SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
1 ta’ Awwissu 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Artikolu 6 – Oneru tal-prova tal-ħtija tal-persuna akkużata – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali – Akkuża rtirata parzjalment mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku waqt is-seduta – Obbligu għall-qorti li tagħti deċiżjoni dwar l-elementi tal-att ta’ akkuża li ma nżammux waqt is-seduta”
Fil-Kawża C‑404/24 [Dimnev] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Ġunju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Ġunju 2024, fil-proċedura kriminali kontra
KP,
fil-preżenza ta’:
Sofiyska gradska prokuratura
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, S. Rodin, N. Piçarra, O. Spineanu-Matei u N. Fenger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal KP, minn D. L. Kamenova, advokat, |
|
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. Bulterman u C. Schillemans, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier u I. Zaloguin, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1), kif ukoll tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura kriminali kontra KP, li huwa akkużat bil-pussess u bid-distribuzzjoni ta’ prodotti narkotiċi. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 22 u 23 tad-Direttiva 2016/343 jiddikjaraw:
|
|
4 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Preżunzjoni tal-innoċenza”, huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jitqiesu innoċenti sa meta jinstabu ħatja skont il-liġi.” |
|
5 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Oneru tal-prova”, jipprovdi; “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oneru tal-prova għad-determinazzjoni tal-ħtija tal-persuni suspettati jew akkużati jaqa’ fuq il-prosekuzzjoni. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu fuq l-imħallef jew il-qorti kompetenti li jfittxu evidenza kemm inkriminanti kif ukoll li tiskaġuna, u għad-dritt tad-difiża li tippreżenta evidenza skont il-liġi nazzjonali applikabbli. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe dubju dwar il-ħtija jkun għall-benefiċċju tal-persuna suspettata jew akkużata, inkluż fejn il-qorti tivvaluta jekk il-persuna kkonċernata għandhiex tiġi assolta.” |
Id-dritt Bulgaru
|
6 |
Skont l-Artikolu 14(1) tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-proċedura fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NPK”): “Il-qorti [għandha] tieħu d-deċiżjonijiet tagħha skont il-konvinzjoni tagħha stess […].” |
|
7 |
L-Artikolu 27(1) tan-NPK jipprevedi: “Wara l-preżentata mill-prosekutur tal-att ta’ akkuża, […] il-qorti għandha l-kontroll tal-proċedura u tiddeċiedi l-kwistjonijiet kollha relatati mal-kawża.” |
|
8 |
L-Artikolu 46 tan-NPK jipprovdi: “(1) Il-prosekutur għandu jressaq u jsostni l-akkuża għar-reati suġġetti għal prosekuzzjoni ex officio. (2) Fit-twettiq tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1, il-prosekutur: […] 3. jipparteċipa fil-proċedura ġudizzjarji bħala l-parti li tmexxi l-azzjoni pubblika; […]” |
|
9 |
L-Artikolu 246 tan-NPK jipprovdi: “(1) Il-prosekutur għandu jfassal l-att ta’ akkuża meta jkun konvint li jkunu nġabru l-provi neċessarji […] sabiex titressaq l-akkuża quddiem il-qorti […]. (2) Il-parti fattwali tal-att ta’ akkuża għandha tindika […] ir-reat kriminali mwettaq mill-persuna akkużata […]. (3) Id-dispożittiv tal-att ta’ akkuża għandu jindika […] il-klassifikazzjoni legali tal-fatt […]. […]” |
|
10 |
L-Artikolu 293 tan-NPK huwa fformulat kif ġej: “Id-dikjarazzjoni tal-prosekutur li l-proċedura kriminali għandha tingħalaq jew li tingħata sentenza ta’ liberazzjoni ma teżentax lill-qorti mill-obbligu tagħha li tagħti deċiżjoni skont il-konvinzjoni tagħha stess.” |
|
11 |
Skont l-Artikolu 301(1) tan-NPK: “Meta tagħti s-sentenza, il-qorti għandha teżamina u tiddeċiedi l-kwistjonijiet li ġejjin:
[…]” |
Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
12 |
Is-Sofiyska gradska prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) akkuża lil KP li, fil‑21 ta’ Mejju 2022, biegħ lil terz pakkett li kien fih 0.67 grammi ta’ marijuana u żamm, f’żewġ postijiet differenti, għall-finijiet ta’ distribuzzjoni, żewġ pakketti oħra li kien fihom 1.61 gramma u 0.5 grammi ta’ marijuana. |
|
13 |
Fl-att ta’ akkuża, dawn it-tliet fatti ġew ikklassifikati minn dan l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, abbażi tal-Artikolu 354a(1) tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali), bħala distribuzzjoni ta’ prodott narkotiku, għall-ewwel fatt, u bħala pussess ta’ prodott narkotiku għal finijiet ta’ distribuzzjoni, għaż-żewġ fatti l-oħra. Dawn it-tliet reati nġabru f’reat wieħed ikklassifikat bħala “repetut”, previst fl-Artikolu 26(1) tal-Kodiċi Kriminali, li huwa punibbli bi priġunerija ta’ bejn sentejn u tmien snin kif ukoll b’multa ta’ bejn 5000 u 20000 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 2500 u EUR 10000). |
|
14 |
Is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), li quddiemha tressqet il-kawża u li hija l-qorti tar-rinviju, eżaminat il-kawża u semgħet lill-partijiet fis-seduta b’osservanza, skont dik il-qorti, tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tad-drittijiet tad-difiża. F’dan il-kuntest, KP iddikjara li kellu fil-pussess tiegħu t-tliet pakketti bi prodotti narkotiċi għall-użu personali tiegħu u li ma kienx biegħ tali prodotti. |
|
15 |
Matul is-seduta, wara l-fażi tal-ġbir tal-provi, il-prosekutur qies li KP kellu fil-pussess tiegħu t-tliet pakketti tal-marijuana għall-użu personali tiegħu. Għaldaqstant, il-prosekutur irrinunzja għal ċerti elementi tal-akkuża, jiġifieri l-bejgħ tal-ewwel pakkett lil terz u l-intenzjoni tad-distribuzzjoni għaż-żewġ pakketti l-oħra. Għaldaqstant, huwa talab il-ħelsien tal-akkużat fir-rigward ta’ dawn l-elementi u l-kundanna tiegħu għar-reat previst fl-Artikolu 354a(3) tal-Kodiċi Kriminali, jiġifieri l-pussess ta’ prodotti narkotiċi, punibbli bi priġunerija ta’ bejn sena u sitt snin kif ukoll b’multa ta’ bejn BGN 2000 u BGN 10000 (madwar EUR 1000 u EUR 5000). L-avukat ta’ KP, min-naħa tiegħu, talab li dan jiġi lliberat mill-akkuża minħabba ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali li allegatament twettaq waqt il-ġbir tal-provi matul il-fażi preliminari tal-proċedura kriminali. |
|
16 |
Il-qorti tar-rinviju taqbel mal-pożizzjoni tal-prosekutur f’dak li jirrigwarda l-aġir tal-akkużat b’rabta mat-tieni u mat-tielet pakkett tal-marijuana, iżda tqis, abbażi tal-analiżi tagħha stess tal-provi miġbura, li l-aġir ta’ KP b’rabta mal-ewwel pakkett jikkorrispondi għar-reat previst mill-Artikolu 354a(1) tal-Kodiċi Kriminali, jiġifieri d-distribuzzjoni ta’ prodotti narkotiċi, peress li KP għadda dan il-pakkett lil terz wara li xtrah bi ftehim komuni u bi spejjeż kondiviżi ma’ din il-persuna. Għaldaqstant, din il-qorti tqis li hemm lok li tingħata kundanna għal dan ir-reat. |
|
17 |
L-imsemmija qorti tindika li l-leġiżlazzjoni Bulgara, u b’mod iktar preċiż l-Artikolu 293 tan-NPK, tippermetti tali kundanna, anki kontra l-opinjoni tal-prosekutur espressa waqt is-seduta. Fil-fatt, il-prosekutur jesponi, fl-att ta’ akkuża li jadixxi lill-qorti kriminali u li ma jkunx għadu jista’ jirtira, il-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ din l-akkuża li abbażi tiegħu din il-qorti għandha tiddeċiedi, mingħajr ma tkun tista’ titbiegħed minnu billi tiddeċiedi, b’mod partikolari, dwar fatti li ma jkunux indikati fih. Il-qorti kriminali għandha għalhekk tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-att ta’ akkuża skont il-konvinzjoni tagħha stess, mingħajr ma tkun marbuta mill-argumenti tal-partijiet, jekk ikun il-każ billi tadotta ex officio l-miżuri kollha neċessarji sabiex tistabbilixxi l-fatti invokati f’dan l-att. |
