Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Ottubru 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2003/88/KE – Dritt għal-leave annwali mħallas – Artikolu 7(1) – Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż bejn l-ETUC, l-UNICE u ċ-CEEP – Il-punt 1 tal-klawżola 4 – Ftehim qafas bejn l-ETUC, l-UNICE u ċ-CEEP dwar ix-xogħol għal żmien determinat – Il-punt 1 tal-klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Prinċipju ta’ prorata temporis – Kumulu ta’ kuntratti ta’ xogħol distinti – Persunal li jgħallem irreklutat abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u full-time u ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat u part-time – Remunerazzjoni dovuta għal-leave annwali mħallas ikkalkolat abbażi tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u full-time biss – Għoti ta’ allowance tal-ikel b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ħin ta’ xogħol effettiv imwettaq b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u full-time biss”

Fil-Kawża C‑706/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Iaşi (il-Qorti tal-Appell ta’ Iaşi, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Ottubru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Novembru 2023, fil-proċedura

Şcoala gimnazială “Mihai Eminescu” Vaslui,

vs

Uniunea Sindicală “Didactica” Vaslui,, li taġixxi f’isem u għan-nom tal-membri tagħha,

KM et,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, S. Gervasoni, A. Kumin, I. Ziemele (Relatriċi), u M. Bošnjak, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, R. Antonie, u A. Wellman, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Gheorghiu u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Marzu 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, konkluż fis‑6 ta’ Ġunju 1997(iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal‑15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267), kif ukoll tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, iż-“żewġ ftehimiet qafas”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Şcoala Gimnazială “Mihai Eminescu” Vaslui (l-iskola sekondarja “Mihai Eminescu” ta’ Vaslui , ir-Rumanija, iktar ’il quddiem il-“persuna li timpjega”) u Uniunea Sindicală “Didactica” Vaslui (is-sindakat “Didactica” ta’ Vaslui, ir-Rumanija), li jaġixxi f’isem u għan-nom ta’ KM et, erbatax mill-membri ta’ dan is-sindikat (iktar ’il quddiem l-“impjegati kkonċernati”), dwar il-kalkolu tad-drittijiet pekunjarji tagħhom relatati mal-leave annwali mħallas u l-għoti ta’ allowance tal-ikel li għandu jiżdied mar-remunerazzjoni tagħhom, fil-każ ta’ kumulu ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u full-time u ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat u part-time.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2003/88

3        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.      Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

 Il-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time

4        Il-punt 1 tal-klawżola 2 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, intitolat “L-Iskop”, jipprevedi:

“Dal-Ftehim japplika għal ħaddiema part-time li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg kif definiti mil-liġi, mill-ftehim kollettiv jew skond il-prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru.”

5        Il-klawżola 3 ta’ dan il-ftehim qafas, intitolata “Tifsiriet”, tipprovdi:

“Għall-iskop ta’ dan il-ftehim:

1)      Il-kliem ‘ħaddiem part-time’ jirreferi għal ħaddiem li s-sigħat normali tax-xogħol tiegħu, ikkalkulati fuq bażi ta’ ġimgħa jew fuq medja għal perjodu ta’ impjieg sa sena, huma inqas mis-sigħat normali ta’ xogħol ta’ ħaddiem full-time ta’ l-istess tip;

2)      Il-kliem ‘ħaddiem full-time ta’ l-istess tip’ ifisser ħaddiem full-time fl-istess stabbiliment li għandu l-istess tip ta’ kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni, li hu mqabbad biex jaħdem fl-istess xogħol/okkupazzjoni simili, b’kont meħud tal-konsiderazzjonijiet l-oħra li jistgħu jinkludu l-anzjanità u l-kwalifikazzjoni/ kapaċità.

Meta m’hemmx ħaddiem full‑time ta’ l-istess tip fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv, jew meta ma hemmx ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi nazzjonali, ftehim kollettiv u prattika.”

6        Skont il-klawżola 4 tal-imsemmi ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”:

“1.      Fejn għandhom x’jaqsmu il-kondizzjonijiet tax-xogħol, ħaddiema part-time m’għandhomx jiġu ttrattati b’manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema full-time ta’ l-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part-time kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat.

2.      Meta approprjat, il-prinċipju tal- pro rata temporis għandu japplika.

3.      L-arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ din il-klawżola għandhom ikunu definiti mill-Istati Membri u/jew is-sieħba soċjali, b’kont meħud tal-leġislazzjoni Ewropea, il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv u l-prattika.

[…]”

 Il-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat

7        Il-punt 1 tal-klawżola 2 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, intitolat “L-iskop”, jipprevedi:

“Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’ kull Stat Membru.”

8        Il-klawżola 3 ta’ dan il-ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tipprovdi:

“[...]

1.      Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem ‘ħaddiem għal terminu fiss’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

2.      Għall-iskop ta’ dan il-ftehim, il-kliem ‘ħaddiem kumparabbli permanenti’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet. Meta ma jkun hemm ebda ħaddiem kumparabbli permanenti fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli, jew meta ma jkun hemm ebda ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika.”

9        Skont il-klawżola 4 tal-imsemmi ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”:

“1.      Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.

2.      Meta approprjat, għandu japplika l-prinċipju ta’ pro rata temporis.

3.      L-arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ din il-klawżola għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali, wara li jiġu ikkunsidrati l-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv u l-prattika tal-Komunità.

[…]”

 Id-dritt Rumen

 Il-Liġi Nru 1/2011

10      L-Artikolu 254(1) tal-Legea nr. 1/2011 a educaţiei naţionale (il-Liġi Nru 1/2011 dwar l-Edukazzjoni Nazzjonali), tal‑5 ta’ Jannar 2011 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 18 tal‑10 ta’ Jannar 2011), fil-verżjoni tagħha applikabbli għal-kawża prinċipali, imħassra bil-Liġi Nru 198/2023 u bil-Liġi Nru 199/2023 b’effett mit‑3 ta’ Settembru 2023, kien jipprovdi:

“Fl-istabbilimenti tal-edukazzjoni […] jista’ jiġi rreklutat il-persunal li jgħallem taħt kuntratt individwali ta’ xogħol għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat ta’ mhux iktar minn sena skolastika, bil-possibbiltà li l-kuntratt jiġġedded jew ta’ ħlas fis-siegħa, bil-kundizzjonijiet previsti mil-liġi.”

11      L-Artikolu 267 ta’ din il-liġi kien jipprevedi li:

“(1)      L-għalliema jibbenefikaw minn 62 jum ta’ leave annwali mħallas matul il-perijodu tal-vaganzi skolastiċi. F’każijiet debitament iġġustifikati, id-direzzjoni tal-istabbiliment tal-edukazzjoni tista’ tinterrompi l-leave legali, u l-persuni kkonċernati għandhom jitħallsu għax-xogħol imwettaq.

[…]

(3)      Il-leave annwali mhux meħud jagħti dritt għat-teħid tal-leave li jibqa’ matul il-vaganzi tas-sena skolastika ta’ wara.”

12      L-Artikolu 269 tal-imsemmija liġi kien jiddikjara:

“Il-persunal ta’ tmexxija, ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-ispezzjonijiet tal-iskejjel u l-persunal ta’ tmexxija tal-istabbilimenti tal-edukazzjoni preuniversitarja u tal-istabbilimenti relatati jibbenefikaw mil-leave annwali konformement mal-Kodiċi tax-Xogħol.”

13      L-Artikolu 270 tal-istess liġi huwa fformulat kif ġej:

“Il-modalitajiet ta’ applikazzjoni relatati mat-teħid tal-leave legali għandhom jitfasslu mill-Ministerul Educației și Cercetării (il-Ministeru għall-Edukazzjoni u għar-Riċerka) b’konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet sindakali rappreżentattivi fil-livell tal-fergħat tat-tagħlim.”

