SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
6 ta’ Marzu 2025 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 260(2) TFUE – Trattament tal-iskart – Direttiva 2008/98/KE – Granulat tal-ġebel mormi f’landfill fis-sit ta’ Biljane Donje (il-Kroazja) – Artikolu 5(1) – Kunċett ta’ ‘prodott sekondarju’ – Artikolu 13 – Obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent – Artikolu 15(1) – Obbligu li l-iskart jiġi ttrattat mid-detentur tiegħu jew minn persuni oħra maħtura – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Sanzjonijiet pekunjarji – Somma f’daqqa – Pagamenti ta’ penalità”
Fil-Kawża C‑315/23,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, imressaq fit‑23 ta’ Mejju 2023,
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Escobar Gómez, M. Mataija u P. Ondrůšek, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Ir‑Repubblika tal‑Kroazja, irrappreżentata minn G. Vidović Mesarek, bħala aġent,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Seba’ Awla, M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Ħames Awla, u J. Passer, Imħallef,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑Direttiva 2008/98/KE
|
2 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3), intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri għall-protezzjoni ta’ l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem permezz tal-prevenzjoni jew it-tnaqqis ta’ l-impatti negattivi tal-ġenerazzjoni u l-immaniġġar ta’ l-iskart, u permezz tat-tnaqqis ta’ l-impatti ġenerali ta’ l-użu ta’ riżorsi u t-titjib ta’ l-effiċjenza ta’ tali użu”. |
|
3 |
Il-punt (1) tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “skart” bħala “kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi”. |
|
4 |
L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Prodotti sekondarji”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Sustanza jew oġġett, li jirriżultaw minn proċess ta’ produzzjoni, li l-għan primarju tagħhom mhuwiex il-produzzjoni ta’ dak l-artikolu, jista’ jitqies li mhuwiex skart kif imsemmi fil-punt (1) ta’ l-Artikolu 3 iżda bħala prodott sekondarju biss jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:
|
|
5 |
Skont l-Artikolu 13 tal-istess direttiva, intitolat “Protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent”: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-immaniġġar ta’ l-iskart jitwettaq mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem, u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, u b’mod partikolari:
|
|
6 |
L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/98, intitolat “Responsabbiltà għall-immaniġġar ta’ l-iskart”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe produttur oriġinali ta’ l-iskart jew detentur ieħor iwettaq it-trattament ta’ l-iskart huwa stess jew jara li t-trattament isir minn negozjant jew stabbiliment jew intrapriża li twettaq operazzjonijiet ta’ trattament ta’ l-iskart jew jiġi organizzat minn entità tal-ġbir ta’ l-iskart privata jew pubblika skond l-Artikoli 4 u 13”. |
Il‑Komunikazzjoni tal‑2023
|
7 |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2023/C 2/01, intitolata “Sanzjonijiet finanzjarji fi proċedimenti ta’ ksur” (ĠU 2023, C 2, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2023”), tipprevedi, fil-punti 3 u 4 tagħha, ir-regoli dwar il-“Pagament ta’ Penali” u l-“Ħlas ta’ Somma f’Daqqa”, rispettivament. |
|
8 |
Il-punt 3.2 ta’ din il-komunikazzjoni, intitolat “Applikazzjoni tal-koeffiċjent għas-serjetà (fattur bejn 1 u 20)”, huwa fformulat kif ġej: “Ksur li jikkonċerna n-nuqqas ta’ konformità ta’ Stat Membru ma’ sentenza […] dejjem jitqies bħala serju. Biex tadatta l-ammont tal-penali għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, il-Kummissjoni tiddetermina l-koeffiċjent għas-serjetà fuq il-bażi ta’ żewġ parametri: l-importanza tar-regoli tal-Unjoni li nkisru jew li ma ġewx trasposti u l-effetti tal-ksur fuq l-interessi ġenerali u partikolari. […] is-serjetà tal-ksur hija ddeterminata minn koeffiċjent stabbilit mill-Kummissjoni ta’ bejn minimu ta’ 1 u massimu ta’ 20”. |
|
9 |
Skont il-punt 3.3 tal-imsemmija komunikazzjoni, intitolat “Applikazzjoni tal-koeffiċjent għal kemm idum”: “[…] Il-koeffiċjent għal kemm idum huwa espress bħala multiplikatur ta’ bejn 1 u 3. Dan jiġi kkalkolat b’rata ta’ 0,10 fix-xahar mid-data tal-ewwel sentenza […] […]” |
|
10 |
Il-punt 3.4 tal-istess komunikazzjoni, intitolat “Il-kapaċità tal-Istat Membru li jħallas”, jipprevedi: “[…] Il-livell ta’ sanzjoni meħtieġ biex iservi bħala deterrent se jvarja skont il-kapaċità tal-Istati Membri li jħallsu. Dan l-effett ta’ deterrent huwa rifless fil-fattur n. Huwa ddefinit bħala medja ġeometrika ponderata tal-prodott domestiku gross (PDG) […] tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbla mal-medja tal-PDG tal-Istati Membri, b’piż ta’ tnejn, u tal-popolazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, meta mqabbla mal-medja tal-popolazzjonijiet tal- Istati Membri, b’piż ta’ wieħed. Dan jirrappreżenta l-kapaċità li l-Istat Membru kkonċernat iħallas meta mqabbel mal-kapaċità tal-Istati Membri l-oħra li jħallsu: […] il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrevedi l-metodu tagħha għall-kalkolu tal-fattur n, li issa jibbaża l-aktar fuq il-PDG tal-Istati Membri u t-tieni fuq il-popolazzjoni tagħhom bħala kriterju demografiku li jippermetti li tinżamm devjazzjoni raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri. Meta titqies il-popolazzjoni tal-Istati Membri għal terz tal-kalkolu tal-fattur n, il-varjazzjoni tal-fatturi n tal-Istati Membri titnaqqas b’mod raġonevoli, meta mqabbla ma’ kalkolu bbażat biss fuq il-PDG tal-Istati Membri. Dan iżid ukoll element ta’ stabbiltà fil-kalkolu tal-fattur n, billi l-popolazzjoni x’aktarx li ma hijiex se tvarja b’mod sinifikanti fuq bażi annwali. B’kuntrast għal dan, il-PDG ta’ Stat Membru jista’ jesperjenza varjazzjonijiet annwali ogħla, b’mod partikolari f’perjodi ta’ kriżi ekonomika. Fl-istess ħin, billi l-PDG tal-Istat Membru għadu jammonta għal żewġ terzi tal-kalkolu, jibqa’ l-fattur predominanti għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kapaċità tiegħu li jħallas. […]” |
|
11 |
Il-punt 4.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 jippreċiża l-metodu ta’ kalkolu tas-somma f’daqqa kif ġej: “Is-somma f’daqqa tiġi kkalkolata b’mod ġeneralment simili għall-metodu għall-kalkolu tal-pagament ta’ penali, jiġifieri:
[…]” |
|
12 |
Il-punt 4.2.1 ta’ din il-komunikazzjoni jipprevedi: “Biex tiġi kkalkolata s-somma f’daqqa, l-ammont ta’ kuljum għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ jiem li l-ksur jippersisti. Dan tal-aħħar huwa ddefinit kif ġej:
[…]” |
|
13 |
Skont il-punt 4.2.2 tal-imsemmija komunikazzjoni: “Għall-kalkolu tas-somma f’daqqa, il-Kummissjoni tapplika l-istess koeffiċjent għas-serjetà u l-istess fattur n fiss bħal għall-kalkolu tal-pagament ta’ penali […]. L-ammont b’rata fissa għas-somma f’daqqa huwa anqas minn dak għall-pagamenti ta’ penali. […]” L-ammont b’rata fissa applikabbli għas-somma f’daqqa huwa stabbilit fil-punt 2 tal-Anness I. […]” |
|
14 |
L-Anness I tal-komunikazzjoni tal‑2023, intitolat “Data użata għad-determinazzjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji proposti lill-Qorti” jipprevedi, fil-punt 1 tiegħu, li l-ammont b’rata fissa tal-pagamenti ta’ penalità msemmi fil-punt 3.1 ta’ din il-komunikazzjoni huwa stabbilit għal EUR 3000 kuljum, fil-punt 2 tiegħu, li l-ammont tas-somma f’daqqa msemmi fil-punt 4.2.2 tal-imsemmija komunikazzjoni huwa stabbilit għal EUR 1000 għal kuljum u, fil-punt 3 tiegħu, li l-fattur “n” għar-Repubblika tal-Kroazja huwa stabbilit għal 0.14. Fil-punt 5 ta’ dan l-Anness I, huwa ppreċiżat li s-somma f’daqqa minima stabbilita għar-Repubblika tal-Kroazja tammonta għal EUR 392000. |
Is‑sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja
|
15 |
Fis-sentenza tagħha Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li:
|
Il‑proċedura prekontenzjuża u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
16 |
Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika tal-Kroazja tikkomunikalha l-miżuri meħuda jew previsti, flimkien ma’ skeda ddettaljata, sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja. |
|
17 |
Fit-tweġiba tagħha tas‑17 ta’ Ottubru 2019, ir-Repubblika tal-Kroazja indikat li l-granulat tal-ġebel mormi f’landfill fis-sit ta’ Biljane Donje kien intiż għar-rinnovazzjoni tal-ajruport ta’ Zadar (il-Kroazja) u għar-riabilitazzjoni ta’ minjieri miftuħa f’siti ta’ estrazzjoni ta’ boksajt abbandunati. Dan l-Istat Membru rrefera għal ċertu numru ta’ miżuri li għandhom jittieħdu għal dan l-għan, mingħajr madankollu ma pprovda skeda għall-implimentazzjoni tal-miżuri previsti. |
|
18 |
Peress li qieset, wara l-laqgħat li nżammu bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Kroati fil‑5 u fis‑6 ta’ Novembru 2019 kif ukoll fis‑16 ta’ Ġunju 2021, li r-Repubblika tal-Kroazja ma kinitx ħadet il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja, peress li l-awtoritajiet Kroati ma ppreċiżawx liema miżuri speċifiċi huma kellhom l-intenzjoni li jimplimentaw biex jikkonformaw ruħhom ma’ dik is-sentenza u f’liema terminu kienu ser jimplimentaw dawn il-miżuri, il-Kummissjoni, fit‑23 ta’ Settembru 2021, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru, fejn stednitu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċeviha. |
|
19 |
