52009PC0517

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati, għal ċerti stokkijiet ta' ħut, applikabbli fil-Baħar l-Iswed għall-2010 /* KUMM/2009/0517 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 5.10.2009

KUMM(2009) 517 finali

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati, għal ċerti stokkijiet ta' ħut, applikabbli fil-Baħar l-Iswed għall-2010

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

Għanijiet tal-proposta

Wara l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija mal-UE fl-1 ta' Jannar 2007 u bi tkomplija tal-miżuri ta' konservazzjoni diġà implimentati fl-2008 u l-2009, l-għan ta' din il-proposta huwa li jiġu stabbiliti għall-2010 l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati għall-Istati Membri fir-rigward tal-iktar stokkijiet kummerċjalment importanti fil-Baħar l-Iswed.

Kuntest ġenerali

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd [tas-Sajd], il-Politika Komuni tas-Sajd għandha tiżgura sfruttar tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin li jipprovdi kundizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli. Għodda importanti biex jintlaħqu dawn l-għanijiet huwa l-istabbiliment annwali tal-opportunitajiet tas-sajd fl-għamla ta’ qabdiet totali permissibbli (TACs - total allowable catches), kwoti u limitazzjonijiet fuq l-isforzi tas-sajd.

L-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar l-Iswed u l-kundizzjonijiet relatati ġew implimentati għall-ewwel darba permezz ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja fl-2008.

Dawn l-ewwel miżuri prekawzjonari ta’ ġestjoni mill-Komunità għall-Baħar l-Iswed, jimpenjaw lill-amministrazzjonijiet nazzjonali, mill-partijiet interessati u mill-komunità xjentifika biex itejbu l-kontroll tal-qbid u tal-ħatt l-art kif ukoll il-kwalità tad-dejta għal analiżi xjentifika u ekonomika aħjar.

Barra minn hekk, dawn il-miżuri se jsaħħu l-pożizzjoni Komunitarja f’diskussjonijiet ġewwa korp possibbli ta' ġestjoni tas-sajd reġjonali fil-ġejjieni li jkun jinvolvi l-pajjiżi kollha tal-Baħar l-Iswed.

Sakemm tiġi żviluppata skema aktar avvanzata u integrata ta’ miżuri ta’ ġestjoni għas-sajd sostenibbli fir-reġjun, li għandu jintlaħaq qbil dwarha fuq livell multilaterali, il-ħsieb ta’ din il-proposta huwa li tipproponi miżuri ta’ konservazzjoni għall-2010 f’konformità mal-punti 4 u 5 u l-punti 7-9 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Konsultazzjoni rigward l-Opportunitajiet tas-Sajd għall-2010[1].

L-għan huwa li l-Kunsill jadotta l-abbozz tar-Regolament f’Ottubru 2009.

Il-proposta fiha miżuri ta’ ġestjoni li jistabbilixxu t-TACs u l-kwoti Komunitarji kif ukoll miżuri tekniċi relatati magħhom.

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Ma jeżistux miżuri ta’ konservazzjoni tas-sajd fuq il-livell multilaterali.

Din il-proposta tirrappreżenta tkomplija tar-Regolament għall-2009, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1139/2008 tal-10 ta’ Novembru 2008.

Il-konsistenza ma' politiki u għanijiet oħrajn tal-Unjoni

Il-miżuri proposti huma mfassla f’konformità mal-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd u huma konsistenti mal-politika Komunitarja dwar l-iżvilupp sostenibbli.

2. KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Konsultazzjoni ma' partijiet interessati

Iż-żewġ Stati Membri kkonċernati huma konxji li l-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta miżuri ta' konservazzjoni għall-Baħar l-Iswed, f'konformità mar-regoli ppreżentati mill-Kummissjoni fil-Konsultazzjoni rigward l-Opportunitajiet tas-Sajd għall-2010.

Fil-5 ta’ Ġunju 2009, id-DĠ MARE stieden lill-kunsilliera dwar is-sajd mir-Rumanija u l-Bulgarija biex jiddiskutu l-implikazzjonijiet tar-rapport tal-STECF għar-rebbiegħa rigward il-valutazzjoni matul is-sena tat-TAC għall-barbun imperjali, kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1139/2008. Iż-żewġ Stati Membri rreaġixxew bil-miktub u flimkien qablu li jitolbu biex it-TAC tal-barbun imperjali tiżdied għal 130 tunnellata.

Fid-dawl tal-istqarrija mill-STECF fis-17 ta’ Lulju 2009, kwalunkwe possibbiltà ta’ żieda fit-TAC tal-barbun imperjali għandha titwarrab għal kollox. Madankollu, sa issa ma seħħet l-ebda konsultazzjoni speċifika strutturata mal-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-partijiet interessati taż-żewġ Stati Membri kkonċernati. Konsultazzjonijiet bħal dawn huma previsti għall-bidu ta’ Settembru 2009.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Żewġ gruppi ta’ ħidma ta’ xjenzjati mir-reġjun tal-Baħar l-Iswed (il-Bulgarija, ir-Rumanija, it-Turkija u l-Ukrajna) tlaqqgħu mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) f’Marzu u Lulju tal-2009. Il-gruppi ħejjew rapporti li jiddeskrivu s-sitwazzjoni tal-istokkijet tal-laċċa kaħla u l-barbun imperjali, b’attenzjoni speċjali fuq l-ilmijiet Komunitarji. Ir-rapporti ngħaddew lill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) li analizza s-sajd għall-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed fil-laqgħa Plenarja f’April 2009, u kemm għal-laċċa kaħla kif ukoll għall-barbun imperjali fil-laqgħa ta’ Lulju f’Kopenħagen fit-13-17 ta’ Lulju 2009.

Il-parir xjentifiku dwar l-opportunitajiet ta’ sajd fl-2010 fil-Baħar l-Iswed ingħata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) fis-17 ta’ Lulju 2009[2].

L-STECF tinnota li l-istokk tal-barbun imperjali għandu jiġi kklassifikat taħt il-kategorija 10 skont il-Konsultazzjoni mill-Kummissjoni rigward l-Opportunitajiet tas-Sajd għall-2010, li jfisser li t-TAC għall-barbun imperjali għandu jitnaqqas għallinqas b'25% tat-TAC Komunitarju għall-2009 ta' 100 t. għal 75t. Għandhom jiġu implimentati miżuri ta’ rkupru, fosthom it-tnaqqis tal-isforz u l-introduzzjoni ta' rkaptu tas-sajd aktar selettiv. Ma hemm l-ebda elementi ġodda li jindikaw bidla fil-proporzjon attwali ta’ allokazzjoni ta’ 50/50 bejn iż-żewġ Stati Membri kkonċernati.

Għal-laċċa kaħla l-STECF tipproponi li dan l-istokk jiġi kklassifikat fil-kategorija 6, li jimplika li l-ebda TAC Komunitarju ma huwa stabbilit għal dan l-istokk. Fil-fatt, il-kategorija 6 tirrigward l-qagħda li fiha l-istat tal-istokk ma jkunx magħruf, u l-STECF tagħti l-parir dwar qabda xierqa. L-azzjoni li għandha tittieħed hija mmirata b'tali mod li t-TAC jiġi stabbilit skont il-parir tal-STECF iżda li t-TAC ma jinbidilx b'aktar minn 15%. Fin-nuqqas ta’ dejta xierqa dwar l-abbundanza tal-istokk, it-TAC għandu jibqa’ ma jinbidilx.

Valutazzjoni tal-impatt

B'mod sinifikanti l-proposta tissuġġerixxi li l-livelli tal-qbid permessi adottati għall-2009, jitnaqqsu. L-impatt probabbli ta' din il-proposta fuq is-settur tas-sajd ġie eżaminat flimkien mal-amministrazzjonijiet nazzjonali, kif ukoll l-esperti u x-xjenzjati taż-żewġ Stati Membri kkonċernati fl-2007 u fl-2008. It-tnaqqisiet proposti jesiġu miżuri anċillari, li għandhom jiġu diskussi mal-Istati Membri kkonċernati.

Fir-rigward tal-opportunitajiet tas-sajd għall-barbun imperjali matul l-2009, dan it-tip ta’ sajd fil-Bulgarija ngħalaq nazzjonalment, u fuq il-livell Komunitarju mill-1 ta' April. Is-sajd jingħalaq għall-istaġun mill-15 ta’ April sal-15 ta’ Ġunju. Sabiex jiġi verifikat il-kontroll tal-qabdiet u tal-ħatt l-art, ġiet prevista missjoni ta' kontroll mill-ispetturi tal-Kummissjoni f'Ottubru 2009.

L-applikazzjoni tar-regoli tal-2010 dwar l-Opportunitajiet tas-Sajd għal-laċċa kaħla tfisser li t-TAC tal-2009 li mhuwiex allokat għandu jibqa’ l-istess. Dan mhux se joħloq diffikultajiet fid-dawl tal-fatt li qabdiet annwali kkombinati tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-aħħar snin huma inqas minn nofs dan l-ammont.

Fid-dawl tal-fatt li s-sajd għall-barbun imperjali naqas b’mod konsiderevoli fil-Bulgarija matul l-2009 u li l-kwota annwali ġiet eżawrita fl-1 ta’ April 2009, l-implimentazzjoni tat-tnaqqisiet tat-TAC u l-kwoti, fil-medda l-qasira għandhom iwasslu għal restrizzjonijiet importanti ħafna fl-attivitajiet tas-sajd tal-Bulgarija.

Il-proposta bażikament għandha titqies bħala tkomplija tal-miżuri applikabbli għall-2008 u l-2009, immirati biex joħolqu kundizzjonijiet għall-isfruttar sostenibbli taż-żona fil-medda t-twila.

3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Bażi legali

Il-bażi legali għal din il-proposta hija r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002, u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu.

4. IMPLIKAZZJONIJIET GħALL-BAġIT

Jistgħu jkunu meħtieġa aġġustamenti tal-flotta, kif previst taħt il-Programmi Operattivi li jimplimentaw il-miżuri tal-Fond Ewropew tas-Sajd fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati. Madankollu, din il-proposta m’għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit Komunitarju.

5. INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

Spjegazzjoni Dettaljata

Il-proposta tistipula għall-2010 l-opportunitajiet tas-sajd għall-Istati Membri li jistadu fil-Baħar l-Iswed. It-TACs u l-kwoti allokati lill-Istati Membri jinsabu fl-Anness I. Iċ-ċifri proposti jirriflettu l-Konsultazzjoni mill-Kummissjoni rigward l-Opportunitajiet tas-Sajd għall-2010.

Il-miżuri tekniċi li jakkumpanjaw ir-restrizzjonijiet kwantitattivi jikkonsistu minn projbizzjoni fuq is-sajd għall-barbun imperjali mill-15 ta’ April sal-15 ta’ Ġunju, daqs minimu ta’ 45cm għall-barbun imperjali li jinħatt l-art, u l-użu ta’ daqs minimu legali tal-malji ta’ 400mm għall-għeżula tal-qiegħ li jintużaw biex jinqabad il-barbun imperjali. Il-perjodu tat-twaqqif gradwali tal-użu ta' għeżula iżgħar issa skada.

Projbizzjoni fuq il-high-grading ta’ kwalunkwe speċi suġġetta għal kwota hija stabbilita. L-għan kumplessiv tal-projbizzjoni tal-high-grading huwa t-tnaqqis tar-rimi. Projbizzjoni fuq il-high-grading timplika projbizzjoni tar-rimi ta’ speċijiet suġġetti għal kwota li jistgħu jinbigħu u jinħattu legalment skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-sajd.

Il-Kummissjoni qed tippromwovi wkoll il-kooperazzjoni fil-ġestjoni tas-sajd ma’ pajjiżi terzi madwar il-Baħar l-Iswed f’konsultazzjonijiet bilaterali mat-Turkija u l-Ukrajna u permezz tal-Organizzazzjoni Reġjonali tas-Sajd rilevanti bħalma hija l-GFCM (il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran).

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati, għal ċerti stokkijiet ta' ħut, applikabbli fil-Baħar l-Iswed għall-2010

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd[3] [il-Politika Komuni tas-Sajd], u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/1996 tas-6 ta’ Mejju 1996 li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għat-tmexxija minn sena għal sena tat-TAC u l-kwoti[4], u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 jesiġi li l-Kunsill jaddotta l-miżuri meħtieġa li jirregolaw l-aċċess għall-ilmijiet u r-riżorsi u sabiex l-attivitajiet tas-sajd jibqgħu jsiru b’mod sostenibbli, billi jitqies il-parir xjentifiku disponibbli u, b’mod partikolari, ir-rapport imħejji mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd.

(2) Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, il-Kunsill jistabbilixxi l-opportunitajiet ta’ sajd relattivament għat-tip ta’ sajd jew gruppi ta’ tipi ta’ sajd u l-allokazzjoni ta’ dawk l-opportunitajiet lill-Istati Membri.

(3) Sabiex tkun żgurata l-ġestjoni effettiva tal-opportunitajiet ta’ sajd, għandhom jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet speċifiċi għall-operazzjonijiet ta’ sajd.

(4) L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 jistabbilixxi d-definizzjonijiet rilevanti dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd.

(5) Konformement mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 huwa meħtieġ li jiġu identifikati l-istokkijiet li huma suġġetti għal miżuri varji previsti f’dan ir-Regolament.

(6) Sabiex isir kontribut għall-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut, fl-2010 għandhom jiġu implimentati ċerti miżuri supplementari marbuta mal-kundizzjonijiet tekniċi tas-sajd.

(7) It-tnaqqis fil-qabda totali permissibbli (TAC) għal-laċċa kaħla ma jippreġudikax il-livelli futuri għal dan l-istokk, li għandhom jieħdu kont tal-attivitajiet tas-sajd ta’ pajjiżi oħra li għandhom kosta mal-Baħar l-Iswed.

(8) L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jintużaw skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-suġġett, u b'mod partikolari mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni[5] [il-politika komuni tas-sajd] u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta' Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni taż-żgħar tal-organiżmi tal-baħar[6].

(9) Sabiex jiġi żgurat l-infurzar u l-kontroll kif suppost, id-daqs tal-malji għandu jitkejjel skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 517/2008 tal-10 ta’ Ġunju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 fir-rigward tad-determinazzjoni tad-daqs tal-malja u l-assessjar tal-ħxuna tal-ispag tax-xbieki tas-sajd[7]

(10) Sabiex jitnaqqas ir-rimi, huwa xieraq li tiġi stabbilita projbizzjoni fuq il-high-grading għal kwalunkwe speċi suġġetta għal kwota, jiġifieri projbizzjoni li jintremew speċijiet suġġetti għal kwota li jistgħu jinbigħu u jinħattu legalment skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-sajd.

(11) Sabiex jiġi żgurat l-għajxien tas-sajjieda tal-Komunità, huwa importanti li dan it-tip ta’ sajd jinfetaħ fl-1 ta’ Jannar 2010. Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni, huwa essenzjali li tingħata eċċezzjoni għall-perjodu ta' sitt ġimgħat imsemmi f'paragrafu I (3) tal-Protokoll dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej,

ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I Suġġett, ambitu u definizzjonijiet

Artikolu 1 Suġġett

Dan ir-Regolament jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għas-sena 2010 għal ċerti stokkijiet ta’ ħut fil-Baħar l-Iswed u l-kondizzjonijiet speċifiċi li taħthom jistgħu jintużaw tali opportunitajiet ta’ sajd.

Artikolu 2 Ambitu

1. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd Komunitarji (bastimenti Komunitarji) li joperaw fil-Baħar l-Iswed.

2. B'deroga mill-paragrafu 1, dan ir-Regolament m'għandux japplika għal operazzjonijiet tas-sajd imwettqa biss għal skopijiet ta' investigazzjoni xjentifika u li jsiru bil-permess u taħt l-awtorità tal-Istat Membru kkonċernat u li ġew infurmati bil-quddiem il-Kummissjoni u l-Istat Membru li fl-ilmijiet tiegħu tkun qed issir ir-riċerka.

Artikolu 3 Definizzjonijiet

Addizzjonalment għad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) "GFCM" għandha tfisser il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran.

(b) "Il-Baħar l-Iswed" għandu jfisser is-subżona ġeografika tal-GFCM kif definita fir-reżoluzzjoni GFCM/31/2007/2;

(c) "qabda totali permissibbli (TAC – Total Allowable Catch)" għandha tfisser il-kwantità li tista’ tittieħed minn kull stokk kull sena;

(d) “kwota” għandha tfisser proporzjon mit-TAC li tkun allokata lill-Komunità, lil Stat Membru jew lil pajjiż terz.

KAPITOLU II L-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati magħhom

Artikolu 4 Limiti tal-qbid u allokazzjonijiet

Il-limiti tal-qbid, l-allokazzjoni ta’ dawk il-limiti fost l-Istati Membri, u kondizzjonijiet addizzjonali applikabbli konformement mal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 huma stipulati fl-Anness I ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5 Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjonijiet

L-allokazzjoni tal-limiti tal-qbid fost l-Istati Membri kif stipulati fl-Anness I għandha tkun mingħajr preġudizzju għal:

1) skambji skont l-Artikolu 20(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002;

2) allokazzjonijiet mill-ġdid magħmula skont l-Artikoli 21(4) 23(1) u 32(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(4) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002;

3) ħatt l-art addizzjonali permess skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96;

4) tnaqqis magħmul taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(4) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

Artikolu 6 Kundizzjonijiet għall-qabdiet u għall-qabdiet inċidentali

1. Ħut minn stokkijiet li għalihom hemm stabbiliti limiti ta’ qbid għandhom jinżammu abbord jew jinħattu l-art biss jekk jinqabdu minn bastimenti tas-sajd ta’ Stat Membru li għandu kwota u dik il-kwota ma tkunx ġiet eżawrita;

2. Il-ħatt l-art kollu għandu jittieħed mill-kwota jew, jekk is-sehem Komunitarju ma jkunx tqassam fost l-Istati Membri permezz tal-kwoti, mis-sehem Komunitarju.

