SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

1 ta’ Awwissu 2025 ( *1 )

[Test irrettifikat permezz tad-digriet tas‑27 ta’ Ottubru 2025]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Responsabbiltà ta’ Stat Membru fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni – Ksur suffiċjentement serju – Politika tal-ażil – Direttiva 2013/33/UE – Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali – Influss sinjifikattiv ta’ applikanti għal protezzjoni temporanja jew internazzjonali – Nuqqas ta’ aċċess għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza – Ħtiġijiet bażiċi – Eżawriment temporanju tal-kapaċità ta’ akkomodazzjoni”

Fil-Kawża C‑97/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Frar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Frar 2024, fil-proċeduri

S.A.,

R.J.

vs

Minister for Children, Equality, Disability, Integration and Youth,

l-Irlanda,

Attorney General,

fil-preżenza ta’:

Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tielet Awla, S. Rodin, O. Spineanu-Matei u N. Fenger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ Frar 2025,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal S.A., minn C. O’Dwyer, SC, C. Smith, BL, u K. Mannion, solicitor,

–

[Kif irrettifikat permezz tad-digriet tas-27 ta’ Ottubru 2025] għal R.J., minn P. Brazil, SC, L. Frawley, BL, G. Tierney, BL, u J. Watters, solicitor,

–

għall-Minister for Children, Equality, Disability, Integration and Youth, l-Irlanda u l-Attorney General, minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Joyce u J. Lynch, bħala aġenti, assistiti minn D. Conlan Smyth, SC, J. Doherty, SC, J. P. Gallagher, BL, u A. McMahon, BL,

–

għall-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, minn M. Demetriou, KC, B. Hoorelbeke, advocaat, u S.A. Love, BL,

–

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, S. Fiorentino u A. Giovannini, bħala aġenti, assistiti minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Erlbacher, F. Ronkes Agerbeek u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ April 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet sabiex tiskatta r-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal ksur tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96), u tal-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, rispettivament, S.A. u R.J. u l-Minister for Children, Equality, Disability, Integration and Youth (il-Ministru għat-Tfal, għall-Ugwaljanza, għad-Diżabbiltà, għall-Integrazzjoni u għaż-Żgħażagħ, l-Irlanda, iktar ’il quddiem il-“Ministru”) u l-Irlanda u l-Attorney General (il-Prosekutur Ġenerali, l-Irlanda), dwar talbiet għal kumpens għad-danni li jirriżultaw min-nuqqas ta’ provvista lil S.A. u lil R.J. ta’ akkomodazzjoni, ta’ ikel, ta’ ilma u ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali oħra li jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tagħhom wara l-preżentata ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Irlanda.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 11 tad-Direttiva 2013/33 hija redatta kif ġej:

“Għandhom ikunu stipulati standards għall-akkoljenza tal-applikanti li għandhom ikunu biżżejjed biex jiżguraw standard ta’ ħajja dinjituż u kondizzjonijiet ta’ ħajja komparabbli fl-Istati Membri kollha.”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(g)

‘kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali’ tfisser kondizzjonijiet ta’ akkoljenza li jinkludu akkomodazzjoni, ikel u ħwejjeġ, ipprovduti in natura, jew bħala konċessjonijiet finanzjarji jew f’vawċers, jew kombinazzjoni tat-tlieta, u konċessjoni għal spejjeż ta’ kuljum;

[…]”

5

L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Regoli ġenerali dwar kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza u kura tas-saħħa”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jkunu disponibbli lill-applikanti meta jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għall- protezzjoni internazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali jipprovdu standard xieraq ta’ ħajja għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom kif ukoll jipproteġilhom is-saħħa fiżika u mentali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dak l-istandard ta’ ħajja jkun issodisfat fis-sitwazzjoni speċifika ta’ persuni vulnerabbli, skont l-Artikolu 21, kif ukoll fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ persuni li huma f’detenzjoni.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali kollha jew xi wħud minnhom u kura tas-saħħa suġġetti għall-kondizzjoni li l-applikanti m’għandhomx mezzi suffiċjenti biex ikollhom standard ta’ ħajja adegwat għal saħħithom u biex jagħmlu possibbli s-sussistenza tagħhom.

[…]

5.   Fejn l-Istati Membri jipprovdu kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza fil-forma ta’ konċessjonijiet finanzjarji jew vawċers, l-ammont tagħhom għandu jkun determinat fuq il-bażi tal-livell(i) stabbilit(i) mill-Istat Membru kkonċernat sew bil-liġi jew bil-prattika sabiex ikunu żgurati standards ta’ ħajja adegwati għaċ-ċittadini. L-Istati Membri jistgħu jagħtu trattament inqas favorevoli lill-applikanti meta mqabbla maċ-ċittadini f’dan ir-rigward, b’mod partikolari fejn il-materjal ta’ appoġġ jingħata parzjalment f’oġġetti jew fejn il-livell(i) msemmija hawn fuq, applikati għaċ-ċittadini, ikollhom l-għan li jiżguraw standard ta’ ħajja ogħla minn dak preskritt għall-applikanti skont din id-Direttiva.”