Fit‑23 ta’ Novembru 2021, ir-Repubblika tal-Kroazja wieġbet għall-imsemmija ittra ta’ intimazzjoni billi indikat li analiżi tal-proprjetajiet tal-gagazza tal-blat, li tikkomponi s-sustanza li tintrema’ f’landfill fis-sit ta’ Biljane Donje u li hija fil-forma ta’ granulat (iktar ’il quddiem il-“gagazza inkwistjoni”), sabiex jiġi ddeterminat il-potenzjal tagħha ta’ użu bħala materjal ta’ kostruzzjoni, kienet għadha għaddejja u li, għall-finijiet ta’ din l-analiżi, kien intgħażel espert fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kuntratt pubbliku, li kellu jrendi r-rapport ta’ perizja tiegħu sa mhux iktar tard mill‑21 ta’ Marzu 2022. Dan l-Istat Membru ppreċiża li l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja tiddependi mill-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport. |
|
20 |
Skont ir-Repubblika tal-Kroazja, għalkemm minn din il-perizja jsegwi li l-gagazza inkwistjoni tista’ tintuża bħala materjal ta’ kostruzzjoni, hemm tliet possibbiltajiet. Essenzjalment, l-ewwel, għall-finijiet tat-twettiq ta’ proġetti ta’ interess pubbliku, l-aggregati tal-ġebel jistgħu jitpoġġew b’xejn, għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li qabel kellhom jiġu mistiedna juru l-interess tagħhom għalihom. It-tieni, fil-każ li ma jkunx hemm interess għall-ewwel għażla jew fil-każ ta’ interess insuffiċjenti għall-imsemmija granulati kollha, dawn jistgħu jingħataw bi ħlas lil awtoritajiet lokali jew reġjonali jew lil persuni ġuridiċi miżmuma jew stabbiliti mill-Istat Kroat għat-twettiq ta’ proġetti kummerċjali jew ta’ proġetti li ma humiex ta’ interess pubbliku, mingħajr sejħa għal offerti pubblika. It-tielet, il-granulat tal-ġebel jista’ jinbiegħ fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti pubblika. Ir-Repubblika tal-Kroazja osservat ukoll li l-gagazzi inkwistjoni jista’ jkollhom jiġu pproċessati qabel ma jintużaw fil-kostruzzjoni, li jkun jeħtieġ, fir-rigward tal-ewwel żewġ għażliet, il-ftuħ ta’ proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku li t-tul tagħha jista’, fil-każ ta’ rikors, jiġi estiż. Barra minn hekk, it-tul previst tal-ipproċessar tal-gagazzi inkwistjoni jiddependi minn diversi fatturi u, anki wara dan l-ipproċessar, ir-Repubblika tal-Kroazja jista’ jkollha l-gagazzi inkwistjoni skont l-imsemmija tliet għażliet, li jimplika l-osservanza ta’ stadji addizzjonali fil-proċedura. |
|
21 |
Fil-każ li l-konklużjonijiet tal-perizja juru li l-gagazzi inkwistjoni mormija f’landfill ma jistgħux jintużaw bħala materjal għall-kostruzzjoni, ir-Repubblika tal-Kroazja indikat li hija kienet ser tikkonforma ruħha maż-zakon o gospodarenju otpadom (il-Liġi dwar l-Immaniġġar tal-Iskart), tal-15 ta’ Lulju 2021 (Narodne novine, br. no 84/2021, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Immaniġġar tal-Iskart”). F’dan il-każ, l-awtoritajiet Kroati jqiegħdu l-gagazzi inkwistjoni għall-ipproċessar ma’ persuna awtorizzata jew jikkonsenjawhom barra mill-Kroazja, konformement mar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU 2006, L 190, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 334, p. 46, u fil-ĠU 2015, L 277, p. 61). |
|
22 |
Fiż-żewġ każijiet imsemmija fil-punti 20 u 21 ta’ din is-sentenza, dawn l-awtoritajiet għandhom qabelxejn jorganizzaw proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku u, sussegwentement, jiżguraw ir-riabilitazzjoni tas-sit ta’ Biljane Donje konformement mal-Liġi dwar l-Immaniġġar tal-Iskart. |
|
23 |
Ir-Repubblika tal-Kroazja ppreċiżat ukoll li hija kienet ser tinkludi s-sit ta’ Biljane Donje fil-pjan ta’ mmaniġġjar tal-iskart qabel tmiem is-sena 2021. |
|
24 |
Peress li qieset li dan l-Istat Membru ma kienx ħa l-miżuri neċessarji għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors fit‑23 ta’ Mejju 2023. |
|
25 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Marzu 2024, il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża sakemm tingħata s-sentenza fil-kawża C‑147/23. Wara l-għoti tas-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi) (C‑147/23, EU:C:2024:346), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna, fl-istess jum, it-tkomplija tal-proċedura f’din il-kawża. |
Fuq ir‑rikors
Fuq in‑nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
L‑argumenti tal‑partijiet
|
26 |
Ir-rikors tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq tliet ilmenti, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 5(1), tal-Artikolu 13 u tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98, rispettivament. |
|
27 |
Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika tal-Kroazja li ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja sabiex ittemm il-ksur tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98, sa fejn dan l-Istat Membru ma kienx ikkonstata li l-granulat tal-ġebel mormi f’landfill fis-sit ta’ Biljane Donje kien skart. |
|
28 |
Il-Kummissjoni ssostni li, minkejja l-għoti ta’ dik is-sentenza, l-approċċ tal-imsemmi Stat Membru fir-rigward tal-gagazzi inkwistjoni baqa’ essenzjalment l-istess meta mqabbel ma’ dak li kellu qabel dik is-sentenza. Fil-fatt, mill-osservazzjonijiet tar-Repubblika tal-Kroazja ppreżentati matul il-proċedura prekontenzjuża imsemmija fil-punti 19 sa 23 ta’ din is-sentenza, f’din il-kawża jsegwi li l-awtoritajiet Kroati komplew jeżaminaw jekk kienx possibbli li dawn il-gagazzi jintużaw fil-kostruzzjoni, li juri li l-imsemmija gagazzi għadhom ittrattati bħala prodotti sekondarji li għandu jiġi żgurat l-użu sussegwenti tagħhom, u mhux bħala skart. |
|
29 |
Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet imressqa mir-Repubblika tal-Kroazja matul l-imsemmija proċedura prekontenzjuża dwar l-eventwali użu futur tal-gagazzi inkwistjoni mormija f’landfill fis-sit ta’ Biljane Donje, il-Kummissjoni tosserva li l-użu ta’ dawn il-gagazzi bħala materjal tal-kostruzzjoni kien previst biss minn dan l-Istat Membru. |
|
30 |
Barra minn hekk, il-fatt li, fit-tweġiba tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni, ir-Repubblika tal-Kroazja ddeskriviet, fil-każ li l-użu tal-imsemmija gagazzi għal finijiet ta’ kostruzzjoni jirriżulta impossibbli, il-miżuri addizzjonali li timponi l-leġiżlazzjoni tagħha fil-qasam tal-immaniġġar tal-iskart u inkluża l-inklużjoni tas-sit ta’ Biljane Donje fil-pjan ta’ mmaniġġjar tal-iskart, bl-ebda mod ma jinvalida n-natura inċerta tal-użu tal-gagazzi inkwistjoni għal finijiet ta’ kostruzzjoni. Fil-fatt, l-allegazzjoni li dawn il-gagazzi jistgħu jikkostitwixxu skart hija biss sempliċi spekulazzjoni, insuffiċjenti sabiex jintemm il-ksur tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98 ikkonstatat fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja. Bl-istess mod, it-tħabbir minn dan l-Istat Membru ta’ ċerti xogħlijiet preparatorji, bħal emendi għall-pjan ta’ mmaniġġjar tal-iskart, ma huwiex biżżejjed għal dan l-għan. |
|
31 |
Il-Kummissjoni tikkonkludi minn dan li għad hemm ksur tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98. |
|
32 |
Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika tal-Kroazja li ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja sabiex ittemm il-ksur tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, kif ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza, sa fejn dan l-Istat Membru ma kienx ħa l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-ġestjoni tal-iskart mormi f’landfill fis-sit ta’ Biljane Donje ssir mingħajr ma jipperikola s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jikkawża dannu lill-ambjent. |
|
33 |
Il-Kummissjoni ssostni li ma huwiex ikkontestat li dan l-iskart għadu jintrema irregolarment, fl-istess post u bl-istess mod. Minn dan jirriżulta li r-Repubblika tal-Kroazja ma żguratx ir-rimi korrett tal-iskart mormi f’landfill fis-sit ta’ Biljane Donje fid-data ta’ riferiment sabiex tevalwa l-persistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jiġifieri fit‑23 ta’ Novembru 2021. |
|
34 |
Dik l-istituzzjoni żżid li lanqas ma jista’ jiġi dedott mill-miżuri meħuda minn dan l-Istat Membru wara din id-data li ġew adottati miżuri effikaċi għar-rimi tal-iskart konformement mad-Direttiva 2008/98. |
|
35 |
Il-Kummissjoni tikkonkludi minn dan li għad hemm ksur tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/98. |
|
36 |
Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika tal-Kroazja li ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja sabiex ittemm il-ksur tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98, kif ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza, sa fejn dan l-Istat Membru ma kienx ħa l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li d-detentur tal-iskart mormi f’landfill fis-sit ta’ Biljane Donje jipproċessa l-iskart huwa stess jew jiżgura li jiġi ttrattat minn negozjant, minn stabbiliment jew minn impriża li twettaq attivitajiet ta’ pproċessar tal-iskart jew minn entità tal-ġbir tal-iskart privata jew pubblika. |
|
37 |
Il-Kummissjoni tfakkar, f’dan ir-rigward, li, konformement mal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal‑15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23), li ppreċediet id-Direttiva 2008/98, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw ir-riabilitazzjoni ta’ landfills illegali. |
|
38 |
Issa, fid-data ta’ riferiment sabiex tiġi evalwata t-tkomplija tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jiġifieri t‑23 ta’ Novembru 2021, il-gagazzi inkwistjoni kienu għadhom indebitament jintremew f’landfill fis-sit ta’ Biljane Donje u ma kinux ġew ittrattati, sa fejn ir-Repubblika tal-Kroazja baqgħet ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura l-osservanza tal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98. |
|
39 |
Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li għad hemm ksur tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98. |
|
40 |
Ir-Repubblika tal-Kroazja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors bħala infondat. |
|
41 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98, dan l-Istat Membru jsostni li ġie kkonstatat, matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja, li l-gagazzi inkwistjoni kienu jikkostitwixxu riżorsi minerali li jappartjenu lir-Repubblika tal-Kroazja u li, konsegwentement, l-awtoritajiet nazzjonali kellhom jikkonformaw ruħhom maż-zakon o upravljanju državnom imovinom (il-Liġi dwar l-Amministrazzjoni tal-Beni Pubbliċi) tal‑25 ta’ Mejju 2018 (Narodne novine, br. 52/18), u, b’mod iktar partikolari, mal-Artikolu 9 ta’ din il-liġi. Konformement ma’ dan l-artikolu, li jippreskrivi ġestjoni razzjonali, trasparenti u pubblika tal-beni pubbliċi, fid-dawl tal-iżvilupp sostenibbli tar-Repubblika tal-Kroazja u, b’mod partikolari, it-twettiq tal-atti kollha marbuta mal-beni pubbliċi fl-osservanza ta’ ġestjoni tajba u tal-prinċipji tal-amministrazzjoni tal-beni pubbliċi, l-awtoritajiet Kroati kienu obbligati jikkonstataw qabelxejn l-impossibbiltà li jintużaw il-gagazzi inkwistjoni fil-kostruzzjoni bħala l-għażla ta’ tindif l-iktar vantaġġuża u l-iktar mgħaġġla tal-landfill li tinsab f’Biljane Donje. |
|
42 |
B’mod parallel, il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Iżvilupp Sostenibbli (il-Kroazja) beda, bl-għan tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja, proċedura intiża sabiex din il-landfill tiġi inkluża fil-lista ta’ proġetti ta’ tindif, konformement mal-Liġi dwar l-Immaniġġjar tal-iskart, preċiżament fil-każ fejn jirriżulta, wara eżami ddettaljat tal-proprjetajiet tal-gagazzi inkwistjoni, li l-użu ulterjuri tagħhom bħala materjal ta’ kostruzzjoni ma jkunx possibbli. F’dan il-każ, kien previst li l-ġestjoni tal-gagazzi inkwistjoni tiġi żgurata b’mod sigur, konformement mal-Liġi dwar l-Immaniġġar tal-Iskart. |
|
43 |
Ir-Repubblika tal-Kroazja tippreċiża li, fid-dawl tar-riżultati ta’ diversi perizji li kienu semmew restrizzjonijiet dwar l-użu mill-ġdid tal-gagazzi inkwistjoni bħala materjal għall-kostruzzjoni u l-impossibbiltà li dawn il-gagazzi jintużaw sabiex jingħalqu minjieri miftuħa inattivi, l-awtoritajiet tagħha kkonkludew li l-possibbiltajiet kollha li l-gagazzi inkwistjoni jintużaw bħala prodotti sekondarji kienu ġew eżawriti u li, konsegwentement, il-landfill li tinsab f’Biljane Donje kienet ser tiġi mnaddfa konformement mal-Liġi dwar l-Immaniġġar tal-Iskart. Dan l-Istat Membru jsostni li huwa għalhekk ikkonkluda li l-gagazzi inkwistjoni mormija f’landfill fis-sit ta’ Biljane Donje kienu skart u mhux prodotti sekondarji u li kellhom jiġu ttrattati bħala tali, b’tali mod li huwa ssodisfa l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98. |
|
44 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, ir-Repubblika tal-Kroazja ssostni li huwa preċiżament sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, konformement mal-għan tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-imsemmija direttiva, li l-awtoritajiet tagħha aġixxew sabiex jiggarantixxu l-kundizzjonijiet preliminari għal tindif iktar effikaċi tal-landfill li tinsab f’Biljane Donje, b’mod li jiġi ggarantit l-użu mill-ġdid tal-gagazzi inkwistjoni fil-kostruzzjoni. Għal dan l-għan, kien neċessarju li jsiru diversi perizji li, fid-dawl tal-miżuri ta’ restrizzjoni u ta’ sospensjoni tal-ħajja pubblika fil-Kroazja minħabba l-pandemija tal-COVID‑19, ġew ittardjati. |
|
45 |
Ir-Repubblika tal-Kroazja tikkontesta għalhekk l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li hija ma ħadet ebda miżura sinjifikattiva fid-dawl tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja. L-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru ma waqfux jieħdu azzjonijiet intiżi sabiex isibu l-aħjar soluzzjoni sabiex jeliminaw il-gagazzi inkwistjoni b’mod li jiġu osservati r-rekwiżiti tas-saħħa u tal-ambjent. Billi bbażaw ruħhom fuq il-konklużjonijiet ta’ rapport tal-Istitut Kroat tal-Ġeoloġija tax-xahar ta’ Ġunju 2018 dwar l-analiżi tal-kwalità tal-ħamrija, tal-arja, tal-ilma ta’ taħt l-art u tal-ilma tax-xita miġbura fil-kontejners domestiċi tar-reġjun ta’ Biljane Donje u tar-reġjun tal-madwar tiegħu, li minnu jsegwi li s-sitwazzjoni kienet aċċettabbli fid-dawl tal-parametri organiċi u inorganiċi potenzjalment tossiċi analizzati, l-awtoritajiet Kroati ddeċidew li jwettqu perizji oħra, imsemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, sabiex jiżguraw l-użu mill-ġdid tal-gagazzi inkwistjoni u t-tneħħija effettiva tagħhom. Madankollu, fid-dawl tal-konklużjonijiet ta’ dawn il-perizji l-oħra, ġie konkluż li l-landfill inkwistjoni tkun is-suġġett ta’ tindif, konformement mal-Liġi dwar l-Immaniġġar tal-Iskart. |
|
46 |
Ir-Repubblika tal-Kroazja tirrileva, f’dan il-kuntest, li ġiet stabbilita skeda ddettaljata għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet intiżi għar-rimi tal-iskart inkwistjoni fis-sit ta’ Biljane Donje, li twettqu fil-perijodu mix-xahar ta’ Awwissu 2023 sax-xahar ta’ Awwissu 2025. |
|
47 |
Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98, ir-Repubblika tal-Kroazja tippreċiża li kienet diġà inkludiet, fid-data tal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, il-proġett ta’ tindif tal-landfill li tinsab f’Biljane Donje fil-pjan ta’ mmaniġġjar tal-iskart għall-perijodu 2017–2022, li ġie emendat fix-xahar ta’ Jannar 2022. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru fassal, fil-pjan il-ġdid ta’ mmaniġġjar tal-iskart għall-perijodu 2023–2028, proġett ta’ tindif ta’ din il-landfill u stabbilixxa l-istadji l-oħra kollha li kienu ser jiġu implimentati matul il-perijodu mix-xahar ta’ Awwissu 2023 sax-xahar ta’ Awwissu 2025 sabiex jitlesta t-tindif komplet tal-imsemmija landfill. |
|
48 |
Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Kroazja tirrileva, barra minn hekk, fir-rigward tal-imsemmi lment, li l-approċċ segwit mill-awtoritajiet tagħha, li jikkonsisti fil-verifika tal-possibbiltà ta’ użu mill-ġdid tal-gagazzi inkwistjoni, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-amministrazzjoni tal-beni pubbliċi, huwa ġġustifikat fid-dawl tal-ġerarkija tal-iskart stabbilita mid-Direttiva 2008/98, li tipprovdi li l-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ jew għal irkupru ieħor jieħdu preċedenza fuq ir-rimi tal-iskart. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
49 |
Skont l-Artikolu 260(2) TFUE, jekk il-Kummissjoni tqis li l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx adotta l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija tista’ tadixxi lil din tal-aħħar, wara li tkun tat lil dan l-Istat Membru l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu, filwaqt li tindika l-ammont tas-somma f’daqqa jew tal-pagamenti ta’ penalità li għandhom jitħallsu mill-imsemmi Stat li hija tqis adatti għaċ-ċirkustanzi. |
|
50 |
F’dan ir-rigward, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE hija dik ta’ meta jiskadi t-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni maħruġa skont din id-dispożizzjoni (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali II), C‑123/22, EU:C:2024:493, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
51 |
Fil-kawża preżenti, peress li l-Kummissjoni bagħtet l-ittra ta’ intimazzjoni fit‑23 ta’ Settembru 2021, id-data ta’ riferiment sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza hija dik ta’ meta skada t-terminu stabbilit f’din l-ittra, jiġifieri t‑23 ta’ Novembru 2021. |
|
52 |
Għandu jitfakkar ukoll li d-dispożittiv ta’ sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li jiddeskrivi n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu importanza partikolari għad-determinazzjoni tal-miżuri li dan l-Istat Membru għandu jadotta sabiex jeżegwixxi din is-sentenza b’mod sħiħ. Id-dispożittiv tal-imsemmija sentenza għandu jinftiehem fid-dawl tal-motivi tal-istess sentenza (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali II), C‑123/22, EU:C:2024:493, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
– Fuq l‑ilment ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 2008/98
|
53 |
Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98, sustanza jew oġġett li jirriżultaw minn proċess ta’ produzzjoni li l-għan ewlieni tiegħu ma huwiex il-produzzjoni ta’ din is-sustanza jew ta’ dan il-prodott jistgħu jitqiesu bħala mhux “skart”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, iżda bħala “prodott sekondarju”, biss jekk il-kundizzjonijiet kumulattivi li jinsabu fil-punti (a) sa (d) ta’ dan l-Artikolu 5(1), jkunu ssodisfatti. Fost dawn il-kundizzjonijiet hemm dik imsemmija fl-imsemmi punt (a), li tipprovdi li “l-użu ulterjuri tas-sustanza jew l-oġġett ikun ċert”. |
|
54 |
Fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Repubblika tal-Kroazja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98, billi ma kkonstatatx li l-granulati tal-ġebel mormija f’landfill fis-sit ta’ Biljane Donje huma skart, u mhux prodotti sekondarji, u li hemm lok li jiġu ġestiti bħala skart. |
|
55 |
L-ewwel paragrafu ta’ dan il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja kien ibbażat fuq il-konstatazzjoni magħmula fil-punti 37, 38, 42 u 43 ta’ dik is-sentenza li fil-fehma tagħha l-gagazzi inkwistjoni ma setgħux jitqiesu bħala “prodott sekondarju”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98, iżda kienu jikkostitwixxu “skart”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, sa fejn l-użu sussegwenti tagħhom mid-detentur tagħhom kien inċert u kien possibbli biss għal żmien bejn wieħed u ieħor twil. |
