|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2374 |
10.10.2024 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2024/2374 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-11 ta’ April 2024
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 għas-sena finanzjarja 2022
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 għas-sena finanzjarja 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0094/2024), |
|
A. |
billi l-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 (SESAR 3) (“l-Impriża Konġunta”), li tinsab fi Brussell, ġiet stabbilita f’Novembru 2021 fil-qafas tal-programm Orizzont Ewropa għall-perjodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2031 (1); jinnota li s-SESAR 3 JU ssostitwiet u ssuċċediet is-SESAR JU li ġiet stabbilita fi Frar 2007 fil-qafas tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka għal perjodu ta’ tmien snin (2) (SESAR 1) u ġiet estiża f’Ġunju 2014 biex tkompli topera fil-qafas tal-programm Orizzont 2020 għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2024 (3); |
|
B. |
billi l-Impriża Konġunta hija sħubija pubblika-privata għall-iżvilupp ta’ ġestjoni modernizzata tat-traffiku tal-ajru (ATM) fl-Ewropa u biex permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni jitħaffef it-twettiq tal-Ajru Diġitali Ewropew; billi l-membri fundaturi tagħha huma l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru (Eurocontrol), u aktar minn 50 organizzazzjoni li jkopru l-katina tal-valur tal-avjazzjoni kollha, mill-ajruporti, l-utenti tal-ispazju tal-ajru tal-kategoriji kollha, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, l-operaturi tad-droni u l-fornituri tas-servizzi, l-industrija tal-manifattura u l-komunità xjentifika; |
|
C. |
billi biex tiżdied it-trasparenza, l-Impriża Konġunta għandha tiddivulga, fil-kontijiet annwali tagħha, informazzjoni rilevanti rigward il-kontribuzzjonijiet tal-membri fil-livell tal-programm; billi, għal kull programm li fil-qafas tiegħu jkunu joperaw, l-Impriża Konġunta għandha tippreżenta għal kull kategorija ta’ membri sa tmiem is-sena, l-informazzjoni rilevanti kollha, inklużi l-miri tal-kontribuzzjonijiet legali li jiġu stabbiliti għall-programm rispettiv, il-volum ta’ kontribuzzjonijiet li jiġu riċevuti, u l-volum ta’ impenji legali; billi l-Impriża Konġunta għandha tkompli ttejjeb it-trasparenza; |
Ġenerali
|
1. |
Jinnota, mir-Rapport annwali tal-attività konsolidat (4), li l-programm tal-Ajru Diġitali Ewropew beda fl-2022 bl-approvazzjoni tal-programm ta’ ħidma pluriennali u l-ewwel programm ta’ ħidma biannwali, u t-tnedija tal-ewwel żewġ sejħiet fil-qafas tar-riċerka esploratorja u industrijali ta’ Orizzont Ewropa għal (1) u (2) rotta rapida għall-innovazzjoni u l-adozzjoni mis-suq; jinnota li mill-127 proposta għal proġett li waslu, intgħażlu 48 proposta, li jirrappreżentaw investiment totali ta’ EUR 350 miljun; |
|
2. |
Jilqa’ l-kontribut tal-Impriża Konġunta biex tirreaġixxi għall-gwerra ta’ aggressjoni illegali u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, peress li ġew affettwati xi flussi tat-traffiku, li nneċessita l-adattament tal-operazzjonijiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru (ATC) tal-Impriża Konġunta, li wassal għal ħtieġa akbar ta’ kontrollur tat-traffiku tal-ajru (ATCO); |
|
3. |