6

L-Artikolu 18 tal-istess direttiva, intitolat “Modalitajiet għal kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 9 tiegħu:

“1.   Fejn akkomodazzjoni tkun ipprovduta fi djar, din għandha tieħu waħda jew għaqda tal-forom li ġejjin:

(a)

binjiet użati għall-għan biex tingħata dar lill-applikanti matul l-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li ssir fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu;

(b)

ċentri ta’ akkomodazzjoni li jiggarantixxu standard ta’ ħajja adegwat;

(c)

djar privati, appartamenti, lukandi jew binjiet oħra li jiġu addattati għall-applikanti għal akkomodazzjoni.

[…]

9.   F’każijiet debitament ġustifikati, l-Istati Membri jistgħu b’mod eċċezzjonali jistabbilixxu modalitajiet għal kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza differenti minn dawk li jipprovdi għalihom dan l-Artikolu, għal perjodu raġonevoli li għandu jkun qasir kemm jista’ jkun, meta:

[…]

(b)

kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni normalment disponibbli huma temporanjament eżawriti.

Tali kondizzjonijiet differenti għandhom fi kwalunkwe każ ikopru il-ħtiġiet bażiċi.”

Id-dritt Irlandiż

7

L-Artikolu 1 tal-European Communities (Reception Conditions) Regulations 2018, SI 230/2018 (ir-Regolamenti tal‑2018 tal-Komunitajiet Ewropej (Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza)) jipprevedi li l-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza huma kkostitwiti minn:

“(a) l-akkomodazzjoni, l-ikel u l-benefiċċji assoċjati pprovduti in natura,

(b) l-allowance għall-ispejjeż ta’ kuljum, u

(c) ħwejjeġ ipprovduti bħala benefiċċju finanzjarju […]”

8

Dan l-artikolu jippreċiża wkoll li “l-espressjoni ‘allowance ta’ kuljum’ tfisser dik il-parti tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza li tikkostitwixxi ħlas ta’ kull ġimgħa magħmul […] lil benefiċjarju sabiex ikun jista’ jħallas l-ispejjeż personali u anċillari tiegħu”.

9

L-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet jipprevedi:

“(1)   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet, benefiċjarju għandu d-dritt li jibbenefika mill-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza meta ma jkollux mezzi suffiċjenti sabiex ikollu livell ta’ għajxien adegwat.

[…]

(5)   Il-[Ministru] jista’, b’mod eċċezzjonali u bla ħsara għall-paragrafu 6, jipprovdi l-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza b’mod differenti minn dak previst minn dan ir-regolament fil-każijiet li ġejjin:

(a)

għandha titwettaq evalwazzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi ta’ benefiċjarju, jew

(b)

il-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni normalment disponibbli huma temporanjament eżawriti.

(6)   L-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza awtorizzati mill-punt (5) għandu

(a)

ikun għal żmien qasir kemm jista’ jkun, u

(b)

jissodisfa l-ħtiġijiet bażiċi tal-benefiċjarju.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

10

S.A., li huwa ċittadin Afgan, u R.J., li huwa ċittadin Indjan, ippreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fl-Irlanda fil‑15 ta’ Frar u fl‑20 ta’ Marzu 2023 rispettivament.

11

L-awtoritajiet Irlandiżi bagħtulhom vawċer wieħed ta’ EUR 25 kull wieħed. Mill-banda l-oħra, dawn l-awtoritajiet qiesu li ma kinux f’pożizzjoni li jagħtuhom akkomodazzjoni, peress li ċ-ċentri ta’ akkoljenza għall-applikanti għall-ażil kienu mimlijin, minkejja d-disponibbiltà ta’ akkomodazzjoni individwali u temporanja fl-Irlanda. Fin-nuqqas ta’ akkomodazzjoni f’tali ċentru ta’ akkoljenza, S.A. u R.J. ma kinux eliġibbli, fil-jum meta ppreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali, għall-allowance ta’ sussistenza ta’ kuljum għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali prevista mid-dritt Irlandiż.

12

S.A. u R.J. raqdu barra jew, kultant, f’akkomodazzjoni prekarja f’Dublin (l-Irlanda). Huma indikaw li mhux dejjem kellhom biżżejjed x’jieklu, ma kinux f’pożizzjoni li jieħdu ħsieb l-iġjene tagħhom u sabu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ diffikultà fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom u tal-vjolenza li kienu qegħdin jaffaċċjaw. S.A., barra minn hekk, seta’ jibbenefika minn ċerta kura medika ta’ emerġenza.

13

S.A. u R.J. talbu, mingħajr suċċess, lill-awtoritajiet Irlandiżi jirrikonoxxu l-istat ta’ vulnerabbiltà tagħhom. Wara bidla fil-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-allowance ta’ sussistenza, S.A. u R.J. ingħataw, rispettivament fil‑5 u fl‑20 ta’ April 2023, b’effett retroattiv għad-data tal-preżentata tal-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali, allowance fl-ammont ta’ EUR 38.80 fil-ġimgħa. Huma setgħu wkoll jiksbu allowances sabiex ikopru ħtiġijiet addizzjonali ta’ darba.

14

S.A u R.J. kisbu akkomodazzjoni fis‑27 ta’ April u fit‑22 ta’ Mejju 2023, rispettivament.

15

Sussegwentement, S.A. u R.J. ippreżentaw quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), li hija l-qorti tar-rinviju, rikorsi kontra l-Ministru u l-Prosekutur Ġenerali, intiżi sabiex jiksbu kumpens għad-danni li rriżultaw għal kull wieħed minnhom minħabba nuqqas ta’ provvista ta’ akkomodazzjoni, ta’ ikel, ta’ ilma u ta’ kundizzjonijiet materjali oħra ta’ akkoljenza li jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tagħhom.

16

Quddiem dik il-qorti, il-Ministru u l-Prosekutur Ġenerali ma jikkontestawx li hemm lok li jiġi kkonstatat ksur tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 2013/33 u l-Artikolu 1 tal-Karta, minħabba n-nuqqas ta’ provvista ta’ kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza lil S.A. u lil R.J. għal diversi ġimgħat.

17

Madankollu, huma jsostnu li, peress li dan il-ksur jirriżulta minn każ ta’ forza maġġuri, dan ma għandux jitqies li huwa “suffiċjentement serju”, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428), kif ukoll tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79), sabiex ikun jista’ jagħti lok għal kumpens.

18

Mingħajr ma jinvokaw nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji, il-Ministru u l-Prosekutur Ġenerali josservaw li l-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni fl-Irlanda tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali ġew eżawriti wara l-wasla f’daqqa f’dan l-Istat Membru ta’ numru mingħajr preċedent ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li talbu protezzjoni temporanja jew internazzjonali. Minħabba f’hekk, għal perijodu ta’ erba’ xhur u nofs, irġiel adulti mhux miżżewġa mhux vulnerabbli li talbu protezzjoni internazzjonali fl-imsemmi Stat Membru ma bbenefikawx minn offerti ta’ akkomodazzjoni. L-awtoritajiet Irlandiżi madankollu għamlu l-isforzi raġonevoli kollha sabiex jiżguraw l-akkomodazzjoni ta’ dawn il-persuni u sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ akkoljenza l-oħra tagħhom. Għalhekk, il-ksur tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx intenzjonat.

19

S.A. u R.J. isostnu, qabelxejn, li, meta d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jkunu, bħad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2013/33, ifformulati f’termini imperattivi, id-dritt tal-Unjoni jwassal għal responsabbiltà stretta tal-Istat Membru li jikser l-obbligi stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet. Sussegwentement, il-forza maġġuri ma tistax tiġi invokata sabiex jiġi skużat il-ksur ta’ dritt fundamentali assolut. Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Irlandiżi, f’dan il-każ, ma ħadux il-miżuri kollha neċessarji sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali u għamlu l-għażla politika li jikkonċentraw fuq il-provvista globali ta’ akkomodazzjoni.

20

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li rapport ippubblikat fl‑2020 kien qies li l-Irlanda kellha tippjana għall-akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali abbażi ta’ madwar 3500 applikazzjoni ġdida fis-sena. Madankollu, wara l-invażjoni tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa, kważi 100000 ċittadin ta’ pajjiżi terzi li kienu qegħdin ifittxu protezzjoni temporanja jew internazzjonali waslu fl-Irlanda bejn ix-xahar ta’ Frar 2022 u dak ta’ Mejju 2023, li iktar minn 80000 minnhom kellhom jingħataw akkomodazzjoni mill-awtoritajiet Irlandiżi. Dik il-qorti tqis li, għalkemm l-okkorrenza ta’ dawn l-avvenimenti kienet ċertament imprevedibbli, in-neċessità li wieħed ikollu kapaċità ta’ akkomodazzjoni addizzjonali permanenti ma baqgħetx iktar imprevedibbli wara ċertu perijodu ta’ żmien. Għalhekk seta’ jiġi mistenni mill-awtoritajiet Irlandiżi, li kellhom riżorsi finanzjarji suffiċjenti, li, minbarra li jfittxu soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni kollettiva għal żmien medju, jagħmlu sforzi sabiex isibu akkomodazzjoni privata għall-persuni kkonċernati, permezz tal-provvista ta’ vawċers ta’ akkomodazzjoni jew ta’ ammonti ogħla ta’ għajnuna finanzjarja mill-allowance ta’ kuljum, jew billi jwaqqfu xelters ta’ emerġenza.

