Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Ottubru 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2003/88/KE – Punt (1) tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘ħin tax-xogħol’ – Artikolu 6(b) – Ħin massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Ħin tax-xogħol tal-pumpiera – Ħin ta’ għassa (on-call) fuq il-post tax-xogħol mhux inkluż fil-ħin tax-xogħol – Dritt għal kumpens għal dannu morali eżerċitat kontra Stat Membru minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni – Kundizzjonijiet – Metodu ta’ kalkolu tal-kumpens għad-dannu mġarrab minħabba ksur tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 – Prinċipju ta’ ekwivalenza – Prinċipju ta’ effettività”

Fil-Kawża C‑808/24 [Zálečta] (i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Okresný súd Lučenec (il-Qorti Distrettwali ta’ Lučenec, is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Novembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Novembru 2024, fil-proċedura

M. R.

vs

Ministerstvo vnútra Slovenskej republiky,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, S. Gervasoni, A. Kumin, I. Ziemele (Relatriċi) u M. Bošnjak, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Slovakk, minn E. V. Larišová u A. Lukáčik, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Burke u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn D. Ryan, BL,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Recchia, A. Tokár u F. van Schaik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Marzu 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (1) tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn R., pumpier u membru tas-salvataġġ, u l-Ministerstvo vnútra Slovenskej republiky (il-Ministeru għall-Intern tar-Repubblika Slovakka) dwar il-kumpens għad-dannu morali allegatament imġarrab minn R. minħabba t-traspożizzjoni skorretta mir-Repubblika Slovakka tad-Direttiva 2003/88 fl-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat Membru.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punti 1 u 2 tiegħu:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.      ‘ħin tax-xogħol’ ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi;

2.      ‘perjodu ta’ serħan’ ifisser kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol”.

4        L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ħin massimu ta’ xogħol matul ġimgħa”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, skond il-ħtieġa tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema:

a)      il-perjodu tal-ħin tax-xogħol ta’ kull ġimgħa jkun limitat permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi jew bi ftehim kollettiv jew bi ftehim bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija;

b)      il-medja tal-ħin tax-xogħol għal kull perjodu ta’ sebat ijiem, inkluża s-sahra, ma tkunx teċċedi it‑48 siegħa.”

 Id‑dritt Slovakk

5        Skont l-Artikolu 85(1) taż-zákon č. 315/2001 Z. z. o Hasičskom a záchrannom zbore (il-Liġi Nru 315/2001 dwar il-Korp tal-Pumpiera u tas-Salvataġġ) tat‑2 ta’ Lulju 2001:

“Il-ħin tax-xogħol tal-membru [tal-korp tal-pumpiera u tas-salvataġġ] huwa l-perijodu li matulu huwa jwettaq l-attività tas-servizz pubbliku u jkun għad-dispożizzjoni tal-awtorità ta’ servizz pubbliku.”

6        L-Artikolu 86(2) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Fil-każ ta’ tqassim irregolari tal-ħin tax-xogħol, it-tul tal-ħin tas-servizz ma jistax jeċċedi it‑18‑il siegħa għal kull jum ta’ servizz. It-tul totali tal-eżekuzzjoni tal-attività tas-servizz pubbliku u tal-ħin ta’ għassa (on call) impost fuqhom immedjatament wara l-eżekuzzjoni tal-attività tas-servizz pubbliku fuq il-post tax-xogħol ma jistax jaqbeż l‑24 siegħa għal kull jum ta’ servizz.”

7        L-Artikolu 92(1) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“L-awtorità ta’ servizz pubbliku għandha tistabbilixxi, għall-membru [tal-korp tat-tifi tan-nar u tas-salvataġġ], il-ħin ta’ għassa (on-call) fil-kuntest tal-attività ta’ servizz pubbliku fil-post fejn titwettaq din l-attività, li jsegwi immedjatament it-twettiq tal-attività tas-servizz pubbliku skont l-Artikolu 86(2), fil-kuntest tat-tqassim tal-ħin ta’ servizz.”