 Il-Kodiċi tax-Xogħol

14      L-Artikolu 35 tal-Legea nr. 53/2003 privind Codul muncii (il-Liġi Nru 53/2003, dwar il-Kodiċi tax-Xogħol), tal‑24 ta’ Jannar 2003 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 72 tal‑5 ta’ Frar 2003), fil-verżjoni tagħha ppubblikata mill-ġdid li hija applikabbli għall-kawża prinċipali (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 345 tat‑18 ta’ Mejju 2011) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tax-Xogħol”) jipprovdi:

“(1)      Kull impjegat għandu d-dritt jaħdem ma’ diversi persuni li jimpjegaw jew ma’ persuna waħda abbażi ta’ kuntratti individwali ta’ xogħol, mingħajr sovrappożizzjoni tal-ħin tax-xogħol, filwaqt li jibbenefika mis-salarju korrispondenti għal kull wieħed minnhom. L-ebda persuna li timpjega ma tista’ tagħti trattament sfavorevoli lill-impjegat li jeżerċita dan id-dritt.

(2)      Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 huma bla ħsara għall-każijiet fejn il-liġi tipprevedi inkompatibbiltajiet għall-kumulu ta’ ċerti funzjonijiet.”

15      L-Artikolu 106 tal-Kodiċi tax-Xogħol huwa fformulat kif ġej:

“(1)      L-impjegat b’kuntratt ta’ xogħol part-time għandu jibbenefika mid-drittijiet tal-impjegati full-time, bil-kundizzjonijiet previsti mil-liġi u mill-ftehimiet kollettivi applikabbli.

(2)      Id-drittijiet għal remunerazzjoni għandhom jingħataw pro rata għall-ħin effettiv ta’ attività skont id-drittijiet stabbiliti għas-sigħat normali tax-xogħol.”

16      L-Artikolu 144 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-dritt għal-leave annwali mħallas għandu jiġi ggarantit lill-impjegati kollha.”

17      Skont l-Artikolu 150 tal-imsemmi kodiċi:

“(1)      Għall-perijodu tal-leave annwali mħallas, l-impjegat għandu jibbenefika minn remunerazzjoni li ma tistax tkun inqas mis-salarju bażiku, kif ukoll mill-allowances u bonuses ta’ natura permanenti dovuti għal dan il-perijodu, previsti fil-kuntratt individwali ta’ xogħol.

(2)      Ir-remunerazzjoni għal-leave annwali tikkorrispondi għall-medja ta’ kuljum tad-drittijiet salarjali previsti fil-paragrafu 1 tal-aħħar 3 aħħar tliet xhur ta’ qabel il-perijodu li matulu jittieħed il-leave, immultiplikat bin-numru ta’ ġranet ta’ leave.

[…]”

 Il-Liġi qafas Nru 153/2017

18      L-Artikolu 18 tal-Legea-cadru nr. 153/2017 privind salarizarea personalului plătit din fonduri publice (il-Liġi qafas Nru 153/2017 dwar ir-Remunerazzjoni tal-Persunal Imħallas minn Fondi Pubbliċi), tat‑28 ta’ Ġunju 2017 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 492 tat‑28 ta’ Ġunju 2017), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-”Liġi qafas Nru 153/2017”), jipprevedi:

“(1)      Mill‑1 ta’ Diċembru 2018, l-uffiċjali awtorizzanti għandhom jagħtu b’mod obbligatorju allowances tal-ikel fuq bażi mensili li jirrappreżentaw parti waħda minn tnax ta’ żewġ pagi bażiċi minimi gross nazzjonali iggarantiti […].

(2)      L-allowances tal-ikel imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitħallsu pro rata għall-ħin effettivament maħdum fix-xahar preċedenti, fl-osservanza tal-Artikolu 25(1).

[…]”

19      L-Artikolu 11 tal-Parti B tal-Anness I, intitolat “Regolamentazzjoni speċifika għall-persunal li jgħallem”, tal-Liġi qafas Nru 153/2017, jipprovdi:

“Il-persunal li jgħallem jibbenefika minn dritt għal-leave annwali skont il-Liġi Nru 1/2011 […] u għandu jirċievi remunerazzjoni ta’ leave annwali kkalkolata konformement mar-rekwiżiti legali applikabbli għall-persunal imħallas minn fondi pubbliċi.”

20      L-Artikolu 12 ta’ dan l-Anness I jipprovdi:

“(1)      Il-persunal li jgħallem, ta’ tmexxija, ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, inklużi l-għalliema li jeżerċitaw funzjonijiet maniġerjali fl-istabbilimenti tal-edukazzjoni preuniversitarja, jista’ wkoll jitħallas fis-siegħa jew b’mod kumulattiv, konformement mal-Liġi Nru 1/2011, kif emendata u kkompletata sussegwentement. Il-kalkolu tar-remunerazzjoni skont il-ħin jew b’mod kumulattiv isir abbażi tal-ħin tax-xogħol pedagoġiku previst mil-Liġi Nru 1/2011, kif emendata u kkompletata sussegwentement.

(2)      Il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-paragrafu 1 għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ digriet tal-Ministru għall-Edukazzjoni u għar-Riċerka.”

Id-Digrieti Ministerjali dwar it-teħid tal-leave mill-persunal li jgħallem

21      L-Artikolu 5 tan-Normele metodologice privind efectuarea concediului de odihnă al personalului didactic din învăţământ (ir-Regoli Metodoloġiċi dwar it-Teħid tal-Leave Annwali mill-Persunal li Jgħallem) li jinsabu fl-anness tal-Ordinul nr. 5559/2011 al ministrului Educației, Cercetării, Tineretului și Sportului pentru aprobarea Normelor metodologice privind efectuarea concediului de odihnă al personalului didactic din învăţământ (id-Digriet Nru 5559/2011 tal-Ministru għall-Edukazzjoni, għar-Riċerka, għaż-Żgħażagħ u għall-Isport, dwar l-Approvazzjoni tar-Regoli Metodoloġiċi dwar it-Teħid tal-Leave Annwali mill-Persunal li Jgħallem), tas‑7 ta’ Ottubru 2011 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 723 tat‑13 ta’ Ottubru 2011) fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali a(iktar ’il quddiem id-Digriet Nru 5559/2011”), imħassar sa mill‑11 ta’ Lulju 2021, kien jipprovdi:

“(1)      L-għalliema attivi li jeżerċitaw ukoll xogħol taħt sistema ta’ ħlas fis-siegħa għandhom dritt għal-leave annwali mħallas biss għall-funzjoni bażika li għaliha jiġi konkluż il-kuntratt tax-xogħol.

(2)      Il-persunal li jgħallem li jiġi rtirat taħt kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat taħt sistema ta’ remunerazzjoni fis-siegħa, full-time jew part-time, għandu jibbenefika minn leave pro rata għall-ħin tax-xogħol effettiv ikkalkolat skont l-Artikolu 2(5).”

22      L-Artikolu 3 tan-Normele metodologice privind efectuarea concediului de odihnă a personalului didactic de predare, de conducere, de îndrumare şi control şi al personalului de cercetare din învăţământul de stat (ir-Regoli Metodoloġiċi dwar it-Teħid tal-Leave mill-Persunal li Jgħallem, ta’ Tmexxija, ta’ Ġestjoni u ta’ Kontroll u tal-Persunal tar-Riċerka tal-Edukazzjoni tal-Istat) li jinsabu fl-anness tal-Ordinul nr. 4050/2021 al ministrului Educației pentru aprobarea Normelor metodologice privind efectuarea concediului de odihnă a personalului didactic de predare, de conducere, de îndrumare şi control şi al personalului de cercetare din învăţământul de stat (id-Digriet Nru 4050/2021 tal-Ministru għall-Edukazzjoni, dwar l-Approvazzjoni tar-Regoli Metodoloġiċi dwar it-Teħid tal-Leave mill-Persunal li Jgħallem, ta’ Tmexxija, ta’ Ġestjoni u ta’ Kontroll u tal-Persunal tar-Riċerka tal-Edukazzjoni tal-Istat), tad‑29 ta’ Ġunju 2021 (Monitorul Oficial al României, Nru 688 tat‑12 ta’ Lulju 2021) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 4050/2021”) jipprevedi, fil-paragrafi 2 u 5 tiegħu:

“(2)      Il-persunal li jgħallem li eżerċita parti mis-sena skolastika/universitarja għandu dritt għal leave annwali ta’ tul ikkalkolat pro rata għall-perijodu maħdum matul l-imsemmija sena skolastika/universitarja.

[…]

(5)      L-għalliema impjegati part-time jibbenefikaw minn leave annwali pro rata għall-ħin tax-xogħol effettiv ikkalkolat konformement mal-paragrafi (2) sa (4). L-għalliema impjegati part-time f’żewġ stabbilimenti tal-edukazzjoni jew iktar għandhom dritt għal leave fi ħdan kull stabbiliment tal-edukazzjoni, pro rata għall-ħin maħdum.”

23      L-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet jipprevedi:

“(1)      L-għalliema li, matul sena skolastika jew universitarja, jeżerċitaw l-attività tagħhom suċċessivament f’diversi stabbilimenti tal-edukazzjoni għandhom jingħataw il-leave annwali mill-istabbiliment fejn jaħdmu fil-bidu tal-vaganzi skolastiċi. F’dawn il-każijiet, l-allowance tal-leave għandha titħallas mill-istabbilimenti tal-edukazzjoni kollha fejn huma kienu impjegati, pro rata għall-perijodu maħdum f’kull wieħed minnhom matul is-sena skolastika jew universitarja kkonċernata.

[...]”

24      L-Artikolu 5 tal-imsemmi digriet jipprovdi:

“(1)      L-għalliema attivi li jeżerċitaw ukoll xogħol taħt sistema ta’ ħlas fis-siegħa għandhom dritt għal-leave annwali mħallas biss għall-funzjoni bażika li għaliha jiġi konkluż il-kuntratt tax-xogħol.

(2)      Il-persunal li jgħallem irtirat, taħt kuntratt ta’ xogħol bi ħlas, full-time jew part-time, għandu jibbenefika minn leave proporzjonali għall-ħin tax-xogħol effettiv, ikkalkolat konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25      Bejn is-sena 2019 u s-sena 2022, l-impjegati kkonċernati kkonkludew kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat u part-time, mal-persuna li timpjega, li kienu jipprevedu remunerazzjoni fis-siegħa, għall-perijodu minn Settembru sa Ġunju ta’ kull sena skolastika. Dawn il-kuntratti kienu jakkumulaw mal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat u full-time li huma kienu kkonkludew, bħala membri tal-persunal li jgħallem jew persunal li jgħallem awżiljarju, ma’ dan l-istabbiliment skolastika jew, fil-każ ta’ wieħed minnhom, ma’ stabbiliment skolastiku ieħor.

26      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, matul il-perijodu inkwistjoni, l-impjegati kkonċernati bbenefikaw minn numru ta’ ġranet ta’ leave ta’ bejn 27 u 62. Id-drittijiet pekunjarji marbuta mal-perijodi ta’ leave annwali kif ukoll l-allowances tal-ikel ġew ikkalkolati esklużivament abbażi tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u full-time, mingħajr ma ttieħdet inkunsiderazzjoni l-attività eżerċitata fil-kuntest tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat u part-time.

27      L-impjegati kkonċernati, irrappreżentati mis-sindikat “Didactica” ta’ Vaslui, adixxew lit-Tribunalul Vaslui (il-Qorti tal-Kontea ta’ Vaslui, ir-Rumanija) b’rikors intiż sabiex il-persuna li timpjega tiġi ordnata tħallashom, minn naħa, l-allowances tal-leave annwali mħallas u, min-naħa l-oħra, l-allowances tal-ikel pro rata għall-ħin tax-xogħol effettiv, abbażi tas-salarji rċevuti taħt sistema ta’ ħlas fis-siegħa.

28      Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2023, it-Tribunalul Vaslui (il-Qorti tal-Kontea ta’ Vaslui) laqgħet dak ir-rikors.

29      L-ewwel nett, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-drittijiet pekunjarji marbuta mal-perijodi ta’ leave annwali, sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-atti amministrattivi regolatorji, jiġifieri d-Digrieti Nru 5559/2011 u Nru 4050/2021 li jillimitaw l-għoti ta’ leave annwali mħallas għall-kuntratt ta’ xogħol konkluż għall-funzjoni bażika, jiġifieri l-kuntratt għal żmien indeterminat u full-time, din il-qorti rrilevat li l-Artikolu 144(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol, li jiggarantixxi d-dritt għal-leave annwali mħallas, għandu valur legali ogħla minn dawn l-atti fil-ġerarkija tar-regoli. Hija bbażat ruħha wkoll fuq l-applikazzjoni konġunta tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tikkonkludi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-għoti tal-leave annwali mħallas hija inkompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet.

30      L-imsemmija qorti rrilevat li din il-leġiżlazzjoni kienet tikser id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni li jipprovdu li d-dritt għal-leave annwali mħallas huwa dritt inkundizzjonat u imperattiv u, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-impjieg, l-impjegati part-time ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-impjegati full-time.

31      It-tieni nett, fir-rigward tal-allowance tal-ikel mitlub pro rata għall-ħin tax-xogħol effettiv, il-qorti tal-ewwel istanza ddeċidiet, sabiex tordna l-ħlas ta’ tali allowance lill-impjegati kkonċernati, li l-leġiżlazzjoni applikabbli, jiġifieri l-Artikolu 18 tal-Liġi qafas Nru 153/2017, ma tagħmel ebda distinzjoni skont in-natura tal-kuntratt ta’ xogħol konkluż mill-impjegat.

32      Għaldaqstant, hija ddeċidiet li kemm ir-rifjut li jiġi rrikonoxxut tali dritt għal-leave annwali mħallas kif ukoll dak li tingħata l-allowance tal-ikel, previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali f’kundizzjonijiet li ma jagħmlu ebda distinzjoni skont in-natura tal-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni, ma kinux iġġustifikati.

33      Il-persuna li timpjega appellat minn din is-sentenza quddiem il-Curtea de Apel Iași (il-Qorti tal-Appell ta’ Iași, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju, filwaqt li llimitat dan l-appell għall-għoti tal-allowance tal-leave annwali.

34      Il-persuna li timpjega ssostni li s-salarju bażiku tal-għalliem irreklutat b’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat jikkostitwixxi r-riferiment għall-kalkolu tar-remunerazzjoni fis-siegħa applikabbli għall-impjiegi ta’ għalliema vakanti jew irriżervati. Hija tqis li l-attività ta’ tagħlim mħallsa fis-siegħa għandha titqies bħala element addizzjonali għall-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u tenfasizza li l-leġiżlatur nazzjonali ppreveda li l-allowance għal-leave annwali tista’ tingħata biss fir-rigward tal-ħin tax-xogħol ta’ riferiment, jiġifieri dak kopert mill-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u full-time.

35      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, minn naħa, il-kwistjoni legali inkwistjoni fil-każ ineżami tikkonċerna r-remunerazzjoni dovuta għal-leave annwali mħallas u mhux it-tul tal-perijodu ta’ mistrieħ, fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi, għall-impjegati kkonċernati, leave annwali mħallas li t-tul tiegħu jeċċedi dak minimu ggarantit mid-Direttiva 2003/88.