21

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà li tiġi invokata l-forza maġġuri sabiex tiġi eskluża r-responsabbiltà tal-Irlanda fil-kawżi prinċipali.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Meta ‘forza maġġuri’ ma tkunx prevista bħala difiża fid-Direttiva jew fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni inkwistjoni, din id-difiża tkun tista’ madankollu tiġi invokata bħala difiża għal talba għad-danni skont is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et [(C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428)] għal ksur ta’ obbligu tad-dritt tal-Unjoni li jagħti drittijiet lill-individwi li jirriżultaw mid-dritt fundamentali għad-dinjità tal-bniedem li jinsab fl-Artikolu 1 tal-[Karta] (kemm jekk tiġi invokata bħala difiża skont it-tieni parti tat-test tas-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame [(C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79)] jew jekk tiġi invokata b’mod ieħor)?

2)

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, liema huma l-parametri u l-portata xierqa ta’ din id-difiża ta’ forza maġġuri?”

Fuq id-domandi preliminari

23

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermetti lil din tal-aħħar taqta’ u tiddeċiedi t-tilwima li tkun tressqet quddiemha. Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun hemm bżonn, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 1997, Krüger,C‑334/95, EU:C:1997:378, punti 22 u 23, kif ukoll tal‑25 ta’ Frar 2025, Alphabet et, C‑233/23, EU:C:2025:110, punt 33).

24

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li ma huwiex ikkontestat, fil-kawżi prinċipali, li l-awtoritajiet Irlandiżi, billi ma pprovdewx lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għal diversi ġimgħat, il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza previsti mid-Direttiva 2013/33, kisru l-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn din id-direttiva.

25

F’dan il-kuntest, mill-indikazzjonijiet li jinsabu f’din it-talba jsegwi li d-domandi magħmula huma intiżi esklużivament sabiex jippermettu lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar l-argument tal-awtoritajiet Irlandiżi li r-responsabbiltà tagħhom f’dan ir-rigward tista’ tiġi eskluża, fil-kuntest ta’ azzjoni għal kumpens għad-danni, minħabba l-okkorrenza ta’ każ ta’ forza maġġuri. Għalhekk, dawn l-awtoritajiet jinvokaw, b’mod iktar preċiż, il-fatt li, fiż-żmien meta r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali, il-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni normalment disponibbli fl-Irlanda għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali kienu eżawriti, wara l-wasla f’daqqa f’dan l-Istat Membru ta’ numru mingħajr preċedent ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li talbu protezzjoni temporanja jew internazzjonali, li kienet ta’ natura imprevedibbli u kbira wisq. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija awtoritajiet ma jsostnux li kienu oġġettivament preklużi milli jipprovdu kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza li jkopru l-ħtiġijiet bażiċi ta’ dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

26

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jitqies li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru, li ma jkunx iggarantixxa, għal diversi ġimgħat, l-aċċess ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza previsti mid-Direttiva 2013/33, jista’ jevita r-responsabbiltà tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni billi jinvoka l-eżawriment temporanju tal-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni normalment disponibbli fit-territorju tiegħu għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, minħabba influss ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jitolbu protezzjoni temporanja jew internazzjonali li, minħabba n-natura sinjifikattiva u f’daqqa tiegħu, kien imprevedibbli u kbir wisq.

27

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-individwi li jsofru ksur tad-dritt tal-Unjoni, imputabbli lil Stat Membru, għandhom dritt għal kumpens ladarba tliet kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, jiġifieri li r-regola tad-dritt tal-Unjoni miksura jkollha l-għan li tagħtihom drittijiet, li l-ksur ta’ din ir-regola jkun serju biżżejjed u li tkun teżisti rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu mġarrab minn dawn l-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 51, kif ukoll tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Ministre de la Transition écologique u Premier ministre (Responsabbiltà tal-Istat għat-tniġġis tal-arja), C‑61/21, EU:C:2022:1015, punt 44).

