|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2240 |
6.10.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/2240
tal-24 ta’ Settembru 2026
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, dwar emenda għall-Anness XX (L-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE (CBAM)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (il-“Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jemenda, fost oħrajn, l-Anness XX (L-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE. |
|
(3) |
Ir-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u r-Regolament (UE) 2025/2083 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jenħtieġ li jiġu inkorporati fil-Ftehim ŻEE. |
|
(4) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness XX (L-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat kif xieraq. |
|
(5) |
Għalhekk huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Anness XX (L-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Anness XX (L-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Settembru 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
P. BURKE
(1) ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1994/2894/oj.
(2) ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1994/1/oj.
(3) Ir-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 52, ELI http://data.europa.eu/eli/reg/2023/956/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2025/2083 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ottubru 2025 li jemenda r-Regolament (UE) 2023/956 fir-rigward tas-simplifikazzjoni u tat-tisħiħ tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri, (ĠU L, 2025/2083, 17.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2083/oj).
ABBOZZ
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru …/…
ta’ …
li temenda l-Anness XX (L-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE
IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-“Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (is-“‘CBAM’”) (1) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2025/2083 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ottubru 2025 li jemenda r-Regolament (UE) 2023/956 fir-rigward tas-simplifikazzjoni u tat-tisħiħ tas-CBAM (2) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE. |
|
(3) |
Filwaqt li r-Regolament (UE) 2023/956 jippresupponi l-użu ta’ data u sistemi doganali fl-Unjoni Doganali tal-UE li huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE, il-Partijiet Kontraenti jirrikonoxxu l-ħtieġa li l-Istati tal-EFTA jimpenjaw ruħhom li jadattaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom biex jiżguraw li s-CBAM jopera b’mod uniformi fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha. |
|
(4) |
Għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/956 b’mod omoġenju fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha, id-determinazzjoni tal-oriġini tal-merkanzija u l-klassifikazzjoni tal-merkanzija li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/956 iridu jiġu allinjati fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha. Fl-Unjoni, id-determinazzjoni tal-oriġini tal-merkanzija u l-klassifikazzjoni tal-merkanzija huma definiti f’konformità mar-regoli tal-oriġini mhux preferenzjali kif imsemmi fl-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, u l-kodiċijiet NM elenkati fin-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u tal-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni. L-Istati tal-EFTA għandhom, meta jimplimentaw ir-Regolament (UE) 2023/956 fil-leġiżlazzjoni nazzjonali rispettiva tagħhom, jadottaw regoli korrispondenti li għandhom ikunu sostanzjalment identiċi mar-regoli applikabbli fl-Unjoni, filwaqt li jiżguraw omoġeneità sħiħa fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha. L-Unjoni għandha tinnotifika lill-Istati tal-EFTA bi kwalunkwe bidla fir-regoli dwar l-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija, il-kodiċijiet NM u s-subdiviżjonijiet addizzjonali Taric, rilevanti għad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/956. L-Istati tal-EFTA għandhom jiżguraw li r-regoli tal-oriġini mhux preferenzjali u l-klassifikazzjoni tal-merkanzija rilevanti għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/956 fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom jikkorrispondu kontinwament għar-regoli applikabbli fl-Unjoni u jiżguraw applikazzjoni uniformi u simultanja ta’ dawk ir-regoli. F’konformità mal-Artikolu 109(1) tal-Ftehim ŻEE, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA timmonitorja t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/956 fl-Istati tal-EFTA kif meħtieġ biex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha. |
|
(5) |
Id-dħul mill-bejgħ taċ-ċertifikati tas-CBAM lid-dikjaranti tas-CBAM stabbiliti fl-Istati tal-EFTA għandu jakkumula għall-Istati tal-EFTA. |
|
(6) |
Il-Partijiet Kontraenti jirrikonoxxu l-importanza tal-iskambju effiċjenti u awtomatiku ta’ informazzjoni sabiex jissodisfaw l-obbligi skont ir-Regolament (UE) 2023/956 u jipprevedu implimentazzjoni kif previst minn dak ir-Regolament u jaqblu li jikkooperaw fi skambji effiċjenti ta’ data. L-awtoritajiet doganali tal-Istati tal-EFTA għandhom jirrapportaw id-data doganali meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi skont ir-Regolament (UE) 2023/956 lir-Reġistru tas-CBAM, f’format identiku għal dak użat mill-Istati Membri tal-UE skont l-Anness 21-03 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447. |
|
(7) |
Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità ġiet inkorporata fil-Ftehim ŻEE bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 146/2007. L-Artikolu 25 ta’ dik id-Direttiva, kif inkorporat fil-Ftehim ŻEE fil-punt 21al, tal-Anness XX tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, jikkostitwixxi l-bażi legali għall-konklużjoni tal-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 2(6), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2023/956. Il-premessa 17 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 146/2007, li tikkonċerna n-nondiskriminazzjoni tal-Istati tal-EFTA u l-operaturi tagħhom, tapplika wkoll għall-applikazzjoni ta’ tali ftehimiet skont ir-Regolament (UE) 2023/956. |
|
(8) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness XX tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Dan li ġej jiddaħħal wara l-punt 21azt (id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3098) tal-Anness XX tal-Ftehim dwar iż-ŻEE:
|
“21azu. |
32023 R 0956: Ir-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 52), kif emendat bi:
Ir-Regolament, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, għandu jinqara bl-adattamenti li ġejjin:
|
Artikolu 2
It-testi tar-Regolamenti (UE) 2023/956 u (UE) 2025/2083 bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li għandhom jiġu ppubblikati fis-Suppliment dwar iż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi […] jew fl-14-il jum ta’ wara l-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*1), skont liema minnhom jiġi l-aħħar.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.
Magħmul fi Brussell, […].
Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-President
Is-Segretarji
Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
(1) ĠU L 130, 16.5.2023, p. 52.
(2) ĠU L, 2025/2083, 17.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2083/oj
(*1) [Mhuwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]
Dikjarazzjoni mill-Iżlanda u n-Norveġja għad-Deċiżjoni Nru xx/2026 [din id-deċiżjoni] li tinkorpora r-Regolament (UE) 2023/956 fil-Ftehim ŻEE
Ir-Regolament (UE) 2023/956 japplika għall-merkanzija miġjuba fi gżira artifiċjali, struttura fissa jew li żżomm f’wiċċ l-ilma, jew kwalunkwe struttura oħra fuq il-blata kontinentali jew fiż-żona ekonomika esklużiva. Huwa mfakkar li l-inkorporazzjoni ta’ atti b’tali applikazzjoni eċċezzjonali fil-Ftehim ŻEE hija mingħajr preġudizzju għall-fehim li l-Ftehim ŻEE japplika f’konformità mal-Artikolu 126 għat-territorji tal-Istati tal-EFTA.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2240/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)