12004V041

Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - PARTI I - TITOLU V - EŻERĊIZZJU TAL-KOMPETENZI TA' L-UNJONI - KAPITOLU II - DISPOSIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI - Artikolu I-41

Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0030 - 0031


Artikolu I-41

Dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrelataw għall-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni

1. Il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni għandha tkun parti integrali tal-politika estera u ta' sigurtà komuni. Għandha tipprovdi lill-Unjoni b'kapaċità operattiva billi tagħmel użu minn riżorsi ċivili u militari. L-Unjoni tista' tużahom f'missjonijiet barra l-Unjoni għaż-żamma tal-paċi, għall-prevenzjoni ta' konflitti u biex tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Dawn il-kompiti għandhom jitwettqu billi jintużaw il-kapaċitajiet provduti mill-Istati Membri.

2. Il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni għandha tinkludi t-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni ta' l-Unjoni. Dan iwassal għal difiża komuni, meta l-Kunsill Ewropew, b'mod unanimu, jiddeċiedi hekk. F'dak il-każ dan għandu jirrakkomanda lill-Istati Membri l-adozzjoni ta' tali deċiżjoni skond il-ħtiġiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

Il-politika ta' l-Unjoni skond dan l-Artikolu ma tippreġudikax il-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' ċerti Stati Membri, tirrispetta l-obbligi ta' ċerti Stati Membri, li jaraw id-difiża komuni tagħhom realizzata fil-qafas ta' l-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku, skond it-Trattat tan-Nord Atlantiku, u għandha tkun kompatibbli mal-politika komuni ta' sigurtà u ta' difiża stabbilita f'dak il-qafas.

3. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Unjoni l-kapaċitajiet ċivili u militari għall-implimentazzjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, sabiex jikkontribwixxu għall-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill. Dawk l-Istati Membri li flimkien jistabbilixxu forzi multinazzjonali jistgħu wkoll jagħmluhom disponibbli għall-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni.

L-Istati Membri għandhom jintrabtu li progressivament itejbu l-kapaċitajiet militari tagħhom. Għandha tiġi stabbilita Aġenzija fil-qasam ta' l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża, tar-riċerka, ta' l-akkwist u ta' l-armamenti (l-Aġenzija tad-Difiża Ewropea) sabiex tidentifika l-ħtiġiet operattivi, tippromwovi l-miżuri li jissodisfaw dawn il-ħtiġiet, tikkontribwixxi sabiex tidentifika u, fejn hu meħtieġ, timplimenta miżuri meħtieġa sabiex issaħħaħ il-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża, tipparteċipa sabiex tidentifika politika Ewropea dwar kapaċitajiet u armamenti u tassisti lill-Kunsill fil-valutazzjoni tat-titjib tal-kapaċitajiet militari.

4. Deċiżjonijiet Ewropej dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, inklużi dawk li jibdew missjoni kif prevista f'dan l-Artikolu, għandhom jiġu adottati mill-Kunsill b'mod unanimu, fuq proposta mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni jew fuq inizjattiva minn Stat Membru. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni jista' jipproponi li juża kemm riżorsi nazzjonali kif ukoll strumenti ta' l-Unjoni, flimkien mal-Kummissjoni fejn xieraq.

5. Il-Kunsill jista' jafda l-eżekuzzjoni tal-missjoni, fil-qafas ta' l-Unjoni, lil grupp ta' Stati Membri sabiex jiġu protetti l-valuri ta' l-Unjoni u jinqdew l-interessi tagħha. L-eżekuzzjoni ta' din il-missjoni għandha tkun regolata bl-Artikolu III-310.

6. Dawk l-Istati Membri li l-kapaċitajiet militari tagħhom jilħqu kriterji ogħla u li jkunu ħadu impenji akbar ma' xulxin fil-qasam bil-ħsieb tat-twettiq tal-missjonijiet l-aktar diffiċli għandhom jistabbilixxu koperazzjoni strutturata permanenti fil-qafas ta' l-Unjoni. Din il-koperazzjoni għandha tkun regolata mill-Artikolu III-312. M'għandhiex tolqot d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu III-309.

7. Jekk Stat Membru jkun il-vittma ta' aggressjoni armata fuq it-territorju tiegħu, l-Istati Membri l-oħra għandhom jagħtuh għajnuna u assistenza permezz tal-mezzi kollha li jista' jkollhom, skond l-Artikolu 51 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan m'għandux jippreġudika l-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' ċerti Stati Membri.

Impenji u koperazzjoni f'dan il-qasam għandhom ikunu konsistenti ma' l-impenji magħmula fl-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku, li, għal dawk l-Istati Membri li huma membri tagħha, tibqa' s-sisien tad-difiża kollettiva tagħhom u l-forum għall-implimentazzjoni tagħha.

8. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi konsultat regolarment dwar l-aspetti prinċipali u dwar għażliet fundamentali tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni. Għandu jiġi regolarment infurmat b'kif tevolvi.

--------------------------------------------------