36      Min-naħa l-oħra, din il-qorti tqis li din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn il-persuni impjegati abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol wieħed, li jibbenefikaw minn allowance abbażi tad-dritt għal-leave annwali mħallas ikkalkolata skont id-dħul li jaqla’, u l-impjegati li għandhom żewġ kuntratti ta’ xogħol distinti, bħall-impjegati kkonċernati, li d-drittijiet pekunjarji tagħhom relatati ma’ dan il-leave huma sempliċement kkalkolati abbażi tad-dħul li jirriżulta mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt bażiku biss, li jikkorrispondi għall-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u full-time.

37      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-osservanza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, stabbilit fil-klawżoli 4 taż-żewġ ftehimiet qafas, mill-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali, għal dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni dovuta għal-leave annwali mħallas tal-impjegati kkonċernati.

38      Fit-tieni lok, din il-qorti tistaqsi, fid-dawl tal-kliem tal-klawżoli 4 taż-żewġ ftehimiet qafas, dwar l-obbligu tal-persuna li timpjega li tħallas lill-impjegati kkonċernati l-allowance tal-ikel abbażi tal-eżekuzzjoni tat-tieni kuntratt, jiġifieri l-kuntratt għal żmien determinat u part-time, filwaqt li hija biss l-attività eżerċitata skont il-kuntratt bażiku li attwalment tittieħed inkunsiderazzjoni minn din il-persuna li timpjega.

39      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-impjegati kkonċernati huma s-suġġett ta’ trattament inqas favorevoli u li l-motivazzjoni li tinsab fl-Artikolu 18 tal-Liġi qafas Nru 153/2017, li jistabbilixxi d-dritt għall-allowance tal-ikel billi jiffissa livell massimu milħuq biss mill-ħin ta’ xogħol imwettaq full-time, kif previst fil-kuntratt ta’ xogħol bażiku, ma hijiex ta’ natura li tiġġustifika din id-differenza fit-trattament fir-rigward tal-impjegati kkonċernati.

40      Din il-qorti tippreżumi li, meta impjegat ikun ikkonkluda simultanjament żewġ kuntratti ta’ xogħol mal-istess persuna li timpjega jew ma’ diversi persuni differenti, bħalma huwa l-każ hawnhekk, id-dritt għal-leave annwali previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi ggarantit taħt kull wieħed minn dawn il-kuntratti, il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat full-time kif ukoll il-kuntratt għal żmien determinat part-time. Filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2015, Greenfield, (C‑219/14, EU:C:2015:745), l-imsemmija qorti tindika li, jekk jitqies li l-allowance tal-ikel tagħmel parti mir-remunerazzjoni ordinarja tal-għalliem relatata mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt għal żmien determinat u part-time, din l-allowance għandha wkoll tiġi inkluża fid-determinazzjoni tad-drittijiet pekunjarji relatati mal-leave annwali mħallas.

41      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Curtea de Apel Iași (il-Qorti tal-Appell ta’ Iași) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 7(1) tad-[Direttiva 2003/88], kif ukoll l-Artikolu 31(2) tal-[Karta], [l-ewwel punt] tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time li jidher fl-anness tad-[Direttiva tal-Kunsill 97/81], u [l-ewwel punt] tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [li jidher] fl-anness tad-[Direttiva 1999/70], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi li, fil-każ ta’ kumulu ta’ kuntratti ta’ xogħol mill-istess ħaddiem fil-qasam tal-edukazzjoni preuniversitarja, [jiġifieri] kuntratt għal żmien indeterminat full-time [bħala] l-kariga ewlenija u kuntratt għal żmien determinat part-time [jiġifieri] kuntratt ta’ ħlas fis-siegħa, il-ħaddiem huwa intitolat għal remunerazzjoni fir-rigward tal-leave annwali mħallas ikkalkolat biss għall-kariga ewlenija?

2)      [L-ewwel punt] tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time, li jidher fl-anness tad-Direttiva 97/81, [l-ewwel punt] tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [li jidher] fl-anness tad-Direttiva 1999/70, u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali li jimpedixxu li, fil-każ ta’ kumulu ta’ kuntratti ta’ xogħol mill-persunal li jgħallem fil-qasam tal-edukazzjoni preuniversitarja, [jiġifieri] kuntratt għal żmien indeterminat full-time [bħala] l-kariga ewlenija u kuntratt għal żmien determinat part-time [jiġifieri] kuntratt ta’ ħlas fis-siegħa, tingħata allowance tal-ikel pro rata mal-ħin attwalment maħdum taħt il-kuntratt għal żmien determinat part-time u li din l-allowance tiġi inkluża fid-determinazzjoni tal-ammont ta’ allowance għal-leave annwali?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

42      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Diċembru 2024, il-Qorti tal-Ġustizzja assenjat din il-kawża lis-Sitt Awla u ddeċidiet li din il-kawża għandha tiġi deċiża mingħajr seduta għas-sottomissjonijiet orali u mingħajr konklużjonijiet.

43      Fuq talba tas-Sitt Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressqa b’applikazzjoni tal-Artikolu 60(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar iddeċidiet, fit‑28 ta’ Ottubru 2025, li tirrinvija l-kawża quddiem l-Ewwel Awla. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kawża għandha tiġi deċiża mingħajr seduta għas-sottomissjonijiet orali, iżda bil-preżentazzjoni tat-talbiet.

44      Permezz tad-digriet tal‑5 ta’ Diċembru 2025, Şcoala gimnazială “Mihai Eminescu” (C‑706/23, EU:C:2025:951), il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, ordnat il-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura.

45      Fis‑26 ta’ Marzu 2026, l-Avukat Ġenerali ppreżenta l-konklużjonijiet tiegħu.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

46      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, moqri fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta, kif ukoll il-punt 1 tal-klawżoli 4 taż-żewġ ftehimiet qafas, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-każ ta’ kumulu minn impjegat ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u full-time u ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat u part-time li jipprevedi remunerazzjoni fis-siegħa, li r-remunerazzjoni dovuta lil dan l-impjegat għal-leave annwali mħallas ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ħin tax-xogħol imwettaq u d-dħul irċevut fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ dan it-tieni kuntratt.

47      Sabiex tingħata risposta utli għall-ewwel domanda, għandu, preliminarjament, jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, kull ħaddiem jibbenefika minn dritt għal leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat.

48      Dan id-dritt, mogħti lil kull ħaddiem, jirrifletti u jikkonkretizza għalhekk id-dritt fundamentali għal perijodu annwali ta’ leave mħallas, stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, job-medium, C‑233/20, EU:C:2021:960, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Għandu jitfakkar li, minn naħa, id-dritt għal-leave annwali mħallas jikkostitwixxi prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari, li ma tistax issir deroga minnu u li l-implimentazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tista’ ssir biss fil-limiti espressament stabbiliti mid-Direttiva 2003/88 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Ġunju 2001, BECTU, C‑173/99, EU:C:2001:356, punt 43 u tal‑25 ta’ Novembru 2021, job-medium, C‑233/20, EU:C:2021:960, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi ppreċiżat li d-dritt għal-leave annwali jikkostitwixxi biss wieħed miż-żewġ aspetti tad-dritt għal-leave annwali mħallas. Dan id-dritt fundamentali jinkludi wkoll dritt għall-kisba ta’ ħlas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, job-medium, C‑233/20, EU:C:2021:960, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-espressjoni “leave annwali bil-ħlas”, li tinsab fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, tfisser li, għat-tul tal-“leave annwali”, fis-sens ta’ din id-direttiva, ir-remunerazzjoni għandha tinżamm, fi kliem ieħor, il-ħaddiem għandu jirċievi r-remunerazzjoni ordinarja għal dan il-perijodu ta’ mistrieħ (sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Hein, C‑385/17, EU:C:2018:1018, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑9 ta’ Diċembru 2021, Staatssecretaris van Financiën (Remunerazzjoni matul il-leave annwali mħallas), C‑217/20, EU:C:2021:987, punt 26). Skont din il-ġurisprudenza, id-drittijiet għal-leave annwali mħallas għandhom bħala prinċipju jiġu kkalkolati abbażi tal-perijodi ta’ xogħol effettiv imwettqa skont il-kuntratt ta’ xogħol (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Hein, C‑385/17, EU:C:2018:1018, punt 27).