Jinnota li fl-2022, l-Impriża Konġunta għamlet progress fit-tlestija tal-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) tal-programm SESAR 2020 filwaqt li ppermettiet lis-sħubija l-ġdida tal-Impriża Konġunta SESAR 3 issir kompletament funzjonali u l-programm tar-R&I tal-Ajru Diġitali Ewropew jibda jaħdem; |
|
4. |
Jinnota, barra minn hekk, li l-attivitajiet żviluppati huma kontribut importanti għall-prijoritajiet u l-inizjattivi strateġiċi tal-Kummissjoni Ewropea, jiġifieri l-Ajru Uniku Ewropew, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u Ewropa Lesta għall-Era Diġitali; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
5. |
Jilqa’ l-kontribut tal-Impriża Konġunta biex tirreaġixxi għall-gwerra illegali u mhux ġustifikata tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna peress li ġew affettwati xi flussi tat-traffiku, li rrikjeda l-adattament tal-operazzjonijiet tal-ATC, li wassal għal ħtieġa akbar ta’ ATCO; |
|
6. |
Jinnota li, għall-2022, il-baġit disponibbli (5) kien ta’ EUR 146,9 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament (EUR 69,9 miljun fl-2021) u EUR 158,8 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn (EUR 34,8 miljun fl-2021); |
|
7. |
Jinnota li l l-bidliet fid-daqs tal-baġit tal-Impriża Konġunta fil-biċċa l-kbira jiddependu mill-fażi ta’ implimentazzjoni tal-programmi pluriennali ta’ riċerka u innovazzjoni; jinnota li, fl-2022, l-Impriża Konġunta bdiet bl-implimentazzjoni tal-programm Orizzont Ewropa u li, għalhekk, il-baġit tal-2022 jinkludi l-baġit ta’ impenn għall-ewwel sejħiet ta’ Orizzont Ewropa ppjanati għall-2022, u l-baġit ta’ pagament għall-pagamenti ta’ prefinanzjament relatati; |
|
8. |
Jinnota li l-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta adotta l-baġit tal-2022 f’Diċembru 2021 u li din id-deċiżjoni approvat xi elementi tranżitorji relatati mal-programm ta’ ħidma annwali, il-baġit, it-tabella tal-persunal u l-pjan ta’ akkwist tal-Impriża Konġunta għall-2021 u l-2022; jinnota li l-baġit tal-2022 ġie emendat darbtejn f’Ottubru 2022, u bit-tielet emenda, f’Diċembru 2022 (6); |
|
9. |
Jinnota, mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), li, fil-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għall-2022, l-ammonti ta’ kontribuzzjonijiet rikonoxxuti għal kull kategorija ta’ membri (l-Unjoni, il-membri privati, u l-Eurocontrol) jvarjaw b’mod sinifikanti minn xulxin; jinnota li dan huwa minħabba li l-kontribuzzjonijiet fi flus kontanti mill-Unjoni jiġu vvalidati u rikonoxxuti meta jitħallsu lill-Impriża Konġunta fil-bidu tal-implimentazzjoni tal-proġett, iżda l-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri jiġu rikonoxxuti biss wara l-validazzjoni tal-ispejjeż li jiġġarrbu u li jiġu ddikjarati għall-implimentazzjoni tal-proġett; |
|
10. |
Jinnota li d-distakk bejn l-ammont rikonoxxut ta’ kontribuzzjonijiet fi flus kontanti minn naħa l-waħda u kontribuzzjonijiet in natura min-naħa l-oħra, għandu jiġi indirizzat billi tingħata informazzjoni dwar l-impenji legali tal-membri tal-Impriża Konġunta fi tmiem is-sena, f’termini ta’ ftehimiet ta’ għotja u kuntratti ffirmati; |
|
11. |