|
18 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2016/343, li tipprovdi li “l-oneru tal-prova għad-determinazzjoni tal-ħtija tal-persuni suspettati jew akkużati jaqa’ fuq il-prosekuzzjoni”, tobbligax lill-prosekutur mhux biss li jippreżenta l-provi insostenn tal-akkuża, iżda wkoll li jindika quddiem il-qorti li din il-ħtija ġiet ipprovata. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, huwa dubjuż jekk il-prosekutur jistax jissodisfa l-oneru tal-prova impost fuqu meta ma jibqax isostni, waqt is-seduta, li l-persuna akkużata hija ħatja. |
|
19 |
L-imsemmija qorti hija tal-fehma li, f’tali ċirkustanzi, il-prova tal-ħtija ta’ din il-persuna toriġina neċessarjament mill-qorti. Għaldaqstant, hija għandha dubju dwar jekk din tal-aħħar tistax tikkunsidra fuq inizjattiva tagħha stess, fil-kuntest tal-eżami ex officio tal-provi li għalih jirreferu t-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) kif ukoll il-premessi 22 u 23 tad-Direttiva 2016/343, li din il-ħtija ġiet ipprovata. |
|
20 |
Barra minn hekk, l-istess qorti tqis li, minbarra din id-direttiva, id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/757/JAI tal‑25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi (ĠU 2006, L 153M, p. 94) hija applikabbli għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, b’tali mod li din tal-aħħar taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta kif iddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha. |
|
21 |
Għaldaqstant, peress li għandhom jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ “qorti imparzjali”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk tistax titqies li hija imparzjali qorti li, filwaqt li titbiegħed mill-pożizzjoni komuni tal-prosekutur u tad-difiża, tipprova waħedha l-ħtija tal-persuna akkużata, u b’hekk tieħu post il-prosekutur f’dak li jirrigwarda ċerti elementi tal-akkuża. |
|
22 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti minn dik analizzata fis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, BK (Klassifikazzjoni mill-ġdid tar-reat) (C‑175/22, EU:C:2023:844, punti 55 sa 57), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien hemm qorti imparzjali. Hija tfakkar li, fil-kawża prinċipali, il-prosekutur indika b’mod ċar li huwa ma kienx ser iżomm ċerti elementi tal-akkuża, inklużi ċerti elementi fattwali, filwaqt li, fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, kienet biss il-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-fatti li kienet inkwistjoni, li fir-rigward tagħha l-prosekutur ma kienx għamel dikjarazzjoni. |
|
23 |
Fl-aħħar nett, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kemm taħt il-“liġi internazzjonali” imsemmija fil-premessa 23 tad-Direttiva 2016/343 kif ukoll taħt l-Artikolu 52(3) tal-Karta. |
|
24 |
Issa, skont il-qorti tar-rinviju, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet, fis-sentenzi tagħha tal‑20 ta’ Settembru 2016, Karelin vs Ir-Russja (CE:ECHR:2016:0920JUD000092608), u tat‑8 ta’ Ottubru 2019, Korneyeva vs Ir-Russja (CE:ECHR:2019:1008JUD007205117), li qorti ma tkunx imparzjali meta l-prosekutur kien assenti waqt id-dibattiti li matulhom ġew eżaminati provi ġodda. F’din l-ewwel sentenza u f’dik tas‑6 ta’ Marzu 2018, Mikhaylova vs L-Ukraina (CE:ECHR:2018:0306JUD001064408), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet ukoll li qorti ma tkunx imparzjali meta tagħti sentenza ta’ kundanna fl-assenza tal-prosekutur u meta b’hekk tassumi l-oneru tal-prova tal-ħtija tal-persuna akkużata. Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, minn dan jirriżulta li, a fortiori, qorti tassumi l-funzjoni ta’ sostenn tal-akkuża meta tikkundanna lil din il-persuna f’sitwazzjoni fejn il-prosekutur, preżenti fis-seduta, ikun irrinunzja għal ċerti elementi tal-akkuża. |
|