52      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-għan ta’ dan ir-rekwiżit huwa li l-ħaddiem, meta jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas, jitqiegħed f’sitwazzjoni li hija paragunabbli, fir-rigward tas-salarju, mal-perijodi ta’ xogħol (sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Hein, C‑385/17, EU:C:2018:1018, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑9 ta’ Diċembru 2021, Staatssecretaris van Financiën (Remunerazzjoni matul il-leave annwali mħallas), C‑217/20, EU:C:2021:987, punt 27).

53      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-persuna li timpjega hija obbligata tagħti r-remunerazzjoni dovuta għall-perijodu ta’ leave annwali mħallas, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, għat-tul tal-leave annwali minimu previst f’din id-dispożizzjoni biss. Madankollu, l-imsemmija dispożizzjoni ma teħtieġx li r-remunerazzjoni ordinarja tingħata għall-parti tal-leave annwali tal-ħaddiem li teċċedi, skont id-dritt nazzjonali, it-tul minimu ta’ erba’ ġimgħat previst minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Hein, C‑385/17, EU:C:2018:1018, punt 41).

54      Barra minn hekk, għalkemm miżuri nazzjonali li jikkonċernaw in-numru jew il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ ġranet ta’ leave annwali mħallas imorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi previsti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, dawn ma jistgħux iservu sabiex jikkumpensaw l-effett negattiv, għall-ħaddiem, ta’ tnaqqis tar-remunerazzjoni dovuta għal dan il-leave, taħt piena li jiġi kkontestat id-dritt għal-leave annwali mħallas skont din id-dispożizzjoni, li minnu jagħmel parti integrali d-dritt tal-ħaddiem li jgawdi, matul il-perijodu ta’ leave u ta’ serħan tiegħu, minn kundizzjonijiet ekonomiċi paragunabbli għal dawk li jikkonċernaw l-eżerċizzju tax-xogħol tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Hein, C‑385/17, EU:C:2018:1018, punt 43, kif ukoll tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 35).

55      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li, meta r-remunerazzjoni mogħtija fir-rigward tad-dritt għal-leave annwali mħallas previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 tkun inqas mir-remunerazzjoni ordinarja li l-ħaddiem jirċievi matul il-perijodi ta’ xogħol effettiv, ikun hemm riskju li tali ħaddiem ikun imħeġġeġ ma jiħux il-leave annwali mħallas, inkwantu dan iwassal għal tnaqqis fir-remunerazzjoni tiegħu matul il-leave annwali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Hein, C‑385/17, EU:C:2018:1018, punt 44, u tad‑9 ta’ Diċembru 2021, Staatssecretaris van Financiën (Remunerazzjoni matul il-leave annwali mħallas), C‑217/20, EU:C:2021:987, punt 33).

56      Fil-każ ineżami, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, għall-impjegati kkonċernati li jakkumulaw kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u full-time u kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat u part-time, ir-remunerazzjoni dovuta għal-leave annwali mħallas previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 hija kkalkolata biss mid-dħul marbut mal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u full-time. Konsegwentement, id-dħul li jikkorrispondi għall-perijodi ta’ xogħol effettiv imwettqa fil-kuntest tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat u part-time ma jitteħidx inkunsiderazzjoni f’dan il-kalkolu.

57      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, tal-inqas fir-rigward tat-tul tal-leave annwali minimu previst mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix li, għall-kalkolu tar-remunerazzjoni għal-leave annwali mħallas, jittieħed inkunsiderazzjoni dħul li jikkorrispondi għall-ħin ta’ xogħol effettiv imwettaq mill-impjegati kkonċernati fil-kuntest tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom għal żmien determinat u part-time.

58      Fil-fatt, l-ammont tar-remunerazzjoni mħallas lill-ħaddiema, fir-rigward tal-leave annwali mħallas minimu previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma għandux ikun inferjuri għall-medja tar-remunerazzjoni ordinarja li dawn jirċievu matul il-perijodi ta’ xogħol effettiv.

59      F’dan ir-rigward, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 u 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm il-fatt li l-ħaddiem b’kuntratt għal żmien indeterminat ikun marbut mal-persuna li timpjegah ukoll permezz ta’ kuntratt għal żmien determinat ma għandu ebda effett fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, l-esklużjoni tas-sigħat maħduma b’kuntratt għal żmien determinat u part-time mill-kalkolu tar-remunerazzjoni dovuta għal-leave annwali mħallas timponi, madankollu, li tiġi eżaminata l-applikabbiltà taż-żewġ ftehimiet qafas għas-sitwazzjoni ta’ kumulu taż-żewġ kuntratti ta’ xogħol mill-istess impjegati, hekk kif hija preżenti fil-każ ineżami.

60      Il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat jipprojbixxi li, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-impjieg, l-impjegati għal żmien determinat jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn impjegati għal żmien indeterminat tal-istess tip għas-sempliċi raġuni li huma jaħdmu abbażi ta’ kuntratt għal żmien determinat, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi. Bl-istess mod, konformement mal-għan tal-eliminazzjoni tad-diskriminazzjonijiet bejn ħaddiema part-time u ħaddiema full-time, il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-impjieg, tipprekludi li l-ħaddiema part-time jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema full-time tal-istess tip sempliċement għar-raġuni li huma jaħdmu part-time, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Status tal-Giudici di Pace Taljani), C‑236/20, EU:C:2022:263, punti 32 u 33).

61      Din il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni hija biss l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza li jaqa’ taħt il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et, C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑4 ta’ Settembru 2025, Gnattai, C‑543/23, EU:C:2025:653, punti 33 u 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62      Peress li l-formulazzjoni tal-punti 1 u 2 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time u dik tal-punti 1 u 2 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat huma, essenzjalment, identiċi, għandu jiġi rrilevat li l-kunsiderazzjonijiet espressi fir-rigward ta’ waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll, mutatis mutandis, fir-rigward tal-oħra (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Statut tal-Guidici di Pace Taljani), C‑236/20, EU:C:2022:263, punt 34).

63      Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-impjegati kkonċernati kinux is-suġġett ta’ trattament li jikser il-punt 1 tal-klawżola 4 taż-żewġ ftehimiet qafas, għandha, l-ewwel nett, tiġi analizzata l-applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ratione personae.

64      Skont il-punt 1 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time “ħaddiem part-time” tfisser ħaddiem li s-sigħat normali tax-xogħol tiegħu, ikkalkulati fuq bażi ta’ ġimgħa jew fuq medja għal perjodu ta’ impjieg sa sena, huma inqas mis-sigħat normali ta’ xogħol ta’ ħaddiem full-time tal-istess tip. Skont il-punt 1 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, il-kliem “ħaddiem għal terminu fiss [żmien determinat]” ifissru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat konkluż direttament bejn il-persuna li timpjega u l-ħaddiem fejn tmiem il-kuntratt jew tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol ikun iddeterminat minn kundizzjonijiet oġġettivi bħal li tintlaħaq data speċifika, it-twettiq ta’ kariga speċifika jew is-seħħ ta’ avveniment speċifiku.