Jinnota li, fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ Orizzont 2020, li, fi tmiem l-2022, l-Impriża Konġunta kienet impenjat bis-sħiħ il-kontribuzzjoni operattiva massima tal-UE ta’ EUR 555,8 miljun għal ftehimiet ta’ għotja u kuntratti ffirmati fil-qafas tal-programm u li minn dan l-ammont impenjat, madwar EUR 65,7 miljun (jew 11,8 %) għad iridu jitħallsu fis-snin li ġejjin għal proġetti u kuntratti li għad iridu jitlestew; jinnota, barra minn hekk, li l-membri privati kienu legalment impenjati li jipprovdu l-kontribuzzjonijiet in natura kollha tagħhom ta’ EUR 280 miljun, definiti bħala mira fil-ftehim ta’ sħubija fl-industrija u li minn dan l-ammont, il-membri tal-industrija rrapportaw EUR 278,5 miljun (jew 99,5 %) fi tmiem l-2022; jinnota, barra minn hekk, li l-Eurocontrol kienet impenjat bis-sħiħ il-mira ta’ EUR 467 miljun ta’ kontribuzzjonijiet operattivi, definita fil-ftehim bilaterali u li minn dan l-ammont, hija rrapportat EUR 313,6-il miljun (jew 67 % tal-mira) fi tmiem l-2022; |
|
12. |
Jinnota li, għall-attivitajiet fil-qafas ta’ Orizzont 2020, l-Impriża Konġunta ma rċeviet l-ebda approprjazzjoni ta’ impenn operattiva ġdida, billi l-Impriża Konġunta kienet spiċċat l-aħħar sejħa għal proposti tagħha sa tmiem l-2020; jinnota li r-rata ta’ implimentazzjoni tal-Impriża Konġunta għall-baġit operattiv tagħha għall-2022 kienet ferm aktar baxxa milli fis-snin preċedenti (54 % fl-2022 — 93 % fl-2021), minħabba ż-żieda fl-ispejjeż u l-problemi ta’ twassil li jiffaċċjaw il-benefiċjarji wara l-kriżi tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna; jinnota, għalhekk li kellha tittawwal id-durata tal-biċċa l-kbira mill-proġetti ta’ Orizzont 2020, u l-pagamenti finali kellhom jiġu posposti għall-2023; |
|
13. |
Jinnota li l-approprjazzjonijiet ta’ Orizzont Ewropa għall-2022 ġew implimentati bis-sħiħ għall-ewwel żewġ sejħiet għal għotjiet imnedija f’April 2022; jinnota li l-Kummissjoni għamlet kontribuzzjoni fi flus kontanti ta’ EUR 83,5 miljun għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti fl-2022; jinnota, madankollu, billi l-fażi tal-evalwazzjoni ma ġietx iffinalizzata sa tmiem is-sena, il-kontribuzzjonijiet fi flus kontanti setgħu jintużaw biss fl-ewwel nofs tal-2023, meta jiġu ffirmati l-ftehimiet ta’ għotja, u jkunu jistgħu jsiru l-pagamenti ta’ prefinanzjament relatati; |
|
14. |
Jilqa’ l-fatt li l-Impriża Konġunta kompliet tiġġestixxi 71 proġett fir-riċerka esploratorja, industrijali u ta’ validazzjoni, bi 300 benefiċjarju differenti, li minnhom kważi 20 % huma SMEs, 17 % huma istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u 9 % huma organizzazzjonijiet tar-riċerka; ifakkar li l-Impriża Konġunta toħloq opportunitajiet ġodda għall-SMEs; |
|
15. |
Jinnota li fl-2022, l-Impriża Konġunta kompliet issaħħaħ is-sħubija tagħha mal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA), bl-għan li trawwem il-kooperazzjoni magħha fil-qafas tal-ftehim dwar il-livell ta’ servizz (FLS), u biex l-EASA tiġi inkarigata tipprovdi servizzi fil-qasam tas-servizzi ATM jew tan-navigazzjoni bl-ajru, inkluża l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew; jenfasizza l-importanza ta’ aktar żvilupp tal-Ajru Uniku Ewropew; |
|
16. |
Jinnota s-surplus tal-2022 ta’ EUR 107,2 miljun, attribwit għall-adozzjoni tardiva tal-Att Bażiku Uniku; |
|
17. |