8        L-Artikolu 122(3) tal-imsemmija liġi jistipula:

“Il-kumpens għall-ħin ta’ għassa (on call) […] ma jkunx dovut għall-ħin li matulu tkun twettqet attività tas-servizz pubbliku; l-attività ta’ servizz pubbliku mwettqa f’dawn iċ-ċirkustanzi hija attività li tagħti lok għal sahra.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        R., li huwa membru tal-korp tal-pumpiera u tas-salvataġġ tal-komun ta’ Lučenec (is-Slovakkja), iqis li, bi ksur tal-punt 1 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, il-ħin ta’ għassa (on-call) li huwa wettaq fuq il-post tax-xogħol tiegħu ma huwiex assimilat għal ħin tax-xogħol. Għaldaqstant, huwa jallega li ġarrab dannu morali minħabba t-traspożizzjoni skorretta ta’ dan il-punt 1 tal-Artikolu 2 fl-ordinament ġuridiku Slovakk, li kellha l-konsegwenza li l-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa kif iddefinit fl-imsemmi Artikolu 6 (b) ġie miksur fil-konfront tiegħu. Tali ksur ippreġudika b’mod partikolari d-dritt tiegħu għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tiegħu.

10      R. ippreżenta rikors quddiem l-Okresný súd Lučenec (il-Qorti Distrettwali ta’ Lučenec, is-Slovakkja), intiż għall-kumpens għad-dannu morali tiegħu minħabba ksur tad-dritt tiegħu għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tiegħu, tad-dritt tiegħu għal mistrieħ suffiċjenti wara x-xogħol u għall-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol. Min-naħa l-oħra, huwa ma talabx kumpens għas-sigħat ta’ għassa (on-call) mhux ikkalkolati fil-ħin tax-xogħol tiegħu, li wasslu sabiex jaqbeż il-limitu ta’ 48 siegħa previst fl-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 fir-rigward tal-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa.

11      Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2023, dik il-qorti kkonstatat li, bi ksur tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82), il-leġiżlazzjoni Slovakka kienet tipprevedi l-possibbiltà li ma jingħaddux, bħala ħin tax-xogħol, il-ħin ta’ għassa (on-call) imwettaq minn pompier kemm fuq il-post tax-xogħol tiegħu kif ukoll id-dar. F’dan ir-rigward, l-Okresný súd Lučenec (il-Qorti Distrettwali ta’ Lučenec) irrilevat li sabiex jinkiseb kumpens, ma kienx biżżejjed li l-ħin ta’ għassa (on-call) ma kienx ġie kkalkolat bħala ħin tax-xogħol, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88. Kien meħtieġ ukoll li l-ħin tax-xogħol, li jinkludi l-ħin ta’ għassa (on-call), jaqbeż il-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa previst fl-Artikolu 6(b) ta’ din id-direttiva.

12      Fuq dan il-punt, l-Okresný súd Lučenec (il-Qorti Distrettwali ta’ Lučenec) ikkonstatat li, matul il-perijodu ta’ referenza kkonċernat, ta’ sitt xhur, it-tul tal-ħin tax-xogħol ta’ R., li jinkludi l-ħin ta’ għassa (on-call) imwettaq minnu, kien jaqbeż bi 28 jum in-numru ta’ jiem ta’ xogħol li setgħu jitwettqu matul dan il-perijodu, u dan bi ksur tal-Artikolu 6(b) tal-imsemmija direttiva, u li dan il-qbiż kellu oġġettivament effett fuq il-ħajja privata u tal-familja ta’ R.

13      Konsegwentement, dik il-qorti ordnat lir-Repubblika Slovakka tħallas lil R. kumpens għad-dannu morali tiegħu, ikkalkolat b’teħid inkunsiderazzjoni, minn naħa, tal-portata tal-imsemmi qbiż u, min-naħa l-oħra, tat-telf tat-tama ta’ emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, fid-dawl tal-assenza ta’ tali emenda minkejja l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82).

