ jkollhom effett fuq il-kundanna awtonoma.

92.

F’dan ir-rigward, nixtieq infakkar li, skont l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali. Din l-espożizzjoni għandha tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika, minbarra l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula ( 52 ).

93.

Anki jekk naqbel mal-konstatazzjoni li l-qorti tar-rinviju ma tispjegax kif id-dispożizzjonijiet imsemmija tad-Direttiva 2016/680 jista’ jkollhom effett fuq il-kundanna awtonoma, inqis li tali rabta tista’ tiġi dedotta mill-elementi kollha tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll mill-ġurisprudenza, kif ser nispjega iktar ’il quddiem.

94.

Barra minn hekk, nosserva li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ att tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, bħalma huwa l-każ tad-Direttiva 2016/680 f’din il-kawża, l-oġġezzjoni bbażata fuq l-inapplikabbiltà ta’ dan l-att għall-kawża prinċipali taqa’ taħt il-mertu tad-domanda ( 53 ).

2.   Fuq il-mertu

a)   L-applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680 għall-kundanna awtonoma

95.

Qabel kollox, nippreċiża li l-kundanna awtonoma ma tirriżultax mit-traspożizzjoni fid-dritt Franċiż tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680. Fil-fatt, kif jirrileva ġustament il-Gvern Franċiż, din id-direttiva ma tinkludi ebda dispożizzjoni dwar dan is-suġġett.

96.

Madankollu, dan ma jfissirx neċessarjament li l-kundanna awtonoma taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 54 ). Fil-fatt, sabiex dispożizzjoni nazzjonali tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt, ma huwiex neċessarju li l-leġiżlatur nazzjonali kellu l-intenzjoni li jimplimentaha, hija l-applikazzjoni konkreta tal-miżura nazzjonali li tikkaratterizza dan l-għan ( 55 ).

97.

Sussegwentement, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680 huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1) tagħha, li jipprevedi li din id-direttiva “tapplika għall-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) [tagħha]”, jiġifieri, b’mod partikolari, “għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali”.

98.

Konsegwentement, dan ifisser li HW ġie kkundannat minħabba li oppona att li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680. Għalhekk jista’ jitqies li kien hemm “tentattiv” ta’ pproċessar ta’ data personali min-naħa tal-uffiċjali tal-pulizija ġudizzjarja u li dan ma rnexxiex minħabba r-rifjut ta’ HW, fejn dan it-tentattiv jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ( 56 ).

99.

Fl-aħħar nett, nippreċiża li l-kundanna awtonoma tista’ tiġi awtorizzata biss jekk il-ġbir previst mill-awtoritajiet kompetenti, li s-suġġett tad-data jopponi, ikun konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, b’mod partikolari ma’ “meta verament ikun meħtieġ”. Ir-rekwiżiti li d-Direttiva 2016/680 timponi fuq l-ipproċessar ta’ data li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huma, għalhekk, kundizzjoni għal-legalità tal-kundanna awtonoma ( 57 ).

b)   Id-Direttiva 2016/680 tipprekludi l-kundanna awtonoma?

100.

Il-fatt li għadni kif semmejt huwa wkoll, fil-fehma tiegħi, l-uniku kriterju li jirriżulta mid-Direttiva 2016/680 li għandu effett fuq il-kundanna awtonoma: il-qorti nazzjonali għandha, qabel ma tiddikjara akkużat ħati tar-reat ta’ rifjut li jissottometti ruħu għal ġbir ta’ data ta’ identifikazzjoni, tiżgura li dan il-ġbir ta’ data ta identifikazzjoni, li kieku seħħ, kien ikun konformi mal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (c) ( 58 ) kif ukoll mal-Artikolu 8(1) u (2) tagħha.

101.

B’differenza minn dan, jiena tal-fehma li, mill-perspettiva tal-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/680, kif ukoll tal-objettivi tagħha ( 59 ), xejn ma jipprekludi lil-leġiżlatur nazzjonali milli jipprevedi l-kundanna ta’ persuna li tkun irrifjutat il-ġbir ta’ data ta’ identifikazzjoni, anki jekk din ma tkunx is-suġġett ta’ prosekuzzjoni jew ikkundannata għar-reat li fuqu huwa bbażat dan ġbir. Fil-fatt, kif irrilevaw il-parteċipanti kollha fis-seduta, ir-rekwiżit ta’ ħtieġa assoluta għandu jiġi evalwat fil-mument meta l-awtoritajiet ipprevedew li jagħmlu l-ġbir. Wara li għidt dan, inqis li għad hemm bżonn ta’ żewġ preċiżazzjonijiet.