Jisħaq fuq l-importanza tal-Impriża Konġunta fil-kisba tal-Ajru Diġitali Ewropew, li waslet għas-selezzjoni ta’ 48 proġett, inkluża t-tnedija ta’ ħames Dimostraturi tal-Ajru Diġitali, b’investiment totali ta’ EUR 350 miljun; jilqa’ d-djalogu mill-qrib mill-2011 bejn l-Impriża Konġunta u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) dwar kwistjonijiet militari u kontributi għall-programm Ajru Diġitali Ewropew; jinnota li l-EDA issa sservi bħala l-interfaċċa ewlenija bejn il-programm tal-Ajru Diġitali Ewropew minn naħa, u l-avjazzjoni militari u l-ATM min-naħa l-oħra, u hija responsabbli għall-koordinazzjoni tal-fehmiet militari fir-rigward tal-Ajru Uniku Ewropew u SESAR; |
Sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
|
18. |
Jinnota li, għan-nefqa fil-qafas ta’ Orizzont 2020 u Orizzont Ewropa, is-Servizz tal-Awditjar Komuni tad-DĠ RTD tal-Kummissjoni wettaq l-awditi ex post; jinnota li għan-nefqa fil-qafas ta’ Orizzont 2020 (approvazzjonijiet u pagamenti finali), l-Impriża Konġunta rrappurtat rata ta’ żball rappreżentattiva ta’ 2,4 % u rata tal-iżball residwu ta’ 1,8 % (7); jinnota li, għall-programm Orizzont Ewropa, għad iridu jitwettqu awditi ex post, billi l-ewwel pagamenti interim huma mistennija biss fl-2024; |
|
19. |
Jinnota li sabiex tivvaluta l-kontrolli tal-pagamenti operattivi tal-Impriża Konġunta, il-Qorti awditjat kampjun aleatorju ta’ pagamenti fil-qafas ta’ Orizzont 2020 li saru fl-2022, fil-livell tal-benefiċjarji finali (8); jinnota, barra minn hekk, li l-Qorti ma sabet l-ebda żball kwantifikabbli serju fil-benefiċjarji tal-Impriża Konġunta inklużi fil-kampjun; jinnota, madankollu, li għal każ wieħed, il-Qorti rrappurtat kwistjoni sistemika li rriżultat minn spejjeż ineliġibbli ddikjarati mill-benefiċjarju għal ċertifikati mhux obbligatorji ta’ rapport finanzjarju, relatati ma’ rapporti finanzjarji interim; |
|
20. |
Jinnota li l-Qorti qieset li nofs l-Impriżi Konġunti inkluż SESAR 3, ma kellhomx approċċ strutturat ibbażat fuq ir-riskju għall-kontrolli ex ante għall-għotjiet ta’ Orizzont 2020; |
|
21. |
Ifakkar li, skont l-Artikolu 21 tar-regoli finanzjarji tal-Impriżi Konġunti, l-iskop tal-kontrolli ex ante huwa li jiġu pprevenuti żbalji u irregolaritajiet qabel l-awtorizzazzjoni tal-operazzjonijiet u li jiġu mmitigati r-riskji ta’ nuqqas ta’ lħuq tal-objettivi; |
|
22. |
Jinnota, f’dan ir-rigward, li għas-SESAR, abbażi tar-rieżami tad-dokumentazzjoni interna, u ta’ intervisti mal-persunal tal-Impriża Konġunta, il-Qorti sabet li fi tmiem l-2022, l-approċċ ta’ monitoraġġ tar-riskju tal-Impriża Konġunta qies biss il-benefiċjarji li kienu ġew awditjati ex post, prinċipalment benefiċjarji ewlenin; jinnota barra minn hekk, li benefiċjarji potenzjalment riskjużi li qatt ma kienu ġew awditjati ex post u li parteċipanti ġodda għalhekk ġew esklużi mill-valutazzjoni tar-riskju; |
|
23. |
Jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta ma vvalutatx ir-riskju fil-livell tal-proġett; |
|
24. |
Jistieden lill-Impriża Konġunta ttejjeb l-approċċ tagħha ta’ monitoraġġ tar-riskju għall-kontrolli ex ante biex tidentifika benefiċjarji potenzjalment riskjużi li attwalment mhumiex inklużi fil-popolazzjoni (bħal benefiċjarji li qatt ma kienu ġew awditjati ex post u parteċipanti ġodda) u proġetti riskjużi. |
|
25. |