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-dikjarazzjoni mill-prosekutur li ma jkunx ser ikompli bil-prosekuzzjoni ma teżentax lill-qorti mill-obbligu tagħha li tagħti deċiżjoni fuq il-mertu, li jimplika kundanna fir-rigward ta’ parti mill-akkuża li ma tkunx ġiet ipprovata [inżammet mill-prosekutur], hija konformi mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [2016/343], ikkunsidrat flimkien mal-premessi 22 u 23 tagħha kif ukoll flimkien mal-Artikolu 47(2) tal-[Karta]?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
26 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2016/343 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li qorti kriminali hija obbligata tagħti deċiżjoni dwar l-att ta’ akkuża skont il-konvinzjoni tagħha stess, f’sitwazzjoni fejn il-prosekutur, wara li jkun ipproduċa waqt is-seduta l-provi li jippermettu, skont din l-aħħar qorti, li l-persuna akkużata tiġi kkundannata għar-reati msemmija f’dan l-att, jitlob, fir-rigward ta’ wħud mill-fatti msemmija fl-imsemmi att, il-ħelsien ta’ din il-persuna jew il-kundanna tagħha għal reat inqas gravi. |
|
27 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2016/343 għandha bħala l-uniku għan li tistabbilixxi regoli minimi komuni u għalhekk ma twettaqx armonizzazzjoni eżawrjenti tal-proċedura kriminali (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, VB (Informazzjoni lill-persuna kkundannata in absentia), C‑430/22 u C‑468/22, EU:C:2023:458, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fid-dawl tal-portata limitata tal-armonizzazzjoni mwettqa minn din id-direttiva, il-kwistjonijiet li ma humiex irregolati minnha jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2024, FP et (Proċess permezz ta’ vidjokonferenza), C‑760/22, EU:C:2024:574, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
L-għan tal-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva huwa li jirregola t-tqassim tal-oneru tal-prova fl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji dwar il-ħtija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2019, Spetsializirana prokuratura, C‑653/19 PU, EU:C:2019:1024, punt 33). |
|
29 |
Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2016/343, l-oneru tal-prova sabiex tiġi stabbilita l-ħtija tal-persuni ssuspettati jew tal-persuni akkużati jaqa’ fuq il-prosekuzzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprekludi, kif jirriżulta mill-premessa 22 tal-imsemmija direttiva, li l-oneru ta’ din il-prova jiġi ttrasferit minn fuq il-prosekuzzjoni għal fuq id-difiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, HYA et (Impossibbiltà li jiġu eżaminati x-xhieda tal-prosekuzzjoni), C‑348/21, EU:C:2022:965, punt 32). |
|
30 |
Minn dan isegwi li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2016/343, il-prosekuzzjoni għandha tiġbor provi insostenn tal-akkuża u għandha tippreżentahom lill-qorti kompetenti. |
|
31 |
Kif jirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2016/343, l-obbligu li jirriżulta mill-ewwel sentenza ta’ dan l-Artikolu 6(1) huwa bla ħsara għal kull obbligu impost fuq l-imħallef jew il-qorti kompetenti li jfittxu provi kemm inkriminanti kif ukoll li jiskaġunaw. |
|
32 |
Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 22 tad-Direttiva 2016/343, il-konstatazzjoni li l-preżunzjoni ta’ innoċenza tinkiser jekk l-oneru tal-prova jiġi ttrasferit minn fuq il-prosekuzzjoni għal fuq id-difiża hija bla ħsara għal eventwali setgħat ex officio tal-qorti fil-qasam tal-konstatazzjoni tal-fatti, jew għall-indipendenza tal-ġudikatura fl-evalwazzjoni tal-ħtija tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata, jew għall-użu ta’ preżunzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi fir-rigward tar-responsabbiltà kriminali tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata. |
|
33 |
Minn dan isegwi li l-obbligu li jaqa’ fuq il-prosekuzzjoni, konformement mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2016/343, li tipproduċi l-prova tal-ħtija tal-persuna akkużata, ma huwiex ta’ natura li jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tista’ tipprevedi li għandhom ikunu l-imħallef jew il-qorti kompetenti li jevalwaw b’mod indipendenti l-ħtija tal-persuna akkużata wara li, jekk ikun il-każ, ikunu fittxew huma stess provi kemm inkriminanti kif ukoll li jiskaġunaw. |
|
34 |
Dan japplika iktar u iktar meta, bħal f’dan il-każ, l-imħallef jew il-qorti kompetenti jevalwaw il-ħtija tal-persuna akkużata, indipendentement mill-evalwazzjoni magħmula f’dan ir-rigward mill-prosekutur, abbażi biss tal-provi prodotti minn dan tal-aħħar u mid-difiża. |
|
35 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2016/343 ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk il-prosekutur, wara li jkun ipproduċa tali provi waqt is-seduta, jitlob, fir-rigward ta’ wħud mill-fatti msemmija fl-att ta’ akkuża, il-ħelsien tal-persuna akkużata jew il-kundanna ta’ din il-persuna għal reat inqas gravi. |
|
36 |
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 51(1) tal-Karta, meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-drittijiet iggarantiti minnha. |
|
37 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-preżunzjoni ta’ innoċenza, li għaliha jirreferu l-premessa 22 u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343, tippreżupponi li l-imħallef ikun ħieles minn kull parzjalità u minn kull preġudizzju meta jeżamina r-responsabbiltà kriminali tal-akkużat. L-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin huma għalhekk kundizzjonijiet essenzjali sabiex tiġi ggarantita l-preżunzjoni ta’ innoċenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 88). |
|
38 |
Id-dritt, għal kull persuna, li l-kawża tagħha tinstema’ minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, jinsab fost ir-rekwiżiti inerenti għad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, iggarantit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Breian, C‑318/24 PPU, EU:C:2024:658, punt 80). |
|
39 |
Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil qorti kriminali, fi tmiem il-proċess kriminali, tikkundanna persuna akkużata għal reat imsemmi fl-att ta’ akkuża, anki jekk il-prosekutur, wara li jkun ipproduċa l-provi miġbura, jitlob il-ħelsien ta’ din il-persuna jew il-kundanna tagħha għal reat inqas gravi. |
|
40 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza fih żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeżiġi li l-istanza kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal xi rabta ġerarkika jew għal subordinazzjoni fir-rigward ta’ xi ħadd u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors, sabiex b’hekk tkun protetta kontra l-interventi jew il-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-ġudizzju tal-membri tagħha u li jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Vivacom Bulgaria, C‑369/23, EU:C:2024:1043, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
It-tieni aspett, ta’ natura interna, huwa marbut mal-kunċett ta’ “imparzjalità” u jikkonċerna d-distanza ugwali mill-partijiet fit-tilwima u mill-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima. Dan l-aspett jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima lil hinn mill-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Vivacom Bulgaria, C‑369/23, EU:C:2024:1043, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