65      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat japplikaw għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi rremunerati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li torbothom mal-persuna li timpjegahom, kemm jekk ikunu awtoritajiet u kemm jekk entitajiet oħra tas-settur pubbliku (sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punti 25 u 28; tat‑8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punti 42, 55 u 58; tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Ustariz Aróstegui, C‑72/18, EU:C:2019:516, punt 24, kif ukoll tal‑4 ta’ Settembru 2025, Gnattai, C‑543/23, EU:C:2025:653, punt 37).

66      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-punt 1 tal-klawżoli 4 taż-żewġ ftehimiet qafas humiex applikabbli fil-każ ta’ kumulu ta’ kuntratti mal-istess persuna li timpjega, bħalma huwa b’mod partikolari l-każ ineżami, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija miż-żewġ ftehimiet qafas li l-klawżoli 4 tagħhom għandhom jinftiehmu bħala li huma l-espressjoni ta’ prinċipju ta’ dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 114; tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et, C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punt 32, kif ukoll tat‑8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 44).

67      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet ukoll li l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat huwa intiż li japplika l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għall-ħaddiema għal żmien determinat sabiex jiġi prekluż li relazzjoni ta’ impjieg ta’ din in-natura tintuża minn persuna li timpjega sabiex iċċaħħad lil dawn il-ħaddiema minn drittijiet li għandhom il-ħaddiema għal żmien indeterminat (sentenzi tas‑7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Status tal-Giudici di Pace Taljani), C‑236/20, EU:C:2022:263, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; tal‑20 ta’ Frar 2024, X (Assenza ta’ raġunijiet ta’ xoljiment), C‑715/20, EU:C:2024:139, punt 42, u tal‑4 ta’ Settembru 2025, Gnattai, C‑543/23, EU:C:2025:653, punt 42).

68      Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li s-sitwazzjoni ta’ kumulu ta’ kuntratti suċċessivi, jiġifieri dik ta’ kuntratt ta’ xogħol part-time segwit minn kuntratt ta’ xogħol full-time, ma tistax tkun is-suġġett ta’ esklużjoni awtomatika mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time. Fil-fatt, li tiġi eskluża mill-ewwel l-applikazzjoni tal-Ftehim qafas f’tali sitwazzjoni jwassal sabiex titnaqqas, bi ksur tal-għan mogħti lil din il-klawżola 4, il-kamp tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema kkonċernati kontra d-diskriminazzjonijiet u twassal għal interpretazzjoni indebitament restrittiva tal-imsemmija klawżola 4 li tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, Zone de secours Hainaut-Centre, C‑377/21, EU:C:2022:530, punti 44 u 45).

69      Din il-konklużjoni għandha tapplika fil-każ ta’ kumulu ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u full-time u ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat u part-time, peress li, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, interpretazzjoni tal-punt 1 tal-klawżoli 4 taż-żewġ ftehimiet qafas li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom sitwazzjoni ta’ kumulu ta’ kuntratti ta’ xogħol, li l-kliem ta’ dawn il-klawżoli 4 ma jissuġġerixxix, twassal sabiex tnaqqas, kuntrarjament għall-kliem u għall-kuntest tal-imsemmija klawżoli 4 kif ukoll għall-għan mogħti lilhom, il-kamp tal-protezzjoni mogħti lill-ħaddiema kkonċernati kontra d-diskriminazzjoni.

70      Barra minn hekk, għalkemm il-punt 2 tal-klawżola 2 tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time jippermetti, ċertament, lill-Istati Membri jew lill-imsieħba soċjali jeskludu totalment jew parzjalment mid-dispożizzjonijiet tiegħu lill-ħaddiema part-time li jaħdmu fuq bażi okkażjonali, għandu madankollu jiġi rrilevat li tali esklużjoni fl-ebda każ ma hija awtomatika, peress li hija suġġetta għal ċertu numru ta’ proċeduri u ta’ kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, Zone de secours Hainaut-Centre, C‑377/21, EU:C:2022:530, punt 48). Issa, ebda element mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Rumena għamlet użu minn tali esklużjoni.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li kull wieħed mill-impjegati kkonċernati jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat” u ta’ “ħaddiem part-time”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżoli 4 taż-żewġ ftehimiet qafas, moqrija flimkien mal-punt 1 tal-klawżoli 3 tagħhom, u, għaldaqstant, fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

72      It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-remunerazzjoni dovuta għal-leave annwali mħallas taqax taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg” imsemmi fil-punt 1 tal-klawżoli 4 taż-żewġ ftehimiet qafas, mill-ġurisprudenza jirriżulta li dan il-kunċett jinkludi l-kundizzjonijiet dwar ir-remunerazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Status tal-Giudici di Pace Taljani), C‑236/20, EU:C:2022:263, punt 36, kif ukoll tas‑7 ta’ Lulju 2022, Zone de secours Hainaut-Centre, C‑377/21, EU:C:2022:530, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jaqgħu taħt il-“kundizzjonijiet tal-impjieg”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, l-elementi li jikkostitwixxu r-remunerazzjoni, inkluż il-livell ta’ dawn l-elementi, id-dritt għal-leave annwali mħallas kif ukoll il-kundizzjonijiet relatati mal-pensjonijiet tal-irtirar li jiddependu mir-relazzjoni ta’ xogħol (sentenzi tas‑7 ta’ April 2022 Ministero della Giustizia et (Status tal-Giudici di Pace Taljani), C‑236/20, EU:C:2022:263, punt 38, kif ukoll tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Peigli, C‑41/23, EU:C:2024:554, punt 43). Fir-rigward tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni b’mod analogu (sentenzi tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et, C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punt 42, kif ukoll tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Lufthansa CityLine, C‑660/20, EU:C:2023:789, punti 41 u 42).

74      Peress li d-dritt għal-leave annwali mħallas jinkludi dritt għall-kisba ta’ ħlas, ir-remunerazzjoni dovuta f’dan ir-rigward taqa’ għalhekk taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg” fis-sens tal-klawżoli 4 taż-żewġ ftehimiet qafas.

75      Għaldaqstant, is-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dawn il-klawżoli 4.

76      It-tielet nett, għandu jiġi evalwat jekk l-impjegati kkonċernati, fil-kuntest tal-kuntratt tagħhom għal żmien determinat u part-time, jeżerċitawx xogħol identiku jew simili, fis-sens taż-żewġ ftehimiet qafas, għal dak eżerċitat mill-ħaddiema impjegati mill-istess persuna għal żmien indeterminat u full-time. F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħan-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dawn l-impjegati jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Presidenza del Consiglio dei Ministri et (Riċerkaturi universitarji), C‑40/20 u C‑173/20, EU:C:2022:985, punt 101 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

77      Il-punt 2 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time jindika li “ħaddiem full-time tal-istess tip” tfisser ħaddiem full-time tal-istess stabbiliment li għandu l-istess tip ta’ kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol u xogħol/impjieg identiku jew simili, b’kont meħud ta’ kunsiderazzjonijiet oħra li jistgħu jinkludu l-anzjanità u l-kwalifiki/kapaċitajiet. Bl-istess mod, il-punt 2 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat jippreċiża li “ħaddiem kumparabbli permanenti [għal żmien indeterminat tal-istess tip]” tfisser ħaddiem li għandu kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat fl-istess stabbiliment, u li għandu xogħol/impjieg identiku jew simili, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kwalifiki/kapaċitajiet.