Jistieden lill-Impriża Konġunta tindirizza dgħufijiet fl-użu tal-għodda ta’ monitoraġġ imsaħħaħ (9); ifakkar f’dan ir-rigward li l-għodda li hija mfassla biex tgħin fl-immirar tal-kontrolli ex ante fuq l-aktar riskji importanti vvalutati għal proġett jew għall-benefiċjarji, li tippermetti lill-uffiċjal fi kwalunkwe mument matul l-implimentazzjoni tal-proġett, jirreġistra r-riskji importanti identifikati u jittraċċa l-azzjoni rispettiva ta’ monitoraġġ u ta’ mitigazzjoni tar-riskju; |
|
26. |
Jinnota li għal użu effettiv u effiċjenti tal-għodda, l-uffiċjali għandhom jiddefinixxu data ta’ skadenza rilevanti u li tista’ tintlaħaq (data ta’ maturità) għall-ikkompletar immirat tal-azzjoni ta’ monitoraġġ imsaħħaħ; jinnota, madankollu, li, għall-Impriża Konġunta, mal-iskadenza tad-data ta’ maturità definita, il-marka ta’ monitoraġġ imsaħħaħ la ġiet imġedda u lanqas magħluqa u, barra minn hekk, il-livell ta’ riskju ma ġiex ivvalutat mill-ġdid mill-uffiċjal wara l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ kontroll; |
|
27. |
Jaqbel mal-Qorti li l-Impriża Konġunta għandha tiżgura li l-azzjonijiet ta’ monitoraġġ imsaħħaħ kollha jkunu akkumpanjati minn azzjonijiet ta’ kontroll speċifiċi mmirati lejn ir-riskji identifikati, u li dawn jingħatalhom segwitu f’data ta’ skadenza predefinita; |
|
28. |
Jinnota li, f’konformità mal-valutazzjoni tal-Qorti, l-importanza għall-Impriżi Konġunti li jimplimentaw l-approċċ speċifiku tagħhom ibbażat fuq ir-riskju għall-ġestjoni tal-għotjiet żdiedet fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa; |
|
29. |
Jenfasizza li l-istruttura tal-benefiċjarju jew tal-proġett tal-Impriża Konġunta qed tinbidel b’mod sinifikanti fil-qafas tal-programm Orizzont Ewropa, bħaż-żieda fl-għadd ta’ SMEs, ta’ parteċipanti ġodda u ta’ konsorzji akbar, kif ukoll ir-rekwiżit li jintużaw biss proċeduri ta’ sejħiet miftuħa għall-attivitajiet ta’ Orizzont Ewropa u, b’riżultat ta’ dan, il-fatturi ta’ riskju identifikati fi programmi preċedenti ma jistgħux jibqgħu rilevanti u jistgħu jitfaċċaw fatturi ta’ riskju ġodda; |
|
30. |
Jaqbel mal-Qorti li dawn il-bidliet jenfasizzaw l-importanza għall-Impriża Konġunta li timplimenta jew tadatta l-approċċ speċifiku tagħhom ibbażat fuq ir-riskju għall-ġestjoni tal-għotjiet; |
|
31. |
Jilqa’ l-impenn tal-Impriża Konġunta li tindirizza l-fatturi ta’ riskju l-ġodda li jirriżultaw mill-qafas Orizzont Ewropa u l-adattament tal-approċċ il-ġdid tagħha bbażat fuq ir-riskju għall-kontrolli ex ante kif ukoll li timplimenta għodod ġodda bbażati fuq ir-riskju għall-valutazzjoni tar-riskji fil-livell tal-proġett u għall-parteċipanti ġodda; jistieden lill-Impriża Konġunta tipprovdi informazzjoni dwar dawn l-attivitajiet fir-rapport annwali tal-attività tagħha għall-2023; |
Akkwist u persunal
|
32. |
Jinnota li minħabba l-attivitajiet tagħha li dejjem qed jiżdiedu, l-Impriża Konġunta ffukat fuq il-ġestjoni tal-kuntratti eżistenti tagħha koperti minn approprjazzjonijiet operattivi u fuq l-għażla tal-fornituri ta’ servizzi speċifiċi ta’ ġestjoni tal-programmi u, b’konsegwenza ta’ dan, l-Impriża Konġunta ddeċidiet li tmexxi d-dati indikattivi ta’ xi akkwisti operattivi għall-ewwel trimestru tal-2023; |
|
33. |
Jinnota li l-Impriża Konġunta approvat tabella tal-persunal tal-2022 li tippermetti 37 aġent temporanju, aġent kuntrattwali u żewġ esperti nazzjonali sekondati, kif stabbilit fil-baġit ġenerali annwali tal-Unjoni Ewropea għall-Kummissjoni Ewropea; |
|
34. |