|
56 |
F’dan il-każ, kemm mit-tweġiba tar-Repubblika tal-Kroazja tat‑23 ta’ Novembru 2021 għall-ittra ta’ intimazzjoni, data li tikkoinċidi ma’ dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit f’din l-ittra, kif ukoll mir-risposta tagħha jsegwi li analiżi sabiex jiġi ddeterminat l-użu possibbli tal-gagazzi inkwistjoni bħala materjal għall-kostruzzjoni kienet pendenti fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-imsemmija ittra u li l-konklużjonijiet tal-espert inkarigat mit-twettiq ta’ din l-analiżi kienu mistennija sa mhux iktar tard mill‑21 ta’ Marzu 2022. F’din ir-risposta, l-imsemmi Stat Membru qabelxejn ippreċiża li l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja tiddependi mill-konklużjonijiet tal-perizja dwar il-karatteristiċi tal-gagazzi inkwistjoni. Huwa mbagħad irrefera għal diversi għażliet li kienu disponibbli għalih fil-każ li din il-perizja kellha tikkonkludi li dawn il-gagazzi setgħu jintużaw bħala materjal għall-kostruzzjoni u, fl-aħħar nett, huwa sostna li, fil-każ li l-imsemmija perizja kellha tikkonstata li tali użu mill-ġdid ma kienx possibbli, il-ġestjoni tal-imsemmija gagazzi tkun żgurata b’mod sigur, skont il-Liġi dwar l-Immaniġġjar tal-Iskart. |
|
57 |
Minn dan isegwi li, fid-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-persistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, jiġifieri fit‑23 ta’ Novembru 2021, ir-Repubblika tal-Kroazja kienet għadha ma kkonstatatx li l-gagazzi inkwistjoni kienu jikkostitwixxu “skart”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98, u li kien hemm lok li dawn jiġu mmaniġġjati bħala skart, iżda kienet għadha tikkunsidra l-possibbiltà ta’ użu ulterjuri ta’ dawn il-gagazzi, mingħajr madankollu ma setgħet tindika użu ċert. |
|
58 |
Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi invalidata, l-ewwel, mill-argument ta’ dan l-Istat Membru li huwa kien obbligat jikkonforma ruħu mal-Liġi dwar l-Amministrazzjoni tal-Beni Pubbliċi msemmija fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, li tistabbilixxi l-osservanza ta’ ġestjoni tajba tal-beni pubbliċi. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prattiċi jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑85/22, EU:C:2024:535, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
It-tieni, il-miżuri meħuda jew ippjanati li r-Repubblika tal-Kroazja tibbaża ruħha fuqhom sabiex turi li hija eżegwixxiet is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja, fir-rigward tal-konstatazzjoni li fil fehma tagħha l-gagazzi inkwistjoni mormija f’landfill fis-sit ta’ Biljane Donje huma skart u mhux prodotti sekondarji, huma sussegwenti għad-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni, jiġifieri t‑23 ta’ Novembru 2021, u, għaldaqstant, huma irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-persistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni. Fil-fatt, b’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-Gvern Kroat, li temenda l-pjan ta’ mmaniġġjar tal-iskart għall-perijodu 2017–2022, li permezz tagħha l-landfill li tinsab f’Biljane Donje ġiet inkluża fil-lista ta’ proġetti ta’ riabilitazzjoni, ir-riżoluzzjoni tal-Gvern Kroat dwar ir-riabilitazzjoni ta’ din il-landfill u d-deċiżjoni tal-Ministru għall-Ekonomija u għall-Iżvilupp Sostenibbli li tordna r-riabilitazzjoni ta’ dan is-sit ġew adottati rispettivament fit‑30 ta’ Diċembru 2021, fl‑24 ta’ Awwissu 2023 u fit‑30 ta’ Awwissu 2023, jiġifieri wara d-data ta’ riferiment sabiex tiġi evalwata l-persistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni. |
|
60 |
It-tielet, l-argument tar-Repubblika tal-Kroazja li l-approċċ tagħha li tivverifika l-possibbiltà ta’ użu mill-ġdid tal-gagazzi inkwistjoni kien iġġustifikat fid-dawl tal-ġerarkija tal-iskart stabbilita mid-Direttiva 2008/98 lanqas ma jista’ jintlaqa’. Fil-fatt, tali argument iwassal sabiex jiġi evitat l-obbligu li għandhom l-Istati Membri, skont l-Artikolu 260(1) TFUE, li jieħdu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. |
|
61 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98 għandu jintlaqa’. |
– Fuq l‑ilment ibbażat fuq il‑ksur tal‑Artikolu 13 tad‑Direttiva 2008/98
|
62 |
Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/98, “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-immaniġġar ta’ l-iskart jitwettaq mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem, u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent […]”. |
|
63 |
Fit-tieni paragrafu tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Repubblika tal-Kroazja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/98 billi ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura li l-immaniġġjar tal-iskart mormi f’landfill fis-sit ta’ Biljane Donje jsir mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent. |
|
64 |
F’dan ir-rigward, mill-punti 59 u 60 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja jsegwi li l-awtoritajiet Kroati kompetenti baqgħu ma ħadux il-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li dan l-iskart jintrema mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent għal kważi seba’ snin, li kien jikkostitwixxi “perijodu ta’ żmien kunsiderevoli”. |
|
65 |
Sabiex tasal għal din il-konstatazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 55 u 56 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja, fakkret il-ġurisprudenza tagħha li minnha jirriżulta li degradazzjoni sinjifikattiva tal-ambjent għal perijodu estiż mingħajr intervent tal-awtoritajiet kompetenti hija inerenti għall-preżenza ta’ skart f’landfill, tkun xi tkun in-natura tiegħu. Meta tali degradazzjoni sinjifikattiva tal-ambjent tippersisti għal perijodu estiż mingħajr intervent tal-awtoritajiet kompetenti, hija tista’ tiżvela li l-Istat Membru kkonċernat eċċeda l-marġni ta’ evalwazzjoni mogħti lilu mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/98. |
|
66 |
Issa, fir-risposta tar-Repubblika tal-Kroazja, tat‑23 ta’ Novembru 2021, għall-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll fir-risposta tiegħu, dan l-Istat Membru ma jikkontestax li l-gagazzi inkwistjoni kienu għadhom jintremew f’landfill fis-sit ta’ Biljane Donje fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni, jiġifieri t‑23 ta’ Novembru 2021, u li r-riabilitazzjoni ta’ din il-landfill kienet għadha ma bdietx. |
|
67 |
Din il-konstatazzjoni ma hijiex invalidata mill-argumenti tar-Repubblika tal-Kroazja. |
|
68 |
L-ewwel, l-argument ta’ dan l-Istat Membru li huwa preċiżament sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, konformement mal-għan tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2008/98, li l-awtoritajiet Kroati aġixxew sabiex jiggarantixxu l-kundizzjonijiet preliminari għal tindif iktar effikaċi tal-landfill li tinsab f’Biljane Donje, b’mod li jiġi ggarantit l-użu mill-ġdid tal-gagazzi inkwistjoni fil-kostruzzjoni. Fil-fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza esposta fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, dan l-argument isostni l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, iktar milli jikkonfutah. |
|
69 |
It-tieni, skont il-preċiżazzjonijiet ipprovduti mir-Repubblika tal-Kroazja fir-risposta tagħha, il-konklużjonijiet tal-perizja li żvelaw li l-gagazzi inkwistjoni mormija f’landfill fis-sit ta’ Biljane Donje ma setgħux jintużaw bħala materjal ta’ kostruzzjoni saru fil‑5 ta’ Lulju 2022. Mis-sottomissjonijiet ta’ dan l-Istat Membru jsegwi wkoll li kien biss wara li ntbagħtu l-konklużjonijiet ta’ din il-perizja li dan ikkonkluda li, peress li l-possibbiltajiet kollha ta’ użu mill-ġdid tal-gagazzi inkwistjoni kienu ġew eżawriti, il-landfill inkwistjoni tkun is-suġġett ta’ riabilitazzjoni. Għalhekk, kemm il-konklużjonijiet tal-imsemmija perizja kif ukoll, a fortiori, il-miżuri adottati jew previsti wara l-eżawriment ta’ dawn il-possibbiltajiet kollha ta’ użu mill-ġdid tal-gagazzi inkwistjoni huma wara d-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni, jiġifieri t‑23 ta’ Novembru 2021. Għaldaqstant, dawn huma irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-persistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni. |
|
70 |
Barra minn hekk, fir-rigward tar-rapport tal-Istitut Kroat tal-ġeoloġija tax-xahar ta’ Ġunju 2018, imsemmi fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, li stabbilixxa li s-sitwazzjoni inkwistjoni kienet aċċettabbli fir-rigward tal-parametri organiċi u inorganiċi potenzjalment tossiċi analizzati, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-iktar l-iktar jikkostitwixxi biss miżura preparatorja sabiex jiġi vverifikat jekk il-gagazzi inkwistjoni setgħux jintużaw fil-kostruzzjoni bħala prodotti sekondarji. Għaldaqstant, bħala tali, huwa insuffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/98. |
|
71 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq ksur tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/98 għandu jintlaqa’. |
– Fuq l‑ilment ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2008/98
|
72 |
Skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98, “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe produttur oriġinali ta’ l-iskart jew detentur ieħor iwettaq it-trattament ta’ l-iskart huwa stess jew jara li t-trattament isir minn negozjant jew stabbiliment jew intrapriża li twettaq operazzjonijiet ta’ trattament ta’ l-iskart jew jiġi organizzat minn entità tal-ġbir ta’ l-iskart privata jew pubblika”. |
|
73 |
Fit-tielet paragrafu tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Repubblika tal-Kroazja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98, billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li d-detentur tal-iskart mormi f’landfill fis-sit ta’ Biljane Donje jipproċessa l-iskart huwa stess jew jiżgura li jkun ipproċessat minn negozjant, stabbiliment jew impriża li twettaq attivitajiet ta’ pproċessar tal-iskart jew minn kollettur pubbliku jew privat tal-iskart. |
|
74 |
F’dan ir-rigward, mill-punti 68 u 69 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja jsegwi li sitwazzjoni fejn il-gagazzi inkwistjoni, li jikkostitwixxu “skart”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98, ma jkunux, mid-depożitu tagħhom fis-sit ta’ Biljane Donje matul ix-xahar ta’ Mejju 2010 sal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Novembru 2016, ġew ittrattati b’mod li jitnaqqas l-effett negattiv tagħhom fuq l-ambjent, setgħet isseħħ biss minħabba l-assenza ta’ adozzjoni u ta’ eżekuzzjoni, mir-Repubblika tal-Kroazja, ta’ miżuri vinkolanti intiżi sabiex iwasslu lill-produttur inizjali jew lid-detentur tal-imsemmi skart iwettaq huwa stess it-trattament tiegħu jew jirrikorri, għal dan it-trattament, għal waħda mill-persuni l-oħra msemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98. |
|
75 |
Barra minn hekk, fil-punt 70 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-ġurisprudenza li tgħid li, minn naħa, il-muniċipalitajiet huma obbligati josservaw ir-regoli previsti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98 u jistgħu jkunu obbligati jew li jwettqu huma stess it-trattament tal-iskart li joriġina minn landfills li jinsabu fit-territorju tagħhom, jew li jagħmlu dan minn negozjant, stabbiliment jew impriża li jwettqu attivitajiet ta’ trattament tal-iskart jew minn kollettur tal-iskart privat jew pubbliku u, min-naħa l-oħra, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-muniċipalitajiet josservaw l-obbligi tagħhom. |
|
76 |
F’dan il-każ, bħalma jsegwi mill-punt 66 ta’ din is-sentenza, ma huwiex ikkontestat li l-gagazzi inkwistjoni kienu għadhom jintremew f’landfill fis-sit ta’ Biljane Donje fid-data ta’ riferiment sabiex tiġi evalwata l-persistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, jiġifieri fit‑23 ta’ Novembru 2021, u li, fid-data tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ix-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni ta’ din il-landfill kienu jinsabu f’fażi preparatorja biss. Minn dan għandu jiġi dedott li l-istat ta’ fatt li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata ksur tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98 ippersista sad-data tat‑23 ta’ Novembru 2021. |
|
77 |
Peress li l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Kroazja sabiex tirrifjuta l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98 jingħaqdu ma’ dawk invokati insostenn tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, dawn għandhom jiġu miċħuda għall-istess motivi bħal dawk esposti fil-punti 69 u 70 ta’ din is-sentenza. |
|
78 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq ksur tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98 għandu jintlaqa’. |
|
79 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx il-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja, ir-Repubblika tal-Kroazja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE. |
Fuq is‑sanzjonijiet pekunjarji
L‑argumenti tal‑partijiet
|
80 |
Peress li qieset li r-Repubblika tal-Kroazja ma ħaditx il-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja, il-Kummissjoni tipproponi, abbażi tal-Artikolu 260(2) TFUE, li timponi fuq dan l-Istat Membru l-ħlas kemm ta’ somma f’daqqa kif ukoll ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum. |
|
81 |
Sabiex jiġu stabbiliti l-ammonti ta’ dawn is-sanzjonijiet pekunjarji, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-Komunikazzjoni tal‑2023. B’mod partikolari, dik l-istituzzjoni tindika li d-determinazzjoni tal-imsemmija sanzjonijiet għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji fundamentali li huma l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u n-neċessità li jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjoni sabiex jiġu evitati r-reċidivi. |
|
82 |
Fir-rigward, l-ewwel, tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni tipproponi li l-koeffiċjent ta’ gravità jiġi ffissat għal 6, fuq skala li tvarja minn 1 sa 20, fid-dawl, minn naħa, tal-importanza tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li kienu s-suġġett tal-ksur, u, min-naħa l-oħra, tal-konsegwenzi tal-ksur fuq interessi ta’ natura ġenerali jew partikolari. |
|
83 |
Fir-rigward, minn naħa, tal-importanza tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li kienu s-suġġett tal-ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni tfakkar li d-Direttiva 2008/98 hija intiża li tipproteġi l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem permezz ta’ tekniki xierqa ta’ mmaniġġjar, ta’ rkupru u ta’ riċiklaġġ tal-iskart, sabiex titnaqqas il-pressjoni fuq ir-riżorsi u jittejjeb l-użu tagħhom. F’dan ir-rigward, l-ewwel, l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex sustanza jew oġġett li jirriżultaw minn proċess ta’ produzzjoni li l-għan ewlieni tiegħu ma huwiex li tiġi prodotta l-imsemmija sustanza jew l-imsemmi oġġett ma jitqiesx bħala skart, iżda bħala prodott sekondarju. It-tieni, l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva joħloq obbligu pożittiv għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-immaniġġjar tal-iskart isir mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem, mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, mingħajr ma jinħoloq riskju għall-ilma, għall-arja, għall-ħamrija, għall-flora jew għall-fawna u mingħajr ma jiġu ppreġudikati l-pajsaġġi. It-tielet, l-Artikolu 15(1) tal-istess direttiva jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li l-produtturi oriġinali ta’ skart jew id-detenturi ta’ skart iwettqu t-trattament tal-iskart huma stess jew jaraw li t-trattament isir minn negozjant, minn stabbiliment jew minn intrapriża li twettaq attivitajiet ta’ trattament tal-iskart jew li jiġi organizzat minn entità tal-ġbir tal-iskart privata jew pubblika. |
|
84 |
Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-effetti tal-ksur inkwistjoni fuq interessi ta’ natura ġenerali jew partikolari, il-Kummissjoni ssostni l-gravità tal-ksur inkwistjoni sa fejn ir-Repubblika tal-Kroazja naqset milli twettaq diversi obbligi fundamentali li jirriżultaw mid-Direttiva 2008/98, li l-osservanza tagħhom hija prerekwiżit sabiex jiġu evitati d-danni ambjentali u t-tqegħid f’perikolu tas-saħħa tal-bniedem, kif ukoll sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-ekonomija ċirkolari. |
|
85 |
Skont il-Kummissjoni, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja taqa’ fil-kuntest ta’ ġurisprudenza stabbilita dwar l-obbligi fundamentali previsti mid-Direttiva 2008/98, li għandha titqies bħala ċirkustanza aggravanti waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. |
|
86 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tippreċiża li l-landfill inkwistjoni tinsab fil-villaġġ ta’ Biljane Donje, li huwa amministrattivament marbut mal-belt ta’ Benkovac, li tinkludi madwar għaxart elef abitant, u fejn madwar 140000 tunnellata ta’ residwu tal-ipproċessar tal-gagazzi tal-ferromanganiż u tas-siliko-manganiż intremew direttament fuq l-art mis-sena 2010, f’inqas minn 50 metru minn abitazzjonijiet. Peress li dik is-sentenza kkonstatat li r-rimi f’landfill tal-iskart inkwistjoni kien jikser l-obbligu li jiġi żgurat ir-rimi ta’ skart f’landfill mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza jista’ jikkawża dannu gravi u irreparabbli għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Il-Kummissjoni tindika wkoll, filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-akkumulazzjoni ta’ skart, anki qabel ma jsir perikoluż għas-saħħa, tikkostitwixxi, fid-dawl b’mod partikolari tal-kapaċità limitata tar-reġjuni jew tas-siti li jirċevuh, perikolu għall-ambjent, b’tali mod li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza jirrendi l-aġir ikkritikat iktar gravi. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ landfill illegali tista’ tikkawża wkoll danni ekonomiċi u danni oħra lill-individwi u lill-operaturi ekonomiċi. |
|
87 |
Il-Kummissjoni tqis li, minkejja li dan il-każ jirrigwarda każ partikolari ta’ applikazzjoni ħażina tad-Direttiva 2008/98, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ksur ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, l-effetti negattivi li huma jipproduċu, jippersistu fuq perijodu twil. |
|
88 |
Barra minn hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur, u, b’mod iktar partikolari, tal-fatt li r-Repubblika tal-Kroazja, iktar milli tikkonforma ruħha mal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2008/98, bħalma timponi s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja, tippersisti fl-applikazzjoni skorretta tad-dritt tal-Unjoni sa erba’ snin wara l-għoti ta’ dik is-sentenza u sa iktar minn għaxar snin wara r-rimi tal-iskart inkwistjoni f’landfill. |
|
89 |