28

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li ma huwiex ikkontestat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/33 dwar il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jagħtu drittijiet lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li huma jkopru u li d-domandi magħmula ma jirrigwardawx l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn il-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mill-awtoritajiet Irlandiżi u d-dannu li allegatament sofrew ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Sa fejn dawn id-domandi għalhekk jikkonċernaw biss it-tieni waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistix ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali adita b’talba għal kumpens għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni mressqa quddiemha. Fost l-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward hemm, b’mod partikolari, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola miksura, il-portata tal-marġni ta’ evalwazzjoni li r-regola miksura tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali, in-natura intenzjonali jew involontarja tan-nuqqas jew tad-dannu kkawżat, in-natura skużabbli jew le ta’ żball eventwali ta’ dritt, kif ukoll iċ-ċirkustanza li, skont il-każ, l-attitudni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni setgħet tikkontribwixxi għall-adozzjoni jew għaż-żamma fis-seħħ ta’ miżuri jew ta’ prattiki nazzjonali kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe (C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, b’mod partikolari, li ksur tad-dritt tal-Unjoni jkun suffiċjentement serju meta Stat Membru jkun kiser, b’mod manifest u gravi, il-limiti imposti fuq l-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu u li, f’sitwazzjoni fejn l-Istat Membru kkonċernat kellu marġni ta’ evalwazzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jew saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Mejju 1996, Hedley Lomas (C‑5/94, EU:C:1996:205, punt 28), kif ukoll tal‑15 ta’ Ġunju 1999, Rechberger et, C‑140/97, EU:C:1999:306, punt 50).

30

Fi kwalunkwe każ, ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu jitqies bħala suffiċjentement serju meta dan jitwettaq bi ksur manifest tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe (C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Għalkemm, bħala prinċipju, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeterminaw jekk il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal ksur tad-dritt tal-Unjoni humiex issodisfatti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tippreċiża ċerti ċirkustanzi li dawn il-qrati għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 1996, British Telecommunications,C‑392/93, EU:C:1996:131, punt 41, u tat‑18 ta’ Jannar 2001, Stockholm Lindöpark,C‑150/99, EU:C:2001:34, punt 38).

32

Għal dan l-għan, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2013/33 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jkollhom aċċess għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza meta jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom.

33

Mill-Artikolu 2(g) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jinkludu l-akkomodazzjoni, l-ikel u l-ħwejjeġ, ipprovduti in natura jew bħala allowances finanzjarji jew vawċers, jew kombinazzjoni tat-tlieta, kif ukoll allowance għall-ispejjeż ta’ kuljum.

34

Irrispettivament mill-mod ta’ provvista ta’ dawn il-kundizzjonijiet magħżul minn Stat Membru, l-Artikolu 17(2) tal-imsemmija direttiva jeżiġi li l-imsemmija kundizzjonijiet jiżguraw lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali livell ta’ għajxien adegwat li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom u li jipproteġi s-saħħa fiżika u mentali tagħhom. L-Artikolu 17(3) tal-istess direttiva jippermetti madankollu lill-Istati Membri jissuġġettaw l-għoti tal-istess kundizzjonijiet kollha jew parti minnhom u tal-kura tas-saħħa għall-kundizzjoni li l-applikanti ma jkollhomx mezzi suffiċjenti sabiex ikollhom livell ta’ ħajja adegwat għal saħħithom u sabiex jagħmlu possibbli s-sussistenza tagħhom.

35

Barra minn hekk, l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2013/33 jipprovdi li, meta l-Istati Membri jagħtu l-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza fil-forma ta’ allowances finanzjarji jew ta’ vawċers, l-ammont tagħhom għandu jiġi ffissat skont il-livell jew il-livelli stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat sabiex jiġi ggarantit livell ta’ għajxien adegwat għaċ-ċittadini tiegħu, filwaqt li jitqies li t-trattament mogħti lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jista’ jkun inqas favorevoli minn dak mogħti lil dawn iċ-ċittadini. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li l-ammont ta’ tali allowances finanzjarji jew ta’ tali vawċers għandu jkun suffiċjenti sabiex jiggarantixxi livell ta’ ħajja dinjituż u adegwat għas-saħħa kif ukoll sabiex jiżgura s-sussistenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali billi jippermettilhom jkollhom akkomodazzjoni, fejn xieraq, fis-suq privat tal-kiri (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Saciri et, C‑79/13, EU:C:2014:103, punt 42).