102.

Minn naħa, l-awtorità kompetenti tibqa’ obbligata tevalwa l-ħtieġa assoluta ta’ kull ipproċessar sussegwenti tad-data. Il-fatt li s-suġġett tad-data ma ġiex imħarrek, b’mod partikolari, huwa kriterju rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-ħtieġa assoluta taż-żamma tad-data tiegħu ( 60 ).

103.

Min-naħa l-oħra, inqis li l-kundanna awtonoma għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll tal-Artikolu 49(3) tal-Karta.

c)   L-Artikoli 7 u 8 kif ukoll l-Artikolu 49(3) tal-Karta

104.

Skont l-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Franċiż, il-ksur minħabba rifjut ta’ sottomissjoni għall-operazzjonijiet ta’ ġbir ta’ data ta’ identifikazzjoni hu intiż speċifikament sabiex jinkrimina l-aġir ta’ ostakolu għall-iżvolġiment tajjeb ta’ investigazzjoni kriminali.

105.

Għalkemm dan huwa objettiv ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-kundanna awtonoma tikkostitwixxi wkoll indħil fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ( 61 ). Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, tali kundanna għandha għalhekk tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

106.

Barra minn hekk, sa fejn il-kundanna awtonoma hija kundanna kriminali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-Artikolu 49(3) tal-Karta, li jipprevedi li l-intensità tal-pieni ma għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla mar-reat.

107.

Fil-fatt, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità hija imposta fuq l-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, inkluż fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli, u b’mod iktar partikolari meta jadottaw sanzjonijiet ta’ natura kriminali ( 62 ).

108.

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi, minn naħa, li s-sanzjoni imposta tikkorrispondi għall-gravità tal-ksur u, min-naħa l-oħra, li, fid-determinazzjoni tas-sanzjoni kif ukoll fl-iffissar tal-ammont tal-multa, jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi individwali tal-każ inkwistjoni ( 63 ).

109.

Fost dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-aġir u l-profil tas-suġġett tad-data, il-kondotta kriminali tiegħu, il-gravità tar-reat li kien jiġġustifika l-ġbir tad-data tiegħu u l-kuntest tal-kundanna awtonoma.

110.

Għal dak li jirrigwarda dan l-aħħar aspett, kif ikkonferma l-Gvern Franċiż waqt is-seduta, ir-reat minħabba rifjut li wieħed jissottometti ruħu għall-ġbir tad-data ta’ identifikazzjoni, jekk jinżamm, jiġi ġġudikat fl-istess ħin bħar-reat “prinċipali”. Fil-fatt, fil-kawża prinċipali, jidher li l-liberazzjoni għal parteċipazzjoni f’manifestazzjoni mhux awtorizzata u l-kundanna għal rifjut li wieħed jissottometti ruħu għall-ġbir tad-data ta’ identifikazzjoni ġew deċiżi simultanjament fis-sentenza tat-tribunal correctionnel de Paris (il-Qorti Kriminali ta’ Pariġi) tat‑8 ta’ Settembru 2021.

111.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi osservat li għalkemm il-kundanna għal rifjut ta’ sottomissjoni għall-ġbir tad-data ta’ identifikazzjoni tista’ tikkontribwixxi għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċeduri futuri, b’mod partikolari fil-każ ta’ reċidiva, hija madankollu ma tikkontribwixxix għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura pendenti.

112.

Fl-aħħar nett, il-fatt li s-suġġett tad-data ma jkunx ġie ikkundannat għar-reat prinċipali għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata s-severità tas-sanzjoni minħabba rifjut ta’ sottomissjoni għall-ġbir ta’ data ta’ identifikazzjoni. F’dan ir-rigward, nirrileva li, skont l-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Franċiż, meta deċiżjoni ta’ liberazzjoni tkun saret definittiva, il-marki tas-swaba’ u l-informazzjoni relatata jitħassru.

113.

Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (c), kif ukoll mal-Artikolu 8(1) u (2) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti l-prosekuzzjoni u l-kundanna b’mod awtonomu ta’ persuna li tkun irrifjutat l-ġbir ta’ data ta’ identifikazzjoni anki jekk din tal-aħħar ma tiġix ipproċessata jew ikkundannata għar-reat li fuqu kienet ibbażata l-miżura ta’ ġbir tad-data ta’ identifikazzjoni, bil-kundizzjoni li dan il-ġbir, li kieku sar, kien ikun konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dawn l-artikoli.

V. Konklużjoni

114.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) kif ġej:

L-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2016/680tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (c) kif ukoll mal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 8 tagħha,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-ġbir tad-data bijometrika ta’ kull persuna li fil-konfront tagħha jkun hemm suspett jew suspetti raġonevoli li hija wettqet jew ipprovat twettaq ir-reat, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni tipprevedi l-obbligu, għall-awtorità kompetenti, li tevalwa l-ħtieġa assoluta ta’ kull ġbir,

–

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix l-obbligu, għall-awtorità kompetenti, li timmotiva b’mod adegwat, f’kull każ partikolari, ir-raġuni għalfejn il ġbir ta’ data ta’ identifikazzjoni huwa assolutament meħtieġ,

–

ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti l-prosekuzzjoni u l-kundanna b’mod awtonomu ta’ persuna li tkun irrifjutat l-ġbir ta’ data ta’ identifikazzjoni anki jekk din tal-aħħar ma tiġix ipproċessata jew ikkundannata għar-reat li fuqu kienet ibbażata l-miżura ta’ ġbir tad-data ta’ identifikazzjoni, bil-kundizzjoni li l-dan il-ġbir, li kieku sar, kien ikun konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dawn l-artikoli tad-Direttiva 2016/680.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( i ) L-isem din il-kawża huwa wieħed fittizju. Dan ma jikkorrispondi għal ebda isem reali ta’ xi waħda mill-partijiet fil-proċedura.

( 2 ) Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6).

( 3 ) Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023 (C‑205/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti I, EU:C:2023:49).

( 4 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fil-punt 135 tas-sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti I, li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni tad-Direttiva 2016/680 jipprekludu tali ġbir sistematiku.

( 5 ) Skont l-Artikolu 3(13) tad-Direttiva 2016/680, ix-xbihat tal-wiċċ u d-data dattiloskopika jikkostitwixxu data bijometrika.

( 6 ) Il-qorti tar-rinviju tuża dan it-terminu mhux biss f’din id-domanda iżda wkoll fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju (ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Madankollu, hija ma tipprovdi l-ebda spjegazzjoni fir-rigward tal-użu ta’ din il-kelma.

( 7 ) Quddiem il-qorti tar-rinviju, HW isostni li, fl‑1 ta’ Jannar 2020, il-marki tas-swaba’ ta’ iktar minn 6.5 miljun persuna kienu rreġistrati fil-fajl awtomatizzat tal-marki tas-swaba’ (FAED).

( 8 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentattiv ta’ aċċess għad-data personali maħżuna fuq telefon ċellulari) (C‑548/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bezirkshauptmannschaft Landeck, EU:C:2024:830, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2023, Commune d’Ans (C‑148/22, EU:C:2023:924, punt 31).

( 10 ) Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 11 ) Dik il-qorti indikat (punt 78 tas-sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti I), li l-“parti l-kbira tar-reati previsti mill-Kodiċi Kriminali huma intenzjonali u kważi kollha huma suġġetti għal prosekuzzjoni ex officio” u li “[k]onformement mar-regoli dwar il-proċeduri kriminali Bulgari, persuna tiġi mixlija meta jinġabru provi suffiċjenti li din il-persuna tkun ħatja li wettqet reat suġġett għal prosekuzzjoni ex officio”.

( 12 ) Enfasi miżjuda minni.

( 13 ) Ara l-punti 25 u 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 14 ) Għalkemm dawn ir-“regoli speċifiċi għal kull wieħed minn dawn il-fajls” tal-pulizija ma jidhrux fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Gvern Franċiż madankollu pprovda spjegazzjoni ddettaljata fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.

( 15 ) Fost id-data sensittiva prevista fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 hemm, b’mod partikolari, id-“data bijometrika bil-għan li tiġi identifika unikament persuna fiżika”.

( 16 ) Sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti I, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 17 ) Sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti I, punt 117.

( 18 ) Sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti I, punt 118.

( 19 ) Sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti I, punt 121.

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti I, punti 122 sa 125.

( 21 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Direktor na Glavna direktsiaNatsionalna politsia pri MVR — Sofia (C‑118/22, EU:C:2024:97, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti I, punt 126.

( 23 ) Sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti I, punt 127.

( 24 ) Sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti I, punt 132.

( 25 ) Sentenza Bezirkshauptmannschaft Landeck, punt 97.

( 26 ) Nosserva li d-Direttiva 2016/680 tuża l-kliem “finijiet” (b’mod partikolari, fl-Artikolu 1(1), l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 8) u “objettivi” (fl-Artikolu 8(2)). Kif osserva l-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Ministerstvo na vatreshnite raboti I (EU:C:2022:507, punt 56), id-distinzjoni bejn “għanijiet” u “finalitajiet” ma hijiex evidenti. Madankollu, l-għanijiet ta’ ġbir huma, fil-fehma tiegħu, dawk stabbiliti fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva (ara wkoll, fl-istess sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Inspektor v Inspektorata kam Visshia sadeben savet (Skopijiet tal-ipproċessar ta’ data — Investigazzjoni preliminari) (C‑180/21, EU:C:2022:967, punti 43 u 44). Fir-rigward tal-objettivi, imsemmija fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, dawn huma iktar speċifiċi u għandhom jiġu ppreċiżati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

( 27 ) Ara wkoll is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Inspektor v Inspektorata kam Visshia sadeben savet (Skopijiet tal-ipproċessar ta’ data — Investigazzjoni preliminari) (C‑180/21, EU:C:2022:967, punt 55).

( 28 ) Ara, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data bijometrika fil-kuntest ta’ proċeduri oħra, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Direktor na Glavna direktsiaNatsionalna politsia pri MVR — Sofia (C-118/22, EU:C:2024:97, punt 56).

( 29 ) Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) Il-Gvern Franċiż jibbaża ruħu fuq dispożizzjonijiet tad-dritt Franċiż li ma jinsabux fid-deċiżjoni tar-rinviju, iżda li jidhru li jirrigwardaw ir-“regoli speċifiċi għal kull wieħed minn dawn il-fajls”, imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 55–1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 31 ) Sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti I, punt 131.

( 32 ) Sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Sjöberg u Gerdin (C‑447/08 u C‑448/08, EU:C:2010:415, punt 49).

( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ministerstvo na vatreshnite raboti I, punt 83 u Bezirkshauptmannschaft Landeck, punt 100.

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti I, punt 84.

( 35 ) Sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 1978, Oehlschläger (104/77, EU:C:1978:69, punt 4), u tas‑7 ta’ Novembru 2024, ERB New Europe Funding II (C‑178/23, EU:C:2024:943, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 18 ta’ April 2013, M.K. vs Franza, CE:ECHR:2013:0418JUD001952209, punt 41. Il-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni f’din il-kawża hija l-ekwivalenti għall-Artikolu R. 40‑38‑2(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, li skont il-Gvern Franċiż hija rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 37 ) Ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Policejní prezidium (Żamma ta’ data bijometrika u ġenetika) (C‑57/23, EU:C:2025:132, punt 43), li fil-kuntest tagħhom huwa qabbel il-leġiżlazzjoni Ċeka inkwistjoni f’din il-kawża, li tipprevedi li l-awtoritajiet tal-pulizija għandhom biss il-possibbiltà li jagħmlu ġbir ta’ kampjuni, mal-leġiżlazzjoni Bulgara inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti I.

( 38 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Policejní prezidium (Żamma ta’ data bijometrika u ġenetika) (C‑57/23, EU:C:2025:132, punt 44). Kuntrarjament għal-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni f’din il-kawża (ara l-punti 66 u 67 f’dawn il-konklużjonijiet), l-Avukat Ġenerali Richard de la Tour enfasizza li l-leġiżlazzjoni Ċeka ma tipprevedix obbligu, għall-awtoritajiet kompetenti, li jevalwaw il-ħtieġa assoluta li tinġabar data bijometrika tas-suġġetti tad-data.

( 39 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2024, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika II) (C‑80/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti II, EU:C:2024:991, punt 57).

( 40 ) Dawn id-dispożizzjonijiet ġew adottati permezz tal-odonnance no 2018-1125, du 12 décembre 2018 (id-Digriet Nru 2018–1125, tat‑12 ta’ Diċembru 2018 (Artikolu 1)). Ninnota, madankollu, li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma humiex riprodotti fid-deċiżjoni tar-rinviju.

( 41 ) Sentenzi tal‑10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann (14/83, EU:C:1984:153, punt 26) u tat‑30 ta’ April 2025, Nastolo (C‑370/24, EU:C:2025:300, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, fir-rigward tad-Direttiva 2016/680, is-sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti I, punt 133.

( 42 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika II) (C‑80/23, EU:C:2024:513, punt 49). Ara wkoll, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni u għall-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2009, Angelidaki et (C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 164 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 43 ) Sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti II, punt 52.

( 44 ) Sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti II, punt 57.

( 45 ) Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, PI (C‑230/18, EU:C:2019:383, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza Bezirkshauptmannschaft Landeck, punt 118.

( 46 ) Sentenza Bezirkshauptmannschaft Landeck, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll, f’dan is-sens, il-premessa 104 tad-Direttiva 2016/680.

( 47 ) Sentenza Bezirkshauptmannschaft Landeck, punt 120 sa 121 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 48 ) Sentenza Bezirkshauptmannschaft Landeck, punt 94.

( 49 ) Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2). Ara, fir-rigward tal-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2025, Amt der Tiroler Landesregierung (C‑638/23, EU:C:2025:127, punt 33).

( 50 ) Sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2011, Agrana Zucker (C‑309/10, EU:C:2011:531, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 51 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2019, PI (C‑230/18, EU:C:2019:383, punti 78 u 91, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑16 ta’ Frar 2023, HYA et (Motivazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet għall-interċettazzjonijiet telefoniċi) (C‑349/21, EU:C:2023:102, punti 59 sa 61).

( 52 ) Sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2014, Siragusa (C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 19). Ara wkoll is-sentenza Ministerstvo na vatreshnite raboti I, punt 55.

( 53 ) Ara s-sentenza Bezirkshauptmannschaft Landeck, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 54 ) Ara, fir-rigward tat-traspożizzjoni bħala tali ta’ direttivi u l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 28).

( 55 ) Ara Safjan, M., Düsterhaus, D., u Guérin, A., “La Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne et les ordres juridiques nationaux, de la mise en œuvre à la mise en balance”, Revue trimestrielle de droit européen, 2016, p. 221.

( 56 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bezirkshauptmannschaft Landeck, punt 77. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tentattiv ta’ aċċess għad-data li tinsab f’telefon ċellulari mill-awtoritajiet tal-pulizija għall-finijiet ta’ investigazzjoni fil-qasam kriminali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680. Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti EDB, 22 ta’ Ġunju 2017, Aycaguer vs Franza (CE:ECHR:2017:0622JUD000880612), li fiha din il-qorti kkunsidrat, fil-punt 35, li “r-rikorrent ma huwiex, sal-lum, irreġistrat fil- [fajl tal-pulizija], peress li huwa rrifjuta li jissottometti ruħu għall-ġbir tad-DNA tiegħu impost mil-liġi. Madankollu, huwa kien is-suġġett ta’ kundanna kriminali f’dan ir-rigward. Ma huwiex kontroversjali li din il-kundanna tiġi analizzata bħala indħil fid-dritt tar-rikorrent għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu fis-sens tal-Artikolu 8(1) tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-‘KEDB’)]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Anki għalkemm jiena konxju li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (jew saħansitra dak tal-Karta) huwa distint minn dak tal-KEDB, minn din is-sentenza jirriżulta li teżisti rabta stretta bejn il-ġbir ta’ data u l-kundanna għal rifjut ta’ sottomissjoni għaliha.

( 57 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punti 41, 63 u 74).

( 58 ) Ara, fir-rigward tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2016/680, is-sentenza Bezirkshauptmannschaft Landeck, punt 73.

( 59 ) Jiġifieri li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali tal-persuni fiżiċi, kif ukoll li jingħata kontribut għat-twettiq ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fi ħdan l-Unjoni; ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, il-premessi 2, 4, 7 u 15 tad-Direttiva 2016/680.

( 60 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Direktor na Glavna direktsiaNatsionalna politsia pri MVR — Sofia (C‑118/22, EU:C:2024:97, punt 65 u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB iċċitata). Ara wkoll il-kunċett ta’ “pproċessar” fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2016/680, li jinkludi, b’mod partikolari, kemm il-ġbir kif ukoll iż-żamma ta’ data

( 61 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bezirkshauptmannschaft Landeck, punti 77 u 95, u Qorti EDB, 22 ta’ Ġunju 2017, Aycaguer vs Franza, CE:ECHR:2017:0622JUD000880612, punt 35.

( 62 ) Sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett) (C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 31). Ara wkoll is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Agenția Națională de Integritate (C‑40/21, EU:C:2023:367, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 63 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Link Logistik N SoliN (C‑384/17, EU:C:2018:810, punti 40 sa 42 u 45).