14      Il-Ministeru għall-Intern tar-Repubblika Slovakka appella minn dik is-sentenza quddiem il-Krajský súd v Banskej Bystrici (il-Qorti Reġjonali ta’ Banská Bystrici, is-Slovakkja) li, permezz ta’ digriet tat‑30 ta’ Mejju 2024, annullat l-imsemmija sentenza għar-raġuni li l-Okresný súd Lučenec (il-Qorti Distrettwali ta’ Lučenec) kienet tat deċiżjoni ultra petita, peress li, quddiem dik il-qorti, R. la kien invoka dritt ibbażat fuq it-telf tat-tama ta’ emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u lanqas tad-dritt għall-kumpens għad-dannu morali marbut man-numru ta’ sigħat maħduma lil hinn mil-limitu stabbilit fl-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88. Fil-fatt, R. invoka biss li ġarrab dannu morali, b’mod partikolari minħabba l-assenza ta’ kontabbiltà, bħala ħin tax-xogħol, tal-ħin ta’ għassa (on-call) li huwa kien wettaq matul il-perijodu kkonċernat. Barra minn hekk, il-Krajský súd v Banskej Bystrici (il-Qorti Reġjonali ta’ Banská Bystrica) qieset li d-dannu morali kkawżat mill-inkompatibbiltà bejn id-dritt nazzjonali u l-punt (1) tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva kellu jagħti lok għal kumpens mingħajr il-ħtieġa li jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 6(b) tal-imsemmija direttiva.

15      Il-Krajský súd v Banskej Bystrici (il-Qorti Reġjonali ta’ Banská Bystrica) bagħtet il-kawża lura quddiem l-Okresný súd Lučenec (il-Qorti Distrettwali ta’ Lučenec), li hija l-qorti tar-rinviju, li għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88. Dik il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk, kif jidher li ammettiet il-Krajský súd v Banskej Bystrici (il-Qorti Reġjonali ta’ Banská Bystrica), huwiex biżżejjed, sabiex R. jikseb kumpens għad-dannu morali tiegħu, li l-ħin ta’ għassa (on-call) tiegħu ma jkunx ġie kkalkolat bħala ħin tax-xogħol, bi ksur tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, jew jekk huwiex neċessarju li l-limitu ta’ 48 siegħa matul perijodu ta’ sebat ijiem previst fl-Artikolu 6(b) ta’ din id-direttiva jkun ġie miksur ukoll.

16      Skont il-qorti tar-rinviju, il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 jinkludi biss definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, filwaqt li l-Artikolu 6(b) ta’ din id-direttiva jipprevedi espliċitament projbizzjoni li jinqabżu l-limiti stabbiliti fir-rigward tal-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa, fis-sens li dan il-kunċett huwa ddefinit. Għalhekk, dik il-qorti tqis li dritt għal kumpens għall-persuni kkonċernati jeżisti biss fil-każ ta’ ksur ta’ dan l-Artikolu 6(b), moqri flimkien ma’ dan il-punt 1 tal-Artikolu 2, u mhux fil-każ ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar meħuda b’mod iżolat.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Okresný súd Lučenec (il-Qorti Distrettwali ta’ Lučenec) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-fatt li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-ħin tal-għassa ta’ impjegat ma jingħaddx bħala parti mill-ħin tax-xogħol tiegħu, bi ksur tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-[Direttiva 2003/88] jagħti dritt għal kumpens fil-konfront tal-Istat Membru minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma jkun intwera ksur fl-istess ħin tal-Artikolu 6(b) ta’ din id-direttiva fil-każ tal-istess impjegat?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, sabiex tiddetermina l-ammont ta’ kumpens xieraq, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-numru ta’ sigħat tal-għassa li, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, ma kinux ġew inklużi fil-ħin tax-xogħol tal-impjegat, jew inkella l-ammont tal-kumpens mitlub mingħand l-Istat Membru għandu jiġi stabbilit skont it-tul tal-ksur li jikkonsisti fl-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li l-ħin tal-għassa ma jingħaddx bħala parti mill-ħin tax-xogħol tal-impjegat, bi ksur tad-Direttiva 2003/88?