36

Meta Stat Membru jagħżel il-provvista tal-akkomodazzjoni in natura, huwa għandu, bħala prinċipju, jikkonforma ruħu ma’ sensiela ta’ rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 18(1) sa (8) tad-Direttiva 2013/33. Madankollu, l-Artikolu 18(9)(b) ta’ din id-direttiva jippermetti lill-Istati Membri, b’mod eċċezzjonali u f’każijiet debitament iġġustifikati, jistabbilixxu modalitajiet għall-provvista ta’ kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza differenti minn dawk li huma previsti f’dan l-Artikolu 18, għal perijodu raġonevoli li għandu jkun qasir kemm jista’ jkun, meta l-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni normalment disponibbli jkunu temporanjament eżawriti. L-aħħar parti tal-Artikolu 18(9) tal-imsemmija direttiva jimponi madankollu l-obbligu li dawn il-kundizzjonijiet ikopru, fi kwalunkwe każ, il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni kkonċernati.

37

Indipendentement mill-għażliet magħmula minn Stat Membru minn fost id-diversi possibbiltajiet previsti fl-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2013/33, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas‑27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101), ġurisprudenza li t-tagħlim tagħha huwa wkoll rilevanti, f’dan ir-rigward, għad-Direttiva 2013/33, li tikkostitwixxi r-riformulazzjoni tad-Direttiva 2003/9, jirriżulta li l-istruttura ġenerali ta’ dawn id-direttivi kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari r-rekwiżiti tal-Artikolu 1 tal-Karta li jipprovdi li d-dinjità tal-bniedem għandha tiġi rrispettata u protetta, jipprekludu li applikant għal protezzjoni internazzjonali jiġi mċaħħad, anki jekk temporanjament, mill-protezzjoni tal-istandards minimi stabbiliti mill-imsemmija direttivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2012, Cimade u GISTI, C‑179/11, EU:C:2012:594, punt 56, kif ukoll tas‑27 ta’ Frar 2014, Saciri et, C‑79/13, EU:C:2014:103, punt 35).

38

B’mod partikolari, is-saturazzjoni tan-networks ta’ akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali ma tistax tiġġustifika kwalunkwe deroga mill-istandards minimi għall-akkoljenza ta’ dawn l-applikanti stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Saciri et, C‑79/13, EU:C:2014:103, punt 50).

39

Mill-kombinazzjoni tar-regoli hekk stabbiliti fl-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2013/33 jirriżulta li, fil-każ ta’ eżawriment temporanju tal-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni normalment disponibbli fit-territorju tiegħu għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, Stat Membru għandu għażla bejn żewġ possibbiltajiet.

40

L-ewwel, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(9) ta’ din id-direttiva jkunu ssodisfatti, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jiddeċiedi li jipprovdi akkomodazzjoni in natura, mingħajr ma jkun obbligat li josserva r-rekwiżiti kollha stabbiliti f’dan l-Artikolu 18, iżda billi jkopri, fi kwalunkwe każ, il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni kkonċernati.

41

It-tieni, jekk dan l-Istat Membru ma jkunx jixtieq iktar jagħti l-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza in natura jew jekk ma jkunx għadu f’pożizzjoni li jagħmel dan, huwa għandu jipprovdi dawn il-kundizzjonijiet fil-forma ta’ allowances finanzjarji jew ta’ vawċers ta’ ammont suffiċjenti sabiex il-ħtiġijiet bażiċi tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, inkluż livell ta’ għajxien dinjituż u adegwat għas-saħħa kif ukoll sabiex tiġi żgurata s-sussistenza tagħhom, jiġu żgurati lilhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Saciri et, C‑79/13, EU:C:2014:103, punt 48).

42

Minn dan isegwi li, għalkemm l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jiddeterminaw il-forma u l-livell preċiż tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza li huma jagħtu, huma ma jistgħux, mingħajr ma jaqbżu b’mod manifest u gravi dan il-marġni ta’ evalwazzjoni u mingħajr ma jmorru manifestament kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jonqsu milli jipprovdu, anki jekk temporanjament, kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza li jkopru l-ħtiġijiet bażiċi ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali li ma jkollux mezzi suffiċjenti sabiex ikollu livell ta’ ħajja adattat għal saħħtu u sabiex ikun jista’ jiżgura s-sussistenza tiegħu, inkluż f’dak li jirrigwarda l-aċċess tiegħu għall-akkomodazzjoni.

43

Għaldaqstant, tali astensjoni tidher li hija ta’ natura li tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, anki meta sseħħ f’sitwazzjoni fejn il-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni normalment disponibbli għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, ikunu temporanjament eżawriti.

44

F’dan il-kuntest, fid-dawl tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, huwa madankollu neċessarju li jiġi ddeterminat jekk iċ-ċirkustanza li tali eżawriment temporanju tal-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni jirriżulta, kif issostni l-Irlanda, minn influss sinjifikattiv u f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li talbu protezzjoni temporanja jew internazzjonali, li huwa ta’ natura imprevedibbli u kbira wisq, hijiex ta’ natura li tippermetti lill-Istat Membru li jkun kiser l-obbligi tiegħu mfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza jevita r-responsabbiltà tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni.

