|
9.4.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 123/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/576
tat-30 ta’ Novembru 2020
li jemenda l-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 biex jinkludi lir-Repubblika tal-Użbekistan fost il-pajjiżi li jibbenefikaw minn preferenzi tariffarji skont l-SPĠ+
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jistabbilixxi kriterji ta’ eliġibilità speċifiċi għall-għoti ta’ preferenzi tariffarji skont l-arranġament ta’ inċentiv speċjali għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba (SPĠ+) lil pajjiż rikjedenti. Għal dan il-għan, il-pajjiż għandu jitqies bħala vulnerabbli. Huwa għandu jkun irratifika l-konvenzjonijiet kollha elenkati fl-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 u l-aktar konklużjonijiet reċenti disponibbli tal-korpi ta’ monitoraġġ rilevanti ma għandhomx jidentifikaw nuqqas serju fl-implimentazzjoni effettiva ta’ xi waħda minn dawn il-konvenzjonijiet. Fir-rigward ta’ kwalunkwe waħda mill-konvenzjonijiet rilevanti, il-pajjiż ma għandux ikun ifformula riżerva li hija pprojbita mill-konvenzjoni jew li, għall-finijiet esklussivi tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, titqies inkompatibbli mal-għan u l-fini ta’ din il-konvenzjoni. Huwa għandu jaċċetta mingħajr riżerva l-obbligi ta’ rapportar imposti minn kull konvenzjoni u jagħti l-impenji vinkolanti msemmijin fil-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012. |
|
(2) |
Pajjiż benefiċjarju tal-SPĠ li jixtieq jibbenefika mill-SPĠ+ ikollu jagħmel talba flimkien ma’ informazzjoni komprensiva li tikkonċerna r-ratifika tal-konvenzjonijiet rilevanti, ir-riżervi tiegħu u l-oġġezzjonijiet għal dawn ir-riżervi magħmula minn partijiet oħra għall-konvenzjoni, u l-impenji obbligatorji tiegħu. |
|
(3) |
Fid-9 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni rċeviet talba għal SPĠ+ mir-Repubblika tal-Użbekistan. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni eżaminat it-talba u stabbiliet li r-Repubblika tal-Użbekistan tissodisfa l-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012. Għalhekk ir-Repubblika tal-Użbekistan għandha tingħata SPĠ+ u l-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 għandu jiġi emendat skont dan. |
|
(5) |
Il-Kummissjoni se tibqa’ tirrieżamina l-istatus ta’ ratifika tal-konvenzjonijiet rilevanti u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom mir-Repubblika tal-Użbekistan, kif ukoll il-kooperazzjoni tar-Repubblika tal-Użbekistan mal-korpi ta’ monitoraġġ rilevanti, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, il-pajjiż li ġej u l-kodiċi alfabetiċi korrispondenti jiddaħħlu taħt il-kolonni A u B, rispettivament:
|
“UZ |
Ir-Repubblika tal-Użbekistan” |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN