02021R0725 — MT — 01.01.2022 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/725

tal-4 ta’ Mejju 2021

li jidderoga fir-rigward tas-sena 2021 mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, (UE) Nru 180/2014, (UE) Nru 181/2014, (UE) 2017/892, (UE) 2016/1150, (UE) 2018/274, (UE) Nru 615/2014 u (UE) 2015/1368 fir-rigward ta’ ċerti verifiki amministrattivi u fuq il-post, applikabbli fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni

(ĠU L 155 5.5.2021, p. 8)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1216 tat-8 ta’ Lulju 2022

  L 188

49

15.7.2022




▼B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/725

tal-4 ta’ Mejju 2021

li jidderoga fir-rigward tas-sena 2021 mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, (UE) Nru 180/2014, (UE) Nru 181/2014, (UE) 2017/892, (UE) 2016/1150, (UE) 2018/274, (UE) Nru 615/2014 u (UE) 2015/1368 fir-rigward ta’ ċerti verifiki amministrattivi u fuq il-post, applikabbli fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni



KAPITOLU I

DEROGI MIR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI (UE) NRU 809/2014

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikoli 24(4), 48(5), 49(1), 52(1), l-Artikolu 60(2), it-tielet subparagrafu, u l-Artikolu 71(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, għall-verifiki li jridu jitwettqu fir-rigward tas-sena tat-talba 2021 jew fis-sena kalendarja 2021 rispettivament, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jissostitwixxu għalkollox l-ispezzjonijiet fiżiċi li jridu jitwettqu skont dak ir-Regolament, b’mod partikolari ż-żjarat fuq il-post u l-verifiki fuq il-post, bl-użu ta’ fotointerpretazzjoni ta’ ortoimmaġnijiet bis-satellita jew mill-ajru jew bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda bħal ritratti ġeottaggjati jew ta’ evidenza rilevanti oħra inkluż evidenza provduta mill-benefiċjarju fuq talba tal-awtorità kompetenti, li tkun tippermetti li jinsiltu minnha, konklużjonijiet definittivi għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti.

Jekk iż-żjarat fil-post tal-operazzjoni appoġġat jew fis-sit tal-investiment imsemmi fl-Artikolu 48(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 ma jkunux jistgħu jiġu sostitwiti b’evidenza dokumentata rilevanti, l-Istati Membri għandhom iwettqu dawk iż-żjarat wara li jsir il-pagament finali.

Artikolu 2

B’deroga mill-Artikoli 26(4) u 42(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, meta minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu l-verifiki fuq il-post fil-limitu ta’ żmien stabbilit minn dawk id-dispożizzjonijiet, u l-użu ta’ metodi alternattivi inkluż l-użu ta’ teknoloġiji ġodda ma jkunux jistgħu jipprovdu l-evidenza meħtieġa, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jwettqu dawk il-verifiki fir-rigward tas-sena tat-talba 2021 jew tas-sena kalendarja 2021 rispettivament fi kwalunkwe żmien tas-sena, diment li dawn xorta jippermettu l-verifika tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà.

Artikolu 3

1.  
Meta minħabba l-miżuri implimentati biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu l-verifiki fuq il-post fis-sena tat-talba 2021 jew fis-sena kalendarja 2021 rispettivament, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 30 sa 33, 35, l-Artikolu 40a(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), l-Artikolu 40a(2), il-punt (b), l-Artikolu 50(1), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 50(5), l-Artikolu 52(2), l-Artikolu 60(2), it-tielet subparagrafu, l-Artikolu 68(1), l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 68(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw ir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 13 rispettivament ta’ dan l-Artikolu.
2.  

B’deroga mill-Artikolu 30 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, fis-sena tat-talba 2021, ir-rata ta’ kontroll għandha tkun mill-inqas:

(a) 

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-iskema tal-pagament bażiku jew għall-iskema tal-pagament uniku skont l-erja;

(b) 

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament ridistributtiv;

(c) 

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament għal żoni b’restrizzjonijiet naturali;

(d) 

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament għal bdiewa żgħażagħ;

(e) 

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagamenti relatati maż-żona fil-kuntest tal-appoġġ akkoppjat volontarju;

(f) 

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament skont l-iskema għall-bdiewa żgħar;

(g) 

10 % taż-żoni ddikjarati għall-produzzjoni tal-qanneb;

(h) 

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament speċifiku għall-uċuħ tar-raba’ għall-qoton.

L-Istati Membri li, f’konformità mal-Artikolu 36 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, diġà ddeċidew li jnaqqsu r-rati ta’ kontroll ta’ ċerti skemi għal 3 %, jistgħu jnaqqsu aktar il-perċentwali stabbiliti għal dawk l-iskemi f’dan il-paragrafu għal 1 %.

3.  

B’deroga mill-Artikolu 31 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 fis-sena tat-talba 2021, ir-rata ta’ kontroll għandha tkun mill-inqas:

(a) 

3 % tal-benefiċjarji kollha li jeħtieġ li jħarsu l-prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent;

(b) 

1 % ta’:

(i) 

jew tal-benefiċjarji kollha li jikkwalifikaw għall-pagament ta’ ekoloġizzazzjoni li huma eżentati kemm mill-obbligu tad-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ u kemm mill-obbligu taż-żona ta’ interess ekoloġiku peress li ma jilħqux il-limiti msemmija fl-Artikoli 44 u 46 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u li ma jikkonċernawhomx l-obbligi msemmijin fl-Artikolu 45 ta’ dak ir-Regolament;

(ii) 

jew, fis-snin li fihom l-Artikolu 44 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 ( 1 ) ma japplikax fi Stat Membru, tal-benefiċjarji li jikkwalifikaw għall-pagament ta’ ekoloġizzazzjoni li huma eżentati kemm mill-obbligu tad-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ u kemm mill-obbligu taż-żona ta’ interess ekoloġiku peress li ma jilħqux il-limiti msemmija fl-Artikoli 44 u 46 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u li ma jikkonċernawhomx l-obbligi msemmija fl-Artikolu 45(1) ta’ dak ir-Regolament;

(c) 

3 % tal-benefiċjarji kollha li jeħtieġ li jħarsu l-prattiki ta’ ekoloġizzazzjoni u li jużaw l-iskemi nazzjonali jew reġjonali ta’ ċertifikazzjoni ambjentali kif imsemmi fl-Artikolu 43(3), il-punt (b) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Fl-istess ħin, ir-rata ta’ kontroll imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a) għandha tkopri mill-inqas 3 % tal-benefiċjarji kollha li għandhom żoni koperti minn bur permanenti li huma ambjentalment sensittivi fiż-żoni koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE ( 2 ) jew mid-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ) u żoni sensittivi oħrajn imsemmija fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

4.  

B’deroga mill-Artikolu 32 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 fis-sena tat-talba 2021, ir-rata ta’ kontroll għandha tkun mill-inqas:

(a) 

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-miżuri tal-iżvilupp rurali;

(b) 

3 % tal-entitajiet kollettivi kollha li jressqu talba kollettiva.

Ir-rata ta’ kontroll imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), għall-miżuri previsti fl-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ), ir-rata ta’ kontroll ta’ 3 % għandha tinkiseb fil-livell tal-miżura individwali.

5.  
B’deroga mill-Artikolu 33 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 fis-sena tat-talba 2021, ir-rata ta’ kontroll għandha tkun mill-inqas 3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali, li jkopru mill-inqas 3 % tal-annimali.