Jinnota li l-allokazzjoni effettiva tal-persunal baqgħet prijorità għall-Impriża Konġunta tul l-2022 u li l-isforzi kienu ffukati fuq l-iżvilupp professjonali u tal-karriera tal-persunal tagħha, minbarra li jiġi żgurat li l-persunal allokat jintuża bl-aktar mod ekonomiku, effiċjenti u effettiv; |
|
35. |
Jinnota li r-rata ta’ pożizzjonijiet vakanti fi tmiem l-2022 kienet ta’ 8,1 %; jinnota mir-Rapport Annwali tal-Attività Konsolidat, li peress li t-tabella tal-persunal tal-Impriża Konġunta għandha biss 37 pożizzjoni ta’ aġenti temporanji, ir-rata ta’ pożizzjonijiet vakanti rilevanti tiżdied bi 2,7 % ma kull tluq ta’ membru tal-persunal temporanju; |
|
36. |
Jinnota li l-implimentazzjoni tal-modulu tas-sistema ta’ informazzjoni Sysper Job bdiet matul l-2022; jinnota mir-Rapport Annwali Konsolidat tal-Attività li l-Impriża Konġunta se tlesti s-Sistema ta’ ġestjoni tar-riżorsi umani Sysper fl-2023; |
|
37. |
Jinnota li, fir-rigward tal-bilanċ bejn il-ġeneri u dak ġeografiku, l-Impriża Konġunta baqgħet impenjata li tiżgura li l-bilanċ ġenerali tagħha jibqa’ stabbli, jinnota li fl-aħħar tal-2022, 59 % minn 37 impjegat kienu nisa u 41 % kienu rġiel, bi 15-il nazzjonalità rrappreżentati; |
Segwitu għall-osservazzjonijiet mis-snin preċedenti
|
38. |
Jinnota li l-“osservazzjonijiet” fir-rapporti annwali speċifiċi tal-Impriżi Konġunti huma fil-fatt “rakkomandazzjonijiet mhux f’waqthom” mill-Qorti; jinnota li l-Qorti ssegwi dawk l-osservazzjonijiet kull sena billi tivvaluta l-istatus tagħhom bħala “miftuħa” jew “magħluqa”; |
|
39. |
Jilqa’ li l-Impriża Konġunta ħadet azzjoni korrettiva b’rispons għall-osservazzjoni tal-Qorti maħruġa fl-2021;. |
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014 (ĠU L 427, 30.11.2021, p. 17).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta’ Frar 2007 dwar l-istabbiliment ta’ Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta’ ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR) (ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 721/2014 tas-16 ta’ Ġunju 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 219/2007 dwar l-istabbiliment ta’ Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta’ ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR) fir-rigward tal-estensjoni tal-Impriża Konġunta sal-2024 (ĠU L 192, 1.7.2014, p. 1).
(4) https://www.sesarju.eu/node/4509.
(5) Li jinkludi approprjazzjonijiet mhux użati tas-snin preċedenti, imdaħħla mill-ġdid fil-baġit tas-sena 2022, dħul assenjat u riallokazzjonijiet għas-sena ta’ wara.
(6) Rapport annwali tal-attività konsolidat (p. 59).
(7) Rapport annwali tal-attività konsolidat, il-kapitolu 4.1.1.2.3.
(8) Għal tranżazzjonijiet ta’ pagamenti ta’ għotjiet ittestjati fil-livell tal-benefiċjarji, is-soll ta’ rappurtar għal żbalji kwantifikabbli huwa ta’ 1 % tal-ispejjeż awditjati.
(9) Skont it-taqsima 3.2.2 dwar il-monitoraġġ imsaħħaħ fil-gwida tas-CIC (Ċentru ta’ Implimentazzjoni Komuni tad-DĠ RTD tal-Kummissjoni) dwar il-kontrolli ex ante ta’ Orizzont 2020, l-għodda ta’ monitoraġġ imsaħħaħ tappoġġja lill-uffiċjali li jittrattaw l-għotjiet (uffiċjali tal-proġetti, uffiċjali finanzjarji, u uffiċjali legali) biex iwettqu valutazzjoni tar-riskju tal-proġetti jew tal-benefiċjarji.
ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2024/2374/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)