Artikolu 7 Projbizzjoni tal-high-grading

Kwalunkwe speċi suġġetta għal kwota, li tinqabad matul l-operazzjonijiet tas-sajd għandha tittella' abbord il-bastiment u sussegwentement tinħatt sakemm dan ma jmurx kontra l-obbligi previsti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-sajd li tistabbilixxi miżuri tekniċi, ta' kontroll u ta' konservazzjoni, u b'mod partikolari dan ir-Regolament u r-Regolament (KEE) Nru 2847/93, u r-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

Artikolu 8 Miżuri tekniċi tranżizzjonali

Il-miżuri tekniċi transizzjonali għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness II.

KAPITOLU III Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 9 It-trasmissjoni tad-data

Meta, taħt l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, l-Istati Membri jibagħtu data lill-Kummissjoni dwar il-ħatt l-art ta’ kwantitajiet ta’ ħut maqbuda, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stipulati fl-Anness I ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 10 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil -Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

Il-limiti tal-qbid u l-kondizzjonijiet assoċjati magħhom għall-ġestjoni minn sena għall-oħra tal-limiti tal-qbid applikabbli għall-bastimenti tal-Komunità f’żoni fejn ikunu ġew iffissati il-limiti tal-qbid

It-tabelli li ġejjin jistipulaw it-TACs u l-kwoti (f’tunnellati ta’ piż ħaj, ħlief fejn speċifikat mod ieħor) skont l-istokk, l-allokazzjoni lill-Istati Membri u l-kundizzjonijiet assoċjati għall-ġestjoni tal-kwoti minn sena għall-oħra.

F'kull żona, l-istokkijiet tal-ħut huma msemmija fl-ordni alfabetiku li ġej tal-ismijiet tal-ispeċijiet bil-Latin. Għall-finijiet ta’ dawn it-tabelli l-kodiċijiet użati għall-ispeċijiet differenti huma kif ġejjin:

Isem xjentifiku | Kodiċi Alpha-3 | Isem komuni |

Psetta maxima | TUR | Barbun imperjali |

Sprattus sprattus | SPR | Laċċa kaħla |

Speċi: | Barbun imperjali | Żona: | Il-Baħar l-Iswed |

Psetta maxima |

Il-Bulgarija Ir-Rumanija | 38 38 | TAC Prekawzjonarju L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika. L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika. |

KE | 76 |

TAC | Mhux rilevanti |

Speċi: | Laċċa kaħla | Żona: | Il-Baħar l-Iswed |

Sprattus sprattus |

TAC Prekawzjonarju L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika. L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax. L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplika. |

KE | 12750 (1) |

TAC | Mhux rilevanti |

(1) Jistgħu jinqabdu biss minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Bulgarija jew ir-Rumanija.

ANNESS II

MIŻURI TEKNIĊI TRANSIZZJONALI

1. M’għandha ssir l-ebda attività tas-sajd għall-barbun imperjali mill-15 ta’ April sal-15 ta’ Ġunju fl-ilmijiet tal-Komunità Ewropea tal-Baħar l-Iswed.

2. Id-daqs minimu tal-malji permess bil-liġi għal xbieki tal-qiegħ użati biex jinqabad il-barbun imperjali ma għandux ikun inqas minn 400 mm.

3. Id-daqs minimu ta’ barbun imperjali li jista’ jinħatt l-art m’għandux ikun inqas minn 45 cm tul, imkejjel konformement mal-Artikolu 18 tar-Regolament 850/98.

[1] COM (2009) 224 tat-12 ta' Mejju 2009

[2] STECF review of Scientific Advice for 2010 (Analiżi mill-STECF tal-Parir Xjentifiku għall-2010), Parti I, p.159-160

[3] ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

[4] ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3.

[5] ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1

[6] ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1

[7] ĠU L 151, 11.6.2008, p. 5