▼M1

6.  
B’deroga mill-Artikolu 35 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx iż-żieda fir-rata ta’ kontroll li kellha tiġi applikata fis-sena tat-talba 2021 għall-iskemi ta’ għajnuna u l-miżuri ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

▼B

7.  
B’deroga mill-Artikolu 40a(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), l-ewwel sentenza, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, il-verifiki rilevanti relatati mal-kriterji tal-eliġibbiltà, l-impenji u obbligi oħra għandhom jitwettqu għal mill-inqas 3 % tal-benefiċjarji kkonċernati.
8.  
B’deroga mill-Artikolu 40a(2), il-punt (b), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, il-verifiki tal-kontenut ta’ tetraidrokannabinol fil-qanneb għandhom isiru għal mill-inqas 10 % taż-żona.
9.  
B’deroga mill-Artikolu 50(1), l-ewwel subparagrafu u l-Artikolu 60(2), it-tielet subparagrafu tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, fis-sena kalendarja 2021, ir-rata ta’ verifiki għandha tkun mill-inqas 3 %.

▼M1

10.  
B’deroga mill-Artikolu 50(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx iż-żieda fir-rata ta’ kontroll li kellha tiġi applikata fis-sena kalendarja 2021 għall-iskemi ta’ għajnuna u l-miżuri ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

▼B

11.  
B’deroga mill-Artikolu 52(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, ir-rata ta’ kontroll, fis-sena kalendarja 2021, għall-verifiki ex-post għandha tkun mill-inqas 0,6 %.
12.  
B’deroga mill-Artikolu 68(1), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 ir-rata minima ta’ kontroll fis-sena tat-talba 2021, għall-kundizzjonalità għandha tkun 0,5 %.

▼M1

13.  
B’deroga mill-Artikolu 68(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx iż-żieda fir-rati ta’ kontroll li kellha tiġi applikata fis-sena tat-talba 2021.

▼B

Artikolu 4

Għall-Istati Membri li japplikaw l-Artikoli 1, 2 u 3, id-dikjarazzjoni tal-ġestjoni li trid titfassal skont l-Artikolu 7(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandha tinkludi għas-snin finanzjarji 2021 u 2022 konferma li kienu evitati pagamenti żejda lill-benefiċjarji u li kien instigat l-irkupru ta’ ammonti mhux dovuti abbażi tal-verifika tal-informazzjoni kollha meħtieġa.



KAPITOLU II

DEROGI MILL-MIŻURI SPEĊIFIĊI FAVUR IR-REĠJUNI ULTRAPERIFIĊI TAL-UNJONI U L-GŻEJJER MINURI TAL-EĠEW



TAQSIMA 1

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014

Artikolu 5

1.  
B’deroga mill-Artikolu 16(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014, meta minħabba l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu l-verifiki fiżiċi fir-reġjuni ultraperiferiċi f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni, fis-sena 2021 l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jorganizzaw verifiki fiżiċi f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
2.  
Il-verifiki fiżiċi li jsiru fir-reġjun ultraperiferiku kkonċernat fuq l-importazzjoni, id-dħul, l-esportazzjoni u l-konsenja ta’ prodotti agrikoli għandhom jinvolvu kampjun rappreżentattiv li jammonta għal mill-inqas 3 % tal-liċenzji u taċ-ċertifikati ppreżentati f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014.
3.  
B’deroga mill-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014, meta minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu l-verifiki fuq il-post fir-reġjuni ultraperiferiċi f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dak l-Artikolu, fis-sena 2021 l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jorganizzaw verifiki fuq il-post f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.
4.  
Abbażi tal-analiżi tar-riskju mwettqa f’konformità mal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki fuq il-post permezz tat-teħid ta’ kampjuni ta’ mill-inqas 3 % tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna. Il-kampjun għandu jirrappreżenta wkoll mill-inqas 3 % tal-ammonti koperti mill-għajnuna għal kull azzjoni.
5.  

B’deroga mill-Artikolu 16(2) u mill-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014, meta minħabba l-miżuri stabbiliti biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu l-verifiki fuq il-post fir-rigward tal-miżuri speċifiċi favur ir-reġjuni ultraperiferiċi f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dawk id-dispożizzjonijiet għas-sena 2021, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu:

(a) 

li jissostitwixxu l-verifiki fuq il-post bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda, inkluż ritratti ġeottaggjati, ritratti datati, rapporti datati ta’ sorveljanza bid-droni, vidjokonferenzi mal-benefiċjarji jew bi kwalunkwe evidenza dokumentata rilevanti li tista’ sservi bħala appoġġ meta tiġi vverifikata l-implimentazzjoni korretta tal-miżuri;

(b) 

li jwettqu dawk il-verifiki fi kwalunkwe żmien tas-sena, diment li xorta jippermettu l-verifika tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, inkluż wara li jsir il-pagament finali.

▼M1

6.  
B’deroga mill-Artikolu 59(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx iż-żieda fir-rata ta’ kontroll li kellha tiġi applikata fis-sena tat-talba 2021 għall-iskemi ta’ għajnuna u l-miżuri ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

▼B



TAQSIMA 2

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014

Artikolu 6

1.  
B’deroga mill-Artikolu 13(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014, meta minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, il-Greċja ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq verifiki fiżiċi f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni, fis-sena 2021 il-Greċja tista’ tiddeċiedi li torganizza verifiki fiżiċi f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
2.  
Il-verifiki fiżiċi mwettqa fil-gżejjer minuri tal-Eġew mad-dħul ta’ prodotti agrikoli għandhom jinvolvu kampjun rappreżentattiv li jammonta mill-inqas għal 3 % taċ-ċertifikati mressqa f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014. Il-verifiki fiżiċi mwettqa fil-gżejjer minuri tal-Eġew fuq l-esportazzjoni jew il-konsenja previsti fit-Taqsima 3 ta’ dak ir-Regolament għandhom jinvolvu kampjun rappreżentattiv ta’ mill-inqas 3 % tal-operazzjonijiet, abbażi tal-profili tar-riskju stabbiliti mill-Greċja.
3.  
B’deroga mill-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014, meta minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, il-Greċja ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq verifiki fuq il-post f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dak l-Artikolu, fis-sena 2021 il-Greċja tista’ tiddeċiedi li torganizza verifiki fuq il-post f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.
4.  
Abbażi ta’ analiżi tar-riskju f’konformità mal-Artikolu 22(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki fuq il-post permezz tat-teħid ta’ kampjuni, għal kull azzjoni, ta’ mill-inqas 3 % tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna. Il-kampjun għandu jirrappreżenta wkoll mill-inqas 3 % tal-ammonti koperti mill-għajnuna għal kull azzjoni.
5.  

B’deroga mill-Artikolu 13(2) u mill-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014, meta minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, il-Greċja ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq verifiki fuq il-post fir-rigward tal-miżuri speċifiċi favur il-gżejjer minuri tal-Eġew f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dawk id-dispożizzjonijiet għas-sena 2021, il-Greċja tista’ tiddeċiedi:

(a) 

li tissostitwixxi l-verifiki fuq il-post bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda, inkluż ritratti ġeottaggjati, ritratti datati, rapporti datati ta’ sorveljanza bid-droni, vidjokonferenzi mal-benefiċjarji jew bi kwalunkwe evidenza dokumentata rilevanti li tista’ sservi bħala appoġġ meta tiġi vverifikata l-implimentazzjoni korretta tal-miżuri;

(b) 

li twettaq dawk il-verifiki fi kwalunkwe żmien tas-sena, diment li xorta jippermettu l-verifika tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà, inkluż wara li jsir il-pagament finali.

▼M1

6.  
B’deroga mill-Artikolu 59(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-Greċja tista’ tiddeċiedi li ma tapplikax iż-żieda fir-rata ta’ kontroll li kellha tiġi applikata fis-sena tat-talba 2021 għall-iskemi ta’ għajnuna u l-miżuri ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

▼B



KAPITOLU III

DEROGI MIR-REGOLI LI JIMPLIMENTAW L-ORGANIZZAZZJONI KOMUNI TAS-SWIEQ



TAQSIMA 1

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892

Artikolu 7

1.  
B’deroga mill-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, il-verifiki fuq il-post rigward il-kriterji ta’ rikonoxximent ma għandhomx japplikaw għas-sena 2021.
2.  