It-tieni, f’dak li jirrigwarda t-tul tal-ksur, il-Kummissjoni tirrileva li, konformement mal-punt 3.3 tal-Komunikazzjoni tal‑2023, il-koeffiċjent ta’ tul huwa espress fil-forma ta’ multiplikatur ta’ bejn 1 u 3 u huwa kkalkolat b’rata ta’ 0.10 fix-xahar mid-data tal-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. F’dan il-każ, għaddew 45 xahar bejn t‑2 ta’ Mejju 2019, data tal-għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja, u l‑15 ta’ Frar 2023, data li fiha hija ddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi ffissat għal 3 il-koeffiċjent tat-tul tal-ksur inkwistjoni. |
|
90 |
Fir-rigward, it-tielet, tan-neċessità li jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjoni fid-dawl tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tippreċiża li, konformement mal-punt 3.4 tal-Komunikazzjoni tal‑2023, dan l-effett dissważiv huwa rifless fil-fattur “n”, li, għar-Repubblika tal-Kroazja, huwa stabbilit għal 0,14. |
|
91 |
Konsegwentement, minn naħa, il-Kummissjoni tipproponi li l-ammont ta’ kuljum għall-kalkolu tas-somma f’daqqa jammonta għal EUR 840, miksub bil-multiplikazzjoni tas-somma f’daqqa, stabbilita għal EUR 1000 mill-punt 2 tal-Anness I tal-Komunikazzjoni tal‑2023, bil-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 6 u bil-fattur “n” ta’ 0,14. Konformement mal-punt 4.2.1 ta’ din il-komunikazzjoni, din is-somma f’daqqa ta’ kuljum għandha tiġi mmultiplikata bin-numru ta’ ġranet li matulhom in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppersista. Il-Kummissjoni tindika li l-ħlas ta’ din is-somma f’daqqa hekk miksuba għandu jiġi impost bil-kundizzjoni li din is-somma tkun ogħla minn EUR 392000, li jikkorrispondi għall-ammont tas-somma f’daqqa minima stabbilita għar-Repubblika tal-Kroazja mill-punt 5 tal-imsemmi Anness I. |
|
92 |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi ffissat l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità għal EUR 7560 kuljum, li huwa miksub billi jiġi mmultiplikat l-ammont b’rata fissa tal-pagamenti ta’ penalità stabbilit fil-punt 1 tal-Anness I tal-Komunikazzjoni tal‑2023, li jammonta għal EUR 3000 kuljum, bil-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 6, bil-koeffiċjent ta’ tul ta’ 3 kif ukoll bil-fattur “n” ta’ 0.14. |
|
93 |
Ir-Repubblika tal-Kroazja tikkontesta l-metodu ta’ kalkolu tas-somma f’daqqa propost mill-Kummissjoni u, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li timponi somma f’daqqa unika, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu ta’ din is-somma mhux id-data tal-għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja, iżda data sussegwenti li tieħu inkunsiderazzjoni terminu raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dik is-sentenza. Fi kwalunkwe każ, l-ammont tas-somma f’daqqa għandu jiġi ffissat f’ammont ferm inqas minn dak propost. |
|
94 |
Fir-rigward, l-ewwel, tal-koeffiċjent ta’ gravità tal-ksur inkwistjoni, ir-Repubblika tal-Kroazja tqis li dan għandu jiġi ffissat f’livell sinjifikament inqas mill-koeffiċjent ta’ gravità propost ta’ 6. |
|
95 |
Dan l-Istat Membru jsostni li, konxju tal-għanijiet tal-politika ambjentali tal-Unjoni Ewropea, huwa jirrakkomanda b’mod permanenti soluzzjonijiet li għandhom l-aħjar impatt globali fuq l-ambjent, konformement mal-għanijiet tad-Direttiva 2008/98, u li huwa ttraspona kompletament din id-direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu. |
|
96 |
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-effetti tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja fuq interessi ta’ natura ġenerali jew partikolari, ir-Repubblika tal-Kroazja ssostni li l-analiżi mwettqa fis-sit ta’ Biljane Donje ma żvelatx perikolu dirett għall-ħajja u għas-saħħa tal-bniedem u lanqas għall-ambjent ġewwa u qrib il-post tal-preżentata tal-gagazzi inkwistjoni u żżid li l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni, marbuta mar-riskju ta’ danni ekonomiċi u danni oħra lill-individwi u lill-operaturi ekonomiċi, huma ta’ natura ġenerali u ma humiex sostnuti bi provi. |
|
97 |
Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Kroazja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ksur inkwistjoni jikkonċerna biss il-landfill ta’ Biljane Donje, li s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja hija l-ewwel u l-unika sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja kontra r-Repubblika tal-Kroazja għal ksur tal-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni u li din hija l-ewwel proċedura mibdija kontra dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 260(2) TFUE. |
|
98 |
F’dak li jirrigwarda, it-tieni, il-koeffiċjent tat-tul tal-ksur inkwistjoni, ir-Repubblika tal-Kroazja tqis li dan għandu jiġi ffissat għall-iktar livell baxx tiegħu. |
|
99 |
Dan l-Istat Membru jirreferi għaċ-ċirkustanzi imprevedibbli li seħħew fil-mument tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet neċessarji għar-rimi tal-iskart fis-sit ta’ Biljane Donje u għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja. Minn naħa, minħabba l-miżuri ta’ restrizzjoni adottati matul il-perijodu bejn is-sena 2020 u s-sena 2022 b’rabta mal-pandemija tal-COVID-19, kien impossibbli li jitwettqu l-attivitajiet ippjanati fit-termini previsti. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi Stat Membru jirrileva li t-territorju tiegħu ntlaqat minn diversi terremoti devastanti fix-xhur ta’ Marzu u ta’ Diċembru 2020 u li l-Ministeru għall-Ippjanar tat-Territorju, għall-Kostruzzjoni u għall-Beni Pubbliċi (il-Kroazja), li kien responsabbli għat-twettiq tal-azzjonijiet ta’ riċerka dwar il-possibbiltà ta’ użu mill-ġdid tal-gagazzi inkwistjoni, kellu jassenja mill-ġdid malajr il-parti l-kbira tal-kapaċitajiet tiegħu lejn programmi prijoritarji ta’ rikostruzzjoni u ta’ akkomodazzjoni, u dan ikkomplika t-twettiq tal-azzjonijiet fid-dawl tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja. |
|
100 |
Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Kroazja tqis li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, matul il-perijodu kollu tal-ksur, l-awtoritajiet tagħha żammew ruħhom għad-dispożizzjoni tad-dipartimenti tal-Kummissjoni sabiex jipprovdu l-informazzjoni kollha dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja u, għaldaqstant, aġixxew b’bona fide u b’osservanza sħiħa tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. |
|
101 |
Fir-rigward, it-tielet, tal-kapaċità ta’ ħlas tagħha, ir-Repubblika tal-Kroazja ssostni li ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali msemmija fil-punt 99 ta’ din is-sentenza kellhom riperkussjonijiet negattivi fuq l-indikaturi ekonomiċi li jikkonċernawha, u, b’mod iktar partikolari, fuq it-tkabbir tal-PGD tagħha. Barra minn hekk, ir-rata ta’ inflazzjoni osservata fl-imsemmi Stat Membru żdiedet b’mod kunsiderevoli mill-aħħar tas-sena 2021. |
|
102 |
Fir-rigward tat-talba għall-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, ir-Repubblika tal-Kroazja ssostni li ħadet il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja. Fil-fatt, hija kkonfermat mingħajr ambigwità, l-iktar tard bl-adozzjoni tal-pjan ta’ mmaniġġjar tal-iskart għall-perijodu bejn is-sena 2023 u s-sena 2028 u tar-riżoluzzjoni tal-Gvern Kroat dwar ir-riabilitazzjoni tal-landfill tas-sit ta’ Biljane Donje tal‑24 ta’ Awwissu 2023, l-intenzjoni tagħha li tipproċedi għar-riabilitazzjoni ta’ din il-landfill. Dan l-Istat Membru jżid li huwa annetta mar-risposta tiegħu l-miżuri li huwa ser ikompli jimplimenta sar-rimi definittiv tal-iskart inkwistjoni. |
|
103 |
Konsegwentement, ir-Repubblika tal-Kroazja tqis li d-determinazzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ma hijiex neċessarja f’dan il-każ. Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li timponi pagamenti ta’ penalità, dan l-Istat Membru jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiffissahom f’ammont sinjifikament inqas minn dak propost mill-Kummissjoni. |
|
104 |
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-frekwenza tal-pagamenti ta’ penalità, ir-Repubblika tal-Kroazja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiffissa pagamenti ta’ penalità kkalkolati għal perijodi ta’ sitt xhur billi tnaqqas l-ammont totali relatat ma’ kull wieħed minn dawn il-perijodi skont il-progress imwettaq fl-implimentazzjoni tar-riabilitazzjoni tal-landfill. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
105 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-għan tal-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2) TFUE huwa li Stat Membru inadempjenti jiġi imħeġġeġ jeżegwixxi sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u, għalhekk, li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni, u li l-miżuri previsti f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-pagamenti ta’ penalità u s-somma f’daqqa, għandhom it-tnejn li huma dan l-istess għan (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali II), C‑123/22, EU:C:2024:493, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
106 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-applikazzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità u ta’ somma f’daqqa tiddependi mill-kapaċità ta’ kull waħda minnhom li tissodisfa l-għan imfittex skont iċ-ċirkustanzi tal-każ u, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex eskluż li jintużaw iż-żewġ tipi ta’ sanzjonijiet previsti (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑367/14, EU:C:2015:611, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
107 |
Għalkemm l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità tidher li hija partikolarment xierqa sabiex tħeġġeġ lil Stat Membru jtemm, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fin-nuqqas ta’ tali miżura, x’aktarx jibqa’ jippersisti, l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa iktar hija bbażata fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fuq l-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas ikun kompla għal żmien twil wara s-sentenza li kienet inizjalment ikkonstatatu (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑367/14, EU:C:2015:611, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