3)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv [għall-ewwel domanda], sabiex tiddetermina l-ammont ta’ kumpens xieraq, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-numru ta’ sigħat li wasslu għal ksur tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, jew inkella l-ammont tal-kumpens mitlub mingħand l-Istat Membru għandu jiġi stabbilit b’rabta mat-tul tal-ksur li jikkonsisti fl-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li l-ħin tal-għassa ma jiġix inkluż fil-ħin tax-xogħol tal-impjegat, bi ksur tad-Direttiva 2003/88?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

18      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu huwa inerenti għas-sistema tat-trattati li fuqhom din tal-aħħar hija bbażata (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 35, kif ukoll tat‑8 ta’ Settembru 2026, , C‑293/24, EU:C:2026:723, punt 42).

19      Dan il-prinċipju japplika għal kull każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru, irrispettivament mill-korp tal-Istat Membru li tiegħu l-azzjoni jew l-ommissjoni hija l-oriġini ta’ dan il-ksur, inkluż il-leġiżlatur nazzjonali, u irrispettivament mill-awtorità pubblika li għandha bħala prinċipju, skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, l-oneru li tikkumpensa l-imsemmija danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punti 32 u 63, kif ukoll tat‑28 ta’ Ġunju 2022, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Ksur tad-dritt tal-Unjoni mil-leġiżlatur), C‑278/20, EU:C:2022:503, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li l-individwi li sofrew danni għandhom dritt għal kumpens ladarba jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, li huma li r-regola tad-dritt tal-Unjoni miksura jkollha l-għan li tagħtihom drittijiet, li l-ksur ta’ din ir-regola jkun suffiċjentement serju u li jkun hemm rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-danni mġarrba minn dawn l-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 51, kif ukoll tat‑8 ta’ Settembru 2026, Ferreira da Silva e Brito et, C‑293/24, EU:C:2026:723, punt 44).

21      Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma neċessarji u suffiċjenti sabiex l-individwi jingħataw dritt għal kumpens, mingħajr, madankollu, ma jiġi eskluż li r-responsabbiltà tal-Istat tista’ tiġi stabbilità taħt kundizzjonijiet inqas restrittivi abbażi tad-dritt nazzjonali (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2022, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Ksur tad-dritt tal-Unjoni mil-leġiżlatur), C‑278/20, EU:C:2022:503, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Bla ħsara għad-dritt għal kumpens li għalhekk huwa bbażat direttament fuq id-dritt tal-Unjoni sakemm it-tliet kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 20 ta’ din is-sentenza jiġu ssodisfatti, huwa fil-kuntest tad-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà li l-Istat għandu jikkumpensa l-konsegwenzi tad-dannu kkawżat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw talbiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jkunux ġestiti b’mod li jrendu l-ksib tal-kumpens impossibbli jew eċċessivament diffiċli fil-prattika (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2022, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Ksur tad-dritt tal-Unjoni mil-leġiżlatur), C‑278/20, EU:C:2022:503, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Huwa fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 18 sa 22 ta’ din is-sentenza li jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ewwel domanda

24      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li għandu l-għan li jagħti drittijiet lill-individwi, b’tali mod li l-ksur tiegħu minn Stat Membru jista’ jagħti lil dawn tal-aħħar dritt għal kumpens, abbażi tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ minn dawn tal-aħħar li juru l-ksur konkomitanti tal-Artikolu 6(b) ta’ din id-direttiva.

25      Fl-ewwel lok, il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” bħala “kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi”. Skont il-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “perjodu ta’ serħan” huwa ddefinit bħala “kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol”.

