|
26.5.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 162/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/693
tal-15 ta’ Mejju 2020
dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. |
|
(2) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti. |
|
(3) |
Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċijiet NM indikati fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella. |
|
(4) |
Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ tliet xhur. |
|
(5) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.
Artikolu 2
L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2020.
Għall-Kummissjoni
F’isem il-President,
Philip KERMODE
Aġent Direttur Ġenerali
Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali
(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).
ANNESS
|
Deskrizzjoni tal-oġġetti |
Klassifikazzjoni (Kodiċi NM) |
Raġunijiet |
|
(1) |
(2) |
(3) |
|
Żigarella, magħmula minn azzar illigat (għajr l-azzar inossidabbli), b’wisa’ ta’ madwar 30 mm u ħxuna ta’ madwar 0,02 mm, ippreżentata f’rombli. L-oġġett għandu sezzjoni trasversali uniforma solida mat-tul kollu tiegħu fil-forma ta’ rettangolu. Ma jiġix trattat fuq is-superfiċe tiegħu. L-oġġett huwa magħmul minn teknika ta’ ffundar kontinwu imsejħa tkessiħ rapidu b’rotazzjoni. Huwa mfassal biex jintuża fl-industrija tal-elettriku, pereżempju, għall-produzzjoni ta’ nuklei tat-transformers, nuklei tas-sensuri, nuklei għar-reatturi saturabbli, amplifikaturi manjetiċi, żibeġ u kompressuri bl-impulsi. |
7228 60 80 |
Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 1(m) tal-Kapitolu 72 kif ukoll mill-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 7228, 7228 60 u 7228 60 80 . Meta jitqiesu l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu, l-oġġett jissodisfa d-definizzjoni ta’ “Żbarri u vireg oħrajn” fin-Nota 1(m) tal-Kapitolu 72, minħabba li għandu sezzjoni trasversali uniforma solida mat-tul kollu tiegħu fil-forma ta’ rettangolu. Għalhekk, l-oġġett huwa meqjus li huwa żbarra kif definit fiha. L-oġġett isir permezz tat-tkessiħ rapidu b’rotazzjoni, li hija teknika tal-iffurmar differenti mil-laminazzjoni. Barra minn hekk, il-proċess tal-produzzjoni huwa teknika ta’ ffundar kontinwu għall-kuntrarju ta’ teknika ta’ ffundar bil-pressjoni u għalhekk ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tan-Nota 3 tal-Kapitolu 72. Għalhekk, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 7226 bħala prodotti llaminati ċatti ta’ azzar illigat ieħor, b’wisa’ ta’ inqas minn 600 mm jew taħt l-intestatura 7227 bħala żbarri u vireg oħrajn, illaminati bis-sħana hija eskluża. Għaldaqstant, l-oġġett irid jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 7228 60 80 , bħala żbarri u vireg oħrajn ta’ azzar illigat ieħor. |