108 |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lilha fil-qasam inkwistjoni, timponi, b’mod kumulattiv, pagamenti ta’ penalità u somma f’daqqa (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑367/14, EU:C:2015:611, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
109 |
Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, f’kull kawża u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ li jkollha quddiemha kif ukoll tal-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, għandha tiddetermina s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari għall-prevenzjoni tar-repetizzjoni ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali II), C‑123/22, EU:C:2024:493, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
110 |
Għalhekk, il-proposti tal-Kummissjoni ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja u huma biss bażi ta’ riferiment utli. Bl-istess mod, il-linji gwida bħal dawk inklużi fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex jiggarantixxu t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni meħuda minn dik l-istituzzjoni (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Għajnuna illegali għas-settur tal-lukandi f’Sardegna), C‑576/18, EU:C:2020:202, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
– Fuq is‑somma f’daqqa
|
111 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u l-iffissar tal-ammont eventwali ta’ din is-somma għandhom, f’kull każ inkwistjoni, jibqgħu jiddependu mill-elementi rilevanti kollha li jirrigwardaw kemm il-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll l-aġir stess tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċedura mibdija abbażi tal-Artikolu 260 TFUE. F’dan ir-rigward, dan l-artikolu jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa sabiex tiddeċiedi timponix tali sanzjoni jew le u sabiex tiddetermina, jekk ikun il-każ, l-ammont tagħha (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali II), C‑123/22, EU:C:2024:493, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
112 |
F’dan il-każ, fid-dawl tal-elementi legali u fattwali kollha li wasslu għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni hija ta’ natura li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva, bħalma hija l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa. |
|
113 |
F’dan ir-rigward, hemm lok b’mod iktar partikolari li tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li r-Repubblika tal-Kroazja ma għamlitx progress sinjifikattiv, la matul il-proċedura prekontenzjuża u lanqas, barra minn hekk, matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja u li, bħalma jirriżulta mill-punt 59 ta’ din is-sentenza, huwa biss wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors li l-Gvern Kroat ħa d-deċiżjoni li jipproċedi bir-riabilitazzjoni tal-landfill ta’ Biljane Donje. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru ma kkontestax li, fid-data tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-iskart inkwistjoni kien għadu jintrema f’landfill bl-istess mod u fl-istess sit u li, f’dik id-data, ix-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni kienu jinsabu biss f’fażi preparatorja. |
|
114 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha, li għandha tiffissa l-ammont tas-somma f’daqqa b’mod li din tkun, minn naħa, adatta għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonata għan-nuqqas tat-twettiq ta’ obbligu kkonstatat u kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat. Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward hemm il-gravità tal-ksur ikkonstatat, il-perijodu li matulu dan issokta mill-għoti tas-sentenza li kkonstatat l-imsemmi ksur kif ukoll il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Immarkar fiskali tan-nafta), C‑692/20, EU:C:2023:707, punt 96). |
|
115 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-tul tal-ksur li huwa s-suġġett ta’ dan ir-rikors, għandu jitfakkar li dan għandu jiġi evalwat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti u mhux dak li fih din tal-aħħar hija adita mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien), C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 122. |
|
116 |
F’dan il-każ, bħalma jirriżulta mill-punt 113 ta’ din is-sentenza, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkritikat kien għadu ma ntemmx fil-jum tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ilu jippersisti mit‑2 ta’ Mejju 2019, data ta’ għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja, jiġifieri kważi sitt snin, li jikkostitwixxi tul kunsiderevoli ta’ żmien (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat–Ferronickel) (C‑51/20, EU:C:2022:36, punt 106). |
|
117 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-gravità tal-ksur, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu tar-rimi tal-iskart mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent jagħmel parti mill-għanijiet stess tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, kif jirriżulta mill-Artikolu 191 TFUE (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑653/13, EU:C:2015:478, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-Artikoli 5, 13 u 15 tad-Direttiva 2008/98, dawn jipprevedu, bħalma osservat il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, obbligi fundamentali sabiex jintlaħaq l-għan ta’ din id-direttiva li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari, permezz tal-prevenzjoni jew tat-tnaqqis tal-effetti dannużi tal-produzzjoni u tal-immaniġġjar tal-iskart. |
|
118 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li d-degradazzjoni tal-ambjent hija inerenti fil-preżenza ta’ skart fil-landfill, tkun xi tkun in-natura tiegħu, irrispettivament mill-aspett li dan l-iskart la jkun perikoluż u lanqas tossiku u li l-akkumulazzjoni tal-iskart, anki qabel ma jsir perikolu għas-saħħa, tikkostitwixxi perikolu għall-ambjent (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ddeċidiet li, meta ksur u, b’mod partikolari, nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jkunu ta’ natura li jikkawżaw dannu lill-ambjent u li jipperikolaw is-saħħa tal-bniedem, tali ksur għandu jitqies li huwa partikolarment gravi (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (Għeluq ta’ landfills), C‑109/22, EU:C:2023:991, punt 61). |
|
119 |
F’dan il-każ, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat għandu, għaldaqstant, jitqies li huwa partikolarment gravi. |
|
120 |
Il-gravità ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija msaħħa mill-fatt li s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja tirrigwarda obbligi fundamentali previsti mid-Direttiva 2008/98 u li, bi ksur tal-obbligi tal-Istati Membri taħt l-Artikolu 260(1) TFUE, sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kkonċernata, ir-Repubblika tal-Kroazja ssuġġettat l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja għar-riżultati tal-konklużjonijiet tal-perizja dwar il-proprjetajiet tal-gagazzi inkwistjoni, bi ksur tal-konklużjonijiet ta’ dik is-sentenza. Barra minn hekk, għandhom jitqiesu, bħala ċirkustanza aggravanti, il-fatt li dawn il-gagazzi, ta’ piż ta’ madwar 140000 tunnellata u ta’ volum totali ta’ iktar minn 76000 m3, kienu ilhom indebitament jintremew f’landfill għal perijodu twil fil-villaġġ ta’ Biljane Donje, qrib id-djar, mingħajr intervent sinjifikattiv tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kif ukoll il-fatt li l-perizji msemmija minn dan l-Istat Membru wrew li l-gagazzi inkwistjoni kienu jippreżentaw riskju ta’ rilaxx ta’ sustanzi noċivi, kontenut ta’ sustanzi perikolużi u radjuattività ogħla mil-livelli awtorizzati. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll, fir-rigward tal-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, il-fatt li l-istess Stat Membru ma pprevediex li jikkonforma ruħu bis-sħiħ mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/98 qabel ix-xahar ta’ Awwissu 2025, jiġifieri madwar tnax-il sena wara d-data li fiha l-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva saru applikabbli għalih wara l-adeżjoni tal-imsemmi Stat Membru mal-Unjoni, li jikkostitwixxi perijodu partikolarment twil (Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (Għeluq ta’ landfills), C‑109/22, EU:C:2023:991, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
121 |
Fir-rigward tal-argumenti tar-Repubblika tal-Kroazja insostenn tat-talba tagħha għal tnaqqis tal-koeffiċjent ta’ gravità tal-ksur inkwistjoni, l-ewwel, il-fatt li dan l-Istat Membru ttraspona b’mod sħiħ fl-ordinament ġuridiku tiegħu d-Direttiva 2008/98 ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti, peress li s-suġġett ta’ din il-proċedura ma huwiex in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, iżda n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija direttiva. |
|
122 |
It-tieni, fid-dawl tar-riskji li, kont meħud tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 117 u 118 ta’ din is-sentenza, il-ksur inkwistjoni jinvolvi għall-interessi pubbliċi importanti inkwistjoni, marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, la l-fatt li l-analiżi li l-awtoritajiet Kroati kisbu ma żvelaw ebda perikolu dirett għall-ħajja u għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent ġewwa u qrib il-landfill li tinsab f’Biljane Donje u lanqas il-fatt li ebda dannu ekonomiku jew dannu ieħor ma ġie kkawżat lill-individwi u lill-operaturi ekonomiċi ma jistgħu jwasslu għal evalwazzjoni inqas severa tal-gravità tal-ksur inkwistjoni. |