26      Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li l-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u ta’ “perijodu ta’ serħan”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, jikkostitwixxu kunċetti tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu ddefiniti skont karatteristiċi oġġettivi, filwaqt li jsir riferiment għas-sistema u għall-iskop ta’ din id-direttiva, intiża sabiex tistabbilixxi rekwiżiti minimi maħsuba sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema. Fil-fatt, hija biss tali interpretazzjoni awtonoma li hija ta’ natura li tiżgura li din id-direttiva ikollha l-effikaċja sħiħa kif ukoll applikazzjoni uniformi ta’ dawn il-kunċetti fl-Istati Membri kollha (sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2025, STAS‑IV, C‑110/24, EU:C:2025:768, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 ma jinsabx fost id-dispożizzjonijiet tagħha li hija permessa deroga minnhom (sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2025, STAS‑IV, C‑110/24, EU:C:2025:768, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” jikkostitwixxi wieħed mill-kunċetti fundamentali li fuqhom huma bbażati d-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 2003/88, u li l-konformità tad-dritt nazzjonali mad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett hija indispensabbli għall-applikazzjoni korretta ta’ dan il-grupp ta’ dispożizzjonijiet.

29      Madankollu, mill-formulazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva ma jistax jiġi dedott li din id-dispożizzjoni għandha, fiha nnifisha, l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, b’tali mod li l-ksur tagħha minn Stat Membru jista’ jagħti lill-individwi dritt għal kumpens minn dan l-Istat Membru minħabba dan il-ksur. Fil-fatt, l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, bħalma jindika t-titolu tiegħu, sempliċement jiddefinixxi, fil-punt 1 tiegħu, il-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” għall-finijiet tal-istess direttiva, bħala li jindika “kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi”, mingħajr ma jinkludi għoti tad-drittijiet lill-individwi jew obbligi pożittivi jew negattivi fuq l-individwi, l-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2024, Kočner vs Europol (C‑755/21 P, EU:C:2024:202, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Għaldaqstant, jidher li, fil-każ ta’ ksur tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 biss, l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat Membru msemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza ma hijiex issodisfatta.

31      Madankollu, għandu jitfakkar, għal kull fini utli, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-Unjoni bl-ebda mod ma jeskludi li r-responsabbiltà tal-Istat għal ksur ta’ dan id-dritt tista’ tiġi stabbilita f’kundizzjonijiet inqas restrittivi abbażi tad-dritt nazzjonali (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 66), aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju f’dan il-każ.

32      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma għandux l-għan li jagħti drittijiet lill-individwi, b’tali mod li l-ksur tiegħu minn Stat Membru ma jistax jagħti lil dawn tal-aħħar dritt għal kumpens abbażi tad-dritt tal-Unjoni.

 Fuq it-tieni domanda

33      Peress li t-tieni domanda saret mill-qorti tar-rinviju fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għaliha.

 Fuq it-tielet domanda

34      Permezz tat-tielet domanda tagħha, li saret fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kumpens, mill-Istati Membri, għad-danni morali li dawn ikkawżaw lill-individwi minħabba ksur ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi ddeterminat, konformement mad-dritt nazzjonali, billi jittieħed inkunsiderazzjoni n-numru ta’ sigħat imwettqa lil hinn mil-limitu previst fl-imsemmija dispożizzjoni jew it-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata ma tipprevedix il-kontabbiltà tal-ħin ta’ għassa (on-call) bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

35      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat, imfakkra fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, humiex issodisfatti f’dan il-każ.

36      F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat, jiġifieri li r-regola tad-dritt tal-Unjoni miksura għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 jikkostitwixxi regola tad-dritt soċjali tal-Unjoni li tagħti lill-individwi drittijiet li jistgħu jinvokaw direttament quddiem il-qrati nazzjonali, għar-raġuni li jimponi fuq l-Istati Membri limitu massimu fir-rigward tal-ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa li minnu għandu jibbenefika kull ħaddiem bħala rekwiżit minimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 100, kif ukoll tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C‑429/09, EU:C:2010:717, punti 49 u 50).

