Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Ottubru 2026 (*)

“Appell – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tal-aggressjoni militari kontra l-Ukraina – Regolament (UE) 2022/334 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 – Artikoli 3d u 3e – Projbizzjoni fuq kwalunkwe inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja li huwa proprjetà ta’, mikri jew ikkontrollat b’xi mod ieħor minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew organu Russu milli jinżel fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, jitlaq minnu jew itir fuqu – Ċaħda tal-pjan tat-titjira – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Att li jista’ jiġi kkontestat”

Fil-Kawża C‑482/24 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid‑9 ta’ Lulju 2024,

Global 8 Airlines, stabbilita f’Bichkek (il-Kirgiżistan), irrappreżentata minn E. Novicāne, K. Novicāns u E. Stankevičs, advokāti,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Bruti Liberati, M. Carpus-Carcea u B. Sasinowska, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ewwel Awla, S. Gervasoni, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Diċembru 2025,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Marzu 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Global 8 Airlines LLC titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑29 ta’ April 2024, Global 8 Airlines vs Il-Kummissjoni (T‑277/23, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2024:285), li permezz tiegħu din ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni Ewropea, li hija ġiet informata biha fl‑20 ta’ Marzu 2023, dwar l-inklużjoni ta’ żewġ ajruplani kummerċjali ħfief proprjetà tagħha f’lista ta’ inġenji tal-ajru suġġetti għall-projbizzjoni ta’ nżul fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, ta’ tluq jew ta’ titjir minnu, skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/334 tat‑28 ta’ Frar 2022 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2022, L 57, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

2        Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kooperazzjoni għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru “Eurocontrol”, iffirmata fi Brussell fit‑13 ta’ Diċembru 1960, ġiet emendata diversi drabi u kkoordinata bil-Protokoll tas‑27 ta’ Ġunju 1997. Għalkemm din il-Konvenzjoni għadha ma daħlitx fis-seħħ, id-dispożizzjonijiet tagħha ilhom jiġu applikati proviżorjament mill‑1998, skont deċiżjoni tal-Kummissjoni Permanenti tal-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru (Eurocontrol) meħuda f’Diċembru 1997. Il-Komunità Ewropea approvat il-Protokoll ta’ Adeżjoni ma’ Eurocontrol permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/636/KE, tad‑29 ta’ April 2004, dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Protokoll dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni ta’ l-Ajru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 330).

3        Skont l-Artikolu 1 tagħha, din il-konvenzjoni internazzjonali għandha l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni tal-partijiet kontraenti tagħha fil-qasam tan-navigazzjoni bl-ajru u li tiżviluppa l-attivitajiet komuni tagħhom f’dan il-qasam, billi tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet tad-difiża, filwaqt li tiżgura lill-utenti kollha tal-ispazju tal-ajru l-massimu ta’ libertà kompatibbli mal-livell ta’ sigurtà meħtieġ. Eurocontrol ġiet stabbilita għal dan l-għan.

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 833/2014

4        L-Artikolu 3d tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 246, p.59 u fil-ĠU 2022, L 114, p. 214), kif emendat bir-Regolament 2022/334 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 833/2014”), jipprevedi:

“1.      Għandu jkun ipprojbit li kwalunkwe inġenju tal-ajru operat minn trasportaturi tal-ajru Russi, inkluż bħala trasportatur ta’ kummerċjalizzazzjoni f’arranġamenti ta’ kondiviżjoni tal-kodiċi jew spazju mblukkat, jew kwalunkwe inġenju tal-ajru reġistrat fir-Russja, jew kwalunkwe inġenju tal-ajru mhux reġistrat fir-Russja li jkun proprjetà ta’ kwalunkwe persuna Russa, fiżika jew ġuridika, jew noleġġat, jew ikkontrollat b’xi mod ieħor minnha, jinżel fit-territorju tal-Unjoni, li jitlaq minnu jew jittajjar minn fuqu.

2.      Il-paragrafu 1 ma għandux japplika f’każ ta’ inżul ta’ emerġenza jew ta’ titjira ta’ emerġenza li tgħaddi minn fuq it-territorju.

3.      B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw li inġenju tal-ajru jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, jinżel fih, jew jittajjar minn fuqu jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddeterminaw li tali nżul, tluq jew titjir ikun meħtieġ għal skopijiet umanitarji jew għal kwalunkwe skop ieħor konsistenti mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

4.      L-Istat Membru jew Stati Membri kkonċernat(i) għandu/hom jinforma(w) lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 3 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”

5        L-Artikolu 3e tar-Regolament Nru 833/2014 jipprevedi li:

“1.      Il-Maniġer tan-Network maħtur mill-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/709 tagħha għandu jsostni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tagħha fl-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 3d u tal-konformità miegħu. Il-Maniġer tan-Network għandu, b’mod partikolari jiċħad il-pjanijiet tat-titjir kollha ppreżentati mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jindikaw intenzjoni li jwettqu attivitajiet fuq it-territorju tal-Unjoni li jikkostitwixxu ksur ta’ dan ir-Regolament jew ta’ miżuri oħra ta’ sikurezza u sigurtà fis-seħħ, b’tali mod li l-bdot ma jkollux permess itir.

2.      Il-Maniġer tan-Network għandu jipprovdi regolarment lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, abbażi tal-analiżi tal-pjanijiet tat-titjiriet, rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 3d.”

 Id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2019/709

6        Skont l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/709, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal‑11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 (ĠU 2019, L 56, p. 1), Eurocontrol inħatret Ġestur tan-Network għall-perijodu bejn l-2020 u l-2029.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif esposti fil-punti 2 sa 17 tad-digriet appellat, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

8        Global 8 Airlines hija kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Kirgiż. Din hija kumpannija tal-ajru kummerċjali, irreġistrata fir-reġistru tal-impriżi tar-Repubblika Kirgiża, li minnu jirriżulta li hija l-proprjetà ta’ M. D. L. u li hija amministrata minn M. U. M., it-tnejn li huma ta’ nazzjonalità Latvjana.

9        Fit‑28 ta’ Frar 2022, fil-kuntest ta’ sensiela ta’ miżuri restrittivi li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-għeluq tal-ispazju tal-ajru tal-Unjoni għal ċerti kategoriji ta’ inġenji tal-ajru, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni (PESK) 2022/335 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2022, L 57, p. 4) u, abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, ir-Regolament 2022/334.

10      Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet, rispettivament, tad‑9 ta’ Settembru 2022 u tal‑20 ta’ Frar 2023, il-Bord tad-Diretturi ta’ Global 8 Airlines approva x-xiri ta’ żewġ inġenji tal-ajru, bin-numri tas-serje tal-manifattur RB274 u RB120 (iktar ’il quddiem iż-“żewġ inġenji tal-ajru”). Ix-xiri ġie konkluż bejn Global 8 Airlines u kumpannija Russa, li l-azzjonisti kollha tagħha kienu ċittadini Russi.

11      Iż-żewġ inġenji tal-ajru ġew irreġistrati fir-reġistru tal-kumpanniji tar-Repubblika Kirgiża bħala li jappartjenu lil Global 8 Airlines, rispettivament, fit‑12 ta’ Settembru 2022 taħt ir-reġistrazzjoni EX‑88012 u fid‑9 ta’ Marzu 2023 taħt ir-reġistrazzjoni EX‑88011.

12      Sa mir-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru tar-Repubblika Kirgiża, l-inġenju tal-ajru rreġistrat EX‑88012 wettaq diversi titjiriet, b’mod partikolari, li jitilqu mir-Russja lejn l-Unjoni, u l-inġenju tal-ajru rreġistrat EX‑88011 ma wettaq ebda moviment irreġistrat.

13      Fl‑24 ta’ Frar 2023, Global 8 Airlines ippreżentat lil Eurocontrol pjan ta’ titjira għall-inġenju tal-ajru rreġistrat EX‑88012 fir-rigward ta’ vjaġġ minn Augsburg (il-Ġermanja) lejn Budapest (l-Ungerija). Eurocontrol ċaħdet dan il-pjan ta’ titjira fl-istess jum permezz ta’ messaġġ awtomatiku.

14      Fil‑15 ta’ Marzu 2023, Global 8 Airlines bagħtet ittra elettronika lill-Eurocontrol sabiex tikseb spjegazzjonijiet dwar il-messaġġ awtomatiku.

15      Permezz ta’ ittra elettronika tal‑20 ta’ Marzu 2023, Eurocontrol, minn naħa, ikkonfermat lil Global 8 Airlines li l-ajruplan irreġistrat EX‑88012 kien jinsab f’lista ta’ inġenji tal-ajru li jaqgħu taħt l-Artikolu 3d tar-Regolament Nru 833/2014 u huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ titjir (iktar ’il quddiem il-“lista inkwistjoni”), filwaqt li ppreċiżat li din il-lista kienet ġiet ipprovduta lilha mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, Eurocontrol stednitha tikkuntattja lil din l-istituzzjoni, permezz tal-kaxxa postali funzjonali, amministrata mid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Mobbiltà u Trasport” tagħha, fil-każ li tkun tixtieq titlob it-tneħħija tal-ajruplan inkwistjoni mil-lista inkwistjoni.

16      Fil‑21 ta’ Marzu 2023, Global 8 Airlines bagħtet ittra elettronika lill-Kummissjoni, permezz tal-kaxxa postali funzjonali, sabiex tiċċara l-pożizzjoni tagħha u titlob, essenzjalment, li tiġi eżaminata mill-ġdid is-sitwazzjoni tagħha, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-tneħħija tal-projbizzjoni ta’ titjir tal-inġenji tal-ajru tagħha, it-tneħħija tagħhom mil-lista inkwistjoni, kif ukoll il-komunikazzjoni lill-Eurocontrol ta’ informazzjoni aġġornata dwarha. Hija talbet ukoll li jiġilha kkomunikat, jekk ikun il-każ, l-isem tal-awtorità kompetenti nazzjonali sabiex tittratta t-talba tagħha għal rieżami.

17      Permezz ta’ ittra elettronika tat‑28 ta’ Marzu 2023, l-aġent tad-DĠ “Mobbiltà u Trasport” li jamministra l-kaxxa postali funzjonali informa lil Global 8 Airlines li ż-żewġ inġenji tal-ajru kienu s-suġġett ta’ projbizzjoni ta’ titjira skont l-Artikoli 3c u 3d tar-Regolament Nru 833/2014. Huwa informaha ukoll bil-fatt li din il-projbizzjoni ta’ titjir kellha tinżamm kif ukoll bir-raġunijiet għaliha.

18      Permezz ta’ ittra elettronika tas‑6 ta’ April 2023, Global 8 Airlines wieġbet lill-aġent tad-DĠ “Mobbiltà u Trasport”, billi pprovdietlu informazzjoni addizzjonali dwar is-sitwazzjoni tagħha.

19      Fil‑25 ta’ April 2023, dan l-aġent informa mill-ġdid lil Global 8 Airlines bil-fatt li ma kien hemm ebda raġuni li tiġġustifika t-tneħħija taż-żewġ inġenji tal-ajru mil-lista inkwistjoni.

 Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Ġunju 2020, Global 8 Airlines ippreżentat rikors skont l-Artikolu 263 TFUE intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

21      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, billi sostniet li, l-ewwel nett, id-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx teżisti u, fi kwalunkwe każ, ma tistax tiġi identifikata bi preċiżjoni, it-tieni nett, din id-deċiżjoni ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, peress li kellha titqies, jekk ikun il-każ, bħala miżura intermedjarja li, fi kwalunkwe każ, ma kinitx tipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ Global 8 Airlines, it-tielet nett, l-att li jikkawża preġudizzju kien imputabbli biss lill-Istati Membri, ir-raba’ nett, ir-rikors għal annullament kien ġie ppreżentat kontra att żbaljat u quddiem qorti li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tiegħu, il-ħames nett, dan ir-rikors kien tardiv u, is-sitt nett, l-imsemmi rikors kien mingħajr suġġett, fid-dawl tal-projbizzjoni tal-operat ġenerali fl-Unjoni, għal raġunijiet ta’ sigurtà, li tolqot lit-trasportaturi tal-ajru rreġistrati fir-reġistru tar-Repubblika Kirgiża.

22      Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, minħabba inammissibbiltà, ir-rikors għal annullament, peress li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx att li jista’ jiġi kkontestat b’rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet fl-appell

23      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Novembru 2024, ġie aċċettat l-intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

24      Permezz tal-appell tagħha, Global 8 Airline titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara dan l-appell ammissibbli u fondat;

–        tannulla d-digriet appellat fl-intier tiegħu, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minnha fil-kuntest tal-appell.

25      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat fl-intier tiegħu, u

–        tikkundanna lil Global 8 Airlines għall-ispejjeż tal-kawża.

26      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondat, u

–        tikkundanna lil Global 8 Airlines għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

27      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem, essenzjalment, tliet aggravji, diretti kontra l-punti 34 sa 55 tad-digriet appellat u bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball fl-identifikazzjoni tas-suġġett tar-rikors fl-ewwel istanza, it-tieni wieħed, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-istruttura tar-Regolament Nru 833/2014 u, it-tielet wieħed, fuq evalwazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni kif applikat fil-prattika mill-atturi kollha kkonċernati. Peress li t-tieni u t-tielet aggravju jikkritikaw it-tnejn li huma l-klassifikazzjoni ġuridika tad-deċiżjoni kontenzjuża bħala att li ma jistax jiġi kkontestat, dawn ser jiġu eżaminati flimkien.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-appell

 L-argumenti tal-partijiet

28      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tqis li l-appell huwa inammissibbli.

29      Din l-istituzzjoni ssostni, l-ewwel nett, li l-appellanti ma tidentifikax bi preċiżjoni suffiċjenti l-motivi tad-digriet appellat li huma kkontestati. It-tieni nett, l-appellanti ma tinvoka ebda żball ta’ liġi preċiż li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet fid-digriet appellat. It-tielet nett, l-iżbalji allegati jew huma nieqsa minn motivazzjoni, jew iwasslu sabiex jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja rieżami komplet tar-rikors kollu ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li ma jaqax taħt il-kompetenza tagħha meta tiġi adita b’appell.

30      Global 8 Airlines tqis li l-appell tagħha huwa ammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza jew tad-digriet li l-appellant ikun qiegħed jitlob l-annullament tagħhom, kif ukoll l-argumenti legali speċifikament imressqa insostenn ta’ din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2025, BĊE u Il-Kummissjoni vs Corneli, C‑777/22 P u C‑789/22 P, EU:C:2024:580, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan il-każ, l-appellanti tidentifika l-punti tad-digriet appellat, jiġifieri l-punti 39 sa 55 tiegħu, bħala punti ta’ motivi allegatament ivvizzjati bi żball, u tesponi, ċertament, fil-qosor, iżda b’mod suffiċjentement komprensibbli, mhux biss l-iżbalji ta’ liġi allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-identifikazzjoni tas-suġġett tar-rikors fl-ewwel istanza u l-klassifikazzjoni ġuridika tad-deċiżjoni kontenzjuża bħala att li ma jistax jiġi kkontestat, iżda wkoll ir-raġunijiet għalfejn hija tqis li d-digriet appellat għandu jiġi annullat.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appell għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball fl-identifikazzjoni tas-suġġett tar-rikors

–       L-argumenti tal-partijiet

34      Insostenn tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li r-rikors tagħha fl-ewwel istanza ma kienx jirrigwarda ċ-ċaħda, minn Eurocontrol, tal-pjan ta’ titjira tagħha, iżda l-inklużjoni taż-żewġ ajruplani fil-lista inkwistjoni.

35      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tikkontesta l-argument ta’ Global 8 Airlines u tqis li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36      Fir-rigward tal-ewwel aggravju, mill-punt 1 tad-digriet appellat jirriżulta li l-Qorti Ġenerali identifikat is-suġġett tar-rikors fl-ewwel istanza bħala d-“deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni Ewropea, li [l-appellanti] ġiet informata biha fl‑20 ta’ Marzu 2023, dwar l-inklużjoni ta’ żewġ ajruplani kummerċjali ħfief li jappartjenu lilha f’lista ta’ inġenji tal-ajru suġġetti għall-projbizzjoni ta’ nżul fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, ta’ tluq minnu jew ta’ titjir fuqu, skont ir- [Regolament 2022/334]”.

37      Barra minn hekk, minn qari flimkien tal-punti 14, 37, 39, 48, 51 u 55 tad-digriet appellat jirriżulta li l-eżami tal-Qorti Ġenerali sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija deċiżjoni kinitx tikkostitwixxi att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE kien ibbażat fuq din id-deċiżjoni.

38      Ċertament, il-punti 41, 42, 47 u 54 ta’ dan id-digriet huma ddedikati għaċ-ċaħda, minn Eurocontrol, f’isem l-Istati Membri, tal-pjanijiet ta’ titjir ippreżentati mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru kkonċernati għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jiksru l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 3d tar-Regolament Nru 833/2014. Madankollu, dawn l-iżviluppi jaqgħu fil-kuntest ta’ analiżi dwar il-kuntest fattwali u ġuridiku li ittieħdet fih id-deċiżjoni kontenzjuża, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 tad-digriet appellat. Għalhekk, huma jikkorroboraw biss il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali li atti oħra, meħuda fil-kuntest tat-trattament tal-pjanijiet ta’ titjir ippreżentati minn dawn l-operaturi ta’ inġenji tal-ajru u imputabbli lill-Istati Membri, jistgħu jipproduċu effetti legali vinkolanti li jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tal-imsemmija operaturi ta’ inġenji tal-ajru, b’tali mod li tali atti adottati fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 3d tal-Artikolu 3e ta’ dan ir-regolament huma suġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-qrati tal-Istati Membri.

39      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta qieset li r-rikors ippreżentat quddiemha kien dirett kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li l-kontenut tagħha huwa espost fil-punti 1 u 36 ta’ din is-sentenza.

40      Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni u t-tielet aggravju, ibbażati fuq klassifikazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata bħala att li ma jistax jiġi kkontestat

–       L-argumenti tal-partijiet

41      Insostenn tat-tieni u tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni, minn naħa, li l-Artikolu 3d tar-Regolament Nru 833/2014 jistabbilixxi l-kunċett ta’ “inġenju tal-ajru [...] proprjetà ta’ xi persuna Russa, fiżika jew ġuridika, jew mikri, jew ikkontrollat b’xi mod ieħor minnha”, li jeħtieġ evalwazzjoni legali distinta dwar is-sjieda jew il-kontroll tal-inġenji tal-ajru msemmija f’dan l-artikolu. B’mod partikolari, dan il-kunċett huwa indipendenti u speċifiku fir-rigward tal-kunċett ta’ provvista, minn Eurocontrol, ta’ servizzi ta’ traffiku tal-ajru, imsemmi separatament fl-Artikolu 3e ta’ dan ir-regolament. Ir-rwol ta’ Eurocontrol, bħala ġestur tan-network huwa, fil-fatt, sempliċement aċċessorju f’din l-evalwazzjoni legali.

42      L-appellanti ssostni, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni finali dwar l-istatus eżatt tal-inġenju tal-ajru tittieħed mid-DĠ “Mobilità u Trasport”, u l-Istati Membri u l-Eurocontrol sempliċement jimplimentaw, fl-ambitu tal-kompetenzi tagħhom, din id-deċiżjoni finali.

43      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tqis li l-appell huwa infondat fid-dritt.

44      Skont din l-istituzzjoni, l-inklużjoni ta’ ajruplani fil-lista inkwistjoni ma għandhiex tkun suġġetta għal stħarriġ tal-legalità tal-Qorti Ġenerali, peress li l-projbizzjoni ta’ titjir hija direttament applikabbli skont l-Artikolu 3d tar-Regolament Nru 833/2014 u ma hijiex il-Kummissjoni, iżda biss l-Istati Membri li għandhom jadottaw il-miżuri ta’ implementazzjoni neċessarji ta’ dan ir-regolament, li huma implementati, f’isimhom, minn Eurocontrol.

45      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li l-inklużjoni mill-Kummissjoni taż-żewġ inġenji tal-ajru fil-lista inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi att li jipproduċi effetti legali vinkolanti. Tali effetti jirriżultaw biss mir-rifjut tal-pjanijiet tat-titjiriet individwali minn Eurocontrol, li taġixxi f’isem l-Istati Membri.

46      Barra minn hekk, anki jekk jiġi ammess li l-lista inkwistjoni għandha tkun suġġetta għal stħarriġ tal-legalità u li d-DĠ “Mobbiltà u Trasport” jieħu d-deċiżjoni finali dwar l-istatus tal-ajruplani li jinsabu f’din il-lista, l-annullament ta’ tali deċiżjoni ma jkollux effett ġuridiku fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti, peress li din ma twassalx awtomatikament għan-nullità tad-deċiżjonijiet ta’ implementazzjoni tal-Istati Membri u għaċ-ċaħda tal-pjan ta’ titjira kkonċernat minn Eurocontrol.

47      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja taqbel mal-Kummissjoni li l-projbizzjoni ta’ titjir prevista fl-Artikolu 3d tar-Regolament Nru 833/2014 hija direttament applikabbli u l-appellanti kellha tikkontesta mhux l-inklużjoni fil-lista inkwistjoni taż-żewġ inġenji tal-ajru, iżda ċ-ċaħda tal-pjan ta’ titjira tagħha. Madankollu, b’differenza mill-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkunsidra li rikors għal annullament kontra ċ-ċaħda ta’ pjan ta’ titjira għandu jkun dirett kontra Eurocontrol, organizzazzjoni li, skont l-Artikolu 3e ta’ dan ir-regolament, ingħatat is-setgħa li tiċħad il-pjanijiet ta’ titjir ippreżentati mill-operaturi ta’ inġenji tal-ajru għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jiksru l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 3d tal-imsemmi regolament.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

48      Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ, b’mod partikolari, “il-legalità ta’ l-atti ta’ korpi jew organi ta’ l-Unjoni maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi”.

49      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikors għal annullament previst fl-Artikolu 263 TFUE huwa disponibbli fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha meħuda mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni, tkun xi tkun il-forma, li jkunu intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 62 u tal‑10 ta’ Frar 2026, Whatsapp Ireland vs Il‑Bord Ewropew għall Protezzjoni tad-Data, C‑97/23 P, EU:C:2026:81, punti 66 u 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50      Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix effetti legali vinkolanti, għandu jsir riferiment, b’mod partikolari, għas-sustanza ta’ dan l-att kif ukoll għall-intenzjoni tal-awtur tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li li tittieħed bħala bażi s-sustanza ta’ att ifisser li jiġu evalwati l-effetti tagħha fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut ta’ dan l-att, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni li hija l-awtur tiegħu, peress li dawn is-setgħat għandhom jinftiehmu mhux b’mod astratt, iżda bħala elementi ta’ natura li jiċċaraw l-analiżi konkreta tal-kontenut ta’ dan l-att, li għandu natura ċentrali u indispensabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BCE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punti 40 u 41 kif ukoll tal‑10 ta’ Frar 2026, Whatsapp Ireland vs Il-Bord Ewropew għall Protezzjoni tad-Data, C‑97/23 P, EU:C:2026:81, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza li għandu jiġi ddeterminat jekk il-Qorti Ġenerali kklassifikatx b’mod korrett id-deċiżjoni kontenzjuża bħala att li ma jistax jiġi kkontestat b’rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.

52      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tas-sustanza tad-deċiżjoni kontenzjuża, għandu jiġi rrilevat li, minkejja l-fatt li hija stabbilixxiet il-kriterju dwar il-kontenut tal-att fil-punti 36 u 37 tad-digriet appellat u li hija semmiet dan espressament fil-konklużjoni li hija siltet fi tmiem l-eżami tagħha, fil-punt 53 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx analiżi konkreta tal-kontenut ta’ din id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, hija ddeterminat in-natura kontestabbli tagħha fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi oħra relatati mal-kuntest tal-adozzjoni tal-att inkwistjoni u mas-setgħat tal-istituzzjoni awtriċi tiegħu, li jikkostitwixxu pjuttost elementi ta’ natura li jiċċaraw l-analiżi konkreta tal-kontenut tal-att.

53      Fil-fatt, fil-punt 39 tal-imsemmi digriet, il-Qorti Ġenerali esponiet ir-raġunijiet għalfejn l-analiżi tal-appellanti, li tgħid li l-Kummissjoni tista’ titqies bħala l-awtriċi tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ titjir imsemmija fl-Artikolu 3d tar-Regolament Nru 833/2014 billi inkludiet l-inġenju tal-ajru tal-appellanti fil-lista inkwistjoni, ma setgħetx tiġi segwita. Dawn ir-raġunijiet, żviluppati fil-punti 40 sa 48 tal-istess digriet, jirrigwardaw il-kuntest ġuridiku li taqa’ fih id-deċiżjoni kkontestata kif ukoll is-setgħat rispettivi tal-Kummissjoni, ta’ Eurocontrol u tal-Istati Membri ta’ Eurocontrol, iktar milli l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni.

54      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx teżenta ruħha minn analiżi konkreta tal-kontenut tal-att inkwistjoni għar-raġuni li l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà invokat mill-Kummissjoni, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx teżisti u, fi kwalunkwe każ, ma setgħetx tiġi identifikata, seta’ barra minn hekk jintlaqa’. Fil-fatt, billi ddeċidiet, fil-punti 34 sa 55 tad-digriet appellat, dwar it-tieni aggravju ta’ inammissibbiltà invokat mill-Kummissjoni, ibbażat fuq il-fatt li din id-deċiżjoni ma kinitx tikkostitwixxi att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali impliċitament, iżda neċessarjament ċaħdet dan l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà u għalhekk ibbażat ruħha fuq il-premessa li l-imsemmija deċiżjoni kienet teżisti.

55      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli twettaq analiżi konkreta tal-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża, filwaqt li din l-analiżi hija ta’ natura ċentrali u indispensabbli sabiex tiġi ddeterminata n-natura kontestabbli ta’ att, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

56      Barra minn hekk, huwa paċifiku li d-deċiżjoni kontenzjuża ma ġietx inkluża fil-proċess tal-ewwel istanza mill-partijiet u li l-Qorti Ġenerali ma adottatx miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li tordna lill-partijiet jipproduċu din id-deċiżjoni. It-tielet motiv imqajjem mill-appellanti fl-ewwel istanza kien intiż preċiżament sabiex il-Qorti Ġenerali tordna, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti kollha relatati mad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lill-appellanti, motiv li l-Qorti Ġenerali, peress li laqgħet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, mingħajr ma daħlet fil-mertu tal-kawża, madankollu ma eżaminatx.

57      Issa, peress li hija obbligata twettaq analiżi konkreta tal-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx teżenta ruħha milli titlob mingħand il-Kummissjoni, li adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, il-produzzjoni ta’ din id-deċiżjoni quddiemha.

58      Għaldaqstant, billi eżaminat in-natura kontestabbli tad-deċiżjoni kontenzjuża, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, mingħajr ma stiednet minn qabel lill-Kummissjoni tipproduċi din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

59      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li tinsab fil-punt 48 tad-digriet appellat li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx tipproduċi effetti legali vinkolanti li jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tal-appellanti wara eżami tal-kuntest ġuridiku tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll tas-setgħat tal-istituzzjoni tal-Unjoni li hija l-awtriċi tagħha mwettqa fil-punti 40 sa 47 ta’ dan id-digriet.

60      Il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, ikkunsidrat, f’dawn il-punti 40 sa 48, li tali effetti ġuridiċi vinkolanti jirriżultaw, minn naħa, mill-projbizzjoni ta’ titjir prevista fl-Artikolu 3d tar-Regolament Nru 833/2014, li għandha portata ġenerali, li d-dispożizzjonijiet tagħha kellhom jiġu eżegwiti mill-Istati Membri, kif ukoll, min-naħa l-oħra, minn miżuri individwali intiżi sabiex din tiġi applikata u, b’mod iktar partikolari, mir-rifjut tal-pjanijiet ta’ titjir tal-operaturi ta’ inġenji tal-ajru individwali, li fir-rigward tiegħu l-kompetenza kienet mogħtija lill-Istati Membri u eżerċitata, f’isem dawn, minn Eurocontrol, skont l-Artikolu 3e ta’ dan ir-regolament.

61      Skont il-Qorti Ġenerali, projbizzjoni ta’ titjiriet imsemmija f’dan l-Artikolu 3d b’effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ terzi, ma setgħetx, min-naħa l-oħra, tirriżulta minn att li huwa imputabbli lill-Kummissjoni. Kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punti 45 sa 48 tad-digriet appellat, permezz tal-istabbiliment tal-lista inkwistjoni, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi flimkien mal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) u bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, fil-fatt illimitat ruħha li tikkoordina l-flussi ta’ informazzjoni li toriġina minn diversi sorsi fuq l-ajruplani kkontrollati jew mikrija minn persuni jew entitajiet Russi li jistgħu jkunu suġġetti għall-projbizzjoni ta’ titjir prevista fl-Artikolu 3d tal-imsemmi regolament, bl-għan li tiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ dan l-artikolu.

62      Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, f’dan ir-rigward, fil-punt 47 tad-digriet appellat li, peress li ma kinitx kompetenti, skont l-Artikolu 3d tar-Regolament Nru 833/2014, sabiex timponi projbizzjoni ta’ titjir tal-inġenji tal-ajru li għalihom japplika dan l-artikolu, il-Kummissjoni, billi teżerċita r-rwol ta’ kollettur u ta’ trażmettitur ta’ informazzjoni, kienet tillimita ruħha li tagħti sempliċi assistenza lill-Istati Membri fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, b’tali mod li huma dawn tal-aħħar li jieħdu deċiżjonijiet ikkoordinati fir-rigward tat-trattament tal-pjanijiet ta’ titjir individwali. Minn dan jirriżulta, skont il-Qorti Ġenerali, li la l-istabbiliment tal-lista inkwistjoni u lanqas, konsegwentement, l-inklużjoni tal-inġenji tal-ajru individwali f’din il-lista ma jaqgħu taħt allegata deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni, jew f’isimha, li tipproduċi effetti legali vinkolanti li jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tal-appellanti.

63      Issa, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kuntest ġuridiku li taqa’ fih id-deċiżjoni kontenzjuża, għandu jiġi rrilevat li la l-portata ġenerali tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3d tar-Regolament Nru 833/2014 u lanqas il-konstatazzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jinkludu miżuri ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, b’mod partikolari, fil-kuntest tat-trattament tal-pjanijiet ta’ titjiriet tal-operaturi ta’ inġenji tal-ajru individwali suġġetti għall-projbizzjoni ta’ titjira prevista f’dan l-artikolu ma jippermettu li jiġi eskluż li d-deċiżjoni kontenzjuża tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat b’rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, din il-portata u din il-konstatazzjoni ma jipprekludux li l-mekkaniżmu stabbilit mill-Kummissjoni u mill-EASA, bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri, sabiex jikkoordinaw il-flussi ta’ informazzjoni li toriġina minn sorsi differenti fuq l-inġenji tal-ajru kkontrollati jew mikrija minn persuni jew entitajiet Russi, seta’ ta lok għall-adozzjoni, fil-livell tal-Unjoni, ta’ atti intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti dwar l-inklużjoni tal-inġenji tal-ajru ta’ operaturi ta’ inġenji tal-ajru individwali fost l-inġenji tal-ajru suġġetti għal din il-projbizzjoni ta’ titjira prevista fl-imsemmi Artikolu 3d, li huma imputabbli lill-Kummissjoni.

64      Huwa minnu li l-Artikolu 3d l-Artikolu 3e ta’ dan ir-regolament ma jipprevedux espliċitament li hija l-Kummissjoni, wara evalwazzjoni tal-kriterju ta’ “kontroll” eżerċitat minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew organu Russu, fuq operaturi ta’ inġenji tal-ajru, imsemmi fl-Artikolu 3d tal-imsemmi regolament, li għandha tinkludi l-operaturi ta’ inġenji tal-ajru individwali kkonċernati fil-lista inkwistjoni. Xorta jibqa’ l-fatt li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3e(1) tal-istess regolament, li tipprovdi li “[i]l-Maniġer tan-Network maħtur mill-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni [2019/709] għandu jsostni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tagħha fl-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 3d u tal-konformità miegħu [tar-Regolament Nru 833/2014]”, mingħajr ma jagħti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni, madankollu ssemmi l-eżistenza ta’ ċerti responsabbiltajiet li l-Kummissjoni hija mitluba tassumi fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu 3d. Barra minn hekk, minn qari flimkien taż-żewġ sentenzi tal-Artikolu 3e(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dawn ir-responsabbiltajiet huma marbuta mal-kompiti fdati lil Eurocontrol, bħala operatur ta’ network, skont dan l-Artikolu 3e, li jinkludu, b’mod partikolari, iċ-ċaħda tal-pjanijiet kollha ppreżentati minn operaturi ta’ inġenji tal-ajru għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet fit-territorju tal-Unjoni li jikkostitwixxi ksur tal-imsemmi regolament.

65      Għaldaqstant, il-kuntest ġuridiku li taqa’ fih id-deċiżjoni kontenzjuża ma setax validament jiġġustifika l-klassifikazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tad-deċiżjoni kontenzjuża bħala att li ma jistax jiġi kkontestat b’rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.

66      Barra minn hekk, l-Artikolu 291(2) TFUE jipprevedi preċiżament l-għoti tas-setgħat ta’ implementazzjoni lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill, meta jkunu meħtieġa kundizzjonijiet uniformi għall-implementazzjoni tal-atti legalment vinkolanti tal-Unjoni, taħt il-kundizzjonijiet iddefiniti f’din id-dispożizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 215 TFUE ma jipprekludix li regolament, adottat abbażi tiegħu, jagħti kompetenzi ta’ eżekuzzjoni lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill fil-qasam ta’ miżuri restrittivi fil-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 291(2) TFUE, għall-finijiet kemm tat-tfassil ta’ regoli ta’ implementazzjoni kif ukoll tal-applikazzjoni ta’ regoli għal każijiet partikolari permezz ta’ atti ta’ portata individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punti 34 sa 36). Issa, l-implimentazzjoni tal-Artikolu 3d tar-Regolament Nru 833/2014, li jipprevedi projbizzjoni għal kull inġenju tal-ajru li jaqa’ taħt il-kriterji stabbiliti fih milli “jinżel fit-territorju tal-Unjoni, li jitlaq minnu jew li jittajjar minn fuqu”, teħtieġ tali kundizzjonijiet uniformi ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-Unjoni.

67      Fir-rigward, it-tieni nett, tas-setgħat tal-istituzzjoni tal-Unjoni awtriċi tal-att imsemmi, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 47 tad-digriet appellat, il-konstatazzjoni li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza sabiex timponi projbizzjoni ta’ titjiriet tal-inġenji tal-ajru li japplika għalihom l-Artikolu 3d tar-Regolament Nru 833/2014, ma tippermettix li jiġi eskluż li att li għandu bħala effett legali vinkolanti li jolqot din il-projbizzjoni ta’ titjir tal-inġenji tal-ajru ta’ operaturi ta’ inġenji tal-ajru individwali kien ġie adottat mill-Kummissjoni jew f’isimha.

68      Li jiġi segwit tali approċċ iwassal, fil-fatt, sabiex jiġu esklużi mill-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni atti tal-Unjoni vvizzjati b’motiv ta’ illegalità bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-istituzzjoni li hija l-awtriċi tiegħu peress li ma jikkostitwixxux, għal din ir-raġuni stess, atti li jistgħu jiġu kkontestati b’rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE. Tali riżultat huwa inkompatibbli mal-istruttura tal-Artikolu 263 TFUE, li jipprevedi, fit-tieni paragrafu tiegħu, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, skont dan l-artikolu, sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikorsi ppreżentati, b’mod partikolari “minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni”.

69      It-tielet nett, fir-rigward tal-kuntest fattwali tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti kuntestwali tal-appellanti dwar l-“aġir effettiv” tad-DĠ “Mobilità u trasport”, ta’ Eurocontrol u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-punti 50 sa 52 tad-digriet appellat, billi evalwat, b’mod iktar partikolari, l-ittri elettroniċi tat‑28 ta’ Marzu u tal‑25 ta’ April 2023, mibgħuta mill-aġent ta’ dan id-DĠ, permezz tal-kaxxa postali funzjonali, flimkien, rispettivament, fl-Anness A.2 u fl-Anness A.4 tar-rikors fl-ewwel istanza, hija qieset, fil-punt 49 ta’ dak id-digriet, li dawn l-argumenti ma kinux jikkontestaw il-konklużjoni li kienet waslet għaliha fil-punt 48 tal-imsemmi digriet, li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx tipproduċi effetti legali vinkolanti li jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tal-appellanti.

70      Issa, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-punt 50 tad-digriet appellat, l-ittri elettroniċi mibgħuta mill-aġent tad-DĠ “Mobbiltà u Trasport”, permezz tal-kaxxa postali funzjonali, jirreferu għal “deċiżjonijiet” li joriġinaw, b’mod partikolari, mill-Kummissjoni u jsostnu l-argument li l-ispjegazzjonijiet mogħtija minn dan l-aġent tal-Kummissjoni dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-inklużjoni u ż-żamma taż-żewġ inġenji tal-ajru tal-appellanti fil-lista inkwistjoni kienu jirriżultaw minn pożizzjoni uniformi u kkoordinata adottata fil-livell tal-Unjoni, dwar l-inklużjoni ta’ dawn iż-żewġ inġenji tal-ajru fil-lista inkwistjoni, li tista’ tiġi imputata lill-Kummissjoni.

71      Fil-fatt, mill-ittri elettroniċi tal-aġent tad-DĠ “Mobbiltà u Trasport” tat‑28 ta’ Marzu u tal‑25 ta’ April 2023, mehmuża, rispettivament, fl-Anness A.2 u fl-Anness A.4 tar-rikors fl-ewwel istanza, imsemmija fil-punti 50 u 51 tad-digriet appellat jirriżulta li dan l-aġent tal-Kummissjoni kien inkarigat li jwieġeb, permezz tal-kaxxa postali funzjonali, għat-talbiet għal talbiet għal informazzjoni u għal rieżami ppreżentati mill-appellanti dwar iż-żewġ inġenji tal-ajru, billi jipprovdi lil din tal-aħħar ir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ dawn iż-żewġ inġenji tal-ajru fil-lista inkwistjoni u billi jikkomunikalha ċ-ċaħda tat-talbiet tagħha għal informazzjoni u għal rieżami.

72      Għandu jiġi ppreċiżat f’dan ir-rigward, minn naħa, li, fl-ittra elettronika tiegħu tat‑28 ta’ Marzu 2023, id-DĠ “Mobilità u Trasport” juża espressjonijiet bħal “we have examined” (eżaminajna), “[t]he following has been established” (ġie stabbilit dan li ġej), “we see no other option but to continue with grounding of the aircraft” (ma narawx soluzzjoni oħra ħlief li nkomplu nimmobilizzaw l-inġenji tal-ajru). Min-naħa l-oħra, l-ittra elettronika tad-DĠ “Mobbiltà u Trasport” tal‑25 ta’ April 2023 tinkludi espressjonijiet bħal “we (and the relevant [M]Ember States) normally base our decisions” [aħna (u l-Istati Membri kkonċernati) ġeneralment nifformulaw id-deċiżjonijiet tagħna] u “we see no reason to lift the ban on these two aircrafts” (ma narawx raġuni għat-tneħħija tal-projbizzjoni li tapplika għal dawn iż-żewġ inġenji tal-ajru).

73      B’hekk, din il-posta elettronika tagħti x’tifhem li l-Kummissjoni assumiet, waħedha jew flimkien mal-Istati Membri, ir-responsabbiltà għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi kontra l-appellanti, kemm f’dak li jirrigwarda l-inklużjoni taż-żewġ ajruplani fil-lista inkwistjoni kif ukoll fir-rigward taż-żamma tagħhom f’din l-istess lista.

74      Din l-analiżi hija kkorroborata, minn naħa, mill-ittra elettronika tal‑20 ta’ Marzu 2023, mehmuża bħala Anness A.1 mar-rikors fl-ewwel istanza, imsemmija fil-punti 14 u 52 tad-digriet appellat, li permezz tagħha l-ġestur ta’ Eurocontrol, inkwantu ġestur tan-network, b’risposta għal talba għal kjarifiki tal-appellanti dwar iċ-ċaħda tal-pjan ta’ titjira għall-inġenju tal-ajru rreġistrat EX‑88012, invoka l-eżistenza ta’ lista ta’ inġenji tal-ajru li jaqgħu taħt l-Artikolu 3d tar-Regolament Nru 833/2014 li l-Kummissjoni kienet ipprovditlu u stieden lill-appellanti sabiex tindirizza ruħha lill-Kummissjoni permezz tal-kaxxa postali funzjonali, amministrata mid-DĠ “Mobilità u Trasport”, fil-każ fejn hija tkun tixtieq titlob l-irtirar tal-inġenju tal-ajru inkwistjoni minn din il-lista.

75      L-imsemmija analiżi hija sostnuta, min-naħa l-oħra, mill-ittra elettronika tal-Ministeru tad-Diġitali u tat-Trasport (il-Ġermanja) tal‑31 ta’ Lulju 2023, annessa bħala Anness C.2 mal-osservazzjonijiet tal-appellanti dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza, imsemmija fil-punti 31 u 52 tad-digriet appellat, bi tweġiba għal ittra elettronika tal-appellanti dwar il-possibbiltà ta’ aċċess fiżiku għaż-żewġ inġenji tal-ajru sabiex jitwettqu operazzjonijiet ta’ manutenzjoni. Ir-rappreżentant ta’ dan il-ministeru, fil-fatt, ippreċiża f’din l-ittra elettronika tal‑31 ta’ Lulju 2023 li kien diġà kkuntattja lill-Kummissjoni sabiex jikseb kjarifiki addizzjonali dwar il-proprjetà ta’ dawn iż-żewġ inġenji tal-ajru u l-inklużjoni tagħhom fil-lista inkwistjoni.

76      B’hekk, dawn l-ittri elettroniċi ta’ Eurocontrol u tal-awtoritajiet Ġermaniżi jsostnu l-analiżi li tgħid li l-Kummissjoni kellha rwol predominanti fir-reġistrazzjoni taż-żewġ inġenji tal-ajru fost l-inġenji tal-ajru suġġetti għal projbizzjoni ta’ titjira skont l-Artikolu 3d tar-Regolament Nru 833/2014.

77      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrikonoxxiet waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, li Eurocontrol ma kellha ebda setgħa diskrezzjonali li tiddevja mill-istruzzjonijiet tal-Istati Membri f’dak li jikkonċerna t-trattament tal-pjanijiet ta’ titjir tal-inġenji tal-ajru suġġetti għal projbizzjoni ta’ titjir skont l-Artikolu 3d tar-Regolament Nru 833/2014. Għall-kuntrarju, din l-organizzazzjoni hija obbligata, bla ħsara għad-derogi previsti fl-Artikolu 3d(3) tar-Regolament Nru 833/2014, li tiċħad il-pjanijiet ta’ titjir kollha ppreżentati minn operaturi ta’ inġenji tal-ajru individwali għall-eżerċizzju tal-attivitajiet fit-territorju tal-Unjoni li jikkostitwixxu ksur ta’ din il-projbizzjoni, konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 3e(1) ta’ dan ir-regolament.

78      Minn dan isegwi li l-inklużjoni taż-żewġ ajruplani fil-lista inkwistjoni, li tistabbilixxi b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li hija imputabbli lilha, torbot neċessarjament lil Eurocontrol fil-kuntest tat-trattament tal-pjanijiet ta’ titjir ippreżentati mill-appellanti u għalhekk tipproduċi effetti legali vinkolanti tal-inqas fir-rigward ta’ din l-organizzazzjoni.

79      Konsegwentement, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-identifikazzjoni, fil-lista inkwistjoni, tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru koperti mill-projbizzjoni li l-pjanijiet ta’ titjiriet tagħhom jistgħu, sussegwentement, jiġu miċħuda hija att li għandu sustanza proprja u li jipproduċi direttament effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ terzi.

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-analiżi tal-kuntest fattwali tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 49 sa 52 tad-digriet appellat, id-dokumenti inklużi fil-proċess tal-ewwel istanza u eżaminati mill-Qorti Ġenerali jikkorroboraw il-konklużjoni li d-deċiżjoni kontenzjuża tista’ tikkostitwixxi att imputabbli lill-Kummissjoni, li permezz tiegħu din tal-aħħar iddeċidiet b’mod definittiv dwar l-inklużjoni taż-żewġ inġenji tal-ajru fil-lista inkwistjoni.

81      Għaldaqstant, fil-punti 40 sa 52 tad-digriet appellat, iddedikati għall-analiżi tal-kuntest ġuridiku tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u tas-setgħat tal-istituzzjoni tal-Unjoni li hija l-awtriċi tagħha kif ukoll għall-eżami tal-argumenti tal-appellanti fir-rigward tal-kuntest fattwali li taqa’ fih din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta invokat il-fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex is-setgħat neċessarji għall-adozzjoni ta’ att li jirrigwarda speċifikament il-projbizzjoni ta’ titjira ta’ inġenji tal-ajru fil-lista inkwistjoni, fuq is-sensiela ta’ provi prodotti mill-appellanti sabiex turi li l-Kummissjoni kienet ħadet deċiżjoni li għandha effetti vinkolanti fil-konfront ta’ terzi dwar l-inklużjoni taż-żewġ inġenji tal-ajru f’din il-lista.

82      Għandu jingħad ukoll li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 35, 39, 48 u 53 tad-digriet appellat, il-konklużjoni li tinsab fil-punt 78 ta’ din is-sentenza ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt, jekk jitqies li huwa stabbilit, li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx tipproduċi effetti legali vinkolanti “li jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tal-appellanti”.

83      Fil-fatt, sabiex jiġi stabbilit jekk att, li r-rikorrent ma huwiex id-destinatarju tiegħu, bħad-deċiżjoni kontenzjuża, jipproduċix effetti legali vinkolanti, u għaldaqstant, jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ma hemmx bżonn li jiġi vverifikat jekk dawn tal-aħħar humiex ta’ natura li jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent, peress li din il-verifika hija rilevanti biss fil-kuntest tal-eżami tal-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jipprovdu li rikors għal annullament kontra att huwa miftuħ għal kull persuna direttament u individwalment ikkonċernata minnu, meta din l-aħħar dispożizzjoni tkun applikabbli. In-natura kontestabbli ta’ att għandha għalhekk tiġi evalwata oġġettivament, skont is-sustanza tiegħu, u mhux skont ir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il-Parlement u Il-Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 63, tat‑13 ta’ Frar 2025, Swissgrid vs Il‑Kummissjoni, C‑121/23 P, EU:C:2025:83, punt 46, u tal‑10 ta’ Frar 2026, WhatsApp Ireland vs Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, C‑97/23 P, EU:C:2026:81, punt 68).

84      Għaldaqstant, fil-punti 35, 39, 48 u 53 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali esponiet u applikat kriterju ġuridiku żbaljat, jiġifieri dak intiż sabiex isir magħruf jekk l-att inkwistjoni kienx jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tal-appellanti, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali ta’ din tal-aħħar. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, billi għamlet konfużjoni bejn ir-rekwiżiti li jirriżultaw, rispettivament, mill-ewwel u mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

85      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tieni u t-tielet aggravju tal-appell għandhom jintlaqgħu u d-digriet appellat għandu jiġi annullat.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

86      Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Għalhekk hija tista’ jew tiddeċiedi hija stess il-kawża definittivament, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċidiha.

87      F’dan il-każ, fir-rigward tal-ewwel sat-tielet motiv ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, li permezz tagħhom il-Kummissjoni kienet allegat li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx teżisti, ma kinitx tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat b’rikors għal annullament u ma kinitx imputabbli lilha, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-kawża hija fi stat li tiġi deċiża.

88      Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tat-tieni motiv ta’ inammissibbiltà mressaq mill-Kummissjoni matul il-proċeduri fl-ewwel istanza, bbażata fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat b’rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, mill-punt 50 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-eżami ta’ dak il-motiv jeħtieġ evalwazzjoni tal-effetti ta’ din id-deċiżjoni fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kontenut speċifiku tagħha. Issa, huwa paċifiku li l-imsemmija deċiżjoni ma ġietx inkluża fil-fajl fl-ewwel istanza u li l-Qorti Ġenerali ma talbitx lill-partijiet jipproduċuha.

89      F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura meħuda, fl‑10 ta’ Settembru 2025, skont l-Artikolu 62(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni ntalbet twieġeb għal mistoqsijiet b’risposta bil-miktub dwar, b’mod partikolari, il-produzzjoni ta’ estratt mid-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn din id-deċiżjoni kienet tirrigwarda ż-żewġ inġenji tal-ajru, jew, fl-ipoteżi fejn din id-deċiżjoni ma teżistix, fuq dik tal-lista inkwistjoni, li l-Kummissjoni pprovdiet lil Eurocontrol, imsemmija fl-ittra elettronika ta’ Eurocontrol tal‑20 ta’ Marzu 2023.

90      Fis‑7 ta’ Ottubru 2025, il-Kummissjoni wieġbet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja billi sostniet li ma kienx hemm “deċiżjoni” u billi pproduċiet estratt mil-lista inkwistjoni, li madankollu, fil-fehma tagħha, ma kienx ta’ natura “deċiżjonali”.

91      Wara din il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u s-seduta li nżammet fis‑17 ta’ Diċembru 2025, li matulha l-partijiet setgħu jiddiskutu b’mod kontradittorju l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għall-finijiet tal-analiżi tan-natura ta’ att li jista’ jiġi kkontestat tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għaldaqstant, l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi b’mod definittiv dwar it-tieni motiv ta’ inammissibbiltà invokat mill-Kummissjoni matul il-proċedura fl-ewwel istanza.

92      Fir-risposta tagħha għall-imsemmija miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni pproduċiet estratt mhux kunfidenzjali mil-lista inkwistjoni, li jinkludi l-inklużjoni taż-żewġ inġenji tal-ajru, imfassla, għal kull wieħed minn dawn iż-żewġ inġenji tal-ajru, fit-termini li ġejjin:

“22.02.2023: Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinkludi l-inġenju tal-ajru fil-lista kkonfermata, abbażi tal-provi miġbura mill-awtoritajiet Ġermaniżi waqt l-ispezzjoni u ta’ riżorsi oħra; Global 8 Airlines tipprovdi servizzi lil passiġġieri, titjiriet organizzati mir-Russja bi tranżitu minn Minsk lejn l-Unjoni Ewropea; fir-Russja, fl-Unjoni. Din l-operazzjoni lanqas ma tikkonforma mar-regoli tal- ‘lista ta’ sigurtà’ [...]”

93      Dan l-estratt jirreferi espressament għal “deċiżjoni”, li l-“Kummissjoni” hija l-awtriċi tagħha, bid-data “22 ta’ Frar 2023”, dwar l-inklużjoni taż-żewġ inġenji tal-ajru f’din il-lista, li tesponi r-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ dawn iż-żewġ inġenji tal-ajru fl-imsemmija lista, billi tidentifika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti għalfejn l-imsemmija żewġ inġenji tal-ajru kellhom ikunu suġġetti għal miżuri restrittivi.

94      Għaldaqstant, kemm mill-imsemmi estratt, li jsemmi d-deċiżjoni kontenzjuża, kif ukoll mill-motivi esposti fil-punti 59 sa 80 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li din id-deċiżjoni tikkostitwixxi att li jipproduċi effetti legali vinkolanti fil-konfront ta’ terzi, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija deċiżjoni kellhiex il-konsegwenza li tbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tal-appellanti.

95      Sa fejn il-Kummissjoni sostniet matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li ebda “deċiżjoni” li tolqot direttament liż-żewġ inġenji tal-ajru bi projbizzjoni ta’ titjir stabbilita fl-Artikolu 3e tar-Regolament Nru 833/2014 ma kienet ġiet adottata mill-kulleġġ tagħha, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li att ma għandux forma ta’ deċiżjoni formali tal-Kummissjoni ma huwiex determinanti għall-klassifikazzjoni tiegħu bħala att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9, u tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punti 44 u 59)

96      Konsegwentement, għandu jiġi miċħud it-tieni motiv ta’ inammissibbiltà invokat mill-Kummissjoni u bbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx tikkostitwixxi att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, kif ukoll, konsegwentement, l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà invokat minn din l-istituzzjoni, ibbażat fuq il-fatt li din id-deċiżjoni ma kinitx teżisti u, fi kwalunkwe każ, ma setgħetx tiġi identifikata, l-istess bħat-tielet motiv ta’ inammissibbiltà invokat mill-imsemmija istituzzjoni, ibbażat fuq il-fatt li l-effetti preżunti tal-imsemmija deċiżjoni ma kinux imputabbli lill-Kummissjoni, iżda kienu imputabbli lill-Istati Membri.

97      Min-naħa l-oħra, it-tilwima ma hijiex fi stat li tiġi deċiża f’dak li jirrigwarda r-raba’, il-ħames u, parzjalment, is-sitt motiv ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif ukoll il-kwistjoni tal-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża, peress li dawn l-aspetti tat-tilwima jimplikaw evalwazzjonijiet legali u fattwali li ma sarux mill-Qorti Ġenerali u li l-imsemmija aspetti ma ġewx diskussi fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ appell.

98      F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar preċiż, is-sitt motiv ta’ inammissibbiltà invokat mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali eżaminat biss l-argument tal-Kummissjoni li r-rikors ma kellux skop, fid-dawl tal-projbizzjoni ta’ operat ġenerali fl-Unjoni, għal raġunijiet ta’ sigurtà, fuq it-trasportaturi tal-ajru rreġistrati fir-Reġistru tar-Repubblika Kirgiża, skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1543/2006 tat‑12 ta’ Ottubru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 474/2006 li jistabbilixxi l-lista Komunitarja ta’ trasportaturi tal-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fil-Komunità, imsemmija fil-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 910/2006 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2006, Vol. 283, p. 27), argument li hija ċaħdet fil-punt 34 tad-digriet appellat, iżda li ma jeżawrixxix dan il-motiv ta’ inammissibbiltà.

99      Barra minn hekk, fir-rigward tar-raba’ u tal-ħames motiv ta’ inammissibbiltà invokati mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-argumenti invokati mill-Kummissjoni, li jgħidu li, minn naħa, ir-rikors fl-ewwel istanza kien ġie ppreżentat kontra l-att żbaljat u quddiem qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tiegħu kif ukoll, min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, jekk jitqies li kien dirett kontra l-att rilevanti, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala tardiv.

100    Il-Qorti Ġenerali lanqas ma eżaminat, minn naħa, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jikkostitwixxu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li huma l-qrati tal-Unjoni li għandhom jeżaminaw fi kwalunkwe mument, anki ex officio (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u lanqas, min-naħa l-oħra, il-mertu tar-rikors ippreżentat quddiemha, u, b’mod partikolari, il-kompetenza tal-awtur tal-att, li jikkostitwixxi, huwa stess, motiv ta’ ordni pubbliku (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2016, SV Capital vs EBA, C‑577/15 P, EU:C:2016:947, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Għaldaqstant, hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni sa fejn din tirrigwarda l-ewwel sat-tielet aggravju tagħha u li l-kumplament tal-kawża jintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Fuq l-ispejjeż

102    Peress li l-kawża qegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż marbuta ma’ din il-proċedura ta’ appell jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑29 ta’ Diċembru 2024, Global 8 Airlines vs Il-Kummissjoni (T‑227/23, EU:T:2024:285), huwa annullat.

2)      L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni Ewropea għandha tiġi miċħuda sa fejn tirrigwarda l-ewwel sat-tielet aggravju.

3)      Il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, għall-kumplament tar-rikors.

4)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.