|
123 |
It-tielet, huwa ċertament minnu li l-ksur inkwistjoni, relatat man-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja, jikkonċerna biss il-landfill ta’ Biljane Donje. Madankollu, din iċ-ċirkustanza għandha tiġi bbilanċjata, minn naħa, ma’ dik li ma sar ebda progress sinjifikattiv minn dan l-Istat Membru fl-eżekuzzjoni ta’ dik is-sentenza fir-rigward ta’ dan is-sit minn meta bdiet l-ewwel proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sad-data tal-eżami tal-fatti minnha. Għaldaqstant, id-dannu li għadu qiegħed jiġi kkawżat għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent minħabba n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkritikat huwa ta’ importanza ekwivalenti għal dik tad-dannu kkawżat min-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inizjali kkonstatat fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑378/13, EU:C:2014:2405, punt 56). Min-naħa l-oħra, mis-sottomissjonijiet tar-Repubblika tal-Kroazja jirriżulta li, minkejja l-għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja, dan l-Istat Membru kompla jinjora l-fatt li l-gagazzi inkwistjoni kienu jikkostitwixxu skart, u mhux prodotti sekondarji, bi ksur tal-klassifikazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza. |
|
124 |
Ir-raba’, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li ċ-ċirkustanzi invokati mir-Repubblika tal-Kroazja, marbuta mal-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll mat-terremoti tax-xhur ta’ Marzu u ta’ Diċembru 2020, imsemmija fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, setgħu kkawżaw ċertu dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja, xorta jibqa’ l-fatt li l-miżuri meħuda jew previsti fiż-żmien ta’ dawn l-avvenimenti u anki sussegwentement, u dan sax-xahar ta’ Awwissu 2023, kienu intiżi sabiex tiġi eżaminata l-possibbiltà ta’ użu mill-ġdid tal-gagazzi inkwistjoni, li wassal sabiex in-nuqqasijiet ikkonstatati f’din is-sentenza tkomplew. Għaldaqstant, dawn iċ-ċirkustanzi partikolari ma jistgħux jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur inkwistjoni. |
|
125 |
Il-ħames, għandu jiġi rrilevat, fid-dawl tad-diversi miżuri meħuda sa mill-għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja, li r-Repubblika tal-Kroazja kompliet bl-istess aġir bħal dak li ta lok għal dik is-sentenza, billi ttollerat għal perijodu twil ir-rimi f’landfill ta’ kwantità kbira ħafna ta’ gagazzi inkwistjoni fis-sit ta’ Biljane Donje, minħabba l-possibbiltà ta’ użu ta’ dawn il-gagazzi bħala materjal għall-kostruzzjoni, minkejja li tali użu kien inċert. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li dan l-Istat Membru kkoopera mad-dipartimenti tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura ma jistax jitqies bħala ċirkustanza attenwanti. |
|
126 |
Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, il-fatt li s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja tikkostitwixxi l-ewwel sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja kontra r-Repubblika tal-Kroazja taħt l-Artikolu 258 TFUE u li din il-proċedura hija wkoll l-ewwel proċedura mibdija taħt l-Artikolu 260(2) TFUE kontra dan l-Istat Membru, għalkemm l-adeżjoni tal-imsemmi Stat Membru mal-Unjoni hija relattivament reċenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 2013, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑270/11, EU:C:2013:339, punt 55, u tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (Għeluq ta’ landfills), C‑109/22, EU:C:2023:991, punt 63). |
|
127 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, il-kapaċità ta’ ħlas tar-Repubblika tal-Kroazja, il-Kummissjoni pproponiet li jittieħed inkunsiderazzjoni l-PDG ta’ dan l-Istat Membru meta mqabbel mal-medja tal-PDG tal-Istati Membri għal żewġ terzi tal-kalkolu kif ukoll il-popolazzjoni tiegħu meta mqabbla mal-medja tal-popolazzjoni tal-Istati Membri bħala kriterju demografiku għal terz tal-kalkolu, konformement mal-punti 3.4 u 4.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023. |
|
128 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li d-determinazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat ma tistax tinkludi fil-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n”, li jirrappreżenta l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbel mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istati Membri l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterju demografiku skont il-modalitajiet previsti fil-punti 3.4 u 4.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 86). |
|
129 |
Għalhekk, sabiex tiġi ddeterminata l-kapaċità ta’ ħlas tar-Repubblika tal-Kroazja, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq il-PDG tagħha bħala fattur predominanti, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-kobor tal-popolazzjoni ta’ dan l-Istat Membru. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-argumenti tar-Repubblika tal-Kroazja, relatati mal-evoluzzjoni sfavorevoli tal-indikaturi ekonomiċi rilevanti li l-imsemmi Stat Membru kellu matul il-perijodu tal-ksur inkwistjoni. Konsegwentement, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-evoluzzjoni reċenti tal-PGD ta’ dan l-Istat Membru, kif kienet fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali II), C‑123/22, EU:C:2024:493, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
130 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa xieraq li tiġi imposta somma f’daqqa ta’ ammont ta’ EUR 1000000. |
– Fuq il‑pagamenti ta’ penalità
|
131 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità hija ġġustifikata, bħala prinċipju, fil-każ biss li n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu bbażat fuq in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza preċedenti jippersisti sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali II), C‑123/22, EU:C:2024:493, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
132 |
F’dan il-każ, kif huwa stabbilit fil-punt 116 ta’ din is-sentenza, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat baqa’ għaddej sal-eżami tal-fatti tal-kawża mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
133 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kundanna tar-Repubblika tal-Kroazja għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità tikkostitwixxi mezz finanzjarju xieraq sabiex dan l-Istat Membru jiġi inkoraġġit jieħu l-miżuri neċessarji sabiex itemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja. |
|
134 |
F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li dawn il-pagamenti ta’ penalità għandhom jiġu stabbiliti skont il-grad ta’ persważjoni neċessarju sabiex l-Istat Membru kkonċernat ibiddel l-aġir tiegħu u jtemm l-aġir inkriminat (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali II), C‑123/22, EU:C:2024:493, punt 138 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
135 |
Fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha fil-qasam, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-imsemmija pagamenti ta’ penalità b’tali mod li dawn ikunu, minn naħa, adattati għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali II), C‑123/22, EU:C:2024:493, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
136 |
Għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, il-kriterji bażiċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura koerċittiva ta’ dawn tal-aħħar, fid-dawl ta’ applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni, huma, bħala prinċipju, il-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fuq l-interessi privati u pubbliċi kif ukoll l-urġenza li l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali II), C‑123/22, EU:C:2024:493, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
137 |
F’dan il-każ, iċ-ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jirriżultaw b’mod partikolari mill-motivi li jinsabu fil-punti 116 sa 122 u 124 sa 129 ta’ din is-sentenza, dwar il-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni kif ukoll dwar il-kapaċità ta’ ħlas tar-Repubblika tal-Kroazja. Barra minn hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li, skont il-previżjonijiet ta’ dan l-Istat Membru, ir-rimi sħiħ tal-iskart inkwistjoni ma għandux jitlesta qabel ix-xahar ta’ Awwissu 2025, jiġifieri madwar ħmistax-il sena wara d-depożitu tiegħu fis-sit ta’ Biljane Donje. |
|
138 |
Fl-aħħar, it-talba tar-Repubblika tal-Kroazja dwar l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità li jonqsu gradwalment, ikkalkolati fuq bażi ta’ sitt xhur, ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, peress li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat jikkonċerna landfill waħda, ħsara żgħira għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem tista’ tiġi kkonstatata biss wara l-eżekuzzjoni kompleta, minn dan l-Istat Membru, tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja. |
|
139 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-Repubblika tal-Kroazja għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 6500 għal kull jum ta’ dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza sal-eżekuzzjoni sħiħa ta’ dik is-sentenza. |
Fuq l‑ispejjeż
|
140 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Kroazja tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Kroat.