37      Għalhekk, bil-kundizzjoni li R. ikun ibbaża r-rikors tiegħu mhux biss fuq ksur tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 iżda wkoll fuq ksur tal-Artikolu 6(b) tagħha, kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tar-Repubblika Slovakka hija ssodisfatta.

38      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kriterju deċiżiv sabiex jitqies li ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa suffiċjentement serju huwa dak ta’ ksur manifest u gravi tal-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni li tinkludi r-regola miksura. Meta l-awtorità kkonċernata jkollha biss marġni ta’ evalwazzjoni kunsiderevolment imnaqqsa, jekk mhux ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dan id-dritt. L-evalwazzjoni li għandha ssir teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-qasam, il-kundizzjonijiet u l-kuntest li fihom l-obbligu inkwistjoni jaqa’ fuq l-awtorità kkonċernata. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola miksura kif ukoll il-portata tal-marġni ta’ evalwazzjoni li din ir-regola tħalli lill-awtorità kkonċernata, il-kumplessità tas-sitwazzjoni li għandha tiġi solvuta u d-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tat-testi (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2024, Kočner vs Europol, C‑755/21 P, EU:C:2024:202, punti 126 sa 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Fi kwalunkwe każ, ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu jitqies bħala suffiċjentement serju meta dan jitwettaq bi ksur manifest tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 52, kif ukoll, f’dan is-sens, sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Minister for Children, Equality, Disability, Integration and Youth et, C‑97/24, EU:C:2025:594, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Mill-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li l-ħin ta’ għassa (on-call) imwettaq minn R. għall-perijodu inkwistjoni, inkluż bejn l‑1 ta’ Awwissu 2020 u t‑30 ta’ Ġunju 2023 ma kienx ikkunsidrat bħala “ħin ta’ servizz”, fis-sens tad-dritt Slovakk. Minn dik id-deċiżjoni jsegwi wkoll li, matul il-perijodu ta’ referenza kkonċernat, ta’ sitt xhur, it-tul tal-ħin tax-xogħol ta’ R. kien qabeż it-tul massimu ta’ 48 siegħa fuq perijodu ta’ sebat ijiem, previst fl-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

41      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, matul il-perijodu mill‑1 ta’ Awwissu 2020 sat‑30 ta’ Ġunju 2023, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar, kienet diġà stabbilita sew. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari ddeċidiet li “l-attivitajiet eżerċitati mill-forzi ta’ intervent tas-servizz pubbliku tal-pompieri [...] jaqgħu taħt il‑kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, b’mod li, bħala regola, l‑Artikolu 6(b) tal‑imsemmija direttiva jipprekludi li jinqabeż il-limitu ta’ 48 siegħa stabbilit bħala ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa, inklużi s-servizzi ta’ emerġenza” (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 57)

42      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll, bħalma huwa msemmi fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, li jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u ta’ “perijodu ta’ serħan” ma jinsabx fost id-dispożizzjonijiet tagħha li minnhom tista’ ssir deroga (sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras, C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑9 ta’ Ottubru 2025, STAS‑IV, C‑110/24, EU:C:2025:768, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Jekk ikun jidher, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 41 u 42 ta’ din is-sentenza, li n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Awwissu 2020 u t‑30 ta’ Ġunju 2023 seħħ bi ksur manifest tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni tkun stabbilita.

44      Konsegwentement, it-tieni kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, tkun issodisfatta.

45      Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, bħalma jidher li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, teżistix rabta kawżali bejn il-qbiż tal-ħin tax-xogħol previst fl-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 u d-dannu morali li R. jitlob kumpens għalih.