B’deroga mill-Artikolu 27(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892:

(a) 

fis-sena 2021, il-verifiki fuq il-post imsemmija fl-Artikolu 27 ta’ dak ir-Regolament għandhom ikunu relatati ma’ kampjun li jirrappreżenta mill-inqas 10 % tal-għajnuna totali li tkun saret applikazzjoni għaliha fis-sena 2020;

(b) 

ir-regola li kull organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi li timplimenta programm operazzjonali għandha ssirilha żjara mill-inqas darba kull 3 snin ma għandhiex tapplika għall-verifiki fuq il-post imwettqa fis-sena 2021.

3.  
B’deroga mill-Artikolu 27(7) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, ir-regola li l-azzjonijiet fuq azjendi individwali ta’ membri ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi koperti mill-kampjun imsemmi fl-Artikolu 27(2) ta’ dak ir-Regolament għandha ssirilhom mill-inqas żjara waħda fil-post li fih l-azzjoni ġiet implimentata biex jiġi vverifikat it-twettiq tagħhom ma għandhiex tapplika għall-verifiki fuq il-post imwettqa fis-sena 2021. Dawn iż-żjarat jistgħu jiġu sostitwiti minn tipi oħra ta’ verifiki li jridu jiġu definiti mill-Istati Membri, bħal ritratti ġeottaggjati, ritratti datati, rapporti datati ta’ sorveljanza tad-droni, verifiki amministrattivi jew vidjokonferenzi mal-benefiċjarji.
4.  
B’deroga mill-Artikolu 29(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, fis-sena 2021 l-Istati Membri jistgħu jivverifikaw perċentwal iżgħar mill-prodotti kollha li jkunu ġew irtirati, irrispettivament mid-destinazzjoni maħsuba tagħhom, minn dak il-perċentwal stabbilit f’dik id-dispożizzjoni, diment li dan ma jkunx inqas minn 10 % tal-kwantitajiet ikkonċernati matul is-sena tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ xi organizzazzjoni partikolari tal-produtturi. Il-verifika tista’ sseħħ fil-bini tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew fis-siti tal-benefiċjarji tal-prodotti. Jekk il-verifiki jiżvelaw xi irregolaritajiet, l-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki addizzjonali. Dawn il-verifiki jistgħu jiġu sostitwiti minn tipi oħra ta’ verifiki li jridu jiġu definiti mill-Istati Membri, bħal ritratti ġeottaggjati, ritratti datati, rapporti datati ta’ sorveljanza tad-droni, verifiki amministrattivi jew vidjokonferenzi mal-benefiċjarji.
5.  
B’deroga mill-Artikolu 30(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, fis-sena 2021 kull verifika għandha tinkludi kampjun li jirrappreżenta mill-inqas 3 % tal-kwantitajiet irtirati mill-organizzazzjoni tal-produtturi matul is-sena tal-kummerċjalizzazzjoni 2020. Dawn il-verifiki jistgħu jiġu sostitwiti minn tipi oħra ta’ verifiki li jridu jiġu definiti mill-Istati Membri, bħal ritratti ġeottaggjati, ritratti datati, rapporti datati ta’ sorveljanza tad-droni, verifiki amministrattivi jew vidjokonferenzi mal-benefiċjarji.
6.  
B’deroga mill-Artikolu 31(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, fis-sena 2021, il-kontrolli fuq il-post jistgħu jiġu sostitwiti b’tipi oħra ta’ kontrolli li jridu jiġu definiti mill-Istati Membri, bħal ritratti ġeottaggjati, ritratti datati, rapporti datati ta’ sorveljanza tad-droni, verifiki amministrattivi jew vidjokonferenzi mal-benefiċjarji.



TAQSIMA 2

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150

Artikolu 8

1.  
B’deroga mill-Artikoli 32(1) u 42(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, matul is-sena finanzjarja 2021, meta l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jipprevjenu lill-Istati Membri milli jwettqu l-verifiki fuq il-post f’konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet, dawk il-verifiki jistgħu jiġu sostitwiti b’tipi oħra ta’ verifiki li għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri, bħal ritratti datati, rapporti datati tas-sorveljanza bid-droni, verifiki amministrattivi jew vidjokonferenzi mal-benefiċjarji, li jiggarantixxu li r-regoli relatati mal-programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid huma rispettati.
2.  
B’deroga mill-Artikolu 43(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, matul is-sena finanzjarja 2021, meta l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jipprevjenu lill-Istati Membri milli jwettqu verifiki fuq il-post f’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni, dawk il-verifiki fuq l-operazzjonijiet tal-ħsad bikri għandhom isiru sal-15 ta’ Settembru 2021.



TAQSIMA 3

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/274

Artikolu 9

1.  
B’deroga mill-Artikolu 27(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/274, meta l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jipprevjenu lill-Istati Membri, matul il-perjodu tal-ħsad tal-għeneb fl-2021, milli jiġbru u jipproċessaw l-għeneb frisk sal-livell tal-għadd ta’ kampjuni stabbilit fil-Parti II tal-Anness III ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn dak l-għadd ta’ kampjuni.
2.  
B’deroga mill-Artikolu 31(2), il-punt (b), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/274, meta l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jipprevjenu lill-Istati Membri milli jwettqu kontrolli fuq il-post fis-sena 2021 f’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom iwettqu dawk il-kontrolli lil mill-inqas 3 % tal-vitikulturi kollha identifikati fir-reġistru tal-vinji.
3.  
B’deroga mill-Artikolu 31(2), il-punt (c), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/274, l-Istati Membri jistgħu fis-sena 2021 jissospendu temporanjament il-kontrolli fuq il-post b’mod sistematiku li jsiru f’żoni mħawla bid-dwieli li ma jinsabu fl-ebda fajl tal-vitikultur, f’każijiet meta l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jipprevjenu lill-Istati Membri milli jwettqu dawn il-kontrolli.



TAQSIMA 4

Deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014

Artikolu 10

B’deroga mill-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014, meta l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jipprevjenu lill-Istati Membri milli jwettqu fil-ħin il-kontrolli fuq il-post fis-sena kalendarja 2021, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jissostitwixxu parzjalment jew kompletament il-kontrolli fuq il-post bil-kontrolli amministrattivi jew bl-użu ta’ evidenza rilevanti, inkluż ritratti ġeottaggjati, konverżazzjonijiet bil-vidjow jew evidenza oħra f’format elettroniku.



TAQSIMA 5

Deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1368

Artikolu 11

B’deroga mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1368, matul is-sena tal-apikultura 2021 l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jiddevjaw mil-livell limitu ta’ 5 % fir-rigward tal-verifiki fuq il-post tal-applikanti għall-għajnuna fil-qafas tal-programm tal-apikultura tagħhom, diment li dawn jissostitwixxu l-verifiki fuq il-post ippjanati b’verifiki alternattivi permezz ta’ talba għal ritratti, konverżazzjonijiet bil-vidjo jew b’xi mezz ieħor li jista’ jservi bħala appoġġ meta tkun qed tiġi vverifikata l-implimentazzjoni korretta tal-miżuri inklużi fil-programm tal-apikultura.



KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 12

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kapitoli I u II u l-Kapitolu III, it-Taqsimiet 3 u 4, għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021.

Il-Kapitolu III, it-Taqsimiet 1 u 2, għandhom japplikaw mis-16 ta’ Ottubru 2020.

Il-Kapitolu III, it-Taqsima 5, għandha tapplika mill-1 ta’ Awwissu 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014, li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-pagamenti diretti lill-bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 181, 20.6.2014, p. 1).

( 2 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

( 3 ) Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

( 4 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).