78      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li meta l-ħaddiema għal żmien determinat jeżerċitaw l-istess funzjonijiet bħall-ħaddiema impjegati mill-istess persuna għal żmien indeterminat jew jokkupaw l-istess pożizzjoni bħal dawn tal-aħħar, hemm lok, bħala prinċipju, li s-sitwazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema jitqiesu li huma paragunabbli (sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Presidenza del Consiglio dei Ministri et (Riċerkaturi universitarji), C‑40/20 u C‑173/20, EU:C:2022:985, punt 102 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Lufthansa CityLine, C‑660/20, EU:C:2023:789, punt 45).

79      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kuntest ta’ kumulu ta’ kuntratt għal żmien indeterminat u full-time u ta’ kuntratt għal żmien determinat u part-time, l-impjegati kkonċernati żguraw, permezz tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt tal-aħħar, is-sostituzzjoni ta’ għalliema oħra fuq pożizzjonijiet vakanti, u b’hekk iwettqu funzjonijiet identiċi għal dawk ta’ dawn l-għalliema.

80      Minn dan isegwi li, fil-każ ta’ kumulu ta’ kuntratti f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kriterju tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet huwa ssodisfatt, jiġifieri li s-sitwazzjoni tal-impjegati kkonċernati, bħala impjegati b’kuntratt għal żmien determinat u part-time, hija paragunabbli ma’ dik tal-impjegati impjegati mill-istess persuna għal żmien indeterminat u full-time.

81      Ir-raba’ nett, fir-rigward tad-differenza fit-trattament għad-dannu tal-impjegati kkonċernati, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikoli 5 tad-Digrieti Nru 5559/2011 u Nru 4050/2021, sa fejn dawn l-impjegati jakkumulaw kuntratt bażiku, bħala ħaddiema għal żmien indeterminat u full-time, u t-tieni kuntratt, bħala impjegati għal żmien determinat u part-time remunerati fis-siegħa, ma jippermettux li jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-kalkolu tar-remunerazzjoni dovuta għal-leave annwali mħallas, id-dħul irċevut fil-kuntest ta’ dan it-tieni kuntratt.

82      Għaldaqstant, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, għandu jitqies li l-impjegati kkonċernati jġarrbu trattament inqas favorevoli f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tar-remunerazzjoni dovuta għal-leave annwali mħallas fil-każ ta’ kumulu ta’ żewġ kuntratti ta’ xogħol, wieħed għal żmien indeterminat u full-time u l-ieħor għal żmien determinat u part-time.

83      Għandu jitfakkar, minn naħa, li l-klawżoli 4 taż-żewġ ftehimiet qafas jipprekludu li l-ħaddiema għal żmien determinat u part-time jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat u full-time paragunabbli għas-sempliċi raġuni li huma jaħdmu part-time għal żmien determinat, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Ustariz Aróstegui, C‑72/18, EU:C:2019:516, punt 23, kif ukoll tal‑5 ta’ Mejju 2022, Universiteit Antwerpen et, C‑265/20, EU:C:2022:361, punt 43).

84      Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżoli 4 taż-żewġ ftehimiet qafas, ma jistax jinftiehem bħala li jippermetti li tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat jew il-ħaddiema part-time u l-ħaddiema full-time bil-fatt li din id-differenza hija prevista minn regola ġenerali u astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv. Fil-fatt, dan il-kunċett jeħtieġ li l-inugwaljanza fit-trattament tkun iġġustifikata permezz tal-eżistenza ta’ provi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni tal-impjieg inkwistjoni, fil-kuntest partikolari li minnu din l-inugwaljanza tagħmel parti u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tissodisfax ħtieġa reali, jekk hijiex ta’ natura xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u jekk hijiex neċessarja għal dan il-għan. Dawn l-elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom ġew konklużi kuntratti għal żmien determinat u mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 2022, Universiteit Antwerpen et, C‑265/20, EU:C:2022:361, punti 53 u 54, kif ukoll tal‑20 ta’ Frar 2024, X (Assenza ta’ raġunijiet għal xoljiment), C‑715/20, EU:C:2024:139, punti 58 u 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

85      Fil-każ ineżami, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qrati nazzjonali qiesu li t-trattament tal-impjegati kkonċernati ma huwiex diskriminatorju inkwantu l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija intiża li tiżgura l-kontinwità tal-attività ta’ tagħlim, kemm meta l-persuna li tokkupa l-pożizzjoni ma tkunx tista’ taħdem, kif ukoll fiż-żoni li huma diffiċli li wieħed jasal għalihom, fejn il-persunal li jgħallem huwa f’numru insuffiċjenti.

86      F’dak li jirrigwarda l-punt dwar jekk id-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax bżonn reali, tikkontribwixxix sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u hijiex neċessarja għal dan l-għan, għandha tiġi enfasizzata l-leġittimità ta’ dan l-għan fih innifsu, jiġifieri li tiġi żgurata l-kontinwità tal-attività ta’ tagħlim. Madankollu, jidher li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma hijiex iġġustifikata fid-dawl tal-imsemmi għan. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tar-remunerazzjoni dovuta għal-leave annwali mħallas tal-impjegati kkonċernati, tax-xogħol imwettaq u tad-dħul irċevut fil-kuntest tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat part-time, ma hijiex marbuta mal-istess għan.

87      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li d-differenza fit-trattament tal-impjegati kkonċernati ma hijiex iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi fid-dawl tal-punt 1 tal-klawżoli 4 taż-żewġ ftehimiet qafas, f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tar-remunerazzjoni dovuta għal-leave annwali mħallas.

88      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, moqri fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta, kif ukoll il-klawżoli 4 taż-żewġ ftehimiet qafas, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-każ ta’ kumulu minn impjegat ta’ kuntratt għal żmien indeterminat u full-time u ta’ kuntratt għal żmien determinat u part-time li jipprevedi remunerazzjoni fis-siegħa, li r-remunerazzjoni dovuta lil dan l-impjegat għal-leave annwali mħallas ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ħin tax-xogħol imwettaq u d-dħul irċevut fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ dan it-tieni kuntratt.

 Fuq it-tieni domanda

89      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll il-punt 1 tal-klawżoli 4 taż-żewġ ftehimiet qafas, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali u prattika nazzjonali li bis-saħħa tagħhom, fil-każ ta’ kumulu minn impjegat ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u full-time u ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat u part-time, li jipprevedi remunerazzjoni fis-siegħa, minn naħa, allowance tal-ikel tingħata lil dan l-impjegat ikkonċernat biss b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ħin ta’ xogħol effettiv imwettaq fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u full-time u, min-naħa l-oħra, l-ammont ta’ din l-allowance ma huwiex inkluż fil-kalkolu tar-remunerazzjoni dovuta għal-leave annwali mħallas.

90      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ppreċiżat li l-allowance tal-ikel inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija rregolata mil-Liġi qafas Nru 153/2017 dwar ir-remunerazzjoni tal-persunal imħallas minn fondi pubbliċi u tikkostitwixxi element ta’ remunerazzjoni. Sabiex wieħed jibbenefika minn din l-allowance, ma huwiex neċessarju li jiġi pprovat li l-ammont allokat huwa effettivament intiż sabiex ikopri l-ispejjeż tal-ikliet. Barra minn hekk, l-imsemmija allowance taqa’ taħt id-dħul mis-salarju mensili u hija suġġetta għall-istess taxxi u imposti bħal dan id-dħul.