46      Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ kumpens għad-dannu morali subit minħabba l-ksur tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li d-Direttiva 2003/88 ma tinkludi ebda regola partikolari fir-rigward tal-kumpens għad-dannu potenzjalment imġarrab mill-ħaddiema minħabba ksur tar-rekwiżiti minimi stabbiliti minnha, b’mod partikolari fir-rigward tat-tul tal-ħin tax-xogħol . Konsegwentement, mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma jistax jiġi dedott li hija tiffavorixxi forma ta’ kumpens meta mqabbla ma’ oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C‑429/09, EU:C:2010:717, punti 44, 96 u 98, kif ukoll tal‑20 ta’ Ġunju 2024, Artemis security, C‑367/23, EU:C:2024:529, punti 26 u 27).

47      It-tieni, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa fil-qafas tad-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà li l-Istat għandu jikkumpensa l-konsegwenzi tad-dannu kkawżat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw talbiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jkunux ġestiti b’mod li jrendu l-kisba tal-kumpens impossibbli jew eċċessivament diffiċli fil-prattika (prinċipju ta’ effettività) (sentenzi tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 62, u tat‑28 ta’ Ġunju 2022, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Ksur tad-dritt tal-Unjoni mil-leġiżlatur), C‑278/20, EU:C:2022:503, punti 176 sa 184).

48      It-tielet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu jkun adegwat fir-rigward tad-dannu mġarrab u ta’ natura li jiżgura protezzjoni effettiva tad-drittijiet tagħhom (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 92).

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma l-Istati Membri li għandhom, b’osservanza ta’ dawn il-prinċipji, minn naħa, jiddeterminaw jekk il-kumpens għad-dannu kkawżat lil individwu minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 għandux jieħu l-forma ta’ kumpens finanzjarju u, min-naħa l-oħra, jiddefinixxu r-regoli li jirrigwardaw il-metodu ta’ kalkolu ta’ dan il-kumpens (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 94).

50      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-modalitajiet tal-kumpens, mill-Istati Membri, għad-danni li huma kkawżaw lill-individwi minħabba ksur tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, dawn għandhom jiġu ddeterminati, konformement mad-dritt nazzjonali, mhux skont it-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata ma tipprevedix il-kontabbiltà tal-ħin ta’ għassa (on-call) bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, iżda skont id-dannu effettivament u konkretament imġarrab mill-individwi kkonċernati b’rabta kawżali diretta mal-ksur tal-Artikolu 6(b) tal-imsemmija direttiva u fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

51      F’dan il-każ, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-numru ta’ sigħat maħduma lil hinn mil-limitu previst fl-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, li jista’ jkollu effett fuq il-ħajja privata u tal-familja ta’ R., bħalma jsegwi mid-deċiżjoni tar-rinviju.

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kumpens, mill-Istati Membri, għad-danni morali li huma kkawżaw lill-individwi bil-ksur ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi ddeterminat konformement mad-dritt nazzjonali mhux skont it-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata ma tipprevedix il-kontabbiltà tal-ħin ta’ għassa (on-call) bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, iżda skont id-dannu effettivament u konkretament subit mill-individwi kkonċernati b’rabta kawżali diretta mal-ksur tal-Artikolu 6(b) tal-imsemmija direttiva u fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

 Fuq l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma għandux l-għan li jagħti drittijiet lill-individwi, b’tali mod li l-ksur tiegħu minn Stat Membru ma jistax jagħti lil dawn tal-aħħar dritt għal kumpens abbażi tad-dritt tal-Unjoni.

2)      L-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-kumpens, mill-Istati Membri, għad-danni morali li huma kkawżaw lill-individwi bil-ksur ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi ddeterminat konformement mad-dritt nazzjonali mhux skont it-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata ma tipprevedix il-kontabbiltà tal-ħin ta’ għassa (on-call) bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, iżda skont id-dannu effettivament u konkretament subit mill-individwi kkonċernati b’rabta kawżali diretta mal-ksur tal-Artikolu 6(b) tal-imsemmija direttiva u fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.