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li l-eżawriment temporanju tal-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni normalment disponibbli għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, tkun xi tkun il-kawża tiegħu, ma jimplikax, bħala tali, li l-għoti tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza fil-forma ta’ allowances finanzjarji jew ta’ vawċers, li jikkostitwixxi wieħed mill-possibbiltajiet miftuħa għall-Istati Membri sabiex jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħhom taħt id-Direttiva 2013/33, huwa partikolarment diffiċli jew, a fortiori, impossibbli.

46

Min-naħa l-oħra, meta l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq jipprovdi l-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza in natura, mill-punt 36 ta’ din is-sentenza jsegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa, fl-Artikolu 18(9)(b) ta’ din id-direttiva, sistema derogatorja applikabbli, taħt ċerti kundizzjonijiet, fil-każ ta’ eżawriment temporanju tal-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni normalment disponibbli, filwaqt li jirregola l-modalitajiet ta’ din id-deroga. Dan il-leġiżlatur b’mod partikolari impona fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat intiż li jiżguraw “fi kwalunkwe każ” lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali kkonċernati l-kopertura tal-ħtiġijiet bażiċi tagħhom, u b’hekk eskluda li l-Istati Membri li jimplimentaw din is-sistema derogatorja jkunu jistgħu ma joffrux il-garanziji neċessarji għal dan l-għan.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 18(9)(b) tad-Direttiva 2013/33 ma tinkludi ebda indikazzjoni li turi li l-applikazzjoni tiegħu għandha tiġi eskluża meta l-eżawriment temporanju tal-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni normalment disponibbli jirriżulta minn influss sinjifikattiv u f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jitolbu protezzjoni temporanja jew internazzjonali, li jkun ta’ natura imprevedibbli u kbira wisq.

48

Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tipprevedi espliċitament, minn naħa, li d-deroga li hija tistabbilixxi tista’ tiġi implimentata biss “[f]’każijiet debitament ġustifikati, […] b’mod eċċezzjonali” u, min-naħa l-oħra, li l-miżuri adottati f’dan il-kuntest għandhom jiġu applikati “għal perjodu raġonevoli li għandu jkun qasir kemm jista’ jkun”.

49

Fid-dawl tar-rekwiżiti kumulattivi li għalihom hija għalhekk suġġetta l-applikazzjoni tal-Artikolu 18(9)(b) tad-Direttiva 2013/33, għandu jitqies li s-sistema derogatorja stabbilita minn din id-dispożizzjoni hija applikabbli meta l-eżawriment temporanju tal-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni normalment disponibbli għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali ma setax oġġettivament jiġi evitat minn Stat Membru raġonevolment diliġenti. Għaldaqstant, din is-sistema derogatorja tapplika b’mod partikolari, bħalma rrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, f’każijiet fejn l-eżawriment temporanju tal-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni normalment disponibbli jkun il-konsegwenza ta’ influss sinjifikattiv u f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jitolbu protezzjoni temporanja jew internazzjonali, li huwa ta’ natura imprevedibbli u kbira wisq.

50

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, bl-adozzjoni tal-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni li fiha Stat Membru jkollu jaffaċċja żieda sinjifikattiva ħafna fin-numru ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑808/18, EU:C:2020:1029, punti 222 u 223), li tista’ tkun ta’ natura imprevedibbli u kbira wisq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill (C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 114).

51

Issa, f’sitwazzjonijiet li fihom il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta regoli intiżi li jiddefinixxu sistema li timponi ċerti obbligi ta’ riżultat fil-każ li jseħħu avvenimenti imprevedibbli jew kbar wisq jew ta’ perikolu ieħor, irrispettivament mill-kawżi ta’ dawn l-avvenimenti jew ta’ dan ir-riskju, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li wieħed ma jistax jevita dawn l-obbligi billi jibbaża ruħu fuq l-okkorrenza ta’ tali avvenimenti jew tar-riskju koperti mis-sistema inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 1999, Rechberger et, C‑140/97, EU:C:1999:306, punti 74 u 75, kif ukoll tat‑8 ta’ Ġunju 2023, UFC -Que choisir u CLCV, C‑407/21, EU:C:2023:449, punti 56 u 57).