91      Minn dan jirriżulta li l-għoti tal-allowance tal-ikel jaqa’, abbażi tad-dritt għal-leave annwali mħallas tal-impjegat iggarantit mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, taħt dak li jgawdi, matul il-perijodu ta’ leave tiegħu, minn kundizzjonijiet ekonomiċi paragunabbli ma’ dawk li jikkonċernaw l-eżerċizzju tax-xogħol tiegħu u, hekk kif tfakkar fil-punt 51 tas-sentenza preżenti, li dan huwa element tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas li għandhom bħala prinċipju jiġu kkalkolati skont il-perijodi ta’ xogħol effettiv. Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tqis li l-impjegati kkonċernati kienu s-suġġett ta’ trattament inqas favorevoli fil-qasam tar-remunerazzjoni, f’dak li jirrigwarda l-allowance tal-ikel li jingħata biss għall-ħin tax-xogħol effettiv imwettaq fil-kuntest ta’ kuntratt għal żmien indeterminat u full-time u mhux għal dak imwettaq fil-kuntest tal-kuntratt għal żmien determinat u part-time.

92      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hekk kif ġie indikat fil-punt 71 tas-sentenza preżenti, l-impjegati kkonċernati jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae taż-żewġ ftehimiet qafas.

93      It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-allowance tal-ikel taqax taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg” previst fil-punt 1 tal-klawżoli 4 taż-żewġ ftehimiet qafas, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-allowance tal-ikel tikkostitwixxi dħul mis-salarju. Barra minn hekk, hekk kif tfakkar fil-punt 73 tas-sentenza preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-“kundizzjonijiet tal-impjieg” jinkludu l-kundizzjonijiet dwar ir-remunerazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Lufthansa CityLine, C‑660/20, EU:C:2023:789 punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Għaldaqstant, għandu jitqies li l-allowance tal-ikel, bħala komponent tar-remunerazzjoni, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżoli 4 taż-żewġ ftehimiet qafas.

95      It-tielet nett, fir-rigward tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet, kif ġie kkonstatat fil-punti 79 u 80 tas-sentenza preżenti, għandu jitqies li l-impjegati kkonċernati, bħala impjegati b’kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat u part-time, huma f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-impjegati impjegati mill-istess persuna għal żmien indeterminat u full-time.

96      Ir-raba’ nett, għal dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-allowance tal-ikel hija rregolata mill-Artikolu 18 tal-Liġi Qafas Nru 153/2017 u tirrappreżenta parti waħda minn tnax ta’ żewġ pagi bażiċi minimi gross nazzjonali iggarantiti. Dan l-allowance tingħata pro rata għall-ħin tax-xogħol effettiv matul ix-xahar preċedenti fil-limitu previst fl-Artikolu 25(1) ta’ din il-liġi qafas, jiġifieri 30 % tas-salarji bażiċi.

97      Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-għoti tal-allowance tal-ikel lill-impjegati kkonċernati li kkonkludew, b’mod parallel, “kuntratt bażiku”, li jikkorrispondi għall-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u full-time, u kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat u part-time, isir billi jittieħed inkunsiderazzjoni biss ix-xogħol effettiv imwettaq fil-kuntest ta’ dan il-“kuntratt bażiku” u, konsegwentement, tas-“salarju bażiku” rċevut f’dan ir-rigward.

98      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn is-“salarju bażiku” tfisser “salarju relatat mal-kuntratt bażiku”, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li l-impjegati kkonċernati huma suġġetti għal trattament inqas favorevoli mill-impjegati b’kuntratt għal żmien indeterminat u full-time, peress li l-kalkolu tal-allowance tal-ikel la jinkludi x-xogħol effettiv imwettaq fil-kuntest tal-kuntratt għal żmien determinat u part-time u lanqas id-dħul irċevut f’dan ir-rigward.

99      Il-qorti tar-rinviju tindika li din id-differenza fit-trattament hija ġġustifikata mir-riferiment għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi d-dritt għall-allowance tal-ikel u tistabbilixxi livell massimu ta’ dan il-kumpens għal 30 % tas-salarji bażiċi, li normalment jintlaħaq fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ “kuntratt bażiku”.

100    Barra minn hekk, skont l-opinjoni kuntrarja fformulata fis-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza, li għaliha rreferiet il-qorti tar-rinviju, id-differenza fit-trattament inkwistjoni hija ġġustifikata mill-għan li tiġi żgurata nutrizzjoni bbilanċjata u, b’hekk, stat ta’ saħħa ottimali tal-impjegati. Skont din l-opinjoni, peress li l-impjegati kkonċernati jibbenefikaw mill-kumpens għall-ikel abbażi tal-“kuntratt bażiku”, huma ma jistgħux jibbenefikaw minnu wkoll abbażi tax-xogħol effettiv imwettaq fil-kuntest tal-kuntratt għal żmien determinat u part-time li jipprevedi remunerazzjoni fis-siegħa, peress li din l-allowance tingħata pro rata għall-ħin tax-xogħol effettiv li jkopri l-jum tax-xogħol u mhux is-sigħat maħduma.

101    Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punt 90 tas-sentenza preżenti, l-allowance tal-ikel inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi komponent tad-dħul mis-salarju fix-xahar imħallas indipendentement mill-ispejjeż effettivament sostnuti għall-ikel.

102    Hekk kif jirriżulta mill-punt 83 tas-sentenza preżenti, l-impjegati kkonċernati, bħala impjegati b’kuntratt għal żmien determinat u part-time, ma jistgħux jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-impjegati b’kuntratt għal żmien indeterminat u full-time, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

103    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-remunerazzjoni tal-ħaddiema part-time għandha tkun ekwivalenti għal dik tal-ħaddiema full-time, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ pro rata temporis stabbilit fil-punt 2 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Lufthansa CityLine, C‑660/20, EU:C:2023:789,, punt 53).

104    Fil-każ ineżami, l-impjegati kkonċernati ma jibbenefikawx mill-allowance tal-ikel bħala element ta’ remunerazzjoni tax-xogħol effettiv eżerċitat abbażi tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat u part-time peress li, hekk kif ġie indikat fil-punt 99 tas-sentenza preżenti, il-livell massimu tal-allowance tal-ikel normalment jintlaħaq fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ “kuntratt bażiku”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-prinċipju ta’ pro rata temporis stabbilit fil-punt 2 tal-klawżola 4 taż-żewġ ftehimiet qafas ma huwiex applikat b’mod korrett.

105    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll il-punt 1 tal-klawżoli 4 taż-żewġ ftehimiet qafas, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali u prattika nazzjonali li bis-saħħa tagħhom, fil-każ ta’ kumulu minn impjegat ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u full-time u ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat u part-time, li jipprevedi remunerazzjoni fis-siegħa, minn naħa, allowance tal-ikel tingħata lil dan l-impjegat ikkonċernat biss b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ħin ta’ xogħol effettiv imwettaq b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u full-time u, min-naħa l-oħra, l-ammont ta’ din l-allowance ma huwiex inkluż fil-kalkolu tar-remunerazzjoni dovuta għal-leave annwali mħallas.

 Fuq l-ispejjeż

106    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, moqri fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal‑15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC, kif ukoll il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-każ ta’ kumulu minn impjegat ta’ kuntratt għal żmien indeterminat u full-time u ta’ kuntratt għal żmien determinat u part-time li jipprevedi remunerazzjoni fis-siegħa, li r-remunerazzjoni dovuta lil dan l-impjegat għal-leave annwali mħallas ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ħin tax-xogħol effettiv u d-dħul irċevut fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ dan it-tieni kuntratt.

2)      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, konkluż fis‑6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 97/81, kif ukoll il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 1999/70,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali u prattika nazzjonali li bis-saħħa tagħhom, fil-każ ta’ kumulu minn impjegat ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u full-time u ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat u part-time, li jipprevedi remunerazzjoni fis-siegħa, minn naħa, allowance tal-ikel tingħata lil dan l-impjegat ikkonċernat biss b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ħin ta’ xogħol effettiv imwettaq b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u full-time u, min-naħa l-oħra, l-ammont ta’ din l-allowance ma huwiex inkluż fil-kalkolu tar-remunerazzjoni dovuta għal-leave annwali mħallas.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.