Għalhekk, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni jeżiġu l-eżistenza ta’ regoli li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, b’mod partikolari fir-rigward tan-newtralità tal-istanza inkwistjoni fir-rigward tal-interessi inkwistjoni (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Vivacom Bulgaria, C‑369/23, EU:C:2024:1043, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Issa, ma jistax jitqies li leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lil qorti kriminali tagħti deċiżjoni dwar l-att ta’ akkuża skont il-konvinzjoni tagħha stess, mingħajr ma tkun marbuta mill-evalwazzjonijiet dwar il-ħtija tal-persuna akkużata magħmula mill-prosekutur waqt is-seduta, tmur kontra dawn ir-rekwiżiti. Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni, li hija intiża li tiżgura li l-liġi kriminali tiġi applikata b’mod sħiħ u li l-awturi tar-reati jiġu puniti, ma hijiex ta’ natura li tqiegħed inkwistjoni d-distanza ugwali ta’ din il-qorti fir-rigward tal-partijiet fil-proċedura u tal-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett ta’ din il-proċedura jew li toħloq dubju leġittimu f’moħħ il-partijiet fil-kawża f’dan ir-rigward. |
|
44 |
Għandu jiġi rrilevat li, sa fejn il-Karta tistabbilixxi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-KEDB, l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet li jinsabu fiha u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, mingħajr ma dan jippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni. Skont l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti f’din il-kawża tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Vivacom Bulgaria, C‑369/23, EU:C:2024:1043, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li tipprovdi li r-rekwiżit ta’ imparzjalità li jirriżulta mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB jipprekludi li qorti kriminali ġġorr l-oneru li ssostni l-akkuża billi tagħti, jekk ikun il-każ wara li tkun ġabret provi ġodda fuq inizjattiva tagħha stess, sentenza ta’ kundanna meta l-prosekutur kien assenti waqt is-seduti (Qorti EDB, 20 ta’ Settembru 2016, Karelin vs Ir-Russja, CE:ECHR:2016:0920JUD000092608, punti 73 u 76, kif ukoll Qorti EDB, 6 ta’ Marzu 2018, Mikhaylova vs L-Ukraina, CE:ECHR:2018:0306JUD001064408, punt 64). |
|
46 |
Madankollu, din il-ġurisprudenza ma hijiex rilevanti f’din il-kawża. Fil-fatt, id-domanda preliminari ma tirrigwardax il-ġbir, waqt is-seduta, ta’ provi ġodda fuq l-inizjattiva tal-qorti li tagħti s-sentenza fl-assenza tal-prosekutur jew iż-żamma ta’ seduta anki fl-assenza ta’ dan tal-aħħar, ċirkustanzi li huma s-suġġett tal-imsemmija ġurisprudenza, iżda tirrigwarda l-obbligu ta’ din il-qorti li tagħti deċiżjoni dwar l-att ta’ akkuża skont il-konvinzjoni tagħha stess f’sitwazzjoni fejn il-prosekutur ipparteċipa fis-seduta, sitwazzjoni li l-unika karatteristika partikolari tagħha hija marbuta mal-fatt li, filwaqt li l-provi kollha nġabru, il-prosekutur talab, fir-rigward ta’ wħud mill-fatti msemmija f’dan l-att ta’ akkuża, il-ħelsien tal-persuna akkużata jew il-kundanna ta’ din il-persuna għal reat inqas gravi. |
|
47 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2016/343 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li qorti kriminali hija obbligata tagħti deċiżjoni dwar l-att ta’ akkuża skont il-konvinzjoni tagħha stess, f’sitwazzjoni fejn il-prosekutur, wara li jkun ippreżenta waqt is-seduta l-provi li jippermettu, skont din il-qorti, li l-persuna akkużata tiġi kkundannata għar-reati msemmija f’dan l-att, jitlob, fir-rigward ta’ wħud mill-fatti msemmija fl-imsemmi att, il-ħelsien ta’ din il-persuna jew il-kundanna tagħha għal reat inqas gravi. |
Fuq l-ispejjeż
|
48 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea |
|
għandhom jiġu interpretat fis-sens li: |
|
ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li qorti kriminali hija obbligata tagħti deċiżjoni dwar l-att ta’ akkuża skont il-konvinzjoni tagħha stess, f’sitwazzjoni fejn il-prosekutur, wara li jkun ipproduċa waqt is-seduta l-provi li jippermettu, skont din il-qorti, li l-persuna akkużata tiġi kkundannata għar-reati msemmija f’dan l-att, jitlob, fir-rigward ta’ wħud mill-fatti msemmija fl-imsemmi att, il-ħelsien ta’ din il-persuna jew il-kundanna tagħha għal reat inqas gravi. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.