52

Għaldaqstant, ma jistax jiġi aċċettat, mingħajr ma jiġi miksur l-għan stess tas-sistema derogatorja stabbilita fl-Artikolu 18(9)(b) tad-Direttiva 2013/33, u mingħajr ma din tiġi mċaħħda mill-effett utli tagħha, li Stat Membru jista’ jiġġustifika l-assenza ta’ applikazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn din is-sistema derogatorja, u b’mod partikolari dak li jkopri “fi kwalunkwe każ” il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni kkonċernati, billi jinvoka l-okkorrenza tal-avveniment li għalih hija suġġetta l-applikazzjoni tal-imsemmija sistema derogatorja, jiġifieri l-eżawriment temporanju tal-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni normalment disponibbli għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, inkluż jekk dan jirriżulta minn influss sinjifikattiv u f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jitolbu protezzjoni temporanja jew internazzjonali, li huwa ta’ natura imprevedibbli u kbira wisq.

53

Bl-istess mod, ma jistax jiġi aċċettat li l-invokazzjoni tal-okkorrenza ta’ tali avveniment tippermetti li jiġi stabbilit li l-ksur tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2013/33 ma huwiex suffiċjentement serju sabiex ikun jista’ jingħata dritt għal kumpens. Fil-fatt, tali soluzzjoni, billi ċċaħħad lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali minn element essenzjali tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tagħhom, tkun tippreġudika l-effettività tal-Artikolu 18(9)(b) tagħha, u b’mod partikolari tal-obbligu ta’ riżultat fir-rigward tal-kopertura tal-ħtiġijiet bażiċi ta’ dawn l-applikanti, li huwa previst f’din id-dispożizzjoni u li huwa intiż li jiżgura r-rispett tad-dinjità tal-bniedem iggarantita mill-Artikolu 1 tal-Karta.

54

F’dan il-każ, għandu barra minn hekk jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jew mill-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jsegwix li l-Irlanda wriet li hija ma setgħetx, wara influss kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li talbu protezzjoni temporanja jew internazzjonali li hija ssemmi, jew li tipprovdilhom akkomodazzjoni barra mis-sistema normalment prevista sabiex takkomoda tali ċittadini ta’ pajjiżi terzi, jekk ikun il-każ billi timplimenta d-deroga prevista fl-Artikolu 18(9)(b) tad-Direttiva 2013/33, jew, fin-nuqqas ta’ dan, li tagħtihom allowances finanzjarji jew vawċers ta’ ammont suffiċjenti sabiex jiżgurawlhom kundizzjonijiet tal-għajxien dinjitużi.

55

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika, għall-kuntrarju, li huwa paċifiku li l-awtoritajiet Irlandiżi kellhom, fil-kawżi prinċipali, riżorsi suffiċjenti sabiex jiżguraw il-provvista ta’ kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali u li l-akkomodazzjoni kienet disponibbli fl-Irlanda.

56

Minn dan isegwi li dawn il-kawżi ma jirrigwardawx sitwazzjoni li fiha jiġi stabbilit li l-okkorrenza ta’ avveniment imprevedibbli u kbir wisq ipprekludiet oġġettivament lil Stat Membru milli jipprovdi kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza in natura, inkluż taħt is-sistema derogatorja prevista fl-Artikolu 18(9) tad-Direttiva 2013/33, jew fil-forma ta’ allowances finanzjarji jew ta’ vawċers, skont il-modalitajiet imfakkra fil-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza. Għalhekk ma jidhirx li huwa neċessarju, sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi l-kawżi prinċipali, li jiġi ddeterminat jekk dan l-Istat Membru jistax, f’tali sitwazzjoni, jinvoka b’mod validu l-okkorrenza ta’ każ ta’ forza maġġuri sabiex jevita r-responsabbiltà tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru, li ma jkunx iggarantixxa, għal diversi ġimgħat, l-aċċess ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza previsti mid-Direttiva 2013/33, ma jistax jevita r-responsabbiltà tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni billi jinvoka l-eżawriment temporanju tal-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni normalment disponibbli fit-territorju tiegħu għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, minħabba influss ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jitolbu protezzjoni temporanja jew internazzjonali li, minħabba n-natura sinjifikattiva u f’daqqa tiegħu, kien imprevedibbli u kbir wisq.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru, li ma jkunx iggarantixxa, għal diversi ġimgħat, l-aċċess ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali għall-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza previsti mid-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, ma jistax jevita r-responsabbiltà tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni billi jinvoka l-eżawriment temporanju tal-kapaċitajiet ta’ akkomodazzjoni normalment disponibbli fit-territorju tiegħu għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, minħabba influss ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jitolbu protezzjoni temporanja jew internazzjonali li, minħabba n-natura sinjifikattiva u f’daqqa tiegħu, kien imprevedibbli u kbir wisq.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.